LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 1/15 pp. 8-13
  • “Ngħixu bil-Fidi u Mhux bil-Viżjoni”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Ngħixu bil-Fidi u Mhux bil-Viżjoni”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Noè Aġixxa b’Fidi Msejsa Tajjeb
  • Il-​Fidi t’Abraham
  • Il-​Fidi li Qanqlet lil Mosè
  • “Qawwu Qalbkom”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Ġeħova sejjaħlu “l-ħabib tiegħi”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Uri fidi fil-​wegħdi taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Alla Jgħaddi l-Fidi t’Abraham Minn Prova
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 1/15 pp. 8-13

“Ngħixu bil-​Fidi u Mhux bil-​Viżjoni”

“Aħna ngħixu bil-​fidi u mhux bil-​viżjoni.”—2 KORINTIN 5:7.

1. X’ifisser li “ngħixu bil-​fidi”?

KULMETA nitolbu fi qbil mad-​direzzjonijiet imniżżlin fil-​Kelma t’Alla, aħna nindikaw li għandna għall-​inqas xi ftit tal-​fidi. Meta nibdew nagħtu xiehda lil oħrajn dwar is-​Saltna t’Alla, dan ukoll juri fidi. U meta niddedikaw ħajjitna lil Jehovah, inkunu qed nagħtu evidenza li hija x-​xewqa tagħna li “ngħixu bil-​fidi,” jiġifieri, li nsegwu korsa taʼ ħajja li tkun immexxija mill-​fidi. (Korsiv tagħna.)—2 Korintin 5:7; Kolossin 1:9, 10.

2. Il-​parteċipazzjoni f’attivitajiet tal-​kongregazzjoni għala m’hijiex neċessarjament prova li wieħed għandu l-​fidi?

2 Jekk verament se ngħixu b’dan il-​mod, neħtieġu fidi li hija msejsa tajjeb. (Lhud 11:1, 6) Ħafna nies jinġibdu lejn ix-​Xhieda taʼ Jehovah minħabba l-​livelli morali għoljin u l-​imħabba li jaraw fost ix-​Xhieda. Dan hu bidu tajjeb, imma ma jfissirx li dawn in-​nies għandhom il-​fidi. Oħrajn forsi għandhom ir-​raġel jew il-​mara tagħhom jew xi ġenitur li hu sod fil-​fidi, u għandhom mnejn jieħdu sehem f’xi attivitajiet li jieħu sehem fihom hu. Li jkollok influwenza bħal din fid-​dar hija verament barka, imma dan ukoll ma jistax jissostitwixxi l-​imħabba persunali lejn Alla u l-​fidi persunali.—Luqa 10:27, 28.

3. (a) Biex ikollna fidi msejsa tajjeb, liema konvinzjoni rridu personalment ikollna rigward il-​Bibbja? (b) Xi nies għala jsiru konvinti li l-​Bibbja hija ispirata iżjed malajr minn oħrajn?

3 Dawk li verament jimxu bil-​fidi huma konvinti bis-​sħiħ li l-​Bibbja hija l-​Kelma t’Alla. Hemm evidenza abbundanti li l-​Iskrittura Mqaddsa hi, tassew, “[i]mnebbħa minn Alla.”a (2 Timotju 3:16) Wieħed kemm irid jeżamina minn din l-​evidenza qabel ikun konvint? Dak jistaʼ jiddependi minn liema ambjent ikun ġej. Dak li jikkonvinċi għalkollox lil wieħed għandu mnejn ma jipperswadix lil xi ħaddieħor. F’xi każi, avolja bniedem tingħatalu abbundanza t’evidenza li ma jistax jiċħadha, għandu mnejn li xorta waħda jirreżisti l-​konklużjoni loġika. Għala? Minħabba xi xewqat midfunin fil-​fond taʼ qalbu. (Ġeremija 17:9) B’hekk, għalkemm wieħed jistaʼ jgħid li għandu interess fl-​iskop t’Alla, qalbu għandha mnejn li tixxennaq biex ikollha l-​approvazzjoni tad-​dinja. Forsi ma jkunx irid jabbanduna xi stil taʼ ħajja li jmur kontra l-​livelli tal-​Bibbja. Madankollu, jekk xi ħadd ikun verament bil-​ġuħ għall-​verità, jekk ikun onest miegħu nnifsu, u jekk ikun umli, maż-​żmien se jirrealizza li l-​Bibbja hija l-​Kelma t’Alla.

4.X’inhu meħtieġX min-​naħa taʼ individwu sabiex jikseb il-​fidi?

4 Taʼ spiss, wara biss ftit xhur, nies li jkunu qed jiġu megħjunin jistudjaw il-​Bibbja japprezzaw li jkunu diġà raw prova abbundanti li din hija l-​Kelma t’Alla. Jekk dan iqanqalhom biex jiftħu qalbhom ħalli jiġu istruwiti minn Jehovah, allura l-​ħsibijiet intimi tagħhom, ix-​xewqat tagħhom, u l-​motivazzjonijiet tagħhom bil-​mod il-​mod jiġu msawrin minn dak li jitgħallmu. (Salm 143:10) Rumani 10:10 jgħid li huwa “f’qalbu” li wieħed jeżerċita fidi. Fidi bħal din tesprimi kif individwu verament iħossu, u tkun tidher fil-​korsa taʼ ħajtu.

Noè Aġixxa b’Fidi Msejsa Tajjeb

5, 6. Fuqiex kienet ibbażata l-​fidi taʼ Noè?

5 Noè kien bniedem b’fidi msejsa tajjeb. (Lhud 11:7) X’bażi kellha l-​fidi tiegħu? Noè kellu l-​kelma t’Alla, mhux bil-​miktub, imma billi ġiet mitkellma lilu. Ġenesi 6:13 jgħid: “[I]l-Mulej qal lil Noè: ‘Għalija tmiem il-​ħajjin kollha wasal, għax imtliet bil-​vjolenza l-​art kollha minħabba fihom.’” (Korsiv tagħna.) Jehovah istruwixxa lil Noè biex jagħmel arka u pprovdielu dettalji għall-​bini tagħha. Imbagħad Alla żied: “Għax, arani, jiena se nibgħat dilluvju ilma fuq l-​art biex neqred kull ħliqa li fiha nifs il-​ħajja taħt is-​smewwiet u kull ma jinsab fl-​art jinqered.”—Ġenesi 6:14-17.

6 Kienet għamlet xita qabel dan iż-​żmien? Il-​Bibbja ma tgħidx. Ġenesi 2:5 jgħid: “Il-​Mulej Alla kien għadu ma bagħatx xita fuq l-​art.” Imma, dan hu kif Mosè, li għex sekli wara, esprima dak li ġara meta ddiskuta mhux żmien Noè imma żmien twil qabel. Kif juri Ġenesi 7:​4, Jehovah rrefera għax-​xita meta kellem lil Noè, u milli jidher Noè fehem x’ried ifisser. Madankollu, il-​fidi taʼ Noè ma kinitx f’dak li setaʼ jara. L-​appostlu Pawlu kiteb li Noè kien “mgħarraf minn Alla dwar ħwejjeġ li kienu għadhom ma jidhrux.” Alla qal lil Noè li Hu kien se jġib fuq l-​art “dilluvju ilma,” jew “l-​oċean tas-​sema,” bħalma tesprimiha nota taʼ taħt fin-​New World Translation f’Ġenesi 6:17. Sa dak iż-​żmien, ħaġa bħal din qatt ma kienet seħħet. Imma għal Noè l-​ħolqien viżibbli kollu kien bħala turija evidenti li Alla setaʼ verament iġib għarqa distruttiva bħal din. Imqanqal mill-​fidi, Noè bena l-​arka.

7. (a) Noè x’ma kellux bżonn sabiex jagħmel dak li kkmandah Alla? (b) Kif nibbenefikaw billi nikkunsidraw il-​fidi taʼ Noè, u l-​fidi tagħna kif tistaʼ tkun taʼ barka għal oħrajn?

7 Alla ma kienx tah data lil Noè dwar meta l-​Għarqa kellha tibda. Imma Noè ma wżax dik bħala skuża biex jadotta attitudni taʼ “stenna u mbagħad naraw,” billi poġġa l-​bini taʼ l-​arka u x-​xandir fit-​tieni post f’ħajtu. Fiż-​żmien xieraq, Alla qal lil Noè meta kellu jidħol fl-​arka. Sadattant, “hekk għamel Noè, għamel kull ma ordnalu Alla.” (Ġenesi 6:22) Noè mexa bil-​fidi, mhux b’dak li kien jidher. Kemm aħna grati li għamel hekk! Minħabba l-​fidi tiegħu, aħna ninsabu ħajjin illum. Fil-​każ tagħna wkoll, il-​fidi li nuru jistaʼ jkollha effett profond fuq dak li hemm imħejji fil-​futur mhux għalina biss imma wkoll għal uliedna u għal nies oħrajn madwarna.

Il-​Fidi t’Abraham

8, 9. (a) Abraham fuqiex ibbaża l-​fidi tiegħu? (b) Jehovah b’liema mod “deher” lil Abraham?

8 Ikkunsidra eżempju ieħor​—dak t’Abraham. (Lhud 11:8-10) Abraham fuq liema ħaġa bbaża l-​fidi tiegħu? L-​ambjent li trabba fih ġewwa Ur tal-​Kaldin kien idolatruż u materjalistiku. Imma influwenzi oħrajn sawru l-​ħarsa t’Abraham. Bla dubju hu setaʼ jassoċja maʼ Xem, bin Noè, li għex 150 sena oħra wara li twieled Abraham. Abraham sar konvint li Jehovah hu “l-​Mulej, El-għeljon, li għamel is-​sema u l-​art.”—Ġenesi 14:22.

9 Kien hemm xi ħaġa oħra li kellha influwenza profonda fuq Abraham. Jehovah “deher lil Abraham . . .  meta dan kien fil-​Mesopotamja qabel ma mar joqogħod Ħaran, u qallu, ‘Oħroġ minn artek u minn fost niesek u mur fl-​art li se nurik jien.’” (Atti 7:​2, 3) Jehovah b’liema mod “deher” lil Abraham? Abraham ma rax lil Alla direttament. (Eżodu 33:20) Madankollu, huwa possibbli li Jehovah deher lil Abraham f’ħolma, b’turija soprannaturali taʼ glorja, jew permezz taʼ xi messaġġier, jew rappreżentant, anġeliku. (Qabbel Ġenesi 18:1-3; 28:10-15; Levitiku 9:4, 6, 23, 24.) Kien x’kien il-​mezz li bih Jehovah deher lil Abraham, dak ir-​raġel leali kien fiduċjuż li Alla kien qiegħed ipoġġi privileġġ prezzjuż quddiemu. Abraham aġixxa bil-​fidi.

10. Jehovah kif saħħaħ il-​fidi t’Abraham?

10 Il-​fidi t’Abraham ma kinitx tiddependi fuq li jkollu dettalji dwar il-​pajjiż li Alla kien qiegħed jidderiġih lejh. Ma kinitx tistrieħ fuq li jkun jaf meta dak il-​pajjiż kellu jingħatalu. Kellu l-​fidi għaliex kien jaf lil Jehovah bħala dak Alla li Jistaʼ Kollox. (Eżodu 6:3) Jehovah qal lil Abraham li kellu jkollu nisel, imma xi drabi Abraham tħasseb dwar kif dak setaʼ jseħħ. Kien qiegħed jixjieħ. (Ġenesi 15:3, 4) Jehovah saħħaħ il-​fidi t’Abraham billi qallu biex iħares ’il fuq lejn il-​kwiekeb u jipprova jgħoddhom. “Hekk għad ikun nislek,” qallu Alla. Abraham tqanqal profondament. Kien ovvju li l-​Ħallieq taʼ dawk l-​oġġetti tas-​sema li jispiraw il-​biżaʼ setaʼ jwettaq dak li kien wiegħed. Abraham “emmen fil-​Mulej.” (Ġenesi 15:5, 6) Abraham m’emminx sempliċement għaliex għoġbu dak li kien qiegħed jismaʼ; kellu fidi msejsa tajjeb.

11. (a) Meta qorob il-​100 sena, Abraham kif irreaġixxa għall-​wegħda t’Alla li x-​xwejħa Sara kien se jkollha iben? (b) Abraham b’liema xorta taʼ fidi ffaċċja l-​prova involuta f’li jieħu lil ibnu lejn il-​Muntanja Morija biex joffrih bħala sagrifiċċju?

11 Meta Abraham qorob il-​100 sena u martu, Sara, qorbot id-​90, Jehovah stqarr mill-​ġdid il-​wegħda tiegħu li Abraham kellu jkollu iben u li kellha twelldu Sara. Abraham ħaseb realistikament dwar is-​sitwazzjoni tagħhom. “Quddiem il-​wegħda taʼ Alla ma qagħadx itallaʼ u jniżżel jekk jemminx jew le, imma ssaħħaħ fil-​fidi, filwaqt li gglorifika lil Alla u żamm bis-​sħiħ li min kien għamillu l-​wegħda kien qawwi biżżejjed biex iżomm kelmtu.” (Rumani 4:19-21) Abraham kien jaf li l-​wegħda t’Alla ma setgħetx tfalli. Xi żmien wara, minħabba l-​fidi tiegħu, Abraham obda meta Alla qallu biex jieħu lil ibnu Iżakk lejn il-​pajjiż taʼ Morija u joffrih bħala sagrifiċċju. (Ġenesi 22:1-12) Abraham kellu fiduċja sħiħa li dak Alla li kien ġiegħel lil dak l-​iben jitwieled mirakolożament, setaʼ wkoll jerġaʼ jġibu lura għall-​ħajja sabiex iwettaq il-​wegħdi l-​oħrajn li Hu kien għamel f’konnessjoni miegħu.—Lhud 11:17-19.

12. Abraham kemm dam jimxi bil-​fidi, u liema premju jistenna lilu u lill-​membri tal-​familja tiegħu li wrew fidi qawwija?

12 Abraham wera li kien immexxi mill-​fidi mhux sempliċement f’xi ċirkostanzi iżolati imma matul ħajtu kollha. Matul ħajtu Abraham ma rċeviex mingħand Alla xi porzjon mill-​Art Imwiegħda bħala wirt. (Atti 7:5) Madankollu, Abraham m’għejjiex u reġaʼ lura lejn Ur tal-​Kaldin. Għal 100 sena, sa ma miet, hu għex fit-​tined fl-​art li Alla kien idderiġieh lejha. (Ġenesi 25:7) Dwaru u dwar martu Sara, binhom Iżakk, u neputihom Ġakobb, Lhud 11:16 jgħid: “Alla ma jistmellx jissejjaħ Alla tagħhom, għax hu ħejja belt għalihom.” Iva, Jehovah għandu post għalihom fil-​qasam taʼ l-​art tas-​Saltna Messjanika tiegħu.

13. Min huma dawk fost ix-​Xhieda taʼ Jehovah llum li jagħtu evidenza li għandhom fidi bħal dik t’Abraham?

13 Illum hemm dawk fost il-​qaddejja taʼ Jehovah li huma bħal Abraham. Għal ħafna snin imxew bil-​fidi. Bis-​saħħa li jagħti Alla, huma għelbu ostakli kbar daqs muntanji. (Mattew 17:20) M’humiex indeċiżi fil-​fidi minħabba li ma jafux sewwa sew meta Alla se jagħtihom il-​wirt li wegħedhom. Huma jafu li l-​kelma taʼ Jehovah ma tistax tfalli, u jqisuh bħala privileġġ imprezzabbli li jkunu magħdudin fost ix-​Xhieda tiegħu. Hekk tħossok int?

Il-​Fidi li Qanqlet lil Mosè

14. Kif ġie mqiegħed il-​pedament għall-​fidi taʼ Mosè?

14 Eżempju ieħor taʼ fidi huwa Mosè. (Lhud 11:23-29) X’kien il-​pedament tal-​fidi tiegħu? Dan tqiegħed minn ċkunitu. Għalkemm bint Farawni sabet lil Mosè f’basket tal-​papiru fix-​Xmara Nil u ħaditu bħala binha, Ġokebed, omm Mosè stess li kienet Ebrajka, reddgħet lit-​tifel u ħadet ħsiebu matul is-​snin bikrin tiegħu. Evidentement Ġokebed għallmitu tajjeb, billi naqqxet fih imħabba għal Jehovah u apprezzament għall-​wegħdi Tiegħu lil Abraham. Iktar tard, bħala membru fid-​dar taʼ Farawni, Mosè “trawwem fl-​għerf kollu taʼ l-​Eġizzjani.” (Atti 7:20-22; Eżodu 2:1-10; 6:20; Lhud 11:23) Madankollu, minkejja l-​pożizzjoni ffavorita tiegħu, qalb Mosè kienet mal-​poplu mjassar t’Alla.

15. Li jidentifika lilu nnifsu mal-​poplu taʼ Jehovah x’kien ifisser għal Mosè?

15 Meta kellu 40 sena, Mosè qatel Eġizzjan biex jeħles lil wieħed Iżraelit li kien qiegħed jiġi ttrattat inġustament. Dan l-​inċident wera kif Mosè kien iqis lill-​poplu t’Alla. Tabilħaqq, “permezz tal-​fidi Mosè, meta kiber, ma riedx jissejjaħ bin it-​tifla tal-​Fargħun.” Minflok ma ggranfa maʼ “l-​hena tad-​dnub, hena li jgħaddi f’qasir żmien,” bħala membru tal-​familja rjali Eġizzjana, hu ġie mqanqal mill-​fidi biex jidentifika lilu nnifsu mal-​poplu mmaltrattat t’Alla.—Lhud 11:24, 25; Atti 7:23-25.

16. (a) Jehovah liema inkarigu tah lil Mosè, u Alla kif għenu? (b) Fit-​twettiq taʼ l-​inkarigu tiegħu, Mosè kif wera fidi?

16 Mosè kien ħerqan li jieħu azzjoni biex iġib serħan lill-​poplu tiegħu, imma ż-​żmien t’Alla għall-​ħelsien tagħhom kien għadu ma wasalx. Mosè kellu jaħrab mill-​Eġittu. Kien biss madwar 40 sena wara li Jehovah, permezz t’anġlu, inkariga lil Mosè biex jirritorna lejn l-​Eġittu ħalli joħroġ lill-​Iżraeliti ’l barra minn dak il-​pajjiż. (Eżodu 3:2-10) Mosè kif irreaġixxa? Ma weriex dubju dwar l-​abbiltà taʼ Jehovah li jeħles lil Iżrael, imma ħassu inadegwat għall-​irwol li Alla kien poġġa quddiemu. B’imħabba, Jehovah pprovda l-​inkuraġġiment li Mosè kellu bżonn. (Eżodu 3:11–4:17) Il-​fidi taʼ Mosè ssaħħet. Irritorna lejn l-​Eġittu u wissa ripetutament lil Farawni wiċċ imb’wiċċ dwar il-​kastigi li kellhom jiġu fuq l-​Eġittu minħabba li ma ħalliex lil Iżrael imur jadura lil Jehovah. Mosè ma kellu l-​ebda poter persunali biex jikkaġuna dawk il-​kastigi. Hu mexa bil-​fidi, mhux b’dak li kien jidher. Il-​fidi tiegħu kienet f’Jehovah u fil-​kelma tiegħu. Farawni hedded lil Mosè. Imma Mosè ppersevera. “Permezz tal-​fidi ħalla l-​Eġittu bla ma bażaʼ mill-​qilla tas-​sultan; żamm iebes, daqs kemm kieku kien qiegħed jara lil Alla li ma jidhirx.” (Lhud 11:27) Mosè ma kienx perfett. Għamel żbalji. (Numri 20:7-12) Imma wara li ġie inkarigat minn Alla, il-​korsa inġenerali taʼ ħajtu kienet immexxija mill-​fidi.

17. Li jimxu bil-​fidi f’liema ħaġa rriżulta għal Noè, Abraham, u Mosè, għalkemm ma laħqux raw id-​dinja ġdida t’Alla?

17 Jalla l-​fidi tiegħek tkun bħal dik taʼ Noè, Abraham, u Mosè. Huwa veru li huma ma rawx id-​dinja ġdida t’Alla fi żmienhom. (Lhud 11:39) Ma kienx għadu wasal iż-​żmien maħtur t’Alla; kien hemm aspetti oħrajn taʼ l-​iskop tiegħu li kien għad baqgħalhom jitwettqu. Madankollu, il-​fidi tagħhom fil-​kelma t’Alla ma tħarrkitx, u isimhom jinsab fil-​ktieb tal-​ħajja li għandu Alla.

18. Għal dawk imsejħin għall-​ħajja fis-​sema, għala kien neċessarju li jimxu bil-​fidi?

18 “Alla rafaʼ xi ħaġa aħjar għalina,” kiteb l-​appostlu Pawlu. Jiġifieri, Alla ra bil-​quddiem xi ħaġa aħjar għal dawk li, bħal Pawlu, ġew imsejħin għall-​ħajja fis-​sema maʼ Kristu. (Lhud 11:40) Pawlu partikolarment kellu lil dawn f’moħħu meta kiteb il-​kliem iddokumentat fit-2 Korintin 5:7: “Aħna ngħixu bil-​fidi u mhux bil-​viżjoni.” Fiż-​żmien meta nkiteb dan, ħadd minnhom ma kien għadu kiseb ir-​rigal tiegħu tas-​sema. Ma setgħux jarawh bil-​għajnejn fiżiċi tagħhom, imma l-​fidi tagħhom fih kienet imsejsa tajjeb. Kristu kien ġie mqajjem mill-​mewt, l-​ewwel frott fost dawk li kellhom jiġu mberkin bil-​ħajja fis-​sema. U iktar minn 500 xhud kienu rawh qabel it-​tlugħ tiegħu lejn is-​sema. (1 Korintin 15:3-8) Kellhom raġuni biżżejjed biex imexxu l-​korsa taʼ ħajjithom kollha kemm hi b’dik il-​fidi. Aħna wkoll għandna raġunijiet sodi biex nimxu bil-​fidi.

19. Bħalma huwa muri f’Lhud 1:1, 2, Alla permezz taʼ min kellimna?

19 Illum, Jehovah m’huwiex qiegħed ikellem lill-​poplu tiegħu permezz taʼ xi anġlu, bħalma għamel lil Mosè ħdejn is-​siġra taqbad. Alla tkellem permezz taʼ Ibnu. (Lhud 1:1, 2) Dak li qal permezz tiegħu, Alla ġiegħel li jiġi ddokumentat fil-​Bibbja, li ġiet tradotta fil-​lingwi tal-​popli taʼ madwar id-​dinja.

20. Is-​sitwazzjoni tagħna kif inhi iżjed favorevoli minn dik taʼ Noè, Abraham, u Mosè?

20 Aħna għandna ħafna iżjed milli kellhom Noè, Abraham, u Mosè. Għandna l-​kelma t’Alla kompleta​—u ħafna minnha diġà seħħ. Meta tqis dak kollu li l-​Bibbja tgħid dwar irġiel u nisa li taw prova tagħhom infushom li kienu xhieda leali taʼ Jehovah meta ġew iffaċċjati minn provi taʼ kull xorta, Lhud 12:1 iħeġġeġ: “Ejjew inwarrbu minna kull xkiel u kull dnub li malajr ifixkilna, u b’qalbna qawwija nibqgħu niġru t-​triq tal-​prova li għandna quddiemna.” Il-​fidi tagħna m’hijiex xi ħaġa li għandna nagħmluha fatta. Id-​“dnub li malajr ifixkilna” huwa n-​nuqqas taʼ fidi. Hemm bżonn taʼ ġlieda ħarxa jekk irridu nibqgħu “ngħixu bil-​fidi.”

[Nota taʼ taħt]

a Ara The Bible​—God’s Word or Man’s?, ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

X’Inhu l-​Kumment Tiegħek?

◻ X’inhu involut f’li “ngħixu bil-​fidi”?

◻ Kif nistgħu nibbenefikaw mill-​mod kif Noè wera fidi?

◻ Kif jgħinna l-​mod kif Abraham eżerċita fidi?

◻ Il-​Bibbja għala tipponta lejn Mosè bħala eżempju taʼ fidi?

[Stampa f’paġna 10]

Abraham mexa bil-​fidi

[Stampa f’paġna 10]

Mosè u Aron urew fidi meta dehru quddiem Farawni

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja