Il-Ħarsa tal-Bibbja
Għandu Alla Jiġi Meqjum Permezz tax-Xbihat?
“Ġejt mgħallem li x-xbihat jagħmluni nħossni eqreb lejn Alla.”—Mack.
“Id-dar tagħna kienet mimlija ikoni reliġjużi. Konna naħsbu li dan kien jagħmel lil darna togħġob lil Alla.”—Herta.
“Konna mmilu quddiem ċerti xbihat. Qatt ma konna naħsbu kif iħossu Alla dwar dan l-att.”—Sandra.
KIF tħossok dwar dawn l-istqarrijiet? Ħafna jemmnu li x-xbihat reliġjużi jgħinuhom iqimu lil Alla. Hi din il-ħarsa korretta? Iktar importanti minn hekk, Alla kif iħossu dwar il-kwistjoni? Ikkunsidra x’tgħid il-Kelma miktuba tiegħu, il-Bibbja Mqaddsa.
Il-Ħarsa t’Alla Lejn ix-Xbihat Reliġjużi
L-ikoni u l-idoli reliġjużi huma rappreżentazzjonijiet, jew simboli, taʼ kull ħaġa li sservi bħala oġġett taʼ devozzjoni jew qima. Dawn jinkludu s-slaleb, l-istatwi, l-istampi, jew kull ħaġa li tixbah affarijiet fis-sema jew fuq l-art.a Il-bnadar ukoll jistgħu jkunu oġġetti taʼ qima.
L-użu t’oġġetti taʼ din ix-xorta fil-qima jmur lura eluf taʼ snin. Għalhekk, fl-1513 Q.E.K., meta Alla ta l-Għaxar Kmandamenti lill-ġens taʼ Israel li kien għadu kif ġie fformat, Hu b’mod ċar iddikjara l-ħarsa tiegħu dwar ix-xbihat reliġjużi. Hu qal: “Tagħmilx għalik xi xbieha skolpita jew forma bħal xi ħaġa li hemm fis-smewwiet ’il fuq, jew li hemm fuq l-art taħt, jew li hemm fl-ilmijiet taħt l-art. Tmilx quddiemhom u lanqas tiġi mħajjar biex taqdihom, għaliex jien Ġeħova Alla tiegħek, jien Alla li nesiġi devozzjoni esklużiva.”—Eżodu 20:4, 5.
Innota ż-żewġ projbizzjonijiet t’Alla: L-ewwel, il-poplu tiegħu ma kellux jagħmel xbihat għall-qima, u t-tieni, ma kellhomx ‘imilu quddiemhom’ jew jaqduhom. Il-Ħallieq tagħna għala pprojbixxa li jintgħamlu x-xbihat? Raġuni waħda għala m’għandhomx jintgħamlu xbihat t’Alla hi li “ebda bniedem ma ra lil Alla f’xi żmien.” Ġeħova m’huwiex magħmul minn elementi fiżiċi imma huwa spirtu u jgħix fil-qasam taʼ l-ispirti. (Ġwanni 1:18; 4:24) Raġuni għala ma nagħmlu xbihat t’ebda ħaġa hi li Alla jesiġi “devozzjoni esklużiva.” “Lil ħadd iktar ma nagħti l-glorja tiegħi, lanqas it-tifħir tiegħi lix-xbihat minquxin,” jgħid hu. (Isaija 42:8) Għal din ir-raġuni, huwa ħażin ukoll li tagħmel xbieha biex tgħinek fil-qima. Meta mexxej Israeli jismu Aron għamel xbieha, Ġeħova ħassu offiż ħafna.—Eżodu 32:4-10.
Għala M’Għandniex Immilu Quddiemhom?
Dwar l-idoli, il-Bibbja tgħid: “Fomm għandhom, imma ma jistgħux jitkellmu; għajnejn għandhom, imma ma jistgħux jaraw; widnejn għandhom, imma ma jistgħux jisimgħu.” Imbagħad iżżid din it-twissija serja: “Dawk li jagħmluhom isiru bħalhom”—bla ħajja!—Salm 115:4-8.
Il-qima taʼ l-idoli hija wkoll att taʼ inġustizzja. Staqsi lilek innifsek, ‘Kif inħossni li kieku nagħti lil uliedi rigal jiswa l-flus, u mbagħad dawn jitilqu ’l hemm u jirringrazzjaw lil xi ħadd li lanqas biss jafuh jew saħansitra lil oġġett bla ħajja?’ Dan jistaʼ jgħinek tifhem kif il-Ħallieq u d-Donatur tal-ħajja jħossu meta oħrajn—inkluż idoli bla ħajja—jingħataw il-kredtu u l-qima li huma dovuti lilu.—Rivelazzjoni 4:11.
Aħseb ukoll, kemm hu nieqes mid-dinjità li bniedem—maħluq fuq ix-xbieha t’Alla stess—iqim oġġett bla ħajja! (Ġenesi 1:27) Dwar xi wħud li għamlu eżattament dan, il-profeta Isaija kiteb: “Imilu quddiem xogħol l-idejn, quddiem dak li hu magħmul bis-swabaʼ. U l-bniedem jitniżżel, u r-raġel jitbaxxa, u ma jistax ikun taħfrilhom [Alla Ġeħova].”—Isaija 2:8, 9.
Il-qima falza hija saħansitra iktar offensiva għal Alla għaliex fir-realtà din hija qima tad-demonji—l-għedewwa t’Alla. Meta l-Israelin abbandunaw lil Ġeħova għall-idoli, huma “bdew joffru sagrifiċċji lid-demonji, mhux lil Alla,” jgħid Dewteronomju 32:17.
Kienu s-segwaċi bikrin taʼ Ġesù Kristu jqimu l-idoli jew jużawhom biex jgħinuhom fil-qima? Le! Ġwanni, l-appostlu taʼ Ġesù, kiteb: “Ulied ċkejknin, ħarsu ruħkom mill-idoli.” (1 Ġwanni 5:21) Il-ktieb Early Church History to the Death of Constantine jgħid: “Xejn ma setaʼ kien iktar taʼ stmerrija għad-dixxipli bikrin mill-qima lill-idoli.”
It-Tip Xieraq taʼ Qima
Ġesù qal: “L-aduraturi veri jqimu lill-Missier bl-ispirtu u l-verità, għax, tabilħaqq, il-Missier qed ifittex nies bħal dawn biex iqimuh.” (Ġwanni 4:23) Iva, Alla jridna nkunu nafuh bħala persuna—xi jħobb, x’jobgħod, il-livelli tiegħu, u l-iskop tiegħu għalina. (Ġwanni 17:3) Fil-fatt, għalhekk ried li l-Bibbja titniżżel bil-miktub. (2 Timotju 3:16) Ukoll, minħabba li Alla “m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna,” aħna nistgħu nitolbu fi kwalunkwe ħin, post, u mingħajr l-għajnuna taʼ xbihat reliġjużi.—Atti 17:27.
“Meta dħalt f’Sala tas-Saltna tax-Xhieda taʼ Ġeħova, ma rajt ebda xbieha għall-qima,” tgħid Sandra, li ġiet kwotata qabel. “Ix-Xhieda użaw il-Bibbja biex juruni l-kwalitajiet u l-ħtiġijiet t’Alla. Għalhekk, tgħallimt nitlob b’tali mod li Alla jismagħni. Issa nħoss li għandi fehma eżatta tal-Ħallieq u relazzjoni mill-qrib miegħu.” Iva, Sandra tgħallmet kemm il-veritajiet tal-Bibbja tassew iġibu serħan u ħelsien. (Ġwanni 8:32) Dan jistaʼ jkun il-każ tiegħek ukoll.
[Nota taʼ taħt]
QATT ĦSIBT DWAR DAN?
◼ Għala għandna nevitaw kull tip taʼ xbieha fil-qima?—Salm 115:4-8; 1 Ġwanni 5:21.
◼ Kif għandu jiġi meqjum l-Alla l-veru?—Ġwanni 4:24.
◼ Kif tistaʼ titgħallem il-verità dwar Alla, u kif tistaʼ tibbenefika?—Ġwanni 8:32; 17:3.