LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w94 9/1 pp. 22-26
  • Minkejja li Int Magħmul mit-Trab, Imbotta ’L Quddiem!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Minkejja li Int Magħmul mit-Trab, Imbotta ’L Quddiem!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Bidla Fiċ-​Ċirkostanzi
  • Huma Wkoll Kienu Magħmulin Mit-​Trab
  • Li Aħna Magħmulin Mit-​Trab Xi Jfisser Għalina Individwalment?
  • X’Jiġri Meta Tmut?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Inkuraġġixxu lil Xulxin Hekk Kif il-Jum Riesaq fil-Qrib
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • X’Jiġri fil-Mewt?
    Stenbaħ!—2008
  • X’Jistaʼ Jsir Dwar l-Iskuraġġiment?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
w94 9/1 pp. 22-26

Minkejja li Int Magħmul mit-Trab, Imbotta ’L Quddiem!

“Hu nnifsu jaf sewwa t-​tiswir tagħna, billi jiftakar li aħna trab.”—SALM 103:14.

1. Hija l-​Bibbja xjentifikament korretta meta tgħid li l-​bnedmin huma magħmulin mit-​trab? Spjega.

B’MOD fiżiku, aħna trab. “Alla Jehovah issokta jsawwar lir-​raġel mit-​trab taʼ l-​art u jonfoħ f’imnifsejh in-​nifs tal-​ħajja, u r-​raġel sar ruħ ħajja.” (Ġenesi 2:7) Din id-​deskrizzjoni sempliċi tal-​ħolqien tal-​bniedem hija fi qbil maʼ verità xjentifika. L-​iktar minn 90 element kollha li minnhom huwa kompost il-​ġisem uman jistgħu jinsabu fit-​“trab taʼ l-​art.” Wieħed spiżjar darba sostna li ġisem uman adult huwa kompost minn 65 fil-​mija ossiġnu, 18 fil-​mija karbonju, 10 fil-​mija idroġenu, 3 fil-​mija nitroġenu, 1.5 fil-​mija kalċjum, u 1 fil-​mija fosfru, bil-​bqija fformat minn elementi oħrajn. Jekk dawn l-​estimi humiex għalkollox eżatti m’huwiex importanti. Il-​fatt jibqaʼ: “Aħna trab”!

2. Il-​mod kif Alla ħalaq lill-​bnedmin x’rispons jipproduċi fik, u għala?

2 Min, minbarra Jehovah, setaʼ joħloq ħlejjaq komplessi bħalna minn xejn iktar ħlief trab? Ix-​xogħlijiet t’Alla huma perfetti u mingħajr tebgħa, u għalhekk l-​għażla tiegħu li joħloq il-​bniedem b’dan il-​mod ċertament m’hija ebda raġuni għal ilment. Tabilħaqq, li l-​Ħallieq Grandjuż setaʼ joħloq il-​bniedem mit-​trab taʼ l-​art b’mod taʼ l-​għaġeb u li jispira biżaʼ jżid l-​apprezzament tagħna għall-​qawwa bla limitu, kapaċità, u għerf prattiku Tiegħu.—Dewteronomju 32:4, nota taʼ taħt; Salm 139:14.

Bidla Fiċ-​Ċirkostanzi

3, 4. (a) F’li joħloq lill-​bniedem mit-​trab, x’ma kenitx l-​intenzjoni t’Alla? (b) David għal liema ħaġa kien qiegħed jirreferi f’​Salm 103:14, u l-​kuntest kif jgħinna naslu għal din il-​konklużjoni?

3 Ħlejjaq tat-​trab għandhom limitazzjonijiet. Alla qatt ma kellu l-​intenzjoni, madankollu, li dawn ikunu taʼ toqol jew restrittivi żżejjed. Ma kinux intenzjonati biex jikkaġunaw skuraġġiment jew jirriżultaw f’niket. Xorta waħda, kif jindika l-​kuntest tal-​kliem taʼ David f’​Salm 103:​14, limitazzjonijiet li għalihom huma suġġetti l-​bnedmin jistgħu jikkaġunaw skuraġġiment u jirriżultaw f’niket. Iva, meta Adam u Eva m’obdewx lil Alla, ġabu sitwazzjoni mibdula għall-​familja futura tagħhom. Li tkun magħmul mit-​trab imbagħad ħa implikazzjonijiet ġodda.a

4 David kien qed jitkellem, mhux dwar il-​limitazzjonijiet naturali li saħansitra bnedmin perfetti magħmulin mit-​trab kien se jkollhom, imma dwar il-​fraġilitajiet umani kkaġunati mill-​imperfezzjoni li writna. Altrimenti ma kienx jgħid dwar Jehovah: “Dak li qiegħed jaħfer l-​iżball kollu tiegħek, li qiegħed ifejjaq il-​mardiet kollha tiegħek, li qiegħed jitlob lura lil ħajtek mill-​istess ħofra, [li] m’għamlilniex saħansitra skond dnubietna; lanqas skond l-​iżbalji tagħna ma ġieb fuqna dak li jistħoqqilna.” (Salm 103:2-4, 10) Minkejja li magħmulin mit-​trab, kieku bnedmin perfetti baqgħu leali, qatt ma kienu jiżżbaljaw, jidinbu, sabiex ikunu jeħtieġu l-​maħfra; lanqas ma kien ikollhom mardiet li jeħtieġu fejqan. Fuq kollox, qatt ma kien ikollhom jinżlu fil-​ħofra tal-​mewt li minnha setgħu jiġu miġjubin lura biss permezz taʼ rxoxt.

5. Għala m’huwiex diffiċli għalina li nifhmu l-​kliem taʼ David?

5 Billi imperfetti, ilkoll kemm aħna esperjenzajna l-​affarijiet li David tkellem dwarhom. Aħna kontinwament konxji tal-​limitazzjonijiet tagħna minħabba l-​imperfezzjoni. Nitnikktu meta xi drabi donnhom li jfixklu r-​relazzjoni tagħna maʼ Jehovah jew maʼ ħutna Kristjani. Jiddispjaċina li l-​imperfezzjonijiet tagħna u l-​pressjonijiet tad-​dinja taʼ Satana kultant jimbottawna fi qtugħ il-​qalb. Ladarba l-​ħakma taʼ Satana qiegħda toqrob bil-​ħeffa lejn it-​tmiem tagħha, id-​dinja tiegħu qiegħda tagħmel pressjoni dejjem akbar fuq in-​nies inġenerali u fuq il-​Kristjani b’mod partikulari.—Rivelazzjoni 12:12.

6. Xi Kristjani għala jistgħu jħossuhom skuraġġiti, u Satana kif jistaʼ jieħu vantaġġ minn dan it-​tip taʼ sentiment?

6 Tħoss int li biex tgħix ħajja Kristjana qed isir iżjed diffiċli? Xi Kristjani nstemgħu jirrimarkaw li iżjed ma ilhom fil-​verità iżjed qishom qegħdin isiru imperfetti. Wisq probabbli, madankollu, huwa sempliċement li saru iżjed konxji taʼ l-​imperfezzjonijiet tagħhom stess u tan-​nuqqas t’abbiltà tagħhom li jikkonformaw mal-​livelli perfetti taʼ Jehovah bil-​mod li jkunu jixtiequ. Attwalment, iżda, din hija x’aktarx konsegwenza taʼ li wieħed ikompli jikber fl-​għarfien u fl-​apprezzament tal-​ħtiġijiet taʼ tjieba taʼ Jehovah. Huwa vitali li qatt ma nħallu fatt bħal dan jiskuraġġina sal-​punt li naqgħu fin-​nassa tax-​Xitan. Matul is-​sekli hu b’mod ripetut ipprova japprofitta ruħu mill-​iskuraġġiment sabiex jikkaġuna lill-​qaddejja taʼ Jehovah jabbandunaw il-​qima vera. Minkejja dan, imħabba ġenwina għal Alla, kif ukoll “mibgħeda sħiħa” għax-​Xitan, żammet lil ħafna minnhom milli jagħmlu dan.—Salm 139:21, 22; Proverbji 27:11.

7. B’liema mod nistgħu xi drabi nkunu bħal Ġob?

7 Xorta waħda, il-​qaddejja taʼ Jehovah forsi xi darba jew oħra jistgħu jħossuhom skuraġġiti. Nuqqas taʼ sodisfazzjon b’dak li jirnexxilna nagħmlu jistaʼ wkoll ikun raġuni waħda. Fatturi fiżiċi jew relazzjonijiet ħżiena maʼ membri tal-​familja, ħbieb, jew ħaddiema sħab jistgħu jkunu involuti. Il-​leali Ġob tant ġie skuraġġit li talab bi ħrara lil Alla: “O li f’Xeol int kont taħbini, li kont iżżommni sigriet sakemm ir-​rabja tiegħek iddur lura, li kont taħtar limitu taʼ żmien għalija u tiftakar fija!” Issa, jekk ċirkostanzi diffiċli setgħu jimbottaw lil Ġob, “raġel bla ħtija u rett, jibżaʼ minn Alla u jwarrab mill-​ħażen,” biex ikollu waqtiet taʼ skuraġġiment, mhux taʼ b’xejn li l-​istess ħaġa tistaʼ tiġri lilna.—Ġob 1:8, 13-19; 2:7-9, 11-13; 14:13.

8. Skuraġġiment taʼ kultant għala jistaʼ jkun sinjal pożittiv?

8 Kemm huwa taʼ faraġ li tkun taf li Jehovah iħares fil-​qlub u ma jagħlaqx għajnejh għal motivi tajbin! Hu qatt ma jwarrab lil dawk li jistinkaw bis-​sinċerità kollha biex jogħġbuh. Li kultant inkunu skuraġġiti, fil-​fatt, jistaʼ jkun sinjal pożittiv, li jindika li m’aħniex nieħdu biċ-​ċajt is-​servizz tagħna lejn Jehovah. Minn dan l-​aspett, dak li qatt ma jissielet maʼ l-​iskuraġġiment forsi ma jkunx konxju spiritwalment tad-​djufijiet tiegħu daqskemm oħrajn huma dwar tagħhom. Ftakar: “Ħalli min jaħseb li hu wieqaf joqgħod attent li ma jaqax.”—1 Korintin 10:12; 1 Samwel 16:7; 1 Slaten 8:39; 1 Kronaki 28:9.

Huma Wkoll Kienu Magħmulin Mit-​Trab

9, 10. (a) Il-​Kristjani l-​fidi taʼ min jagħmlu tajjeb li jimitaw? (b) Mosè kif irreaġixxa għall-​inkarigu tiegħu?

9 Ebrej kapitlu 11 isemmi lista taʼ għadd taʼ Xhieda taʼ Jehovah taʼ qabel il-​Kristjanità li eżerċitaw fidi qawwija. Kristjani taʼ l-​ewwel seklu u dawk taʼ żminijiet moderni għamlu l-​istess. Il-​lezzjonijiet li nistgħu nitgħallmu minnhom huma imprezzabbli. (Qabbel Ebrej 13:7.) Per eżempju, il-​fidi taʼ min jistgħu l-​​Kristjani jimitaw aħjar minn dik taʼ Mosè? Hu ġie mqabbad biex jipproklama messaġġi taʼ ġudizzju lill-​iktar ħakkiem dinji setgħan taʼ żmienu, Farawni taʼ l-​Eġittu. Illum, ix-​Xhieda taʼ Jehovah iridu jiddikjaraw messaġġi taʼ ġudizzju simili kontra r-​reliġjon falza u organizzazzjonijiet oħrajn li huma f’oppożizzjoni lejn is-​Saltna stabbilita taʼ Kristu.—Rivelazzjoni 16:1-15.

10 It-​twettieq taʼ din il-​kariga m’huwiex xi biċċa xogħol ħafifa, kif wera Mosè. “Min jien li għandi mmur għand Farawni u li għandi noħroġ lil ulied Iżrael mill-​Eġittu?” staqsa. Nistgħu nifhmu s-​sentimenti tiegħu taʼ nuqqas taʼ kapaċità. Inkwieta wkoll dwar kif kienu se jirreaġixxu l-​Iżraeliti sħabu: “Suppost li ma jemmnunix u ma jagħtux widen lil leħni?” Jehovah imbagħad spjegalu kif hu setaʼ jagħti prova taʼ l-​awtorizzazzjoni tiegħu, imma Mosè kellu problema oħra. Qal: “Skużani, Jehovah, imma jien m’inix kelliemi fluwenti, la mill-​bieraħ ’l hawn la minn qabel dak ’l hawn lanqas mindu int kellimt lill-​qaddej tiegħek, għax jien bil-​mod mill-​ħalq.”—Eżodu 3:11; 4:1, 10.

11. Bħal Mosè, kif nistgħu nirreaġixxu għal obbligi teokratiċi, imma billi neżerċitaw fidi, dwar liema ħaġa nistgħu nkunu fiduċjużi?

11 Kultant, forsi nħossuna kif ħassu Mosè. Għalkemm nirrikonoxxu l-​obbligi teokratiċi tagħna, forsi nitħassbu dwar kif qatt se nwettquhom. ‘Jien min jien biex navviċina lin-​nies, xi wħud taʼ stat soċjali, ekonomiku, jew edukazzjonali ogħla, u nippretendi li nedukahom fil-​mogħdijiet t’Alla? Kif se jirreaġixxu ħuti spiritwali meta nagħmel xi kummenti fil-​laqgħat Kristjani jew noffri xi preżentazzjonijiet minn fuq il-​platform fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku? M’humiex se jaraw in-​nuqqas taʼ kapaċità tiegħi?’ Imma ftakar, Jehovah kien maʼ Mosè u fornieh għall-​inkarigu tiegħu għaliex Mosè eżerċita fidi. (Eżodu 3:12; 4:2-5, 11, 12) Jekk nimitaw il-​fidi taʼ Mosè, Jehovah se jkun magħna u jfornina għax-​xogħol tagħna wkoll.

12. Il-​fidi taʼ David kif tistaʼ tinkuraġġina meta niġu ffaċċjati minn skuraġġiment minħabba dnubiet jew nuqqasijiet?

12 Kulmin iħossu frustrat jew skuraġġit minħabba dnubiet jew nuqqasijiet jistaʼ ċertament iqabbel lilu nnifsu maʼ David meta qal: “In-​nuqqasijiet tiegħi jien stess nafhom, u d-​dnub tiegħi qiegħed faċċata tiegħi l-​ħin kollu.” Billi talab bil-​ħrara lil Jehovah, David qal ukoll: “Ostor lil wiċċek minn dnubieti, u imsaħ għalkollox saħansitra l-​iżbalji kollha tiegħi.” Qatt, iżda, ma ħalla l-​iskuraġġiment jisraqlu x-​xewqa tiegħu biex jaqdi lil Jehovah. “Tarminix minn quddiem wiċċek; u l-​ispirtu qaddis tiegħek O tiħdux lil hinn minni.” David kien b’mod ċar “trab,” imma Jehovah ma warrabx minnu, għax David eżerċita fidi fil-​wegħda taʼ Jehovah li ma jistmerrx “qalb miksura u mgħaffġa.”—Salm 38:1-9; 51:3, 9, 11, 17.

13, 14. (a) Għala m’għandniex insiru segwaċi tal-​bnedmin? (b) L-​eżempji taʼ Pawlu u Pietru kif juru li saħansitra huma kienu magħmulin mit-​trab?

13 Innota, madankollu, li għalkemm għandna nqisu lil din is-​“sħaba hekk kbira taʼ xhieda” bħala nkuraġġiment biex “niġru bis-​sabar it-​tiġrija li hija mqiegħda quddiemna,” ma jintqalilniex biex insiru s-​segwaċi tagħhom. Jintqalilna biex insegwu l-​passi taʼ “l-​Aġent Ewlieni u Dak li Jipperfezzjona l-​fidi tagħna, Ġesù,” mhux bnedmin imperfetti​—lanqas saħansitra l-​appostli leali taʼ l-​ewwel seklu.—Ebrej 12:1, 2; 1 Pietru 2:21.

14 L-​appostli Pawlu u Pietru, kolonni fil-​kongregazzjoni Kristjana, tfixklu xi drabi. “It-​tajjeb li nixtieq ma nagħmlux, imma l-​ħażin li ma nixtieqx huwa dak li nipprattika,” kiteb Pawlu. “Bniedem miżerabbli li jien!” (Rumani 7:19, 24) U Pietru f’mument taʼ kunfidenza żejda qal lil Ġesù: “Għalkemm l-​oħrajn kollha jieħdu gambetta f’konnessjoni miegħek, qatt ma jien se nieħu gambetta!” Meta Ġesù wissa lil Pietru li kien se jiċħdu tliet darbiet, Pietru bi prużunzjoni kkontradixxa lill-​Imgħallem tiegħu, billi ftaħar: “Saħansitra jekk għandi mmut miegħek, b’ebda mod ma se niċħdek.” Madankollu proprju hekk għamel, żball li ġagħlu jibki biki taʼ mrar. Iva, Pawlu u Pietru kienu magħmulin mit-​trab.—Mattew 26:33-35.

15. Minkejja l-​fatt li aħna magħmulin mit-​trab, x’inċentiv għandna biex nimbottaw ’il quddiem?

15 Minkejja l-​fraġilitajiet tagħhom, madankollu, Mosè, David, Pawlu, Pietru, u oħrajn bħalhom ħarġu rebbiħin. Għala? Għaliex eżerċitaw fidi qawwija f’Jehovah, fdaw fih b’mod assolut, u baqgħu qrib tiegħu minkejja xi diżappunti. Straħu fuqu biex jipprovdi “l-​qawwa iktar min-​normal.” U hekk għamel, billi qatt ma ħalliehom jaqgħu sal-​punt li ma jkunux jistgħu jirkopraw. Jekk nibqgħu neżerċitaw fidi, nistgħu nkunu ċerti li meta jsir ġudizzju fil-​każ tagħna, se jkun fi qbil mal-​kelmiet: “Alla mhux bla tjieba biex jinsa x-​xogħol tagħkom u l-​imħabba li wrejtu għal ismu.” X’inċentiv jagħtina dan biex nimbottaw ’il quddiem minkejja l-​fatt li aħna magħmulin mit-​trab!—2 Korintin 4:7; Ebrej 6:10.

Li Aħna Magħmulin Mit-​Trab Xi Jfisser Għalina Individwalment?

16, 17. Rigward l-​iġġudikar, Jehovah kif japplika l-​prinċipju spjegat f’​Galatin 6:4?

16 L-​esperjenza għallmet lil ħafna ġenituri u għalliema l-​għerf taʼ li jiġġudikaw lil tfal jew studenti skond l-​abbiltà individwali, mhux fuq il-​bażi taʼ paraguni maʼ ħuthom jew maʼ tfal oħrajn tal-​klassi. Dan huwa fi qbil maʼ prinċipju bibliku li l-​Kristjani ntqalilhom biex isegwu: “Ħalli kull wieħed jagħti prova taʼ x’inhu xogħlu stess, u mbagħad se jkollu raġuni biex jifraħ dwaru nnifsu biss, u mhux bi tqabbil mal-​persuna l-​oħra.”​—Galatin 6:4.

17 Fi qbil maʼ dan il-​prinċipju, għalkemm Jehovah jittratta mal-​poplu tiegħu bħala grupp organizzat, jiġġudikahom bħala individwi. Rumani 14:12 jgħid: “Kull wieħed minna se jagħti kont tiegħu nnifsu ’l Alla.” Jehovah jaf sewwa l-​formazzjoni ġenetika taʼ kull wieħed mill-​qaddejja tiegħu. Jaf il-​formazzjoni fiżika u mentali tagħhom, l-​abbiltajiet tagħhom, is-​saħħiet u d-​djufijiet li wirtu, il-​possibiltajiet li għandhom, kif ukoll sa liema punt jieħdu vantaġġ minn dawn il-​possibiltajiet biex jipproduċu frott Kristjan. Il-​kummenti taʼ Ġesù dwar l-​armla li tefgħet żewġ muniti żgħar fit-​teżor tat-​tempju u t-​tixbieha tiegħu taż-​żerriegħa miżrugħa f’ħamrija mill-​aħjar huma eżempji inkuraġġanti għall-​Kristjani li forsi jħossuhom dipressi minħabba li b’mod mhux għaqli jqabblu lilhom infushom maʼ oħrajn.—Mark 4:20; 12:42-44.

18. (a) Għala għandna niddeterminaw xi jfisser għalina individwalment li aħna trab? (b) Eżami sinċier tagħna nfusna għala m’għandux iġegħilna niddispraw?

18 Huwa vitali li niddeterminaw xi jfisser li tkun trab fil-​każ individwali tagħna stess sabiex inkunu nistgħu naqdu sa l-​akbar potenzjal tagħna. (Proverbji 10:4; 12:24; 18:9; Rumani 12:1) Huwa biss billi nkunu konxji bir-​reqqa tal-​fraġilitajiet u d-​djufijiet tagħna persunali nistgħu nibqgħu attenti għall-​ħtieġa u għall-​possibiltajiet taʼ titjib. Meta nagħmlu eżami tagħna nfusna, ejjew qatt ma ninjoraw il-​qawwa taʼ l-​ispirtu qaddis f’li jgħinna biex nitjiebu. Permezz tiegħu, ġie maħluq l-​univers, inkitbet il-​Bibbja, u, f’nofs dinja moribonda, inġabet fl-​eżistenza soċjetà dinjija ġdida u paċifika. Mela l-​ispirtu qaddis t’Alla huwa ċertament qawwi biżżejjed biex jagħti lil dawk li jitolbu għalih l-​għerf u s-​saħħa meħtieġa biex iżommu l-​integrità.—Mikea 3:8; Rumani 15:13; Efesin 3:16.

19. Li aħna magħmulin mit-​trab għal liema ħaġa m’huwiex skuża?

19 Kemm huwa taʼ faraġ li tkun taf li Jehovah jiftakar li aħna trab! Qatt m’għandna nirraġunaw, madankollu, li din hija skuża leġittima biex nillaxkaw idejna jew forsi saħansitra biex nagħmlu l-​ħażen. Xejn affattu! Li Jehovah jiftakar li aħna trab hija espressjoni tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu. Imma aħna ma rridux inkunu ‘nies taʼ mingħajr Alla, li qegħdin indawru l-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla tagħna fi skuża għal kondotta laxka u qegħdin nagħtu prova li aħna foloz għall-​uniku Sid u Mulej tagħna, Ġesù Kristu.’ (Ġuda 4) Li aħna magħmulin mit-​trab m’huwiex skuża biex inkunu mingħajr Alla. Kristjan jistinka biex jikkumbatti tendenzi ħżiena, billi jgħakkes lil ġismu u jmexxih bħal irsir, sabiex jevita li ‘jnikket lill-​ispirtu qaddis t’Alla.’—Efesin 4:30; 1 Korintin 9:27.

20. (a) F’liema żewġ aspetti għandna aħna ‘ħafna x’nagħmlu fix-​xogħol tal-​Mulej’? (b) Għala għandna raġuni għal ottimiżmu?

20 Issa, matul is-​snin taʼ konklużjoni tas-​sistema dinjija taʼ Satana, m’huwiex iż-​żmien biex inbattu​—mhux fejn jinvolvi l-​ippridkar tas-​Saltna u mhux fejn jinvolvi l-​iżviluppar iktar bis-​sħiħ tal-​frott taʼ l-​ispirtu t’Alla. Fiż-​żewġ oqsma għandna ‘ħafna x’nagħmlu.’ Issa huwa ż-​żmien biex nimbottaw ’il quddiem għaliex nafu li “l-​ħidma tagħna m’hijiex għalxejn.” (1 Korintin 15:58) Jehovah se jweżinna, għax dwaru David qal: “Qatt ma se jħalli lit-​twajjeb jixxengel.” (Salm 55:22) X’ferħ li tkun taf li Jehovah qed jippermettilna personalment biex nieħdu sehem fl-​iktar xogħol grandjuż li ħlejjaq umani imperfetti qatt ġew inkarigati biex jagħmlu​—u dan minkejja li aħna magħmulin mit-​trab! (w94 9/1)

[Nota taʼ taħt]

a Il-kummentarju tal-​Bibbja Herders Bibelkommentar, waqt li jikkummenta fuq Salm 103:14, jinnota: “Hu jaf tajjeb li ħalaq lill-​bnedmin mit-​trab taʼ l-​art, u jaf id-​djufijiet u n-​natura qasira taʼ ħajjithom, li jagħfsuhom ’l isfel mid-​dnub oriġinali ’l hawn.”—Korsiv tagħna.

Tistaʼ Tispjega?

◻ Ġenesi 2:7 u Salm 103:14 kif inhuma differenti f’li jirreferu għall-​bnedmin bħala li huma magħmulin mit-​trab?

◻ Ebrej kapitlu 11 għala huwa sors taʼ inkuraġġiment għall-​Kristjani llum?

◻ Għala nkunu għaqlin jekk napplikaw il-​prinċipju mniżżel f’​Galatin 6:4?

◻ Ebrej 6:10 u 1 Korintin 15:58 kif jistgħu jgħinu biex iżommu ’l bogħod l-​iskuraġġiment?

[Stampi f’paġna 24]

Il-​Kristjani jimitaw il-​fidi taʼ adoraturi sħabhom, imma jsegwu lil Dak li Jipperfezzjona l-​fidi tagħhom, Ġesù

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja