Kun Af lil Jehovah Permezz tal-Kelma Tiegħu
“Dan ifisser il-ħajja taʼ dejjem, li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku veru Alla, u dwar dak li inti bgħatt, Ġesù Kristu.”—ĠWANN 17:3.
1, 2. (a) X’inhu t-tifsir tal-kelmiet “taf” u “għarfien” kif użati fl-Iskrittura? (b) Liema eżempji jiċċaraw dan it-tifsir?
LI TKUN taf lil xi ħadd mill-wiċċ jew li jkollok għarfien superfiċjali taʼ xi ħaġa ma jaqbilx mat-tifsira tal-kelmiet “taf” u “għarfien” kif użati fl-Iskrittura. Fil-Bibbja dan jinvolvi “l-att li taf mill-esperjenza,” għarfien li jesprimi “relazzjoni taʼ fiduċja bejn persuni.” (The New International Dictionary of New Testament Theology) Dak jinkludi li tkun taf lil Jehovah billi tikkunsidra xi atti speċifiċi tiegħu, bħal dawk il-ħafna każi fil-ktieb taʼ Eżekjel fejn Alla esegwixxa ġudizzju kontra nies li jagħmlu l-ħażen, billi pproklama: ‘Se jkollkom tkunu tafu li jiena Jehovah.’—Eżekjel 38:23.
2 Id-diversi modi li bihom jistgħu jintużaw il-kelmiet “taf” u “għarfien” jistgħu jiġu ċċarati bi ftit eżempji. Lil ħafna li stqarrew li aġixxew f’ismu, Ġesù qal: “Jien qatt ma kont nafkom”; hu ried ifisser li hu qatt ma kellu x’jaqsam magħhom. (Mattew 7:23) It-tieni Korintin 5:21 igħid li Kristu “ma kienx jaf id-dnub.” Dak ma jfissirx li ma kienx konxju tad-dnub imma, minflok, li ma kellu l-ebda involviment persunali fih. B’mod simili, meta Ġesù qal: “Dan ifisser il-ħajja taʼ dejjem, li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku veru Alla, u dwar dak li inti bgħatt, Ġesù Kristu,” iktar kien involut milli sempliċement tkun taf xi ħaġa dwar Alla u Kristu.—Qabbel Mattew 7:21.
3. X’juri li Jehovah għandu l-marka li tidentifika lill-veru Alla?
3 Ħafna mill-attributi taʼ Jehovah jistgħu jsiru magħrufin permezz tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Wieħed minnhom hu l-abbiltà tiegħu li jipprofetizza b’eżattezza. Din hi marka tal-veru Alla: “Ipproduċu u għidulna l-affarijiet li se jiġru. L-ewwel affarijiet—x’kienu—tassew għidu, biex nistgħu napplikaw lil qlubna u nkunu nafu l-futur tagħhom. Jew ġagħluna nisimgħu saħansitra l-affarijiet li ġejjin. Għidu l-affarijiet li jridu jiġu wara, biex nistgħu nkunu nafu li intom allat.” (Isaija 41:22, 23) Fil-Kelma tiegħu, Jehovah igħidilna l-ewwel affarijiet rigward il-ħolqien tal-art u tal-ħajja fuqha. Hu qal minn ħafna żmien bil-quddiem affarijiet li kellhom jiġru iktar tard u li verament seħħew. U saħansitra issa hu ‘jġigħelna nisimgħu saħansitra l-affarijiet li ġejjin,’ b’mod speċjali affarijiet li se jiġru f’dawn “l-aħħar jiem.”—2 Timotew 3:1-5, 13; Ġenesi 1:1-30; Isaija 53:1-12; Danjel 8:3-12, 20-25; Mattew 24:3-21; Rivelazzjoni 6:1-8; 11:18.
4. Jehovah kif uża l-attribut tiegħu tal-qawwa, u kif se jerġaʼ jużah?
4 Attribut ieħor taʼ Jehovah hu l-qawwa. Hija evidenti fis-smewwiet fejn kwiekeb li jaġixxu bħala sorsi kbar taʼ enerġija jferrgħu dawl u sħana. Meta bnedmin jew anġli ribellużi jisfidaw is-sovranità taʼ Jehovah, hu juża l-qawwa tiegħu bħala “persuna raġel tal-gwerra,” biex jiddefendi l-isem tajjeb u l-livelli taʼ tjieba tiegħu. F’okkażjonijiet bħal dawn hu ma joqgħodx jaħsibha biex jibgħat qawwa qerrieda, bħal fid-Dulluvju taʼ żmien Noè, fil-qerda taʼ Sodom u Gomorra, u fil-ħelsien taʼ Iżrael minn ġol-Baħar l-Aħmar. (Eżodu 15:3-7; Ġenesi 7:11, 12, 24; 19:24, 25) Dalwaqt, Alla se juża l-qawwa tiegħu biex “[i]farrak lil Satana taħt riġlejkom.”—Rumani 16:20.
5. Flimkien mal-qawwa tiegħu, Jehovah liema kwalità oħra għandu?
5 Madankollu, saħansitra b’din il-qawwa bla limiti kollha, hemm l-umiltà. Salm 18:35, 36 igħid: “L-umiltà tiegħek stess se tagħmilni kbir. Int se tagħmel wisaʼ kbira biżżejjed għall-passi tiegħi taħti.” L-umiltà t’Alla tippermettilu biex “jitbaxxa biex iħares lejn is-sema u l-art, jerfaʼ lill-wieħed baxx mill-istess trab; hu jeżalta lill-wieħed fqir mill-ħofra tal-irmied infisha.”—Salm 113:6, 7.
6. Liema kwalità taʼ Jehovah issalva l-ħajja?
6 Il-ħniena taʼ Jehovah f’li jittratta mal-bniedem issalva l-ħajja. Xi ħniena ntweriet maʼ Manasse meta ġie maħfur, avolja kien ikkommetta atroċitajiet terribbli! Jehovah igħid: “Meta ngħid lill-wieħed mill-agħar: ‘Int pożittivament se tmut,’ u hu attwalment idur lura mid-dnub tiegħu u jwettaq il-ġustizzja u t-tjieba, ebda wieħed mid-dnubiet tiegħu li bihom hu dineb ma se jitfakkar kontra tiegħu. Il-ġustizzja u t-tjieba huma dak li hu wettaq. Hu pożittivament se jibqaʼ jgħix.” (Eżekjel 33:14, 16; 2 Kronaki 33:1-6, 10-13) Ġesù kien qed jirrifletti lil Jehovah meta ħeġġeġ li naħfru 77 darba, saħansitra 7 darbiet f’ġurnata waħda!—Salm 103:8-14; Mattew 18:21, 22; Luqa 17:4.
Alla li Jħoss
7. Jehovah kif inhu differenti mill-allat Griegi, u liema privileġġ prezzjuż hu miftuħ għalina?
7 Filosfi Griegi, bħall-Epikureani, kienu jemmnu fl-allat imma kienu jħarsu lejhom bħala li kienu wisq ’il bogħod mill-art biex ikollhom xi interess fil-bniedem jew biex jiġu effettwati mill-mod kif iħossu. Kemm hi differenti r-relazzjoni bejn Jehovah u x-Xhieda leali tiegħu! “Jehovah qiegħed jieħu pjaċir bil-poplu tiegħu.” (Salm 149:4) Nies mill-agħar qabel id-Dulluvju ġagħluh iħossu ddispjaċut u “mweġġaʼ f’qalbu.” Iżrael bin-nuqqas taʼ fedeltà tiegħu ġab uġigħ u niket lil Jehovah. Il-Kristjani meta ma jobdux jistgħu jnikktu lill-ispirtu taʼ Jehovah; bil-fedeltà tagħhom, madankollu, jistgħu jferrħuh. Kemm hi ħaġa tal-għaġeb li taħseb li l-bniedem insinjifikanti fuq l-art jistaʼ jġiegħel lill-Ħallieq tal-univers iħossu mweġġaʼ jew ferħan! Meta tqis dak kollu li jagħmel għalina, kemm hu tajjeb li aħna għandna l-privileġġ prezzjuż li nagħtuh pjaċir!—Ġenesi 6:6; Salm 78:40, 41; Proverbji 27:11; Isaija 63:10; Efesin 4:30.
8. Abraham kif uża l-libertà tal-kelma maʼ Jehovah?
8 Il-Kelma t’Alla turi li l-imħabba taʼ Jehovah tippermettilna ħafna “ħelsien li nitkellmu.” (1 Ġwann 4:17) Innota l-każ taʼ Abraham meta Jehovah ġie biex jeqred lil Sodom. Abraham qal lil Jehovah: “Sejjer int verament tiknes lil hinn lit-twajjeb maʼ dak li hu mill-agħar? Suppost li hemm ħamsin raġel twajjeb f’nofs il-belt. Sejjer int, allura, tiknishom lil hinn u ma taħfirx lill-post minħabba l-ħamsin twajjeb li qegħdin ġewwa fih? . . . Lanqas igħaddili minn moħħi dwarek. Sejjer l-Imħallef tal-art kollha ma jagħmilx dak li hu sewwa?” Xi kliem biex tgħidu lil Alla! Madankollu Jehovah qabel li jsalva lil Sodom jekk ikun hemm ħamsin raġel twajjeb. Abraham kompla u naqqas il-figura minn ħamsin għal għoxrin. Beda jibżaʼ li forsi kien qiegħed ikun insistenti żżejjed. Hu qal: “Jalla Jehovah, jekk jogħġbu, ma jisħonx bir-rabja, imma ħalli nitkellem biss din id-darba: Suppost li għaxra jinstabu hemm.” Għal darb’oħra Jehovah jikkonċedi: “Jien m’inix se nġibha f’rovina minħabba l-għaxra.”—Ġenesi 18:23-33.
9. Jehovah għala ppermetta lil Abraham biex jitkellem bħalma tkellem, u x’nistgħu nitgħallmu minn dan?
9 Jehovah għala ppermetta lil Abraham tant libertà tal-kelma, biex jitkellem b’dak il-mod? L-ewwelnett, Jehovah kien konxju dwar is-sentimenti mnikktin taʼ Abraham. Hu kien jaf li Lot in-neputi taʼ Abraham kien igħix f’Sodom, u Abraham kien ikkonċernat dwar is-sigurtà tiegħu. Ukoll, Abraham kien il-ħabib t’Alla. (Ġakbu 2:23) Meta xi ħadd ikellimna b’mod żorr, nipprovaw aħna nifhmu s-sentimenti wara kliemu u niskużawh, speċjalment jekk ikun ħabib li għandu xi xorta taʼ pressjoni emozzjonali? M’huwiex taʼ faraġ li tara li Jehovah se jkun komprensiv dwar l-użu tagħna tal-libertà tal-kelma, kif kien maʼ Abraham?
10. Il-libertà tal-kelma kif tgħinna fit-talb?
10 B’mod speċjali meta nfittxuh bħala “Semmiegħ it-talb” tagħna aħna nixxennqu għal din il-libertà tal-kelma biex inferrgħu ruħna miegħu, meta nkunu mnikktin severament u mqallbin emozzjonalment. (Salm 51:17; 65:2, 3) Saħansitra f’dawk il-mumenti meta l-kliem jonqosna, “l-ispirtu nnifsu jidħol għalina bi krib mhux imlissen,” u Jehovah jismaʼ. Hu jistaʼ jkun jaf il-ħsibijiet tagħna: “Int ikkunsidrajt il-ħsieb tiegħi mill-bogħod. Għax m’hemm lanqas kelma waħda fuq ilsieni, imma, ħares! O Jehovah, int diġà taf kollox.” B’dan kollu, għandna nkomplu nistaqsu, infittxu, inħabbtu.—Rumani 8:26; Salm 139:2, 4; Mattew 7:7, 8.
11. Kif inhu muri li Jehovah verament jimpurtah minna?
11 Jehovah jimpurtah. Hu jipprovdi għall-ħajja li ħalaq. “Lejk il-għajnejn taʼ kulħadd iħarsu mimlijin tama, u int qiegħed tagħtihom l-ikel tagħhom fl-istaġun tiegħu. Int qiegħed tiftaħ idek u qiegħed tissodisfa x-xewqa taʼ kull ħaġa ħajja.” (Salm 145:15, 16) Aħna mistednin naraw kif hu jitmaʼ l-għasafar fis-siġar. Ara l-ġilji fil-għalqa, kemm ilibbishom sabiħ. Ġesù ssokta jgħid li Alla se jagħmel hekk u iktar għalina milli jagħmel għalihom. Mela għala għandna nħossuna anzjużi? (Dewteronomju 32:10; Mattew 6:26-32; 10:29-31) L-ewwel Pietru 5:7 jistiednek biex ‘titfaʼ l-anzjetà kollha tiegħek fuqu, għaliex hu jimpurtah minnek.’
“Ir-Rappreżentazzjoni Eżatta tal-Eżistenza Tiegħu Nnifsu”
12, 13. Minbarra li naraw lil Jehovah permezz tal-ħolqien tiegħu u tal-atti tiegħu mniżżlin fil-Bibbja, kif iżjed nistgħu narawh u nisimgħuh?
12 Nistgħu naraw lil Alla Jehovah permezz tal-ħolqien tiegħu; nistgħu narawh billi naqraw dwar l-atti tiegħu fil-Bibbja; nistgħu narawh ukoll bil-kliem u bl-atti mniżżlin rigward Ġesù Kristu. Ġesù nnifsu jgħid dan, fi Ġwann 12:45: “Min jilmaħni jilmaħ ukoll lil dak li bagħatni.” Ukoll, fi Ġwann 14:9: “Dak li ra lili ra lill-Missier ukoll.” Kolossin 1:15 jistqarr: “[Ġesù] hu x-xbiha taʼ Alla l-inviżibbli.” Ebrej 1:3 jiddikjara: “[Ġesù] hu r-riflessjoni tal-glorja [t’Alla] u r-rappreżentazzjoni eżatta tal-eżistenza tiegħu nnifsu.”
13 Jehovah bagħat lil Ibnu mhux biss biex jipprovdi fidwa imma wkoll biex jagħti eżempju biex jiġi kkopjat, kemm fil-kliem kif ukoll fil-għemil. Ġesù tkellem il-kliem t’Alla. Hu qal fi Ġwann 12:50: “L-affarijiet li ngħid jien, sewwa sew kif il-Missier qalhomli, hekk ingħidhom.” Hu m’għamilx li fettillu, imma għamel l-affarijiet li qallu Alla biex jagħmel. Fi Ġwann 5:30 hu qal: “Ma nistaʼ nagħmel anqas ħaġa waħda minn rajja.”—Ġwann 6:38.
14. (a) Liema dehriet ġagħlu lil Ġesù biex jitqanqal mill-ħniena? (b) Il-manjiera taʼ kif kien jitkellem Ġesù għala ġagħlet lin-nies jiġru warajh biex jisimgħuh?
14 Ġesù ra nies li kienu lebbrużi, immankati, torox, għomja, u indemonjati u dawk li kienu jibku għall-mejtin tagħhom. Imqanqal mill-ħniena, hu fejjaq lill-morda u qajjem lill-mejtin. Hu ra lill-folol imqaxxrin u mħabbtin spiritwalment, u beda jgħallimhom ħafna affarijiet. Hu għallem mhux biss bi kliem korrett imma wkoll bi kliem ħelu minn qalbu li kien imur dritt fil-qlub taʼ oħrajn, li ġibidhom lejh, li ġabhom kmieni fit-tempju biex jisimgħuh, li ġigħelhom jibqgħu miegħu, biex jisimgħuh b’għaxqa. Huma ġrew biex jisimgħuh, waqt li kienu jiddikjaraw li ‘qatt ma kien raġel ieħor tkellem bħal dan il-wieħed.’ Huma kienu mistagħġbin bil-mod kif kien igħallem. (Ġwann 7:46; Mattew 7:28, 29; Mark 11:18; 12:37; Luqa 4:22; 19:48; 21:38) U meta l-għedewwa tiegħu fittxew kif jaqbduh bil-mistoqsijiet, hu ġiegħel lilhom jinqabdu fin-nassa u għalqilhom ħalqhom.—Mattew 22:41-46; Mark 12:34; Luqa 20:40.
15. X’kienet it-tema ċentrali tal-ippridkar taʼ Ġesù, u sa liema punt kien jinvolvi lil oħrajn f’li jxerrduha?
15 Hu pproklama li “s-saltna tas-smewwiet [kienet] resqet fil-qrib” u ħeġġeġ lis-semmiegħa biex jibqgħu ‘jfittxu l-ewwel is-saltna.’ Hu bagħat lil oħrajn biex jippridkaw li “s-saltna tas-smewwiet [kienet] resqet fil-qrib,” biex ‘jagħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha,’ biex ikunu xhieda taʼ Kristu “sal-iktar parti ’l bogħod tal-art.” Illum kważi erbaʼ miljuni u nofs Xhieda taʼ Jehovah qegħdin jimxu fil-passi tiegħu, billi jagħmlu dawk l-affarijiet.—Mattew 4:17; 6:33; 10:7; 28:19; Atti 1:8.
16. L-attribut taʼ mħabba taʼ Jehovah kif tpoġġa għal prova ħarxa, imma x’wettaq għall-umanità?
16 “Alla hu mħabba,” jintqalilna fl-1 Ġwann 4:8. Dan l-attribut tal-għaġeb tiegħu tqiegħed għall-iktar prova taʼ wġigħ immaġinabbli meta bagħat lill-Iben uniġenitu tiegħu fuq l-art biex imut. L-agunija li sofra dan l-Iben maħbub u l-krib li lissen lil Missieru tas-sema żgur li kkaġuna wġigħ kbir lil qalb Jehovah, minkejja li Ġesù wera l-falzità tal-isfida taʼ Satana li Jehovah ma setax ikollu nies fuq l-art li jżommu sod l-integrità tagħhom Lejh taħt prova ħarxa. Aħna għandna napprezzaw ukoll il-kobor tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù, għax Alla bagħtu hawn biex imut għalina. (Ġwann 3:16) Din ma kinitx xi mewta ħafifa, taʼ malajr. Biex napprezzaw kemm swiet lil Alla u lil Ġesù u b’hekk nirrealizzaw il-kobor tas-sagrifiċċju tagħhom għalina, ejjew neżaminaw dak li nsibu fil-Bibbja dwar x’ġara.
17-19. Ġesù kif iddeskriva l-flaġell li kien hemm lest għalih?
17 Minn tal-inqas erbaʼ darbiet, Ġesù ddeskriva lill-appostli tiegħu dak li kien hemm lest għalih. Ftit ġranet biss qabel ma seħħ, hu qal: “Hawn aħna, navvanzaw ’il fuq lejn Ġerusalemm, u Bin il-bniedem se jitwassal għand il-qassisin ewlenin u l-iskribi, u se jikkundannawh għall-mewt u se jagħtuh f’idejn irġiel tal-ġnus, u huma se jiddieħqu bih u se jobżqu fuqu u jifflaġellawh u joqtluh.”—Mark 10:33, 34.
18 Ġesù ħass it-toqol taʼ dak li kien lest għalih, billi fehem l-orrur tal-ifflaġellar Ruman. L-istrixxi tal-ġilda tal-frosta li kienet tintuża għas-swat kellhom biċċiet tal-metall u għadam tan-ngħaġ meħjutin fihom; biex hekk kif ikompli jsir l-ifflaġellar, id-dahar u s-saqajn kienu jsiru strixxi taʼ laħam imdemmi. Minn xhur qabel, Ġesù indika kemm kien qed jikkaġunalu stress emozzjonali l-flaġell li kellu quddiemu, meta qal, kif naqraw f’Luqa 12:50: “Tabilħaqq, jien għandi magħmudija li biha se nitgħammed, u kemm qiegħed inkun imnikket sakemm tkun intemmet!”
19 Il-pressjoni kompliet tikber hekk kif iż-żmien qorob. Hu tkellem dwar dan maʼ Missieru tas-sema: “Issa ruħi nkwetata, u x’se ngħid? Missier, salvani minn ġo din is-siegħa. Madankollu, għalhekk ġejt għal din is-siegħa.” (Ġwann 12:27) Min jaf kemm Jehovah ħass meta samaʼ din il-petizzjoni mingħand l-Iben uniġenitu tiegħu! Fil-Ġetsemani, ftit sigħat biss qabel mewtu, Ġesù ħassu mdejjaq ħafna u qal lil Pietru, Ġakbu, u Ġwanni: “Ruħi mnikkta profondament, saħansitra sal-mewt.” Ftit minuti wara hu lissen l-aħħar talba tiegħu fuq dan is-suġġett lil Jehovah: “‘Missier, jekk tixtieq, neħħi dan il-kies minni. Madankollu, ħa sseħħ, mhux ir-rieda tiegħi, imma tiegħek.’ Imma billi daħal f’agunija hu ssokta jitlob iktar bil-ħerqa; u l-għaraq tiegħu sar bħal qtar tad-demm neżlin fl-art.” (Mattew 26:38; Luqa 22:42, 44) Dan forsi setaʼ kien dak li medikament hu magħruf bħala hematidrosis. Hija xi ħaġa rari imma tistaʼ sseħħ fi stati emozzjonali ħafna.
20. X’għen lil Ġesù biex igħaddi mill-flaġell tiegħu?
20 Rigward dan il-ħin fil-Ġetsemani, Ebrej 5:7 igħid: “Fil-jiem tal-laħam tiegħu Kristu offra tħannin u wkoll petizzjonijiet lil Dak li setaʼ jsalvah mill-mewt, b’għajjat qawwi u dmugħ, u kien mismugħ b’favur minħabba l-biżaʼ tiegħu minn Alla.” Ladarba ma ġiex meħlus mill-mewt minn “Dak li setaʼ jsalvah mill-mewt,” f’liema sens ġiet mismugħa t-talba tiegħu b’mod favorevoli? Luqa 22:43 iwieġeb: “Anġlu mis-sema deherlu u saħħu.” It-talba ġiet imwieġba għaliex l-anġlu li Alla bagħat saħħaħ lil Ġesù biex jissaporti l-flaġell.
21. (a) X’juri li Ġesù għadda mill-flaġell tiegħu rebbieħ? (b) Meta l-provi tagħna jiħraxu, kif irridu li nkunu nistgħu nitkellmu?
21 Dan kien evidenti mir-riżultat. Meta għaddiet il-ġlieda ġewwinija tiegħu, Ġesù qam, mar lura ħdejn Pietru, Ġakbu, u Ġwanni, u qal: “Qumu, ejjew immorru.” (Mark 14:42) Fi kliem ieħor kien qed igħid, ‘Ħa mmur biex niġi ttradut b’bewsa, biex niġi arrestat minn marmalja, biex niġi mgħoddi ġuri illegali, biex niġi kkundannat inġustament. Ħa mmur biex iwaqqgħuni għaċ-ċajt, jobżquli, jifflaġellawni, u jsammruni maz-zokk tat-tortura.’ Għal sitt sigħat hu qagħad hemm imdendel, b’uġigħ kiefer, jissaporti sat-tmiem. Hekk kif kien qed imut, hu għajjat bi trijonf: “Ġie mwettaq!” (Ġwann 19:30) Hu kien baqaʼ sod u kien wera l-integrità tiegħu f’li jappoġġja s-sovranità taʼ Jehovah. Kulma Jehovah kien bagħtu fuq l-art biex jagħmel hu kien wettqu. Meta mmutu jew meta tiġi Armageddon, se nkunu nistgħu ngħidu rigward l-inkarigu tagħna mingħand Jehovah: “Ġie mwettaq”?
22. X’juri kemm se jkun mifrux il-għarfien taʼ Jehovah?
22 Hu x’inhu l-każ, nistgħu nkunu żguri li fiż-żmien taʼ Jehovah stabbilit li qed joqrob bil-għaġla, “l-art [kollha] ċertament li se tkun mimlija bil-għarfien taʼ Jehovah bħalma l-ilmijiet qegħdin jiksu lill-istess baħar.”—Isaija 11:9.
Tiftakar?
◻ Xi jfisser li tkun taf u li jkollok għarfien?
◻ Il-ħniena u l-maħfra taʼ Jehovah kif intwerew lilna permezz tal-Kelma tiegħu?
◻ Abraham kif għamel użu mil-libertà tal-kelma maʼ Jehovah?
◻ Għala nistgħu nħarsu lejn Ġesù u fih naraw il-kwalitajiet taʼ Jehovah?