Int Lil Liema Alla Tadura?
MADWAR id-dinja, in-nies iwieġbu dik il-mistoqsija f’ħafna modi differenti. L-appostlu Pawlu għamel l-osservazzjoni: “Hemm ħafna ‘allat’ u ħafna ‘mulejiet,’” u llum allat li huma meqjuma hemm bil-miljuni. (1 Korintin 8:5) Kont taf, iżda, li ħafna nies iqimu alla differenti mill-wieħed li huma jaħsbu li qed iqimu? U rrealizzajt int li ħafna atei huma iktar devoti minn dawk li jemmnu f’xi alla? B’liema mod?
Sewwa, tifsira waħda tal-kelma qima hi “li tagħti bil-kbir, saħansitra b’mod estravaganti rispett, unur, jew devozzjoni.” Fil-lingwi oriġinali tal-Bibbja, il-kelmiet għal qima jġorru l-ħsieb taʼ servizz jew li tmil quddiem xi ħadd. B’dan f’moħħna, ejjew naraw kif in-nies jistgħu jkunu żballjati dwar lil min jew lil liema ħaġa huma jaħsbu li verament qed iqimu.
Qima Mħallta
Ħu l-eżempju tas-Samaritani tal-qedem. Ħafna minnhom kienu oriġinalment barranin li l-Assirjani ħadu hemm fil-Palestina biex jieħdu post il-għaxar tribujiet tat-Tramuntana taʼ Iżrael. Qabel, huma kienu jimxu wara allat pagani, imma issa għamlu sforz biex jitgħallmu dwar Jehovah, dak Alla taʼ Iżrael. Abbandunawha r-reliġjon taʼ qabel tagħhom? Le. Il-Bibbja tirrapporta: “Kien skond ir-reliġjon taʼ qabel tagħhom li kienu qed jagħmlu. U dawn il-ġnus ġew li jkunu wħud li jibżgħu minn Jehovah, imma kien lill-immaġnijiet skolpiti tagħhom infushom li wrew li kienu jaqdu.” (2 Slaten 17:40, 41) Mela s-Samaritani, waqt li bil-kliem għarfu lil Jehovah, baqgħu jaqdu lill-allat taʼ qabel tagħhom, u b’hekk kienu jipprattikaw xorta taʼ reliġjon imħallta.
Xi ħaġa simili ġrat meta missjunarji introduċew l-Kattoliċiżmu Ruman fl-Amerka t’Isfel. Huma kkonvertew lill-biċċa l-kbira tan-nies, imma bħas-Samaritani tal-qedem, in-nies ma nsewhomx lill-allat taʼ qabel tagħhom. B’hekk, fil-Brażil, ir-riti pagani tal-Vudù għadhom xorta jiġu osservati minn “Kristjani,” kif huma wkoll ċelebrazzjonijiet li jonoraw allat tal-qedem, bħalma hi l-alla mara Iemanjá. Affarijiet simili jiġru f’artijiet oħra tal-Amerka t’Isfel.
Barra minn hekk, ir-reliġjon li dawk il-missjunarji introduċew fl-Amerka t’Isfel kienet fiha nfisha reliġjon imħallta. Ħafna mid-duttrini tagħha, bħalma huma t-Trinità, in-nar tal-infern, u l-immortalità tar-ruħ, ġew minn reliġjonijiet u filosofiji qodma pagani. Huma żgur li ma kinux misjubin fil-Bibbja. Bl-istess mod, il-festi tagħha—inkluż il-Milied u l-Għid il-Kbir— kienu taʼ oriġini mhux Kristjan.a Ħuwa possibbli li tosserva festi pagani bħal dawn u temmen f’duttrini li m’humiex Kristjani bħal dawn u xorta tqim lil Alla tal-Bibbja, li qal: “Ma jrid ikollok ebda allat oħra kontra wiċċi”? (Eżodu 20:3) Dażgur li le!
“Ħarsu Rwieħkom Mill-Idoli”
Ikkunsidra mod ieħor li bih in-nies qed jiġu mqarrqin fil-kwistjoni taʼ qima. L-appostlu Ġwanni kiteb: “Tfal ċkejknin, ħarsu rwieħkom mill-idoli.” (1 Ġwann 5:21) Madwar elf miljun ruħ huma mniżżlin li jappartjenu lill-Kristjaneżmu, u dawn isostnu li qed iqimu l-istess Alla li kien iqim Ġwanni. Madankollu, mijiet taʼ miljuni minnhom imilu quddiem immaġnijiet taʼ “qaddisin,” taʼ Ġesu, u tal-verġni Marija.
Hemm forom sottili oħra taʼ idolatrija. Fis-sena 44 E.K., is-Sultan Erodi Agrippa ta taħdida pubblika, u n-nies kienu tant eċċitati li huma għajtu: “Leħen taʼ alla, mhux taʼ bniedem!” (Atti 12:21, 22) Iva, għamlu lil Erodi l-idolu tagħhom, għamluh alla tagħhom. Affarijiet simili jiġru llum. Fil-ġranet tal-bidu taʼ meta n-Nażiżmu kien qed jikber fil-qawwa fl-Ewropa, l-għajta “Heil Hitler!” kienet verament għajta taʼ adorazzjoni. Ħafna kienu lesti li jiġġieldu u jmutu għall-Führer bħal li kieku kien xi alla, is-salvatur tal-ġens. Madankollu, ħafna minn dawk li kienu qed jagħtu dik il-qima kienu membri tal-knejjes tal-Kristjaneżmu!
Qabel u wara Hitler, mexxejja oħra politiċi b’mod simili mexxew u għollew lilhom infushom bħala figuri taʼ salvaturi u talbu devozzjoni esklussiva. Dawk li qablu magħhom għamlu allat minn dawn l-irġiel, kienet x’kienet ir-reliġjon li kellhom dawn l-“aduraturi” jew saħansitra jekk sostnew li kienu atei. L-attenzjoni żejda li l-istilel kariżmatiċi tal-isports, l-istilel taċ-ċinema, u dawk fil-qasam tad-divertiment jirċievu mill-‘fans’ tagħhom hija wkoll qisha qima.
Qima tal-Flus
Kompli aħseb fuq l-implikazzjonijiet tal-kliem taʼ Ġesù meta qal: “Hadd ma jistaʼ jaqdi bħala rsir lil żewġ sidien; għax jew se jobgħod lil wieħed u jħobb lill-ieħor, jew se jżomm maʼ wieħed u jistmerr lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu bħala rsir lil Alla u lir-Rikkezzi.” (Mattew 6:24) Taf lil xi ħadd li hu taʼ ċerta reliġjon imma li l-interess ewlieni tiegħu fil-ħajja hu li jagħmel iktar flus? Lil min tabilħaqq qed jaqdi wieħed bħal dan, lil Alla jew lir-rikkezzi? B’kemm nies li ma jemmnux taf int li nqabdu fil-ġirja sfrenata wara l-flus? Żgur li huma wkoll qed iqimu l-flus, forsi iktar b’mod żeluż minn ħafna li jemmnu.
L-appostlu Pawlu spjega prinċipju simili meta kiteb: “Mewtu, għalhekk, lill-membri taʼ ġisimkom li qegħdin fuq l-art rigward iż-żina, in-nuqqas taʼ ndafa, l-aptit sesswali, ix-xewqa li tweġġaʼ u x-xenqa, li hi idolatrija.” (Kolossin 3:5) Jekk aħna nixxennqu għal xi ħaġa tant bil-qawwi li naħlu l-isforzi kollha tagħna biex nakkwistawha, forsi saħansitra niksru l-liġi fil-proċess, imbagħad dik il-ħaġa għalina tkun idolu, alla. (Efesin 5:5) F’ittra oħra, Pawlu kiteb dwar ċerti wħud li kienu qed jagħmlu affarijiet ħżiena: “Żaqqhom hija l-alla tagħhom.” (Filippin 3:19) Jekk il-għan kollu tagħna fil-ħajja huwa li nogħġbu lilna nfusna, bħal li kieku nimlew żaqqna, imbagħad aħna nkunu l-alla tagħna nfusna. Kemm taf nies li jqimu din ix-xorta taʼ alla?
Iva, kif kiteb l-appostlu Pawlu: “Hemm ħafna ‘allat’ u ħafna ‘mulejiet.’” U f’ħafna każi, dawk li jqimuhom huma bħas-Samaritani tal-qedem, billi qed jaqdu alla wieħed bi kliemhom u ieħor bl-azzjonijiet tagħhom. Fil-fatt, iżda, hemm Alla wieħed biss li jixraqlu l-qima tagħna. Taf min hu? Ukoll, hemm ħaġa waħda li tgħaqqad il-qima tal-allat l-oħra kollha apparti minnu. X’inhi? Se naraw fl-artiklu li jmiss.
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni, ara l-ktieb Int Tistaʼ Tgħix għal Dejjem f’Ġenna tal-Art, paġni 212-13, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.