LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w96 6/1 pp. 7-14
  • Iddedika Lilek Innifsek għall-Qari

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Iddedika Lilek Innifsek għall-Qari
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Hieni Dak Li Jaqra [B’Leħen Għoli]”
  • Aħseb B’Mod Attiv u Immedita
  • Assoċja Punti Ġodda M’Oħrajn Li Diġà Taf
  • Agħmel Stampa Mentali Taʼ Inċidenti Skritturali
  • Nitgħallmu Lezzjonijiet Imprezzabbli
  • Ibbenefikaw Billi Taqraw Il-​Bibbja Bħala Familja
  • Il-​Qari u L-​Ministeru Kristjan
  • Agħmel Ħiltek fil-Qari
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Nibbenefikaw mill-Qari taʼ Kuljum tal-Bibbja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Il-Qari tal-Bibbja—Taʼ Siwi u Pjaċevoli
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Sib l-Għaxqa Tiegħek fil-Kelma taʼ Alla
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
w96 6/1 pp. 7-14

Iddedika Lilek Innifsek għall-​Qari

“Sa ma niġi, ħu ħsieb il-​qari [pubbliku] tal-​Kotba Mqaddsa, it-​twissijiet u t-​tagħlim.”—1 TIMOTJU 4:13.

1. Kif nistgħu nibbenefikaw mill-​qari tal-​Bibbja?

ALLA JEHOVAH ta lill-​bnedmin l-​abbiltà taʼ l-​għaġeb li jitgħallmu jaqraw u jiktbu. Hu pprovda wkoll il-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, sabiex nistgħu nkunu struwiti tajjeb. (Isaija 30:20, 21) Effettivament, il-​paġni tagħha jagħmluh possibbli għalina li ‘nimxu’ maʼ patrijarki li kellhom il-​biżaʼ t’Alla bħal Abraham, Iżakk, u Ġakobb. Nistgħu ‘naraw’ nisa taʼ tjieba bħal Sara, Rebekka, u l-​Moabita leali Rut. Iva, u nistgħu ‘nisimgħu’ lil Ġesù Kristu jagħti l-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja. Dan il-​pjaċir u istruzzjoni grandjuża kollha mill-​Iskrittura Mqaddsa jistgħu jkunu tagħna jekk aħna nafu naqraw tajjeb.

2. X’jindika li Ġesù u l-​appostli tiegħu kienu jafu jaqraw tajjeb?

2 Bla dubju, ir-​raġel perfett Ġesù Kristu kellu abbiltà eċċellenti fil-​qari, u ċertament li kien jaf tajjeb ħafna l-​Iskrittura Ebrajka. Meta ġie ttantat mix-​Xitan, għalhekk, Ġesù rrefera ripetutament għaliha u qal, “Hemm miktub.” (Mattew 4:4, 7, 10) F’okkażjoni minnhom fis-​sinagoga f’Nazzaret, hu qara pubblikament u applika għalih innifsu porzjon mill-​profezija taʼ Isaija. (Luqa 4:16-21) Xi ngħidu dwar l-​appostli taʼ Ġesù? Fil-​kitbiet tagħhom, taʼ spiss ikkwotaw l-​Iskrittura Ebrajka. Għalkemm il-​ħakkiema Lhud qiesu lil Pietru u lil Ġwanni bħala bla skola u ordinarji għaliex ma kinux mgħallmin fi skejjel Ebrajċi t’edukazzjoni ogħla, l-​ittri tagħhom ispirati divinament jagħtu prova biċ-​ċar li kienu jafu jaqraw u jiktbu tajjeb. (Atti 4:13) Imma hija tassew importanti l-​abbiltà li taqra?

“Hieni Dak Li Jaqra [B’Leħen Għoli]”

3. Għala huwa tant importanti li taqra l-​Iskrittura u pubblikazzjonijiet Kristjani?

3 Li tieħu u tapplika għarfien eżatt taʼ l-​Iskrittura jistaʼ jirriżulta f’ħajja eterna. (Ġwann 17:3) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah għalhekk jirrealizzaw li huwa importanti b’mod vitali li jaqraw u jistudjaw l-​Iskrittura Mqaddsa u l-​pubblikazzjonijiet Kristjani pprovduti minn Alla permezz tal-​klassi taʼ l-​irsir leali u diskret taʼ Kristjani midlukin. (Mattew 24:45-47, NW) Fil-​fatt, billi wżaw pubblikazzjonijiet tal-​Watch Tower imfasslin apposta, eluf ġew mgħallmin jaqraw u b’hekk jiksbu għarfien tal-​Kelma t’Alla li jagħti l-​ħajja.

4. (a) Għala jirriżulta hena mill-​qari, l-​istudju, u l-​applikar tal-​Kelma t’Alla? (b) Rigward il-​qari, Pawlu x’qal lil Timotju?

4 Hena jirriżulta minn qari, studju, u applikar tal-​Kelma t’Alla. Dan hu minnu għaliex b’hekk aħna nogħġbu u nonoraw lil Alla, nirċievu l-​barka tiegħu, u nesperjenzaw ferħ. Jehovah irid li l-​qaddejja tiegħu jkunu henjin. Għalhekk, ikkmanda lill-​qassisin biex jaqraw il-​Liġi tiegħu lill-​poplu taʼ Israel tal-​qedem. (Dewteronomju 31:9-12) Meta Esdra l-​kopjist u oħrajn qraw il-​Liġi lill-​poplu kollu miġmugħ f’Ġerusalemm, it-​tifsir tagħha ntgħamel ċar, u r-​riżultat kien “ferħ kbir.” (Neħemija 8:6-8, 12) L-​appostlu Kristjan Pawlu iktar tard qal lill-​ħaddiem sieħbu Timotju: “Sa ma niġi, ħu ħsieb il-​qari [pubbliku] tal-​Kotba Mqaddsa, it-​twissijiet u t-​tagħlim.” (1 Timotju 4:13) Traduzzjoni oħra taqra: “Iddedika lilek innifsek għall-​qari pubbliku taʼ l-​Iskrittura.”​—New International Version.

5. Apokalissi 1:3 kif jorbot l-​hena mal-​qari?

5 Li l-​hena tagħna jiddependi fuq li naqraw u li napplikaw il-​Kelma t’Alla jintgħamel ċar f’Apokalissi 1:3. Hemmhekk jintqalilna: “Hieni dak li jaqra [b’leħen għoli] u dawk li jisimgħu l-​kliem taʼ din il-​profezija u jħarsu dak li hemm miktub, għax iż-​żmien qorob!” Iva, għandna bżonn naqraw b’leħen għoli u nisimgħu l-​kliem profetiku t’Alla f’Apokalissi u fl-​Iskrittura kollha. Il-​bniedem verament hieni hu dak li “fil-​liġi tal-​Mulej hi l-​għaxqa tiegħu, lejl u nhar jaħseb [“jaqra minn taħt l-​ilsien,” NW] fil-​liġi tiegħu.” Ir-​riżultat? “Hu jirnexxi f’kull ma jagħmel.” (Salm 1:1-3) Għal raġunijiet tajbin, għalhekk, l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah tħeġġeġ lil kull wieħed minna biex jaqra u jistudja l-​Kelma tiegħu privatament, bħala familji, u mal-​ħbieb.

Aħseb B’Mod Attiv u Immedita

6. Ġożwè liema istruzzjoni ġie mogħti biex jaqra, u dan kif kien taʼ benefiċċju?

6 Kif tistaʼ tikseb l-​aħjar mill-​qari tiegħek tal-​Kelma t’Alla u taʼ pubblikazzjonijiet Kristjani? X’aktarx li ssib taʼ benefiċċju li tagħmel dak li għamel Ġożwè, mexxej li kellu l-​biżaʼ t’Alla f’Israel tal-​qedem. Kien ikkmandat: “Ma jitbiegħed qatt il-​ktieb taʼ din il-​liġi minn fommok, u aħseb fuqu [“aqrah minn taħt l-​ilsien,” NW] lejl u nhar, biex tagħraf tagħmel kull ma hu miktub fih, u hekk tirnexxi f’egħmilek u jkollok ir-​riżq.” (Ġożwè 1:8) Li ‘taqra minn taħt l-​ilsien’ ifisser li tgħid il-​kliem b’leħen baxx. Din hija għajnuna għall-​memorja, għax dan jimpressjona l-​materjal fil-​moħħ. Ġożwè ried jaqra fil-​Liġi t’Alla “lejl u nhar,” jew regolarment. Dak kien il-​mod kif ikollu suċċess u jaġixxi bil-​għaqal f’li jwettaq responsabbiltajiet mogħtijin minn Alla. Qari regulari bħal dan tal-​Kelma t’Alla jistaʼ jgħin lilek b’mod simili.

7. Għala m’għandniex inħallu l-​idea taʼ l-​għaġla tiddomina meta naqraw il-​Kelma t’Alla?

7 Tikkonċentrax fuq kemm se tgħaġġel meta taqra l-​Kelma t’Alla. Jekk ippjanajt li tqattaʼ perijodu taʼ ħin taqra l-​Bibbja jew xi pubblikazzjoni Kristjana, forsi tkun trid teħodha bil-​mod. Dan huwa importanti b’mod partikulari meta tkun qiegħed tistudja bl-​oġġettiv li tiftakar punti sinjifikanti. U meta taqra, aħseb b’mod attiv. Analizza l-​istqarrijiet tal-​kittieb tal-​Bibbja. Staqsi lilek innifsek, ‘X’inhu l-​punt tiegħu? X’għandi nagħmel b’din l-​informazzjoni?’

8. Għala huwa taʼ benefiċċju li timmedita meta taqra l-​Iskrittura?

8 Ħu l-​ħin biex timmedita waqt li tkun qiegħed taqra l-​Iskrittura Mqaddsa. Dan se jgħinek tiftakar rakkonti Bibliċi u tapplika prinċipji Skritturali. Li timmedita fuq il-​Kelma t’Alla u b’hekk iddaħħal sewwa f’moħħok il-​punti Skritturali se jgħinek ukoll titkellem mill-​qalb, billi tagħti lil min jistaqsi b’mod sinċier tweġibiet mill-​aħjar minflok ma tgħid xi ħaġa li għandu mnejn iktar tard jiddispjaċik li tkun għedtha. Jgħid proverbju ispirat divinament: “Moħħ il-​ġust jaħsibha [“jimmedita,” NW] qabel iwieġeb.”—Proverbji 15:28.

Assoċja Punti Ġodda M’Oħrajn Li Diġà Taf

9, 10. Il-​qari tiegħek tal-​Bibbja kif jistaʼ jiġi msebbaħ billi tassoċja punti Skritturali ġodda m’oħrajn li diġà taf?

9 Il-​biċċa l-​kbira mill-​Kristjani jridu jammettu li kien hemm żmien meta ftit li xejn kienu jafu dwar Alla, il-​Kelma tiegħu, u l-​iskopijiet tiegħu. Illum, madankollu, dawn il-​ministri Kristjani, billi jibdew mill-​ħolqien u l-​waqgħa tal-​bniedem fid-​dnub, kapaċi jispjegaw l-​iskop tas-​sagrifiċċju taʼ Kristu, kapaċi jitkellmu dwar il-​qerda taʼ din is-​sistema t’affarijiet mill-​agħar, u kapaċi juru kif bnedmin ubbidjenti se jiġu mberkin b’ħajja taʼ dejjem fuq l-​art magħmula ġenna. Dan hu possibbli fil-​biċċa l-​kbira għaliex dawn il-qaddejja taʼ Jehovah daħħlu f’moħħhom “it-​tagħrif taʼ Alla” billi studjaw il-​Bibbja u pubblikazzjonijiet Kristjani. (Proverbji 2:1-5) Huma bil-​mod il-​mod assoċjaw punti ġodda li tgħallmu m’oħrajn li diġà kienu fehmu qabel.

10 Li tassoċja punti Skritturali ġodda m’oħrajn li diġà taf huwa taʼ benefiċċju u premjanti. (Isaija 48:17) Meta jiġu ppreżentati mill-​Bibbja liġijiet, prinċipji, jew saħansitra ideat xi ftit jew wisq astratti, assoċja dawn maʼ dak li diġà taf. Għaqqad l-​informazzjoni maʼ dak li diġà tgħallimt dwar “l-​eżempju tat-​tagħlim sħiħ.” (2 Timotju 1:13) Fittex informazzjoni li tistaʼ tgħinek issaħħaħ ir-​relazzjoni tiegħek m’Alla, ittejjeb il-​personalità Kristjana tiegħek, jew tgħinek taqsam veritajiet Bibliċi m’oħrajn.

11. X’tistaʼ tagħmel meta taqra xi ħaġa li tgħid il-​Bibbja dwar kondotta? Agħti eżempju.

11 Meta taqra xi ħaġa li l-​Bibbja tgħid dwar kondotta, ipprova għaraf il-​prinċipju involut. Immedita dwaru, u iddeċiedi kieku int x’tagħmel taħt ċirkostanzi simili. Ġużeppi bin Ġakobb irrifjuta b’mod konsistenti li jieħu sehem f’immoralità sesswali mal-​mara taʼ Potifar, billi staqsa: “Kif nistaʼ nagħmel dan il-​ħażen hekk kbir u nidneb kontra Alla?” (Ġenesi 39:7-9) F’dan ir-​rakkont kommoventi, issib prinċipju bażiku​—l-​immoralità sesswali hi dnub kontra Alla. Tistaʼ tassoċja mentalment dan il-​prinċipju maʼ stqarrijiet oħrajn fil-​Kelma t’Alla, u tistaʼ tiftakru bi profitt jekk tiġi ttantat biex tieħu sehem f’ħażen bħal dan.—1 Korintin 6:9-11.

Agħmel Stampa Mentali Taʼ Inċidenti Skritturali

12. Għala għandek tagħmel stampa mentali taʼ rakkonti Bibliċi int u taqrahom?

12 Biex timpressjona punti f’moħħok int u taqra, agħmel stampa mentali taʼ dak li qiegħed jiġri. Mentalment ara l-​art taʼ madwar, id-​djar, in-​nies. Ismaʼ l-​ilħna tagħhom. Xomm il-​ħobż jinħema ġo forn. Għix mill-​ġdid ix-​xeni. Imbagħad il-​qari tiegħek se jkun esperjenza mqanqla, għax tistaʼ tara belt tal-​qedem, titlaʼ muntanja għolja, tistagħġeb bil-​meravilji tal-​ħolqien, jew tassoċja maʼ rġiel u nisa taʼ fidi kbira.

13. Kif tiddeskrivi dak li hu miktub f’Imħallfin 7:19-22?

13 Nassumu li qiegħed taqra Mħallfin 7:19-22. Agħmel stampa mentali taʼ dak li għaddej. L-​Imħallef Gidjon u tliet mitt raġel Israelit taʼ ħila ħadu posthom fit-​tarf tal-​kamp Midjanit. Saru madwar l-​għaxra taʼ fil-​għaxija, il-​bidu taʼ l-​“għassa tan-​nofs” taʼ bil-​lejl. Is-​sentinelli Midjaniti għadhom kif ħadu posthom, u dalma tiksi l-​kamp taʼ l-​għedewwa reqdin taʼ Israel. Ħares! Gidjon u l-​irġiel tiegħu huma mgħammrin bi qran. Għandhom ġarar kbar taʼ l-​ilma li jaħbu torċi miżmumin f’idhom ix-​xellugija. F’daqqa waħda, it-​tliet qtajjaʼ taʼ mija l-​waħda kollha jdoqqu l-​qarn, ikissru l-​ġarar, jgħollu t-​torċi ’l fuq, u jgħajtu: “Xabla għall-​Mulej u għal Gidgħon!” Int tħares lejn il-​kamp. Ara, il-​Midjaniti qegħdin jaħarbu u jinfexxu jgħajtu! Hekk kif it-​tliet mija jkomplu jdoqqu l-​qran tagħhom, Alla jdawwar ix-​xwabel tal-​Midjaniti għal xulxin. Midjan ġie mġiegħel jaħrab, u Jehovah ta r-​rebħa lil Israel.

Nitgħallmu Lezzjonijiet Imprezzabbli

14. Imħallfin kapitlu 9 kif jistaʼ jintuża biex tgħallem tifel dwar il-​ħtieġa li jkun umli?

14 Billi naqraw il-​Kelma t’Alla, nistgħu nitgħallmu ħafna lezzjonijiet. Per eżempju, forsi tixtieq timpressjona fl-​imħuħ t’uliedek il-​ħtieġa li jkunu umlin. Sewwa, għandu jkun faċli li tagħmel stampa mentali u tieħu l-​punt taʼ dak li ntqal fil-​profezija taʼ Ġotam bin Gidjon. Ibda aqra f’Imħallfin 9:8. “Darba,” qal Ġotam, “marru s-​siġar biex jidilku sultan fuqhom.” Iż-​żebbuġa, it-​tina, u d-​dielja rrifjutaw li jaħkmu. Imma l-​għollieq ordinarju kien kuntent li jsir ħakkiem. Wara li tkun qrajt ir-​rakkont b’leħen għoli lit-​tfal tiegħek, tistaʼ tispjega li l-​pjanti taʼ valur kienu jirrappreżentaw persuni denji li ma fittxewx il-​pożizzjoni taʼ sultan fuq l-​Israeliti sħabhom. L-​għollieq, li kien tajjeb biss biex jaqbad, kien jirrappreżenta l-​ħakma tal-​kburi Abimelek, qattiel li ried jiddomina lil oħrajn imma li ħajtu ntemmet bi twettiq tal-​profezija taʼ Ġotam. (Imħallfin, kapitlu 9) Liema tifel se jkun irid jikber u jsir bħal għelieqi?

15. L-​importanza tal-​lealtà kif inhi enfasizzata fil-​ktieb taʼ Rut?

15 L-​importanza tal-​lealtà hi magħmula ċara fil-​ktieb Bibliku taʼ Rut. Nassumu li membri tal-​familja tiegħek qegħdin jaqraw b’leħen għoli porzjon kull wieħed minn dak ir-​rakkont u qegħdin jipprovaw jassorbu dak li jgħid. Tara lil Rut il-​Moabita fi vjaġġ lejn Betlehem maʼ Naomi, il-​kunjata tagħha li kienet armla, u tismaʼ lil Rut tgħid: “Niesek, niesi; Alla tiegħek, Alla tiegħi.” (Rut 1:16) Il-​bieżla Rut tidher tlaqqat wara l-​ħassada fl-​għalqa taʼ Bogħaż. Int tisimgħu jikkumplimentaha, billi jgħidilha: “Niesi kollha fil-​bieb tal-​belt jafu li int mara sewwa.” (Rut 3:11) Ftit wara, Bogħaż jiżżewweġ lil Rut. Fi qbil maʼ l-​arranġament għal żwieġ maʼ ħu r-​raġel, minn Bogħaż hi jkollha tifel ‘għal Naomi.’ Rut issir antenata taʼ David u eventwalment taʼ Ġesù Kristu. Hi b’hekk irċeviet ‘ħlas sħiħ.’ Iktar minn hekk, dawk li jaqraw ir-​rakkont Skritturali jitgħallmu lezzjoni imprezzabbli: Kun leali lejn Jehovah, u tkun imbierek b’mod għani.—Rut 2:12; 4:17-22; Proverbji 10:22; Mattew 1:1, 5, 6.

16. It-​tliet Ebrej minn liema prova għaddew, u dan ir-​rakkont kif jistaʼ jgħinna?

16 Ir-​rakkont taʼ l-​Ebrej li kien jisimhom Xadrak, Mexak, u Abednego jistaʼ jgħinna nkunu leali lejn Alla f’sitwazzjonijiet taʼ prova. Agħmel stampa mentali tal-​ġrajja hekk kif Danjel kapitlu 3 jinqara b’leħen għoli. Xbiha immensa tad-​deheb tiddomina l-​pjanura taʼ Dura, fejn uffiċjali Babilonjani ġew miġburin. Mal-​ħoss taʼ strumenti mużikali, huma jaqgħu maʼ l-​art u jqimu x-​xbiha li s-​Sultan Nebukadneżżar waqqaf. Dan ifisser, kulħadd minbarra Xadrak, Mexak, u Abednego jagħmel hekk. Bir-​rispett kollu, imma riżoluti, jgħidu lis-​sultan li ma kinux se jaqdu lill-​allat tiegħu u jqimu x-​xbiha tad-​deheb. Dawn l-​Ebrej żgħażagħ jintefgħu ġewwa forn jaħraq ħafna iżjed mis-​soltu. Imma x’jiġri? Meta jħares ġewwa, is-​sultan jara erbaʼ rġiel b’saħħithom, wieħed minnhom “qisu xi wild l-​allat.” (Danjel 3:92[Danjel 3:25]) It-​tliet Ebrej jinħarġu mill-​forn, u Nebukadneżżar ibierek lil Dak Alla tagħhom. Kien premjanti li tagħmel stampa mentali tar-​rakkont. U x’lezzjoni tipprovdi rigward fedeltà lejn Jehovah taħt prova!

Ibbenefikaw Billi Taqraw Il-​Bibbja Bħala Familja

17. Semmi fil-​qosor xi ftit mill-​affarijiet taʼ benefiċċju li l-​familja tiegħek tistaʼ titgħallem billi taqraw il-​Bibbja flimkien.

17 Il-​familja tiegħek tistaʼ tgawdi ħafna benefiċċji jekk tqattgħu ħin regolarment taqraw il-​Bibbja flimkien. Billi tibdew minn Ġenesi, tistgħu taraw b’għajnejkom il-​ħolqien u tittawlu ġod-​dar Ġenna oriġinali tal-​bniedem. Tistgħu taqsmu esperjenzi tal-​patrijarki leali u l-​familji tagħhom u ssegwu lill-​Israeliti hekk kif jgħaddu minn ġol-​Baħar l-​Aħmar mingħajr ma jxarrbu saqajhom. Tistgħu taraw lit-​tfajjel ragħaj David jegħleb lil Gulija, il-​ġgant Filistew. Il-​familja tiegħek tistaʼ tinnota l-​kostruzzjoni tat-​tempju taʼ Jehovah f’Ġerusalemm, tistaʼ tara l-​ħerba tiegħu mill-​qtajjaʼ Babilonjani, u tistaʼ tħares lejn il-​bini tiegħu mill-​ġdid taħt il-​Gvernatur Żerubbabel. Flimkien maʼ ragħajja umlin ħdejn Betlehem, tistgħu tisimgħu t-​tħabbira anġelika tat-​twelid taʼ Ġesù. Tistgħu tiksbu dettalji dwar il-​magħmudija tiegħu u l-​ministeru tiegħu, tistgħu tarawh jagħti l-​ħajja umana tiegħu bħala rahan, u tistgħu tieħdu sehem fil-​ferħ taʼ l-​irxoxt tiegħu. Imbagħad, tistgħu tivvjaġġaw maʼ l-​appostlu Pawlu u tosservaw it-​twaqqif taʼ kongregazzjonijiet hekk kif tinfirex il-​Kristjanità. Imbagħad, fil-​ktieb t’Apokalissi, il-​familja tiegħek tistaʼ tgawdi l-​viżjoni grandjuża taʼ l-​appostlu Ġwanni dwar il-​futur, inkluż ir-​Renju t’Elf Sena taʼ Kristu.

18, 19. Liema suġġerimenti huma offruti rigward qari tal-​Bibbja bħala familja?

18 Jekk qegħdin taqraw il-​Bibbja b’leħen għoli bħala familja, aqrawha b’ċarezza u entużjażmu. Meta taqraw xi porzjonijiet taʼ l-​Iskrittura, membru wieħed tal-​familja​—possibilment il-​missier—​jistaʼ jaqra l-​kliem tar-​rakkont ġenerali. Oħrajn minnkom jistgħu jassumu l-​irwol taʼ karattri Bibliċi, billi taqraw il-​partijiet tagħkom b’sentiment addattat.

19 Hekk kif tieħdu sehem f’qari tal-​Bibbja bħala familja, l-​abbiltà tagħkom tal-​qari tistaʼ titjieb. X’aktarx, l-​għarfien tagħkom dwar Alla se jiżdied, u dan għandu jressaqkom eqreb lejh. Asaf kanta: “Iżda jiena l-​hena tiegħi li nkun qrib Alla; f’Sidi l-​Mulej qegħidt il-​kenn tiegħi; u nxandar l-​egħmejjel tiegħek kollha.” (Salm 73:28) Dan se jgħin lill-​familja tiegħek biex tkun bħal Mosè, li “żamm iebes, daqs kemm kieku kien qiegħed jara lil Alla li ma jidhirx,” jiġifieri lil Alla Jehovah.—Lhud 11:27.

Il-​Qari u L-​Ministeru Kristjan

20, 21. Il-​ħatra tagħna biex nippridkaw kif inhi relatata maʼ l-​abbiltà tal-​qari?

20 Ix-​xewqa tagħna biex inqimu “lil Alla li ma jidhirx” għandha tqanqalna biex naħdmu sabiex inkunu qarrejja tajbin. L-​abbiltà li naqraw tajjeb tgħinna nagħtu xiehda mill-​Kelma t’Alla. Ċertament li tgħinna biex nissoktaw fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna li għalih Ġesù inkariga lis-​segwaċi tiegħu meta qal: “Morru . . . agħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha, u għammduhom fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​Ispirtu s-​Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.” (Mattew 28:19, 20; Atti 1:8) L-​għoti taʼ xiehda huwa x-​xogħol ewlieni tan-​nies taʼ Jehovah, u l-​abbiltà tal-​qari tgħinna biex inwettquh.

21 Huwa meħtieġ sforz biex tkun qarrej tajjeb u għalliem tas-​sengħa tal-​Kelma t’Alla. (Efesin 6:17) Mela, “agħmel mill-​aħjar biex iġġib ruħek quddiem Alla, bħala bniedem li għadda mill-​prova . . . li jxandar bir-​reqqa l-​kelma tal-​verità.” (2 Timotju 2:15) Żid l-​għarfien tiegħek taʼ verità Biblika u l-​abbiltà tiegħek bħala Xhud taʼ Jehovah billi tiddedika lilek innifsek għall-​qari. (w96 5/15)

X’Inhuma T-​Tweġibiet Tiegħek?

◻ L-​hena kif jiddependi fuq li naqraw il-​Kelma t’Alla?

◻ Għala timmedita fuq dak li taqra mill-​Bibbja?

◻ Għala tuża assoċjar taʼ punti u tagħmel stampa mentali meta taqra l-​Iskrittura?

◻ Liema huma xi lezzjonijiet li nistgħu nitgħallmu mill-​qari tal-​Bibbja?

◻ Għala taqraw il-​Bibbja b’leħen għoli bħala familja, u liema konnessjoni għandu l-​qari mal-​ministeru Kristjan?

[Stampi f’paġna 10]

Meta taqraw il-​Bibbja bħala familja, agħmlu stampa mentali tar-​rakkonti u immeditaw fuq is-​sinjifikat tagħhom

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja