IMITA L-FIDI TAGĦHOM
Hu ssaporta minkejja l-inġustizzja
ELIJA mexa tul il-Wied tal-Ġordan. Kien ilu ġimgħat sħaħ jivvjaġġa lejn it-Tramuntana mill-Muntanja Ħoreb ’il bogħod. Issa sa fl-aħħar lura f’Iżrael, hu setaʼ jara bidliet f’art twelidu. L-effetti tan-nixfa twila bdew jgħibu. Bdiet nieżla x-xita ħafifa tal-ħarifa u l-bdiewa kienu qegħdin jaħartu l-għelieqi tagħhom. Min jaf kemm ħassu mfarraġ il-profeta li jara l-art tirkupra, imma hu min-nies kien jimpurtah l-iktar. Spiritwalment ma tantx kienu tajbin. Il-pjaga tal-qima taʼ Bagħal kienet għadha mifruxa sew fosthom, u Elija kellu ħafna x’jagħmel.a
Qrib il-belt t’Abel-meħola, Elija ra proġett taʼ biedja fuq skala kbira. Kien hemm 24 barri b’kull par taħt madmad wieħed, u t-12-il par kienu qed jaħartu flimkien jagħmlu raddi paralleli fil-ħamrija niedja. Ir-raġel li kien qed imexxi l-aħħar par kien dak li kien qed ifittex Elija. Dan kien Eliżew, ir-raġel li Ġeħova kien għażel bħala s-suċċessur t’Elija. Elija darba kien ħaseb li hu biss kien leali lejn Alla, għalhekk, bla dubju kien ħerqan li jiltaqaʼ maʼ dan ir-raġel.—1 Slaten 18:22; 19:14-19.
Ħassu wkoll Elija naqra inċert dwar jekk jiddelegax xi ftit mir-responsabbiltajiet tiegħu, jekk jaqsamx il-privileġġi li kellu maʼ ħaddieħor, jew jekk xi darba kienx se jiġi sostitwit? Ma nistgħux ngħidu; lanqas ma nistgħu ngħidu li tħassib bħal dan m’għaddilux minn moħħu. Wara kollox, hu kien “raġel b’sentimenti bħal tagħna.” (Ġakbu 5:17) Kien x’kien, il-Bibbja tgħid: “Elija qasam għal ħdejh u tefagħlu fuqu l-libsa tiegħu taʼ profeta.” (1 Slaten 19:19) Il-libsa uffiċjali t’Elija—x’aktarx tal-ġilda bis-suf tan-nagħaġ jew tal-mogħoż—kienet tintlibes bħala mantar u kienet tissinifika l-ħatra speċjali tiegħu minn Ġeħova. Mela, il-fatt li tpoġġiet fuq spallejn Eliżew kien ġest li kellu tifsira kbira. Elija kien lest li jissottometti ruħu għall-kmand taʼ Ġeħova biex jaħtar lil Eliżew bħala s-suċċessur tiegħu. Elija fada f’Alla tiegħu u obdieh.
Elija b’umiltà ħatar lil Eliżew bħala s-suċċessur tiegħu
Min-naħa tiegħu, ir-raġel iżgħar kien ħerqan biex jgħin lill-profeta akbar minnu. Eliżew ma kellux jissostitwixxi lil Elija fil-pront. Pjuttost, għal madwar sitt snin, hu b’umiltà akkumpanja lill-profeta akbar minnu u għenu. Iktar tard sar magħruf bħala dak “li kien iferraʼ l-ilma f’idejn Elija.” (2 Slaten 3:11) Kemm kien taʼ faraġ għal Elija li jkollu dan l-assistent kapaċi u li tant jgħinu! Iż-żewġt irġiel x’aktarx li saru ħbieb sewwa. L-inkuraġġiment li taw lil xulxin żgur li għenhom jissaportu minkejja li raw l-inġustizzji terribbli li kienu qed isiru mal-pajjiż kollu. Partikularment, il-ħażen tas-sultan, Aħab, kien sejjer iktar għall-agħar.
Ġieli tiffaċċja xi inġustizzja? Ħafna minna jiffaċċjawha f’din id-dinja korrotta. Ħabib li jħobb lil Alla jistaʼ jgħinek tissaporti. Int tistaʼ wkoll titgħallem ħafna mill-fidi t’Elija meta tiffaċċja l-inġustizzja.
“QUM, INŻEL ILTAQAʼ M’AĦAB”
Elija u Eliżew ħadmu iebes biex isaħħu lin-nies spiritwalment. Milli jidher, huma kienu minn taʼ quddiem biex iħarrġu profeti oħrajn, li setgħu kienu organizzati f’xi tip taʼ skejjel. Iżda maż-żmien, Elija rċieva inkarigu ġdid mingħand Ġeħova: “Qum, inżel iltaqaʼ m’Aħab is-sultan taʼ Israel.” (1 Slaten 21:18) Aħab x’kien għamel?
Is-sultan kien diġà apostata, l-agħar wieħed mis-slaten taʼ Iżrael sa dak iż-żmien. Hu kien iżżewweġ lil Ġeżabel u ħalla l-qima taʼ Bagħal tiffjorixxi fil-pajjiż, u anki s-sultan innifsu kien jieħu sehem fiha. (1 Slaten 16:31-33) Il-qima taʼ Bagħal kienet tinkludi riti tal-fertilità, prostituzzjoni ritwali, u saħansitra ssagrifikar tat-tfal. Barra minn hekk, Aħab ftit qabel ma kienx obda kmand taʼ Ġeħova biex joqtol lis-sultan Sirjan mill-agħar Ben-ħadad. Ir-rifjut t’Aħab milli jidher kellu x’jaqsam mal-prospett taʼ qligħ taʼ flus. (1 Slaten, kapitlu 20) Iżda issa, ir-regħba, il-materjaliżmu, u l-vjolenza t’Aħab u Ġeżabel marru iżjed għall-agħar.
Aħab kellu palazz fis-Samarija—u dan verament kien bini enormi! Kellu wkoll palazz f’Ġeżragħel, madwar 37 kilometru ’l bogħod. Maġenb din it-tieni residenza kien hemm għalqa tad-dwieli. Aħab ixxennaq għal din il-biċċa art, li kienet tappartjeni lil raġel jismu Nabot. Aħab bagħat għalih u offrielu l-flus għaliha jew inkella li jpartathielu. Imma Nabot qallu: “Ma jgħaddilix minn moħħi, mill-ħarsa taʼ Ġeħova, li nagħtik wirt missirijieti.” (1 Slaten 21:3) Kien Nabot rasu iebsa? Irresponsabbli? Ħafna hekk ħasbu. Fil-fatt hu kien qed jobdi l-Liġi taʼ Ġeħova, li ma kinitx tippermetti lill-Iżraelin ibigħu għal dejjem art li kienet wirt il-familja tagħhom. (Levitiku 25:23-28) Nabot, lanqas biss għaddielu minn moħħu li jikser il-Liġi t’Alla. Hu kien raġel taʼ fidi u kuraġġ għax żgur li kien jaf li kien perikoluż li jieqaf lil Aħab.
M’għandniex xi ngħidu, Aħab ma kienx jikkalkulaha l-Liġi taʼ Ġeħova. Hu mar id-dar, “bin-nervi u mdejjaq” għax m’għaddietx tiegħu. Aħna naqraw: “Imtedd fuq soddtu u dawwar wiċċu u ma kielx.” (1 Slaten 21:4) Meta Ġeżabel rat lil żewġha bil-geddum donnu xi tifel bil-buri, hi malajr ikkonfoffat biex tiksiblu dak li ried—u wkoll, sadattant, teqred familja sewwa.
Mhux faċli taqra dwar il-konfoffa tagħha mingħajr ma tibqaʼ miblugħ kemm kienet mill-agħar. Is-Sultana Ġeżabel kienet taf li l-Liġi t’Alla kienet tirrikjedi t-testimonjanza taʼ żewġ xhieda biex tiġi provata akkuża serja. (Dewteronomju 19:15) Għalhekk kitbet ittri f’isem Aħab, u dderiġiet lil irġiel prominenti taʼ Ġeżragħel biex isibu żewġt irġiel li kienu lesti li jakkużaw falz lil Nabot bid-dagħa, għax dan kellu l-piena tal-mewt. Il-pjan tagħha mexa ħarir. Żewġt irġiel “m’huma tajbin għal xejn” xehdu falz kontra Nabot, u minħabba f’hekk ġie mħaġġar. U mhux hekk biss—ulied Nabot ukoll ġew maqtulin!b (1 Slaten 21:5-14; Levitiku 24:16; 2 Slaten 9:26) Aħab, fil-fatt, abbanduna t-tmexxija bħala kap tal-familja billi ħalla lil martu tagħmel li trid u teqred lil nies innoċenti.
Immaġina x’ħass Elija meta Ġeħova rrivelalu dak li kienu għamlu s-sultan u s-sultana. Jistaʼ jkun ferm skuraġġanti meta nies mill-agħar jidhru li qed jittrijonfaw fuq uħud innoċenti. (Salm 73:3-5, 12, 13) Illum, spiss naraw inġustizzji terribbli jsiru—xi drabi saħansitra minn irġiel li għandhom is-setgħa u li jsostnu li qed jaġixxu bħala r-rappreżentanti t’Alla. Iżda nistgħu nsibu l-faraġ f’dan ir-rakkont. Il-Bibbja hawnhekk tfakkarna li xejn m’hemm moħbi minn Ġeħova. Hu jara kollox. (Ebrej 4:13) U x’jagħmel dwar l-għemejjel mill-agħar li jara?
“SIBTNI, JA GĦADU TIEGĦI?”
Ġeħova bagħat lil Elija għand Aħab. Alla qallu bla tlaqliq: “Hu jinsab fl-għalqa tad-dwieli taʼ Nabot.” (1 Slaten 21:18) Meta Ġeżabel qalet lil Aħab li l-għalqa tad-dwieli issa kienet tiegħu, qam jiġri u mar jifraħ b’dak li kien għadu kif akkwista. Qatt m’għaddielu minn moħħu li Ġeħova kien qed jara kollox. Immaġina l-espressjoni taʼ wiċċu hekk kif kien qed jitlajja fl-għalqa tad-dwieli, joħlom dwar kif kien se jibdel dan il-post fi ġnien meraviljuż. Imma f’daqqa waħda feġġ Elija! Aħab, wiċċu filli deher ferħan, u filli nbidel f’dagħdigħa u mibegħda, hekk kif b’rabja qal: “Sibtni, ja għadu tiegħi?”—1 Slaten 21:20.
“Sibtni, ja għadu tiegħi?”
Kliem Aħab jirrivela bluha doppja. L-ewwel, billi lil Elija qallu, “Sibtni,” Aħab wera li kien agħma spiritwalment. Ġeħova kien diġà ‘sabu.’ Hu kien ra lil Aħab jabbuża mir-rieda ħielsa mogħtija lilu u jgawdi l-frott tal-konfoffa mill-agħar taʼ Ġeżabel. Alla ra x’kien hemm f’qalb Aħab, li l-imħabba biex jakkwista affarijiet materjali kienet saret iktar importanti minn kwalunkwe sens taʼ ħniena, ġustizzja, jew mogħdrija. It-tieni, meta qal lil Elija, “Ja għadu tiegħi,” Aħab kixef il-mibegħda li kellu għal raġel li kien ħabib t’Alla Ġeħova u li setaʼ għen lil Aħab idur lura mit-triq diżastruża tiegħu.
Nistgħu nitgħallmu lezzjonijiet vitali mill-bluha t’Aħab. Għandna dejjem niftakru li Alla Ġeħova jara kollox. Bħala Missier li jħobbna, hu jaf meta nitbiegħdu mit-triq it-tajba, u jkun ħerqan biex jarana nbiddlu l-attitudni tagħna. Biex jgħinna, spiss juża lil ħbiebu—bnedmin leali li, bħal Elija, iwasslu kliem Alla lill-bnedmin sħabhom. Xi żball ikun jekk inqisu l-ħbieb t’Alla bħala l-għedewwa tagħna!—Salm 141:5.
Immaġina lil Elija jwieġeb lil Aħab: “Sibtek.” Hu kien sabu fis-sens li kien jaf x’tip taʼ persuna kien Aħab—ħalliel, qattiel, u ribell kontra Alla Ġeħova. Min jaf kemm kellu bżonn kuraġġ biex jieqaf lil dak il-bniedem mill-agħar! Elija kompla jagħti l-ġudizzju t’Alla dwar Aħab. Ġeħova ra l-istampa kollha—il-ħażen kien qed jinfirex mill-familja t’Aħab u jinfetta lin-nies. Għalhekk, Elija qal lil Aħab li Alla kien se ‘jiknes kollox,’ kien se jeqred dik id-dinastija kollha kemm hi. Ġeżabel ukoll kellha tiġi ġudikata.—1 Slaten 21:20-26.
Elija ma kienx jassumi li n-nies sempliċement jgħadduha lixxa meta juru kondotta mill-agħar u inġusta. Ħaġa bħal din malajr tassumiha fid-dinja tal-lum. Dan ir-rakkont Bibliku jfakkarna li Alla Ġeħova mhux biss jara xi jkun qed isir imma wkoll li hu se jġib il-ġustizzja f’waqtha. Kelmtu tassigurana li ġej il-jum li fih hu se jtemm l-inġustizzja kollha darba għal dejjem! (Salm 37:10, 11) Imma forsi tgħid: ‘Il-ġudizzji t’Alla kastig biss jinvolvu? Tintwera ħniena wkoll fihom?’
“RAJT KIF AĦAB UMILJA RUĦU?”
Forsi Elija baqaʼ mistagħġeb bir-reazzjoni t’Aħab għall-ġudizzju divin. Ir-rakkont jgħid: “Malli semaʼ dan il-kliem, Aħab ċarrat ħwejġu u libes ilbies taʼ l-ixkora fuq il-laħam; u beda jsum u baqaʼ jimtedd fuq l-ixkejjer u jimxi b’qalbu maqtugħa.” (1 Slaten 21:27) Kien Aħab qed jindem mill-ħażen tiegħu?
Għall-inqas nistgħu ngħidu li dan kien pass fid-direzzjoni t-tajba. Aħab kien qed jumilja ruħu—bla dubju xi ħaġa diffiċli għal raġel kburi u arroganti bħal dan. Imma kienet din indiema vera? Qabbel dan maʼ sultan li ġie wara Aħab u li għandu mnejn kien iktar mill-agħar minnu—Manasse. Meta Ġeħova kkastiga lil Manasse, dan ir-raġel umilja ruħu, u talab lil Ġeħova għall-għajnuna. Hu għamel iktar minn hekk. Hu biddel ħajtu billi qered l-istatwi idolatrużi li kien għamel. Imbagħad għamel sforz biex jaqdi lil Ġeħova, u saħansitra inkuraġġixxa lill-poplu jagħmel l-istess. (2 Kronaki 33:1-17) Irreaġixxa bl-istess mod Aħab? B’dispjaċir, le.
Innota Ġeħova li Aħab wera pubblikament li kien sogħbien? Ġeħova qal lil Elija: “Rajt kif Aħab umilja ruħu minħabba fija? Talli umilja ruħu minħabba fija, ma nġibx il-gwaj fi żmienu. Fi żmien ibnu nġib il-gwaj fuq daru.” (1 Slaten 21:29) Kien Ġeħova qed jaħfirlu lil Aħab? Le, l-indiema vera biss setgħet tqanqal il-ħniena divina. (Eżekjel 33:14-16) Imma peress li Aħab wera ammont taʼ dispjaċir, Ġeħova wieġeb bl-istess ammont taʼ ħniena. Aħab kien se jinħeles mill-esperjenza tal-biżaʼ li jara lill-familja kollha tiegħu tinqered.
Xorta waħda, Ġeħova ma biddilx il-ġudizzju tiegħu dwar dan ir-raġel. Ġeħova, iktar tard ikkonsulta mal-anġli tiegħu dwar l-aħjar mod kif setaʼ jidħaq b’Aħab sabiex dan jieħu sehem fil-battalja li kellha ttemmlu ħajtu. Ftit wara, is-sentenza li Ġeħova qataʼ kontra Aħab twettqet. Aħab indarab fil-battalja, żvina, u miet fil-karru tiegħu. Ir-rakkont iżid dan id-dettall ikrah: Meta ħaslu l-karru rjali, xi ftit mill-klieb lagħqu d-demm tas-sultan. B’hekk, in-nies setgħu jaraw li kien twettaq il-kliem taʼ Ġeħova li Elija wassal lil Aħab: “Fil-post fejn il-klieb lagħqu d-demm taʼ Nabot, il-klieb se jilagħqu d-demm tiegħek.”—1 Slaten 21:19; 22:19-22, 34-38.
It-tmiem t’Aħab ipprovda tfakkira rassiguranti għal Elija, Eliżew, u dawk kollha leali fost il-poplu t’Alla, li Ġeħova ma nesiex il-kuraġġ u l-fidi taʼ Nabot. Qatt ma jonqos li, illum jew għada, l-Alla tal-ġustizzja jġib il-kastig għall-ħażen; lanqas ma jonqos li jinkludi l-ħniena fil-ġudizzju tiegħu jekk ikun hemm bażi għal dan. (Numri 14:18) X’lezzjoni qawwija kienet din għal Elija, li kien issaporta għal ħafna snin taħt il-ħakma taʼ dak is-sultan mill-agħar! Ġieli sfajt vittma taʼ xi inġustizzja? Tixxennaq li tara lil Alla jirranġa l-affarijiet? Tagħmel tajjeb jekk timita l-fidi t’Elija. Flimkien maʼ sieħbu leali Eliżew, hu baqaʼ jipproklama l-messaġġi t’Alla u jissaporti minkejja l-inġustizzja!
a Ġeħova kien uża nixfa li damet tliet snin u nofs biex jikxef kemm kien bla ħila Bagħal, li kien meqjum bħala alla li jġib ix-xita u l-fertilità fuq l-art. (1 Slaten, kapitlu 18) Ara kapitli 10 u 11 tal-ktieb Imita l-Fidi Tagħhom.
b Jekk Ġeżabel beżgħet li l-għalqa tad-dwieli setgħet taqaʼ f’idejn il-werrieta taʼ Nabot, hi setgħet ħassitha mqanqla biex tagħmel minn kollox ħalli jinqatlu wlied Nabot. Għal diskussjoni dwar għala Alla jippermetti moħqrija bħal din, ara l-artiklu “Il-qarrejja tagħna jistaqsu” f’din il-ħarġa.