Il-Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja
Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Ġożwè
MIN jaf kemm kienu ferħanin l-Iżraelin meta fl-1473 Q.E.K waqt li kienu kkampjati fil-Witât taʼ Mowab semgħu l-kliem: “Ħejju l-ikel għalikom, għax tlitt ijiem oħra intom taqsmu dan il-Ġordan biex tidħlu tieħdu l-art li l-Mulej, Alla tagħkom, sejjer jagħtikom biex teħduha f’idejkom.” (Ġożwè 1:11) Il-perijodu t’40 sena li kienu ilhom jgħixu fid-deżert kien wasal biex jispiċċa.
Xi ftit iktar minn 20 sena wara, il-mexxej tagħhom Ġożwè waqaf f’nofs l-art taʼ Kangħan u ħabbar dan il-kliem lix-xjuħ taʼ Iżrael: “Araw, jien qassamtilkom b’wirt lit-tribujiet tagħkom dawn il-ġnus li għad fadal minn dawk li jien qridt, mill-Ġordan sal-Baħar il-Kbir, in-naħa taʼ nżul ix-xemx. U l-Mulej, Alla tagħkom, għad jaqlagħhom u jkeċċihom minn quddiemkom, u intom tirtu arthom bħalma l-Mulej, Alla tagħkom, wegħedkom.”—Ġożwè 23:4, 5.
Il-ktieb taʼ Ġożwè, li nkiteb minn Ġożwè fl-1450 Q.E.K., huwa rakkont storiku eċċitanti taʼ x’ġara matul dawk it-22 sena. Hekk kif ninsabu fuq l-għatba tad-dinja l-ġdida mwiegħda, aħna ninsabu f’pożizzjoni simili għal dik taʼ wlied Iżrael li kienu lesti biex jieħdu l-Art Imwiegħda. Mela ejja nagħtu attenzjoni għall-ktieb taʼ Ġożwè b’interess kbir.—Ebrej 4:12.
LEJN IL-“WITÂT TAʼ ĠERIKO”
X’inkarigu rċieva Ġożwè meta Ġeħova qallu: “Mosè, il-qaddej tiegħi, miet. Issa qum u aqsam dan il-Ġordan, int u dan il-poplu kollu taʼ Iżrael, lejn l-art li jien se nagħtikom”! (Ġożwè 1:2) Ġożwè kellu jmexxi lil ġens taʼ miljuni taʼ nies għal ġo l-Art Imwiegħda. Bħala preparazzjoni għal dan, hu bagħat żewġ spiji Ġeriko—il-belt li kellha tiġi konkwistata l-ewwel. F’dik il-belt kienet toqgħod Raħab il-prostituta, li kienet semgħet dwar l-għemejjel setgħana li Ġeħova għamel għan-nom tal-poplu tiegħu. Hi pproteġiet u għenet lill-ispiji u għal dan huma wegħduha li ma kinitx se tinqered.
Meta l-ispiji rritornaw, Ġożwè u l-poplu kienu lesti biex ikomplu bil-vjaġġ tagħhom u jaqsmu l-Ġordan. Għalkemm ix-xmara kienet qed tfur, din ma ħolqitilhom l-ebda ostaklu għax Ġeħova ġiegħel li l-ilmijiet tan-naħa taʼ fuq tax-xmara jogħlew bħal ħajt u l-ilmijiet tan-naħa t’isfel jitbattlu fil-Baħar il-Mejjet. Wara li qasmu l-Ġordan, l-Iżraelin ikkampjaw f’Gilgal, viċin Ġeriko. Erbat ijiem wara, matul il-lejla taʼ l-14 taʼ Abib, huma ċċelebraw il-Qbiż fil-witât taʼ Ġeriko. (Ġożwè 5:10) L-għada, huma kielu mill-prodotti tar-rabaʼ taʼ dik l-art, u l-provvediment tal-manna waqaf. Matul dak iż-żmien, Ġożwè għamel iċ-ċirkonċiżjoni lis-subien kollha li twieldu fid-deżert.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
2:4, 5—Raħab għala qarrqet bl-irġiel li s-sultan kien bagħat biex ifittxu lill-ispiji? Raħab ipproteġiet lill-ispiji b’riskju għal ħajjitha għax hi żviluppat fidi f’Ġeħova. Għalhekk, hi ma kinitx obbligata tgħid fejn kienu l-ispiji lil dawk l-irġiel li kienu qed jipprovaw jagħmlu ħsara lill-poplu t’Alla. (Mattew 7:6; 21:23-27; Ġwanni 7:3-10) Fil-fatt, Raħab kienet “dikjarata ġusta bl-għemejjel” tagħha, inkluż il-fatt li ma dderiġietx sew lir-rappreżentanti tas-sultan.—Ġakbu 2:24-26.
5:14, 15—Min kien il-“kaptan fl-eżerċtu” taʼ Ġeħova? Il-kaptan, jew prinċep, li saħħaħ lil Ġożwè meta bdiet il-konkwista taʼ l-Art Imwiegħda x’aktarx li m’hu ħadd ħlief “il-Kelma”—Ġesù Kristu qabel għex bħala bniedem. (Ġwanni 1:1; Danjel 10:13) Kemm issaħħaħna l-assiguranza li Ġesù Kristu glorifikat huwa mal-poplu t’Alla llum hekk kif qed jiġġieldu l-gwerra spiritwali!
Lezzjonijiet Għalina:
1:7-9. Sabiex ikollna suċċess fix-xogħol spiritwali tagħna huwa essenzjali li naqraw il-Bibbja kuljum, nimmeditaw regolarment fuq dak li tgħid, u nipprattikaw dak li nitgħallmu.
1:11. Ġożwè jitlob lin-nies sabiex ilestu lprovvisti tagħhom u mhux joqogħdu idejhom fuq żaqqhom jistennew lil Alla jipprovdilhom. It-twissija taʼ Ġesù sabiex ma nibqgħux inkunu ansjużi dwar in-neċessitajiet tal-ħajja, flimkien mal-wegħda tiegħu li ‘dawn l-affarijiet l-oħrajn kollha se jiżdidulna,’ ma tfissirx li m’għandna nagħmlu xejn biex immantnu lilna nfusna.—Mattew 6:25, 33.
2:4-13. Wara li semgħet bl-għemejjel kbar taʼ Ġeħova u billi rrealizzat li ż-żmien kien kritiku, Raħab iddeċidiet li tappoġġa l-aduraturi tiegħu. Jekk ilek tistudja l-Bibbja għal xi żmien u rrikonoxxejt li qed ngħixu “fl-aħħar jiem,” m’għandikx int tiddeċiedi li taqdi lil Alla?—2 Timotju 3:1.
3:15. Ladarba r-rapport li ġabu lura l-ispiji li ntbagħtu Ġeriko kien tajjeb, Ġożwè aġixxa malajr, mingħajr ma qagħad jistenna li l-ilma tal-Ġordan jonqos. Fejn għandhom x’jaqsmu l-attivitajiet li jinvolvu l-qima vera, irridu naġixxu b’kuraġġ minflok ma noqogħdu nitnikkru sakemm iċ-ċirkustanzi tagħna jkunu jidhru aħjar.
4:4-8, 20-24. It-12-il ġebla li ttieħdu mix-xmara Ġordan swew bħala tfakkira għal Iżrael. Dak li għamel Ġeħova biex isalva lin-nies tiegħu taʼ daż-żmien mill-għedewwa tagħhom iservi bħala tfakkira li hu magħhom.
IR-REBĦA TKOMPLI
Il-belt taʼ Ġeriko “kienet magħluqa u msakkra . . . , ħadd ma kien joħroġ jew jidħol.” (Ġożwè 6:1) Kif kienet se tintrebaħ il-belt? Ġeħova ta lil Ġożwè l-istrateġija. Il-ħitan ma damux ma ġġarrfu u l-belt inqerdet. Raħab u l-familja tagħha biss salvaw.
Ir-rebħa li kien imiss kienet fuq il-belt irjali t’Għaj. L-ispiji li ntbagħtu hemm irrapportaw li l-belt kien fiha ftit abitanti, u għalhekk ma kienx hemm bżonn taʼ ħafna rġiel biex jaħbtu għaliha. Madankollu, it-3,000 suldat li ntbagħtu biex jattakkaw il-belt ħarbu minn quddiem in-nies t’Għaj. X’kienet ir-raġuni? Ġeħova ma kienx maʼ l-Iżraelin. Għakan, raġel mit-tribù taʼ Ġuda, dineb waqt li kienu qed jinvadu Ġeriko. Wara li rranġa s-sitwazzjoni, Ġożwè telaʼ kontra Għaj. Peress li kien diġà rebħilhom darb’oħra lill-Iżraelin, is-sultan t’Għaj kien ħerqan biex jiġġildilhom. Imma Ġożwè uża strateġija li permezz tagħha ħa vantaġġ mill-kunfidenza żejda li l-irġiel t’Għaj kellhom fihom infushom, u Ġożwè ħa l-belt f’idejh.
Gibgħon kienet “belt kbira”—“akbar minn Għaj, u niesha nies qalbiena.” (Ġożwè 10:2) Madankollu, malli semgħu dwar is-suċċess li lIżraelin kellhom kontra Ġeriko u Għaj, l-irġiel taʼ Gibgħon qarrqu b’Ġożwè u ġagħluh jidħol f’patt taʼ paċi magħhom. Il-ġnus taʼ madwar qiesu dan l-att taʼ tradiment bħala theddida għalihom. Ħamsa mis-slaten tagħhom ifformaw alleanza u attakkaw lil Gibgħon. L-Iżraelin salvaw lill-Gibgħonin u kellhom rebħa kbira fuq dawk li attakkawhom. Ir-rebħiet l-oħra taʼ Iżrael taħt it-tmexxija taʼ Ġożwè inkludew l-bliet fin-nofsinhar u l-punent, kif ukoll ir-rebħa kontra l-alleanza tas-slaten tat-tramuntana. Is-slaten kollha li ġew mirbuħa fuq in-naħa tal-punent tal-Ġordan kienu jammontaw għal 31.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
10:13—Fenomenu bħal dan kif kien possibbli? “Hemm xi ħaġa iebsa ż-żejjed għall-Mulej,” il-Ħallieq tas-sema u l-art? (Ġenesi 18:14) Jekk irid, Ġeħova jistaʼ jimmanuvra l-moviment taʼ l-art, u b’hekk għal osservatur minn fuq id-dinja, ix-xemx u l-qamar ikunu jidhru daqslikieku waqfu jduru. Jew jekk irid jistaʼ jħalli l-art u l-qamar jibqgħu jduru, imma jġiegħel li b’xi mod ir-raġġi mix-xemx u l-qamar jibqgħu jagħtu d-dawl. Hu x’inhu l-każ, “qatt ma kien hemm jum bħalu” fl-istorja umana.—Ġożwè 10:14.
10:13-X’inhu Ktieb il-Ġust? Il-ktieb jerġaʼ jissemma fit-2 Samwel 1:18 meta saret referenza għal poeżija, jew lamentazzjoni, li fiha ssemma n-niket minħabba l-mewt tas-Sultan Sawl taʼ Iżrael u ibnu Ġonatan. Il-ktieb x’aktarx kien ġabra t’għanjiet u poeżiji li jiddeskrivu ġrajjiet memorabbli fl-istorja taʼ Iżrael u mid-dehra kien magħruf sew fost l-Ebrej.
Lezzjonijiet Għalina:
6:26; 9:22, 23. Is-saħta li għamel Ġożwè meta nqerdet Ġeriko twettqet 500 sena wara. (1 Slaten 16:34) Is-saħta taʼ Noè fuq in-neputi tiegħu, Kangħan, twettqet meta l-Gibgħonin saru qaddejja. (Ġenesi 9:25, 26) Il-kelma taʼ Ġeħova dejjem titwettaq.
7:20-25. Ħafna jqisu s-serq t’Għakan bħala xi ħaġa żgħira, għax forsi jirraġunaw li ma ġab l-ebda ħsara lil oħrajn. Għandhom mnejn iħarsu bl-istess mod lejn is-serq t’affarijiet żgħar u xi offiża żgħira oħra kontra l-liġi tal-Bibbja. Biss, aħna għandu jkollna l-istess determinazzjoni bħal Ġożwè meta niġu biex nirreżistu pressjonijiet biex nagħmlu atti illegali jew immorali.
9:15, 26, 27. Għandna nieħdu bis-serjetà kwalunkwe arranġament li nagħmlu u nżommu kelmitna.
ĠOŻWÈ JIDĦOL GĦALL-AĦĦAR INKARIGU KBIR TIEGĦU
Ġożwè kien xjaħ mhux ħażin—kważi kellu 90 sena—u beda jqassam l-art. Kienet tabilħaqq biċċa xogħol kbira! It-tribujiet taʼ Ruben u Gad u nofs it-tribù taʼ Manasse kienu diġà ħadu l-artijiet tagħhom in-naħa tal-lvant tal-Ġordan. Il-bqija tat-tribujiet ngħataw wirt fuq in-naħa tal-punent billi tellgħu x-xorti.
It-tabernaklu twaqqaf f’Silo fit-territorju t’Efrajm. Kaleb irċieva l-belt taʼ Ħebron, u Ġożwè ħa Timnat-seraħ. Il-Leviti ngħataw 48 belt, inkluż is-6 ibliet tal-kenn. Fi triqithom lura lejn il-wirt tagħhom fil-lvant tal-Ġordan, il-gwerriera taʼ Ruben, Gad, u nofs it-tribù taʼ Manasse waqqfu artal “kbir li jidher.” (Ġożwè 22:10) It-tribujiet fuq in-naħa tal-punent tal-Ġordan qiesu dan l-att bħala apostasija, u kważi faqqgħet gwerra bejn it-tribujiet, imma permezz taʼ komunikazzjoni tajba ma xxerridx demm.
Wara li Ġożwè għex għal xi żmien f’Timnat-seraħ, hu sejjaħ lix-xjuħ, il-kapijiet, l-imħallfin, u l-uffiċjali taʼ Iżrael u ħeġġiġhom biex ikunu kuraġġużi u sabiex jibqgħu leali lejn Ġeħova. Iktar tard, Ġożwè laqqaʼ t-tribujiet kollha taʼ Iżrael f’Sikem. Hemmhekk hu rriveda l-atti taʼ Ġeħova minn żmien Abraham ’il quddiem, u għal darb’oħra ħeġġiġhom sabiex ‘jibżgħu mill-Mulej, u jaqduh bir-reqqa u l-fedeltà.’ Il-poplu ġie mqanqal jgħid: “Lill-Mulej, Alla tagħna, naqdu, u leħnu nisimgħu.” (Ġożwè 24:14, 15, 24) Wara dawn l-affarijiet, Ġożwè miet fl-età taʼ 110 snin.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
13:1—Ma jikkontradixxix dan dak li hemm imniżżel f’Ġożwè 11:23? Le, għax ir-rebħa fuq l-Art Imwiegħda kienet tikkonsisti minn żewġ aspetti: l-ewwel aspett kien il-gwerer nazzjonali li għelbu 31 sultan mill-art taʼ Kangħan, li kissru l-qawwiet tal-Kangħanin, u t-tieni aspett kien il-fatt li ħadu pussess taʼ l-art kollha permezz t’azzjonijiet tribwali u individwali. (Ġożwè 17:14-18; 18:3) Għalkemm ulied Iżrael naqsu milli jkeċċu l-Kangħanin minn fosthom kompletament, dawk li salvaw ma kinux taʼ theddida għas-sigurtà taʼ Iżrael. (Ġożwè 16:10; 17:12) Ġożwè 21:44 jgħid: “Il-Mulej serraħhom minn kullimkien.”
24:2—Kien Teraħ, missier Abraham, iqim l-idoli? Għall-ewwel, Teraħ ma kienx aduratur t’Alla Ġeħova. X’aktarx li hu kien iqim lill-alla qamar Sin—alla popolari f’Ur. Skond tradizzjoni Lhudija, Teraħ għandu mnejn kien jagħmel l-idoli. Minkejja dan, meta Abraham telaq minn Ur biex jobdi l-kmand t’Alla, Teraħ mar miegħu lejn Ħaran.—Ġenesi 11:31.
Lezzjonijiet Għalina:
14:10-13. Għalkemm kellu 85 sena, Kaleb talab l-inkarigu diffiċli taʼ li jkeċċi n-nies mir-reġjun taʼ Ħebron. F’din l-akkwata kienu joqogħdu l-Għanakin—irġiel li kienu taʼ daqs straordinarju. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova, dan il-gwerrier taʼ l-esperjenza rebaħ, u Ħebron saret belt taʼ rifuġju. (Ġożwè 15:13-19; 21:11-13) L-eżempju taʼ Kaleb jinkuraġġina biex ma naħarbux minn xi inkarigu teokratiku diffiċli.
22:9-12, 21-33. Għandna noqogħdu attenti u ma niġġudikawx ħażin il-motivi t’oħrajn.
‘Ebda Waħda mill-Wegħdiet Ma Naqset’
Fi xjuħitu, Ġożwè qal lill-irġiel responsabbli f’Iżrael: “Ebda waħda mill-wegħdiet taʼ ġid li għamlilkom il-Mulej, Alla tagħkom, ma naqset. Kollha seħħulkom, ebda waħda minnhom ma marret fix-xejn!” (Ġożwè 23:14) Kemm jurih ċar dan ir-rakkont storiku taʼ Ġożwè!
“Kulma nkiteb minn qabel inkiteb għall-istruzzjoni tagħna,” kiteb l-appostlu Pawlu, “biex permezz tas-sabar tagħna u permezz tal-faraġ mill-Iskrittura jkollna t-tama.” (Rumani 15:4) Nistgħu nibqgħu ċerti li t-tama tagħna fil-wegħdi t’Alla m’hijiex għalxejn. L-ebda wegċda m’hi se tfalli; kollha se jseħħu.
[Mappa f’paġna 10]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara publikazzjoni)
L-art konkwistata taħt it-tmexxija taʼ Ġożwè
BASAN
GILGĦAD
GĦARABA
NEGEB
Ix-Xmara Ġordan
Il-Baħar il-Mielaħ
Il-Wied taʼ Ġabbok
Il-Wied taʼ l-Arnon
Ħasor
Madon
Lassaron
Simron
Ġoknegħam
Dor
Megiddu
Kedes
Tagħnak
Ħafer
Afek
Taffuħa
Betel
Għaj
Gilgal
Ġeriko
Geżer
Ġerusalemm
Makkeda
Ġarmut
Għadullam
Libna
Lakis
Għeglon
Ħebron
Tirsa
Debir
Għarad
[Stampa f’paġna 9]
Taf għala l-mara żienja Raħab kienet dikjarata ġusta?
[Stampa f’paġna 10]
Ġożwè ħeġġeġ lill-Iżraelin sabiex ‘jibżgħu mill-Mulej, u jaqduh’
[Stampa f’paġna 12]
Is-serq t’Għakan ma kienx xi offiża żgħira—wassal għal konsegwenzi kbar
[Stampa f’paġna 12]
“Bil-fidi ġġarrfu s-swar taʼ Ġeriko.”—Ebrej 11:30