Kapitlu 15
Gawdi Affarijiet Tajbin għax-Xogħol Iebes Tiegħek
“Kull bniedem għandu . . . jgawdi affarijiet tajbin għax-xogħol iebes kollu tiegħu.”—EKKLEŻJASTI 3:13.
1-3. (a) Ħafna nies kif iħossuhom dwar xogħolhom? (b) Il-Bibbja liema ħarsa lejn ix-xogħol tippromwovi, u liema mistoqsijiet se nikkunsidraw f’dan il-kapitlu?
GĦAL ħafna nies fid-dinja taʼ llum, ix-xogħol m’huwiex taʼ pjaċir. Minħabba li jqattgħu sigħat twal f’xogħol li ma tantx jieħdu pjaċir jagħmluh, ma jħarsux ’il quddiem għal kull ġurnata taʼ ħidma. Dawk li għandhom din l-attitudni kif jistgħu jiġu motivati biex jieħdu interess persunali f’xogħolhom—u saħansitra biex isibu sodisfazzjon fil-ħidma tagħhom?
2 Il-Bibbja tippromwovi ħarsa pożittiva lejn ix-xogħol iebes. Tgħid li x-xogħol u l-frott tiegħu huma barka. Salamun kiteb: “Kull bniedem għandu jiekol u jixrob u jgawdi affarijiet tajbin għax-xogħol iebes kollu tiegħu. Din hi l-għotja t’Alla.” (Ekkleżjasti 3:13) Ġeħova, li jħobbna u li dejjem irid jagħtina dak li hu l-aħjar, iridna nsibu sodisfazzjon f’xogħolna u ngawdu l-frott tal-ħidma tagħna. Sabiex nibqgħu fi mħabbtu, irridu ngħixu fi qbil mal-ħarsa u l-prinċipji tiegħu rigward ix-xogħol.—Ekkleżjasti 2:24; 5:18.
3 F’dan il-kapitlu, se nikkunsidraw erbaʼ mistoqsijiet: Kif nistgħu ngawdu affarijiet tajbin għax-xogħol iebes tagħna? Liema tip taʼ xogħol m’huwiex xieraq għall-Kristjani veri? Kif nistgħu nibbilanċjaw ix-xogħol sekulari maʼ l-attivitajiet spiritwali? U x’inhu l-iktar xogħol importanti li nistgħu nagħmlu? Però, l-ewwel ejja neżaminaw l-eżempju taʼ l-aqwa żewġ ħaddiema fl-univers—Alla Ġeħova u Ġesù Kristu.
IL-ĦADDIEM SUPREM U L-ĦADDIEM TAS-SENGĦA
4, 5. Il-Bibbja kif tindika li Ġeħova hu ħaddiem produttiv?
4 Ġeħova hu l-Ħaddiem Suprem. Ġenesi 1:1 jgħid: “Fil-bidu Alla ħalaq is-smewwiet u l-art.” Meta Alla lesta x-xogħol tal-ħolqien inkluż l-art, hu stqarr li r-riżultat “kien tajjeb ħafna.” (Ġenesi 1:31) Fi kliem ieħor, hu kien sodisfatt għall-aħħar bix-xogħol kollu tiegħu fuq l-art. Ġeħova, “l-Alla l-hieni,” bla dubju sab ferħ kbir f’li jkun ħaddiem produttiv.—1 Timotju 1:11.
5 L-Alla ħabrieki tagħna qatt ma jieqaf jaħdem. Ħafna żmien wara li l-art u kulma hemm fiha tlestew, Ġesù qal: “Missieri baqaʼ jaħdem s’issa.” (Ġwanni 5:17) X’kien qed jagħmel il-Missier? Mill-post fejn jgħammar fis-smewwiet, hu ċertament li baqaʼ attiv f’li jiggwida u jieħu ħsieb l-umanità. Hu ġabar flimkien “ħolqien ġdid,” Kristjani midlukin bl-ispirtu li eventwalment se jaħkmu maʼ Ġesù fis-sema. (2 Korintin 5:17) Hu kien qed jaħdem lejn it-twettiq taʼ l-iskop tiegħu għall-umanità—biex dawk li jħobbuh jiksbu l-ħajja taʼ dejjem f’dinja ġdida. (Rumani 6:23) Ġeħova żgur li ferħan ħafna bir-riżultati taʼ dan ix-xogħol. Miljuni wieġbu għall-messaġġ tas-Saltna, billi nġibdu minn Alla u aġġustaw il-ħajja tagħhom biex jibqgħu fi mħabbtu.—Ġwanni 6:44.
6, 7. Liema rekord twil taʼ xogħol iebes għandu Ġesù?
6 Ġesù għandu rekord twil taʼ xogħol iebes. Qabel ma ġie fuq l-art, hu qeda bħala l-“ħaddiem tas-sengħa” t’Alla fil-ħolqien taʼ l-affarijiet kollha “fis-smewwiet u fuq l-art.” (Proverbji 8:22-31; Kolossin 1:15-17) Meta kien fuq l-art, Ġesù kompla jkun ħaddiem bieżel. Kmieni f’ħajtu, hu tgħallem is-sengħa tal-bini, u sar magħruf bħala “l-mastrudaxxa.”a (Marku 6:3) Din is-sengħa tinvolvi xogħol strapazzuż u abbiltajiet diversi—speċjalment fiż-żmien meta ma kienx hemm l-impjanti għall-isserrar, il-ħwienet fejn tixtri dak kollu li jkollok bżonn, u l-għodod li jaħdmu bid-dawl. Tistaʼ timmaġina lil Ġesù ħiereġ biex iġib l-injam tiegħu—forsi saħansitra billi jwaqqaʼ s-siġar u jkaxkar l-injam għal fejn kien qed jaħdem? Tistaʼ timmaġinah jibni d-djar—billi jipprepara u jwaħħal it-travi tas-saqaf, jagħmel il-bibien, u saħansitra jagħmel ftit mill-għamara? Ġesù bla dubju esperjenza personalment is-sodisfazzjon li jiġi minn xogħol iebes magħmul bis-sengħa.
7 Ġesù kien ħaddiem diliġenti li jispikka f’li jwettaq il-ministeru tiegħu. Għal tliet snin u nofs, hu kien okkupat ferm b’dan ix-xogħol importanti ħafna. Minħabba li ried jilħaq kemm jistaʼ jkun nies, hu uża l-ġranet tiegħu bis-sħiħ, billi qam kmieni u ħadem sa tard bil-lejl. (Luqa 21:37, 38; Ġwanni 3:2) Hu vvjaġġa “minn belt għal belt u minn raħal għal raħal, jippriedka u jxandar l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla.” (Luqa 8:1) Ġesù letteralment kopra mijiet taʼ mili, billi vvjaġġa bil-mixi f’toroq kollhom trab biex iwassal il-messaġġ taʼ l-aħbar tajba lin-nies.
8, 9. Ġesù kif gawda affarijiet tajbin għax-xogħol iebes tiegħu?
8 Gawda affarijiet tajbin Ġesù għax-xogħol iebes tiegħu fil-ministeru? Iva! Hu żeraʼ żrieragħ tal-verità tas-Saltna, billi ħalla warajh għelieqi li kienu bojod għall-ħsad. Il-fatt li għamel ix-xogħol t’Alla ta lil Ġesù tant saħħa u sosteniment li kien lest li jibqaʼ mingħajr ikel sabiex iwettaq ix-xogħol. (Ġwanni 4:31-38) Aħseb dwar is-sodisfazzjon li żgur ħass meta fl-aħħar tal-ministeru tiegħu fuq l-art setaʼ b’wiċċu minn quddiem jgħid lil Missieru: “Jien igglorifikajtek fuq l-art, billi temmejt ix-xogħol li tajtni nagħmel.”—Ġwanni 17:4.
9 Żgur li Ġeħova u Ġesù huma l-aqwa eżempji taʼ wħud li gawdew affarijiet tajbin għax-xogħol iebes tagħhom. L-imħabba tagħna għal Ġeħova tqanqalna biex ‘nimitaw lil Alla.’ (Efesin 5:1) L-imħabba tagħna għal Ġesù tqanqalna biex ‘nimxu mill-qrib wara l-passi tiegħu.’ (1 Pietru 2:21) Għalhekk, issa ejja neżaminaw kif aħna wkoll nistgħu ngawdu affarijiet tajbin għax-xogħol iebes tagħna.
KIF INGAWDU AFFARIJIET TAJBIN GĦAX-XOGĦOL IEBES TAGĦNA
10, 11. X’jistaʼ jgħinna nikkultivaw attitudni pożittiva lejn ix-xogħol tagħna?
10 Ix-xogħol sekulari għandu post fil-ħajja tal-Kristjani veri. Aħna rridu nsibu sodisfazzjon u ammont taʼ kuntentizza f’xogħolna, imma dan jistaʼ jkun verament taʼ sfida jekk insibu ruħna naħdmu f’xogħol sekulari li ma jogħġobniex. Kif inhu possibbli li ngawdu affarijiet tajbin għax-xogħol tagħna f’ċirkustanzi bħal dawn?
11 Billi nikkultivaw attitudni pożittiva. Mhux dejjem nistgħu nbiddlu ċ-ċirkustanzi tagħna, imma nistgħu nbiddlu l-attitudni tagħna. Il-meditazzjoni fuq il-ħarsa t’Alla tistaʼ tgħinna nikkultivaw attitudni pożittiva lejn ix-xogħol. Per eżempju, jekk int kap taʼ familja, irrifletti fuq il-fatt li xogħlok, minkejja kemm forsi jidher baxx, jgħinek tipprovdi l-bżonnijiet materjali taʼ familtek. B’hekk, li tieħu ħsieb il-maħbubin tiegħek m’hijiex kwistjoni żgħira f’għajnejn Alla. Il-Kelma tiegħu tgħid li min jonqos li jipprovdi għal familtu hu “agħar minn bniedem mingħajr fidi.” (1 Timotju 5:8) Jekk tifhem li xogħlok hu mezz kif tilħaq il-mira tiegħek—billi jagħmilha possibbli għalik li twettaq ir-responsabbiltà tiegħek mogħtija minn Alla—tistaʼ tiġi megħjun biex f’xogħlok issib ammont taʼ sodisfazzjon u skop li l-ħaddiema sħabek forsi m’għandhomx.
12. B’liema modi huwa premjanti li nkunu diliġenti u onesti f’xogħolna?
12 Billi nkunu diliġenti u onesti. Il-fatt li naħdmu iebes u nitgħallmu kif għandna nagħmlu xogħolna sew jistaʼ jwassal għal barkiet. Ħaddiema diliġenti u tas-sengħa spiss huma apprezzati ferm mill-imgħallmin tagħhom. (Proverbji 12:24; 22:29) Bħala Kristjani veri, irridu nkunu wkoll onesti f’xogħolna—billi ma nisirqux flus, oġġetti materjali, jew ħin mill-imgħallem tagħna. (Efesin 4:28) Bħalma rajna fil-kapitlu taʼ qabel, l-onestà hija premjanti. Impjegat magħruf għall-onestà x’aktarx li se jkun fdat. U kemm jekk l-imgħallem tagħna jagħti kas l-eżempju tagħna bħala ħaddiem bieżel jew le, jistaʼ jkollna s-sodisfazzjon li jiġi minn “kuxjenza onesta” u milli nkunu nafu li qed nogħġbu lill-Alla li nħobbu.—Ebrej 13:18; Kolossin 3:22-24.
13. L-eżempju tajjeb tagħna fuq il-post tax-xogħol jistaʼ jkollu liema riżultati?
13 Billi nirrikonoxxu li l-kondotta tagħna tistaʼ tigglorifika lil Alla. Meta nżommu livell għoli taʼ kondotta Kristjana fuq il-post tax-xogħol tagħna, oħrajn żgur li se jinnotaw dan. B’liema riżultat? Inkunu nistgħu “nsebbħu f’kollox it-tagħlim t’Alla, is-Salvatur tagħna.” (Titu 2:9, 10) Iva, il-kondotta tajba tagħna tistaʼ ġġiegħel lil oħrajn jaraw is-sbuħija tal-mod taʼ qima tagħna, u b’hekk isir iktar attraenti għalihom. Aħseb ftit dwar kif kont tħossok jekk wieħed minn sħabek il-ħaddiema kellu jwieġeb għall-verità minħabba l-eżempju tajjeb tiegħek fuq il-post tax-xogħol! Iktar importanti, ikkunsidra dan: X’jistaʼ jkun iktar premjanti milli tkun taf li l-kondotta mill-aħjar tiegħek tigglorifika lil Ġeħova u tferraħlu qalbu?—Proverbji 27:11; 1 Pietru 2:12.
NUŻAW ID-DIXXERNIMENT FL-GĦAŻLA TAX-XOGĦOL TAGĦNA
14-16. Meta niffaċċjaw deċiżjonijiet dwar l-impjieg, liema mistoqsijiet prinċipali għandna nikkunsidraw?
14 Il-Bibbja ma tagħtix istruzzjonijiet dettaljati dwar x’inhu u x’mhux aċċettabbli fejn jidħol ix-xogħol sekulari. Dan ma jfissirx li nistgħu naċċettaw kwalunkwe tip taʼ impjieg mingħajr ma nagħtu kas x’hemm involut. L-Iskrittura tistaʼ tgħinna nagħżlu xogħol produttiv u onest li jogħġob lil Alla filwaqt li nevitaw impjieg li ma jogħġbux. (Proverbji 2:6) Meta nkunu qed niffaċċjaw deċiżjonijiet dwar l-impjieg, hemm żewġ mistoqsijiet prinċipali li għandna nikkunsidraw.
15 Jekk nagħmel dan ix-xogħol partikulari nkun qed nagħmel xi ħaġa li hija kundannata fil-Bibbja? Il-Kelma t’Alla biċ-ċar tikkundanna s-serq, il-gideb, u li wieħed jagħmel l-idoli. (Eżodu 20:4; Atti 15:29; Efesin 4:28; Rivelazzjoni 21:8) Aħna żgur li ma naċċettawx impjieg li jitlobna nagħmlu affarijiet bħal dawn. L-imħabba tagħna għal Ġeħova qatt m’hi se tħallina naċċettaw xogħol li jinvolvi s-sehem tagħna fi prattiki li jmorru kontra l-kmandi t’Alla.—1 Ġwanni 5:3.
16 Jekk nagħmel dan ix-xogħol se nkun kompliċi b’mod ċar fi prattika ħażina jew nippromwoviha? Ikkunsidra eżempju. Li taħdem bħala receptionist m’huwiex ħażin fih innifsu. Però, xi ngħidu jekk Kristjan jiġi offrut xogħol bħal dan fi klinika fejn isir l-abort? Huwa minnu li l-inkarigu tiegħu ma jinvolvix li jgħin fil-proċeduri taʼ l-abort direttament. Minkejja dan, bix-xogħol regulari tiegħu hemm ma jkunx qed jappoġġa l-ħidma taʼ klinika li qiegħda hemm biex tagħmel l-aborti—prattika li tmur kontra l-Kelma t’Alla? (Eżodu 21:22-24) Bħala wħud li nħobbu lil Ġeħova, ma rridu li jkollna ebda sehem fi prattiki mhux Skritturali.
17. (a) Liema fatturi nistgħu nikkunsidraw meta nieħdu deċiżjonijiet dwar l-impjieg? (Ara l-kaxxa f’paġna 177.) (b) Il-kuxjenza tagħna kif tistaʼ tgħinna nieħdu deċiżjonijiet li jogħġbu lil Alla?
17 Ħafna kwistjonijiet dwar l-impjieg jistgħu jiġu solvuti billi nanalizzaw bir-reqqa t-tweġibiet għaż-żewġ mistoqsijiet prinċipali li jinsabu f’paragrafi 15 u 16. Barra minn dan, hemm xi fatturi oħrajn li nagħmlu tajjeb li nikkunsidrawhom meta nieħdu deċiżjonijiet dwar l-impjieg.b Ma nistgħux nistennew li l-klassi taʼ l-ilsir leali tistabbilixxi regoli li se jkopru kull sitwazzjoni li tistaʼ tqum. Huwa hawn fejn għandna nuru d-dixxerniment. Bħalma tgħallimna f’Kapitlu 2, irridu nedukaw u nħarrġu l-kuxjenza tagħna billi nistudjaw kif napplikaw il-Kelma t’Alla fil-ħajja tagħna taʼ kuljum. Bis-“sensi” tagħna mħarrġin “bl-użu,” il-kuxjenza tagħna tistaʼ tgħinna nieħdu deċiżjonijiet li jogħġbu lil Alla u li jgħinuna nibqgħu fi mħabbtu.—Ebrej 5:14.
INŻOMMU ATTITUDNI BILANĊJATA LEJN IX-XOGĦOL
18. Għala m’huwiex faċli li nżommu bilanċ spiritwali?
18 M’huwiex faċli li nżommu bilanċ spiritwali f’dawn “l-aħħar jiem” biż-“żminijiet kritiċi [tagħhom] li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:1) Li ssib xogħol u żżommu jistaʼ jkun verament taʼ sfida. Bħala Kristjani veri, aħna nifhmu l-importanza taʼ li naħdmu iebes biex nipprovdu għall-familja tagħna. Imma jekk ma noqogħdux attenti, il-pressjoni fuq il-post tax-xogħol jew il-mod materjalistiku u korrott kif taħsibha d-dinja jistaʼ jtellef il-miri spiritwali tagħna. (1 Timotju 6:9, 10) Ejja nikkunsidraw kif nistgħu nżommu l-bilanċ tagħna, billi naċċertaw ruħna “minn dak li hu iktar importanti.”—Filippin 1:10.
19. Ġeħova għala jistħoqqlu l-fiduċja sħiħa tagħna, u din il-fiduċja x’tgħinna nevitaw?
19 Poġġi l-fiduċja kollha tiegħek f’Ġeħova. (Proverbji 3:5, 6) Ma tistħoqqlux din il-fiduċja? Wara kollox, hu jimpurtah minna. (1 Pietru 5:7) Hu jaf il-bżonnijiet tagħna aħjar milli nafuhom aħna, u hu dejjem jipprovdi. (Salm 37:25) Għalhekk, aħna nagħmlu tajjeb jekk nagħtu widen meta l-Kelma tiegħu tfakkarna: “Ħa jkun il-mod kif tgħixu ħieles mill-imħabba għall-flus, waqt li tkunu kuntenti b’dak li għandkom fil-preżent. Għax [Alla] qal: ‘Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx.’” (Ebrej 13:5) Ħafna qaddejja full-time huma xhieda taʼ l-abbiltà t’Alla li jipprovdi għall-bżonnijiet tal-ħajja. Jekk nafdaw bis-sħiħ li Ġeħova se jieħu ħsiebna, se nevitaw li nsiru ansjużi żżejjed dwar li nipprovdu għall-familja tagħna. (Mattew 6:25-32) M’aħniex se nħallu x-xogħol sekulari jġegħelna nittraskuraw attivitajiet spiritwali, bħall-ippridkar taʼ l-aħbar tajba u l-attendenza għal-laqgħat.—Mattew 24:14; Ebrej 10:24, 25.
20. Xi jfisser li żżomm għajn sempliċi, u kif tistaʼ żżomm ħarsa bħal din?
20 Żomm għajnejk sempliċi. (Mattew 6:22, 23) Li jkollna għajnejna sempliċi jfisser li nżommu ħajjitna mingħajr komplikazzjonijiet. L-għajn sempliċi taʼ Kristjan tiffoka fuq skop wieħed—li ssir ir-rieda t’Alla. Jekk għajnejna huma ffokati kif suppost, m’aħniex se nkunu ossessjonati b’li nsusu wara xogħol b’paga għolja u ħajja iktar elaborata. Lanqas ma se ninqabdu fit-tfittxija li ma tieqaf qatt għall-affarijiet materjali taʼ l-aħħar u l-aqwa mudell li dawk li jirreklamawhom iriduna nemmnu li għandna bżonnhom sabiex inkunu ferħanin. Kif tistaʼ żżomm għajn sempliċi? Evita li tgħabbi lilek innifsek b’dejn mhux bżonnjuż. Timliex ħajtek b’affarijiet li jieħdu ammont eċċessiv taʼ ħin u attenzjoni. Żomm mal-parir tal-Bibbja biex tkun kuntent sakemm ikollok ‘x’tiekol u biex titgħatta.’ (1 Timotju 6:8) Fittex li tissimplifika ħajtek kemm jistaʼ jkun.
21. Għala hemm bżonn li nagħmlu l-prijoritajiet, u x’għandu jiġi l-ewwel f’ħajjitna?
21 Agħmel prijoritajiet spiritwali, u żomm magħhom. Ladarba hemm limitu għal dak li nistgħu nagħmlu fil-ħajja, irridu nistabbilixxu l-prijoritajiet. Inkella, affarijiet inqas importanti jistgħu jikkonsmaw ħin prezzjuż, billi ma jħallux ħin għall-affarijiet iktar importanti. X’għandu jkollu l-akbar prijorità f’ħajjitna? Ħafna fid-dinja jpoġġu l-akbar enfasi fuq li jfittxu edukazzjoni iktar għolja sabiex ikollhom karriera li trendi f’din is-sistema. Madankollu, Ġesù ħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu biex ‘jibqgħu jfittxu l-ewwel is-saltna.’ (Mattew 6:33) Iva, bħala Kristjani veri, aħna npoġġu s-Saltna t’Alla l-ewwel f’ħajjitna. Il-mod kif ngħixu ħajjitna—l-għażliet li nagħmlu, il-miri li npoġġu, u l-attivitajiet li nfittxu—għandu juri li l-interessi tas-Saltna u r-rieda t’Alla huma iktar importanti għalina minn tħassib materjali u ġiri wara affarijiet sekulari.
NAĦDMU IEBES FIL-MINISTERU
22, 23. (a) X’inhu x-xogħol prinċipali tal-Kristjani veri, u kif nistgħu nuru li dan ix-xogħol hu importanti għalina? (Ara l-kaxxa f’paġna 180.) (b) X’inhi d-determinazzjoni tiegħek rigward ix-xogħol sekulari?
22 Minħabba li nafu li qed ngħixu fl-aħħar taż-żmien tat-tmiem li qorob sew, aħna nibqgħu ffokati fuq ix-xogħol prinċipali tal-Kristjani veri—l-ippridkar u x-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli. (Mattew 24:14; 28:19, 20) Bħax-Xempju tagħna, Ġesù, aħna rridu nkunu okkupati ħafna b’dan ix-xogħol li jsalva l-ħajjiet. Kif nistgħu nuru li dan ix-xogħol huwa importanti għalina? Il-biċċa l-kbira mill-poplu t’Alla jiddedikaw lilhom infushom għax-xogħol taʼ l-ippridkar b’qalbhom kollha bħala pubblikaturi fil-kongregazzjoni. Xi wħud irranġaw ħajjithom biex ikunu jistgħu jaqdu bħala pijunieri jew missjunarji. Billi jagħrfu l-importanza taʼ miri spiritwali, ħafna ġenituri inkuraġġew lil uliedhom biex ifittxu karriera fis-servizz full-time. Igawdu affarijiet tajbin il-proklamaturi żelużi tas-Saltna għax-xogħol iebes tagħhom fil-ministeru? Iva, tabilħaqq! Billi jaqdu lil Ġeħova b’ruħhom kollha żgur li se jkollhom ħajja taʼ ferħ, sodisfazzjon, u barkiet bla għadd.—Proverbji 10:22.
23 Ħafna minna jkollna nqattgħu sigħat twal f’xogħol sekulari biex nipprovdu materjalment għall-familja tagħna. Ftakar li Ġeħova jridna ngawdu affarijiet tajbin għax-xogħol iebes tagħna. Billi nġibu l-attitudni u l-azzjonijiet tagħna fi qbil mal-ħarsa u l-prinċipji tiegħu, nistgħu nsibu sodisfazzjon f’xogħolna. Madankollu, ejja nkunu determinati li qatt ma nħallu x-xogħol sekulari jtellifna mix-xogħol prinċipali tagħna—dak li niddikjaraw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Billi nagħtu prijorità lil dan ix-xogħol f’ħajjitna nkunu qed nuru l-imħabba tagħna għal Ġeħova, u b’hekk nibqgħu fi mħabbtu.
[Noti taʼ taħt]
a Il-kelma Griega tradotta “mastrudaxxa” jintqal li hi “kelma ġenerali għal min jaħdem fl-injam, kemm jekk ix-xogħol kien ikun fuq id-djar u kemm fuq l-għamara jew kwalunkwe oġġett ieħor taʼ l-injam.”
b Għal diskussjoni iktar dettaljata dwar fatturi li għandhom x’jaqsmu maʼ l-impjieg u li tajjeb tikkunsidra, ara It-Torri taʼ l-Għassa tal-15 t’April, 1999, paġni 28-30, u tal-15 taʼ Settembru, 1982, paġna 13.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 177]
GĦANDI NAĊĊETTA DAN IX-XOGĦOL?
Prinċipju: “Agħmlu kollox għall-glorja t’Alla.” —1 Korintin 10:31.
Xi mistoqsijiet biex tistaqsi lilek innifsek
▪ Ix-xogħol jinvolvi attivitajiet li huma kundannati direttament fil-Kelma t’Alla?—Eżodu 20:13-15.
▪ Jekk nagħmel ix-xogħol se nsir kompliċi f’xi prattika kundannata?—Rivelazzjoni 18:4.
▪ Huwa x-xogħol sempliċement servizz bżonnjuż li fih innifsu m’huwiex oġġezzjonabbli Skritturalment?—Atti 14:16, 17.
▪ X’inhu l-effett taʼ li nagħmel ix-xogħol; se jweġġaʼ l-kuxjenza t’oħrajn?—Rumani 14:19-22.
▪ Jekk immur naħdem f’pajjiż ieħor u nħalli lil familti warajja, x’jistgħu jkunu l-effetti emozzjonali u spiritwali fuq familti?—Efesin 5:28-6:4.
[Kaxxa f’paġna 180]
“ID-DEĊIŻJONI TIEGĦI WASSLET GĦAL ĦAJJA TAʼ FERĦ U KUNTENTIZZA”
“Kont immur tajjeb ħafna fl-iskola u rbaħt studju akkademiku bla ħlas fi skola privata rispettata ħafna fil-belt taʼ New York. Dawk li jagħtu l-pariri fl-iskola għamluli pressjoni biex napplika għal diversi universitajiet prestiġjużi. Ġejt aċċettata minn xi ftit minnhom u saħansitra akkwistajt studju akkademiku bla ħlas f’waħda mill-iktar universitajiet magħrufin fl-Istati Uniti. Madankollu, m’aċċettajtx l-offerta għal żewġ raġunijiet. Stajt nara minn qabel il-perikli morali taʼ li ngħix l-università ’l bogħod mid-dar, u kelli xewqa kbira li nsir pijuniera.
“Issa ilni naqdi bħala pijuniera regulari għal iktar minn 20 sena. Żammejt ruħi bieżla f’ħafna oqsma tal-ministeru—billi naqdi fejn il-bżonn hu akbar, ngħin fil-bini tas-Swali tas-Saltna, u ngħin fix-xogħol taʼ l-għajnuna wara xi diżastru. Bħalissa għandi l-privileġġ li naqdi maʼ grupp taʼ lingwa barranija fil-belt taʼ New York.
“Meta nħares lura lejn il-karriera tiegħi fis-servizz full-time, nirrealizza kemm ġejt imbierka. Id-deċiżjoni tiegħi wasslet għal ħajja taʼ ferħ u kuntentizza. L-esperjenzi li kelli u l-ħbiberiji li għamilt ma nbiddilhom maʼ xejn.”—Zenaida.
[Stampi f’paġna 175]
L-applikar taʼ prinċipji Bibliċi jistaʼ jgħinek tgawdi affarijiet tajbin għax-xogħol iebes tiegħek
[Stampa f’paġna 178]
Nistgħu nuru mħabbitna għal Ġeħova billi nagħtu prijorità lix-xogħol taʼ l-ippridkar f’ħajjitna