Insaħħu l-Fiduċja Tagħna fit-Tjieba t’Alla
“Ħa ngħallmek illum triqat il-Mulej, biex fih tkun it-tama [“fiduċja,” “NW”] tiegħek.”—PROVERBJI 22:19.
1, 2. (a) Ix-Xhieda taʼ Jehovah għala juru fiduċja f’Jehovah? (Proverbji 22:19) (b) X’jindika li xi individwi għandhom bżonn isaħħu l-fiduċja tagħhom f’Jehovah?
IL-KRISTJANI veri huma mberkin b’għarfien eżatt dwar Jehovah u dwar l-iskopijiet tiegħu. “Irsir leali u diskret” b’imħabba jipprovdilhom “l-ikel [spiritwali] tagħhom fiż-żmien xieraq.” (Mattew 24:45, NW) L-għarfien li jiksbu jipprovdilhom pedament sod fuqiex jibbażaw il-fiduċja f’Alla. B’hekk, bħala grupp, ix-Xhieda taʼ Jehovah juru fiduċja taʼ l-għaġeb f’Jehovah u fit-tjieba tiegħu.
2 Madankollu, donnu li bħala individwi xi Xhieda forsi għandhom bżonn isaħħu din il-fiduċja. Is-Soċjetà kultant tirċievi ittri li jesprimu inċertezza dwar spjegazzjonijiet li jkunu ngħataw fil-pubblikazzjonijiet tagħha. Dawn id-dubji għandhom mnejn ikunu reazzjoni għal xi aġġustamenti fil-fehma, jew forsi jittrattaw dwar kwistjonijiet li jeffettwaw lil dak li jkun qed jistaqsi, speċjalment b’mod emozzjonali.—Qabbel Ġwann 6:60, 61.
3. X’jistaʼ jiġri saħansitra lil qaddejja leali taʼ Jehovah, u għala?
3 Anki qaddejja veri taʼ Jehovah jesperjenzaw il-verità taʼ Koħèlet 9:11: “Rajt ukoll taħt ix-xemx li ma tintrebaħx mill-ħfief it-tiġrija, lanqas mill-felħana t-taqbida. M’huwiex taʼ l-għorrief il-ħobż jew taʼ min jifhem il-ġid; lanqas taʼ min jinqalaʼ s-suċċess, iżda f’kollox jidħol iż-żmien u ċ-ċirkustanzi.” Dan kif jistaʼ juri li hu veru f’sens estiż, jew spiritwali? Għandna mnejn konna nafu lil xi Kristjani li kienu ħfief biex japplikaw il-pariri tal-Bibbja, setgħanin f’li jiddefendu l-verità, għorrief f’li japplikaw prinċipji tal-Bibbja, u żelużi biex jiksbu għarfien eżatt. Madankollu, minħabba ż-“żmien u ċ-ċirkustanzi,” xi wħud għandhom mnejn li issa jaraw lilhom infushom limitati bħala riżultat taʼ xi aċċident jew età avanzata. Forsi jiddubitaw jekk humiex se jidħlu fid-dinja l-ġdida t’Alla mingħajr ma jkollhom imutu.
4, 5. Il-Kristjani għala m’għandhom ebda raġuni li jitilfu l-fiduċja tagħhom fit-tjieba taʼ Jehovah?
4 Meta Kristjan jitlef lis-sieħba tiegħu, l-uġigħ u s-sens taʼ telfa huma kbar. Flimkien bħala koppja, huma għandhom mnejn qdew lil Jehovah għal snin jew saħansitra għaxriet taʼ snin. Dak li jibqaʼ ħaj minnhom jaf li l-mewt tħoll ir-rabta taż-żwieġ.a (1 Korintin 7:39) Issa, jekk ma jridx li l-fiduċja tiegħu titherra, irid jikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħu.—Qabbel Mark 16:8.
5 Kemm ikun għaqli li tħares lejn il-mewt tas-sieħeb jew tas-sieħba, ġenitur, ibnek jew bintek, jew ħbieb Kristjani tal-qalb, bħala opportunità biex turi fiduċja fit-tjieba taʼ Jehovah! Saħansitra meta niġu ffaċċjati minn xi telfa persunali, nistgħu nkunu fiduċjużi li Jehovah mhux bla tjieba. Nistgħu nkunu fiduċjużi li kulmin jikseb il-ħajja taʼ dejjem—kemm billi jibqaʼ ħaj u kemm permezz taʼ l-irxoxt—se jkun hieni. Dwar Alla, is-salmista jgħid: “Int tiftaħ idek, u xxabbaʼ ’l kulħadd bil-ġid. Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha, twajjeb f’dak kollu li għamel. Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu, lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa. Jaqtgħalhom xewqthom ’il dawk li jibżgħu minnu, jismaʼ l-għajta tagħhom, u jsalvahom.”—Salm 145:16-19.
Jekk Inħossuna li Nkunu Batejna Għalxejn
6, 7. (a) Xi Xhieda li sofrew fil-passat għala jistaʼ jkun li għandhom fehma differenti issa? (b) Għala m’għandniex inqisu lil Jehovah bħala bla tjieba talli ppermetta sofferenza bħal din fil-passat?
6 Fil-passat, xi Xhieda batew għax irrifjutaw li jieħdu sehem f’xi attività li issa l-kuxjenza tagħhom għandha mnejn tippermetti. Per eżempju, din forsi kienet l-għażla tagħhom snin ilu rigward ċerti tipi taʼ servizz ċivili. Xi ħadd mill-aħwa issa forsi jħoss li dan jistaʼ kuxjenzjożament iwettqu mingħajr ma jikkomprometti n-newtralità Kristjana fejn għandu x’jaqsam mas-sistema preżenti t’affarijiet.
7 Kien Jehovah bla tjieba li ħallih ibati talli rrifjuta dak li issa jistaʼ jagħmlu mingħajr konsegwenzi? Il-biċċa l-kbira minn dawk li kellhom din l-esperjenza ma jaħsbuhiex hekk. Minflok, huma jithennew li kellhom l-opportunità juru pubblikament u b’mod ċar li kienu ddeterminati li jżommu sod rigward il-kwistjoni tas-sovranità universali. (Qabbel Ġob 27:5.) Liema raġuni jistaʼ xi ħadd ikollu biex jiddispjaċih li jkun segwa l-kuxjenza tiegħu f’li jieħu waqfa soda għal Jehovah? Billi appoġġaw lealment il-prinċipji Kristjani skond kif fehmuhom huma jew billi wieġbu għat-tqanqil tal-kuxjenza tagħhom, huma taw prova li kienu denji tal-ħbiberija taʼ Jehovah. Ċertament, huwa għaqli li tevita korsa li tmur kontra l-kuxjenza tiegħek jew li għandha mnejn iġġiegħel lil oħrajn jitfixklu. F’dan ir-rigward nistgħu naħsbu dwar l-eżempju li ħallielna l-appostlu Pawlu.—1 Korintin 8:12, 13; 10:31-33.
8. Kristjani Lhud, li qabel kienu jħarsu l-Liġi, għala ma kellhom ebda raġuni li jiddubitaw it-tjieba taʼ Jehovah?
8 Sabiex jogħġbu lil Jehovah, kien meħtieġ mil-Lhud li jobdu l-Għaxar Kmandamenti kif ukoll varjetà kbira taʼ madwar 600 liġi oħra. Iktar tard, taħt l-arranġament Kristjan, ubbidjenza lejn dawn il-liġijiet bħala talin ma kinitx għadha meħtieġa biex wieħed jaqdi lil Jehovah, lanqas saħansitra għal-Lhud naturali. Il-liġijiet li ma kinux għadhom obbligatorji kienu jinkludu dawk li jittrattaw dwar iċ-ċirkonċiżjoni, iż-żamma tas-Sabat, l-offerti taʼ sagrifiċċji taʼ l-annimali, u l-osservar taʼ ċerti restrizzjonijiet fl-ikel. (1 Korintin 7:19; 10:25; Kolossin 2:16, 17; Lhud 10:1, 11-14) Il-Lhud—inkluż l-appostli—li kienu saru Kristjani nħelsu mill-obbligu li jħarsu l-liġijiet li kienu meħtiġin jobdu meta kienu taħt il-patt tal-Liġi. Ilmentaw huma li l-arranġament t’Alla kien bla tjieba minħabba li qabel kien irrikjeda minnhom affarijiet li ma kinux iżjed neċessarji? Le, huma thennew bil-fehma miżjuda dwar l-iskopijiet taʼ Jehovah.—Atti 16:4, 5.
9. X’jistaʼ jingħad dwar xi Xhieda, imma dawn għala m’għandhomx għalfejn ikunu ddispjaċuti?
9 Fi żmienna, kien hemm xi Xhieda li kienu stretti żżejjed fil-ħarsa tagħhom taʼ x’jagħmlu jew x’ma jagħmlux. Minħabba f’hekk huma batew iżjed minn oħrajn. Iktar tard, għarfien miżjud għenhom jespandu l-ħarsa tagħhom dwar ċerti affarijiet. Imma m’għandhomx għalfejn jiddispjaċihom li qabel kienu aġixxew fi qbil mal-kuxjenza tagħhom, saħansitra meta dan għandu mnejn li ġabilhom iktar tbatija. Tassew li huma taʼ min ifaħħarhom talli wrew li kienu lesti jsofru biex jibqgħu leali lejn Jehovah, u li ‘għamlu dan kollu minħabba l-Evanġelju.’ Jehovah jbierek dik ix-xorta taʼ devozzjoni lejh. (1 Korintin 9:23; Lhud 6:10) L-appostlu Pietru kiteb b’dehen: “Jekk tagħmlu t-tajjeb u ssofru t-tbatija bis-sabar, din tkun grazzja quddiem Alla.”—1 Pietru 2:20.
Nitgħallmu minn Ġona
10, 11. Ġona kif wera nuqqas taʼ fiduċja f’Jehovah (a) meta ngħata l-inkarigu biex imur Ninwè? (b) meta Alla ma qeridx lin-nies taʼ Ninwè?
10 Meta ntalab imur Ninwè, Ġona wera nuqqas taʼ apprezzament għall-fiduċja li Jehovah kien qed ipoġġi fih. Wara esperjenza tal-biżaʼ li ġabha fuqu hu stess minħabba li ma kienx lest li jobdi, Ġona ġie f’sensih, irrealizza l-iżball tiegħu, aċċetta l-inkarigu tiegħu f’art barranija, u wissa lin-nies taʼ Ninwè dwar il-qerda li kellhom imdendla fuq rashom. Imbagħad ġara dak li ma kienx mistenni: Minħabba l-attitudni niedma tan-nies taʼ Ninwè, Jehovah ddeċieda li ma jeqridhomx.—Ġona 1:1–3:10.
11 Ir-reazzjoni taʼ Ġona? Iffastidjat, hu lmenta m’Alla fit-talb. Is-sugu taʼ l-ilment tiegħu kien: ‘Ħsibtu jien li hekk se jispiċċaw l-affarijiet. Kien għalhekk li mill-ewwel ma ridtx niġi Ninwè. Issa, wara dak kollu li għaddejt minnu, inkluż it-twerwir u l-umiljazzjoni li ġarrabt meta belgħatni ħuta kbira, u wara dak ix-xogħol kollu li ħadt biex inwissi lin-nies taʼ Ninwè dwar qerda imminenti, dan! Ix-xogħol u t-tbatija tiegħi kienu kollha għalxejn! Aħjar li mitt!’—Ġona 4:1-3.
12. X’nistgħu nitgħallmu mill-esperjenza taʼ Ġona?
12 Kellu Ġona raġuni valida biex jilmenta? Kien Jehovah bla tjieba f’li jestendi ħniena lil min nidem mill-ħażen tiegħu? Fil-fatt, Ġona kien imissu feraħ; għaxriet taʼ eluf taʼ nies kienu se jinħelsu mill-esekuzzjoni! (Ġona 4:11) Imma l-attitudni tiegħu, bla rispett u kollha lmenti, uriet li ma kienx qed jesprimi fiduċja profonda fit-tjieba taʼ Jehovah. Kien qed jaħseb wisq dwaru nnifsu u ftit ferm f’oħrajn. Ejjew nitgħallmu minn Ġona billi nżommu lilna nfusna u s-sentimenti persunali tagħna fit-tieni post. Ejjew inkunu konvinti li l-ħaġa xierqa li għandna nagħmlu hija li nobdu lil Jehovah, billi nsegwu d-direzzjoni li tingħata permezz taʼ l-organizzazzjoni tiegħu u naċċettaw id-deċiżjonijiet tiegħu. Aħna konvinti li “jkollhom l-hena dawk li jibżgħu minn Alla talli jgħixu fil-biżaʼ tiegħu.”—Koħèlet 8:13 [Koħèlet 8:12, NW].
Issa Huwa l-Waqt li Nsaħħu l-Fiduċja Tagħna!
13. Kif nistgħu lkoll kemm aħna nsaħħu l-fiduċja tagħna f’Jehovah?
13 Il-korsa għaqlija hija li nsaħħu l-fiduċja tagħna f’Jehovah. (Proverbji 3:5-8) M’għandniex xi ngħidu, irridu nagħmlu iżjed milli sempliċement nitolbu biex Jehovah jgħinna nsiru iżjed fiduċjużi. Il-fiduċja tikber fuq il-bażi taʼ għarfien eżatt. Għalhekk l-istudju persunali tal-Bibbja, li naqraw kemm il-Bibbja u kemm letteratura li tispjega l-Bibbja, irridu nagħmluh parti mir-rutina tagħna taʼ kuljum. Attendenza regulari għal-laqgħat Kristjani hija vitali, bħalma huma wkoll preparazzjoni tajba u parteċipazzjoni sa fejn huwa possibbli. Li nagħmluha drawwa li naqsmu m’oħrajn il-veritajiet tal-Bibbja, waqt li bit-tattika negħlbu l-oġġezzjonijiet, ukoll ikabbar il-fiduċja tagħna f’Jehovah u fil-Kelma tiegħu. B’hekk, ir-relazzjoni tagħna miegħu tikber minn jum għal jum.
14. In-nies t’Alla għala dalwaqt se jintalbu juru l-fiduċja tagħhom f’Jehovah iżjed minn qatt qabel?
14 Fil-futur qarib, l-akbar żmien taʼ tribulazzjoni li qatt se jkun laqat lir-razza umana se jfaqqaʼ f’daqqa waħda. (Mattew 24:21) Meta dan iseħħ, il-qaddejja t’Alla se jkollhom bżonn iżjed minn qatt qabel juru fiduċja fit-tjieba taʼ Jehovah u fid-direzzjoni pprovduta mill-organizzazzjoni tiegħu. B’mod simboliku, huma mbagħad se jobdu b’fiduċja d-direttiva t’Alla: “Mur, poplu tiegħi, idħol fil-kmamar tiegħek, u sakkar il-bibien warajk! Inħeba għal ftit sa ma tgħaddi l-korla.” (Isaija 26:20) Huma diġà daħlu fl-atmosfera protettiva taʼ iktar minn 85,000 kongregazzjoni f’232 pajjiż. Ikun x’ikun dak li tistaʼ tinkludi iżjed id-direttiva “idħol fil-kmamar tiegħek,” nistgħu nkunu fiduċjużi li Jehovah se jgħinna nwettquh.
15. Il-kwistjoni tal-fiduċja kif ġiet enfasizzata matul l-1998, u għala kien dan bix-xieraq?
15 Huwa imperattiv li aħna nsaħħu l-fiduċja tagħna issa. Mingħajr fiduċja f’ħutna Kristjani, fl-organizzazzjoni taʼ Jehovah u, fuq kollox, f’Jehovah nnifsu, ikun impossibbli li nibqgħu ħajjin. Mela kemm huwa xieraq li matul l-1998, ix-Xhieda taʼ Jehovah mad-dinja kollha ġew imfakkrin ripetutament, permezz tal-kliem taʼ l-iskrittura tagħhom tas-sena, li “kulmin isejjaħ isem Jehovah se jkun salvat”! (Rumani 10:13, NW) Irridu nibqgħu nkunu fiduċjużi dwar dan. Jekk nindunaw anki bl-iċken ħjiel taʼ inċertezza f’din il-fiduċja, għandna naħdmu biex nirranġawha issa, iva, illum.
Il-Ġudizzju taʼ Jehovah se Jkun taʼ Tjieba
16. X’jistaʼ jiġrilha l-fiduċja jekk ma tiġix ikkultivata, u kif nistgħu nevitaw li jiġri dan?
16 F’Lhud 3:14, il-Kristjani midlukin huma mwissijin: “Aħna għandna sehem fi Kristu, jekk inżommu sħiħa sa l-aħħar it-tama [“il-fiduċja,” NW] li kellna fil-bidu.” Fil-prinċipju, dan il-kliem japplika wkoll għall-Kristjani li għandhom tama għall-art. Il-fiduċja tal-bidu tistaʼ titherra jekk ma tiġix żviluppata. Kemm huwa vitali li nkomplu nsegwu l-għarfien eżatt, biex b’hekk insaħħu l-pedament li fuqu hija bbażata l-fiduċja tagħna!
17. Għala nistgħu nkunu fiduċjużi li, fejn jirrigwarda min se jibqaʼ ħaj, Ġesù se jiġġudika b’mod korrett?
17 Il-ġnus kollha f’qasir żmien se jiġu eżaminati minn Kristu sabiex hu jkun jistaʼ “jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż.” (Mattew 25:31-33) Aħna nistgħu nkunu fiduċjużi li Kristu se juri tjieba meta jiġġudika min huwa denju li jibqaʼ ħaj. Jehovah tah l-għerf, id-dehen, u kwalitajiet neċessarji oħrajn biex “jagħmel ħaqq ġust mid-dinja.” (Atti 17:30, 31) Ħalli l-konvinzjoni tagħna tkun bħal dik t’Abraham, li qal: “Ma jkun qatt li inti [Jehovah] tagħmel ħaġa bħal din, li toqtol il-bniedem ġust mal-ħażin, u l-ġust u l-ħażin tmisshom l-istess xorti. Ma jkun qatt minnek, l-imħallef taʼ l-art kollha, li ma tagħmilx ġustizzja.”—Ġenesi 18:25.
18. Għala m’għandniex inkunu kkonċernati żżejjed dwar dak li forsi ma nafux fil-preżent?
18 B’fiduċja sħiħa fit-tjieba taʼ Jehovah, m’għandniex għalfejn inħabblu rasna biex insibu tweġibiet għal mistoqsijiet bħal: ‘Kif se jiġu ġġudikati t-trabi u t-tfal żgħar? Jistaʼ jagħti l-każ li għadd kbir taʼ nies ma jkunux għadhom intlaħqu bl-aħbar tajba meta tasal Armageddon? Xi ngħidu għal dawk morda mentalment? Xi ngħidu . . . ?’ Veru, fil-preżent għandna mnejn li ma nafux kif Jehovah se jsolvi dawn il-kwistjonijiet. Madankollu, hu se jagħmel dan b’mod taʼ tjieba u ħniena. Qatt m’għandna niddubitawh dan. Fil-fatt, għandna mnejn nibqgħu skantati u nitgħaxxqu bil-ferħ meta nosservawh isolvihom b’mod li lanqas biss qatt ma konna noħolmu.—Qabbel Ġob 42:3; Salm 78:11-16; 136:4-9; Mattew 15:31; Luqa 2:47.
19, 20. (a) Għala m’huwiex żbaljat li tagħmel mistoqsijiet raġunevoli? (b) Jehovah meta se jipprovdi tweġibiet meħtiġin?
19 L-organizzazzjoni taʼ Jehovah ma tiskuraġġix li jsiru mistoqsijiet sinċieri u f’waqthom, bħalma jsostnu b’mod żbaljat xi opponenti. (1 Pietru 1:10-12) Madankollu, il-Bibbja twissina biex nevitaw mistoqsijiet stupidi u spekulattivi. (Titu 3:9) Li nistaqsu mistoqsijiet raġunevoli u nfittxu fil-Kelma t’Alla u f’pubblikazzjonijiet Kristjani biex insibu tweġibiet Skritturali jistaʼ jżid l-għarfien eżatt tagħna u jistaʼ b’hekk isaħħaħ il-fiduċja tagħna f’Jehovah. L-organizzazzjoni ssegwi l-eżempju taʼ Ġesù. Hu żamm lura milli jwieġeb mistoqsijiet meta l-waqt xieraq biex dawn jitwieġbu kien għadu ma wasalx. Hu spjega: “Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom.” (Ġwann 16:12) Hu ammetta wkoll li kien hemm xi affarijiet li hu nnifsu ma kienx jafhom f’dak il-waqt.—Mattew 24:36.
20 Jehovah għad għandu ħafna x’jirrivela. Kemm huwa għaqli li nistennewh, fiduċjużi li Alla se jirrivela l-iskopijiet tiegħu meta jasal il-waqt xieraq tagħhom. Aħna nistgħu nkunu fiduċjużi li meta jkun wasal il-waqt xieraq taʼ Jehovah, se jkollna l-ferħ li niksbu iżjed dehen dwar triqatu. Iva, se niġu ppremjati, dment li neżerċitaw fiduċja assoluta f’Jehovah u fl-organizzazzjoni li qed juża. Proverbji 14:26 jiżgurana: “Tama [“fiduċja,” NW] qawwija jkollu min għandu l-biżaʼ tal-Mulej, u wliedu wkoll isibu l-kenn.”
[Nota taʼ taħt]
a Ara The Watchtower, tal-15 t’Ottubru, 1967, paġna 638; u taʼ l-1 taʼ Ġunju, 1987, paġna 30.
Int x’Taħseb?
◻ Għala m’huwiex għaqli li nħallu l-emozzjonijiet jherru l-fiduċja tagħna f’Jehovah?
◻ X’nistgħu nitgħallmu mill-esperjenza taʼ Ġona?
◻ L-istudju tal-Bibbja u l-attendenza għal-laqgħat għala huma daqstant importanti?
[Stampa f’paġna 16]
Anki jekk niffaċċjaw telf persunali, nistgħu nkunu fiduċjużi li Jehovah hu taʼ tjieba
[Stampi f’paġna 18]
Int ċert li l-fiduċja tiegħek hija f’Jehovah?