Ġob Issaporta—Hekk Ukoll Nistgħu Aħna!
“Ħares! Aħna nippronunzjaw henjin lil dawk li ssaportew.”—ĠAKBU 5:11.
1. X’qal wieħed Kristjan imdaħħal fiż-żmien dwar il-provi tiegħu?
‘IX-XITAN qed jiġri warajja! Inħossni sewwa sew bħal Ġob!’ Bi kliem bħal dan A. H. Macmillan esprima s-sentimenti tiegħu lil ħabib tal-qalb fil-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Jehovah. Ħuna Macmillan temm il-korsa tiegħu fuq l-art fl-età taʼ 89 sena fis-26 taʼ Awissu, 1966. Kien jaf li kredtu għas-servizz leali taʼ Kristjani midlukin bħalu se ‘jmur dritt magħhom.’ (Rivelazzjoni 14:13) Tabilħaqq, huma se jibqgħu mingħajr interruzzjoni fis-servizz taʼ Jehovah permezz taʼ rxoxt għal ħajja immortali fis-sema. Ħbiebu ferħu li Ħuna Macmillan kiseb dak il-premju. Fl-aħħar snin taʼ ħajtu fuq l-art, madankollu, hu ltaqaʼ maʼ diversi provi, inklużi problemi taʼ saħħa li għamluh konxju ħafna taʼ l-attentati taʼ Satana li jkisser l-integrità tiegħu lejn Alla.
2, 3. Min kien Ġob?
2 Meta Ħuna Macmillan qal li ħassu eżatt bħal Ġob, kien qed jirreferi għal raġel li kien issaporta provi kbar taʼ fidi. Ġob għex “fil-pajjiż taʼ Uż,” wisq probabbli fl-Arabja taʼ Fuq. Bħala dixxendent taʼ Xem bin Noè, hu kien adoratur taʼ Jehovah. Il-provi taʼ Ġob milli jidher seħħew f’xi żmien bejn il-mewt taʼ Ġużeppi u ż-żmien meta Mosè ta prova li kien rett. Matul dak il-perijodu ħadd fuq l-art maʼ kien ugwali għal Ġob fid-devozzjoni lejn Alla. Jehovah kien iqis lil Ġob bħala raġel bla ħtija, rett, u li jibżaʼ minn Alla.—Ġob 1:1, 8.
3 Bħala “l-aqwa wieħed mill-Orjentali kollha,” Ġob kellu ħafna qaddejja, u l-bhejjem tiegħu kienu jammontaw għal 11,500. Imma għana spiritwali kien taʼ l-akbar importanza għalih. Bħal missirijiet taʼ tjieba llum, Ġob wisq probabbli għallem lis-sebaʼ subjien u lit-tlett ibniet tiegħu dwar Jehovah. Saħansitra wara li ma baqgħux jgħixu f’daru, hu ffunzjona bħala qassis tal-familja billi offra sagrifiċċji għalihom, f’każ li forsi dinbu.—Ġob 1:2-5.
4. (a) Kristjani ppersegwitati għala għandhom jikkunsidraw lir-raġel Ġob? (b) Rigward Ġob, x’mistoqsijiet se nikkunsidraw?
4 Ġob hu xi ħadd li Kristjani ppersegwitati għandhom jikkunsidraw sabiex isaħħu lilhom infushom għal sabar bil-paċenzja. “Ħares!” kiteb id-dixxiplu Ġakbu. “Aħna nippronunzjaw henjin lil dawk li ssaportew. Intom smajtu bis-sabar taʼ Ġob u rajtu r-riżultat li Jehovah ta, illi Jehovah hu teneru ferm fl-affezzjoni u mimli ħniena.” (Ġakbu 5:11) Bħal Ġob, is-segwaċi midlukin taʼ Ġesù u l-“folla kbira” taż-żmien preżenti jeħtieġu s-sabar biex ikampaw maʼ provi tal-fidi. (Rivelazzjoni 7:1-9) Mela, liema provi ssaporta Ġob? Għala seħħew? U kif nistgħu aħna nibbenefikaw mill-esperjenzi tiegħu?
Kwistjoni Taħraq
5. Mingħajr ma kien jaf Ġob, x’kien qed iseħħ fis-sema?
5 Mingħajr ma kien jaf Ġob, kwistjoni kbira kienet dalwaqt se titqajjem fis-sema. Ġurnata waħda “wlied dak Alla veru daħlu biex jieħdu posthom quddiem Jehovah.” (Ġob 1:6) L-Iben uniġenitu t’Alla, il-Kelma, kien preżenti. (Ġwann 1:1-3) Preżenti wkoll kienu l-anġli t-tajbin u ‘wlied Alla’ anġeliċi diżubbidjenti. (Ġenesi 6:1-3) Satana kien hemm, għax it-tkeċċija tiegħu mis-sema ma kelliex isseħħ sa wara t-twaqqif tas-Saltna fl-1914. (Rivelazzjoni 12:1-12) Fi żmien Ġob, Satana kien se jqajjem kwistjoni taħraq. Kien appik se jesprimi dubju dwar id-dritt tas-sovranità taʼ Jehovah fuq il-ħlejjaq Tiegħu kollha.
6. Satana x’kien qed jipprova jagħmel, u kif infama lil Jehovah?
6 “Minfejn ġej?” staqsa Jehovah. Satana wieġeb: “Milli niġġerra ’l hawn u ’l hinn fl-art u milli nimxi ’l hawn u ’l hinn fiha.” (Ġob 1:7) Kien qed ifittex lil xi ħadd lil min jiblaʼ. (1 Pietru 5:8, 9) Billi jkisser l-integrità taʼ individwi li jaqdu lil Jehovah, Satana kien se jipprova juri li ħadd ma kien se jobdi lil Alla bis-sħiħ imqanqal mill-imħabba. Billi indirizza l-kwistjoni, Jehovah staqsa lil Satana: “Xħett qalbek fuq il-qaddej tiegħi Ġob, li m’hemm ħadd bħalu fuq l-art, raġel bla ħtija u rett, jibżaʼ minn Alla u jwarrab mill-ħażen?” (Ġob 1:8) Ġob ikkonforma maʼ livelli divini li ħadu inkonsiderazzjoni l-imperfezzjonijiet tiegħu. (Salm 103:10-14) Imma Satana qal bi tweġiba: “Huwa għalxejn li Ġob beżaʼ minn Alla? Ma tellajtx int innifsek ħajt protettiv madwaru u madwar daru u madwar kulma għandu kullimkien? Ix-xogħol taʼ jdejh int berikt, u l-istess bhejjem tiegħu xterrdu maʼ l-art.” (Ġob 1:9, 10) Ix-Xitan b’hekk infama lil Jehovah billi implika li ħadd ma jħobbu u jadurah għal dak li Hu imma li jxaħħam lil ħlejjaq biex jaqduH. Satana allega li Ġob qeda lil Alla għal vantaġġ egoistiku, mhux mill-imħabba.
Satana Fuq L-Attakk!
7. Ix-Xitan b’liema mod sfida lil Alla, u Jehovah kif wieġeb?
7 “Imma,” qal Satana, “biex tvarja ftit, oħroġ idek, jekk jogħġbok, u miss kulma għandu u ara jekk jisħtekx f’wiċċek stess.” Alla kif kien se jwieġeb għal sfida insolenti bħal dik? “Ħares!” qal Jehovah. “Kulma għandu qiegħed f’idek. Kontra tiegħu nnifsu biss toħroġx idek!” Ix-Xitan kien qal li kulma kien jippossjedi Ġob kien imbierek, miżjud, u protett. Alla kien se jħalli lil Ġob isofri, għalkemm ġismu ma kienx se jintmess. Determinat biex jagħmel il-ħażin, Satana telaq mill-assemblea.—Ġob 1:11, 12.
8. (a) Liema telfiet materjali ġarrab Ġob? (b) X’kienet il-verità dwar “l-istess nar t’Alla”?
8 Malajr, l-attakk sataniku beda. Wieħed mill-qaddejja taʼ Ġob tah din l-aħbar ħażina: “Il-baqar infushom inzertaw li kienu qegħdin jaħartu u l-ħmir nisa kienu qegħdin jirgħu maġenbhom meta s-Sabeani ġew jagħmlu attakk u jeħduhom, u lill-qaddejja qatluhom b’xifer is-sejf.” (Ġob 1:13-15) Il-protezzjoni kienet tneħħiet minn madwar il-proprjetà taʼ Ġob. Kważi immedjatament, qawwa demonika diretta ġiet applikata, għax qaddej ieħor irrapporta: “L-istess nar t’Alla waqaʼ mis-smewwiet u mar iħeġġeġ fost in-ngħaġ u l-qaddejja u jiblagħhom.” (Ġob 1:16) Kemm kien djaboliku li ġġiegħel jidher li Alla kien responsabbli għal gwaj bħal dan saħansitra fuq il-qaddej tiegħu stess! Peress li s-sajjetti huma mis-sema, Jehovah setaʼ faċilment jingħata t-tort, imma fil-fatt in-nar kien taʼ sors demoniku.
9. Rovina ekonomika kif effettwat ir-relazzjoni taʼ Ġob m’Alla?
9 Hekk kif Satana kompla l-attakk, qaddej ieħor irrapporta li l-Kaldin kienu ħadu l-iġmla taʼ Ġob u kienu qatlu lill-qaddejja l-oħrajn kollha. (Ġob 1:17) Għalkemm Ġob b’hekk ġarrab rovina ekonomika, dan ma qeridx ir-relazzjoni tiegħu m’Alla. Tistaʼ int tissaporti telfa materjali kbira mingħajr ma tikser l-integrità tiegħek lejn Jehovah?
Tfaqqaʼ Traġedja Akbar
10, 11. (a) Xi ġralhom l-għaxart itfal taʼ Ġob? (b) Wara l-mewt traġika taʼ wliedu, Ġob kif ħares lejn Jehovah?
10 Ix-Xitan kien għadu ma spiċċax milli jattakka lil Ġob. Jerġaʼ qaddej ieħor irrapporta: “Uliedek subjien u wliedek bniet kienu qegħdin jieklu u jixorbu l-inbid fid-dar taʼ ħuhom l-ewwel imwieled. U, ħares! ġie riħ kbir mir-reġjun tax-xagħri, u dan ġie jolqot lill-erbat irkejjen tad-dar, u b’hekk din waqgħet fuq iż-żgħażagħ u mietu. U jien irnexxieli niskappa, jien biss waħdi, biex ngħidlek.” (Ġob 1:18, 19) Min mhux informat tajjeb jistaʼ jgħid li l-ħerba kkaġunata minn dak ir-riħ kienet ‘att t’Alla.’ Madankollu, qawwa demonika kienet laqtet lil Ġob f’punt speċjalment teneru.
11 Mifni bin-niket, Ġob ‘ċarrat il-libsa taʼ fuq bla kmiem tiegħu min-nofs, qaxxar xagħru minn rasu, waqaʼ lejn l-art, u miel ’l isfel.’ Madankollu, ismaʼ kliemu. “Jehovah innifsu ta, u Jehovah innifsu ħa. Ħalli l-isem taʼ Jehovah ikompli jkun imbierek.” Ir-rakkont iżid: “F’dan kollu Ġob ma dinibx jew attribwixxa kwalunkwe ħaġa mhix xierqa lil Alla.” (Ġob 1:20-22) Satana kien megħlub għal darb’oħra. Xi ngħidu li kieku kellna nġarrbu telfa bil-mewt u niket bħala l-qaddejja t’Alla? Devozzjoni bla egoiżmu lejn Jehovah u fiduċja fih jistgħu jgħinuna nissaportu bħala wħud li jżommu l-integrità, sewwa sew bħalma għamel Ġob. Uħud midlukin u sħabhom li għandhom tama għall-art jistgħu ċertament isibu faraġ u saħħa minn dan ir-rakkont tas-sabar taʼ Ġob.
Il-Kwistjoni Ssir Taħraq Iżjed
12, 13. F’assemblea oħra fis-sema, Satana x’talab, u Alla kif wieġeb?
12 Jehovah malajr sejjaħ assemblea oħra fir-residenza rjali tas-sema. Ġob kien ġie bla tfal, imfaqqar, u qisu milqut minn Alla, imma l-integrità tiegħu kienet intatta. M’għandniex xi ngħidu, Satana ma kienx se jammetti li l-akkużi tiegħu kontra Alla u Ġob kienu foloz. Issa ‘wlied Alla’ kienu waslu biex jisimgħu l-argumenti favur u kontra hekk kif Jehovah immanuvra lix-Xitan biex iġib il-kwistjoni għal deċiżjoni.
13 Billi talab kont minn Satana, Jehovah staqsa: “Sewwa sew minfejn ġej?” It-tweġiba? “Milli niġġerra ’l hawn u ’l hinn fl-art u milli nimxi ’l hawn u ’l hinn fiha.” Jehovah mill-ġdid ġibed l-attenzjoni lejn il-qaddej tiegħu taʼ bla ħtija, rett, li jibżaʼ minn Alla, Ġob, li kien għadu jżomm sod l-integrità tiegħu. Ix-Xitan wieġeb: “Ġilda għan-nom taʼ ġilda, u kulma għandu bniedem se jagħtih għan-nom taʼ ruħu. Biex tvarja ftit, oħroġ idek, jekk jogħġbok, u miss sa għadmu u laħmu u ara jekk jisħtekx f’wiċċek stess.” Mela Alla qal: “Hemm hu f’idek! Biss oqgħod attent għal ruħu nfisha!” (Ġob 2:2-6) Billi allega li Jehovah kien għadu ma neħħiex il-ħitan protettivi kollha, Satana ried li jintmessu l-għadam u l-laħam taʼ Ġob. Ix-Xitan ma kienx se jitħalla joqtol lil Ġob; imma Satana kien jaf li mard fiżiku kien se jweġġgħu u jġiegħlu jidher qisu qed isofri kastig mingħand Alla għal xi dnubiet sigrieti.
14. Satana b’liema ħaġa laqat lil Ġob, u għala l-ebda bniedem ma setaʼ jagħti serħan lis-sofferent?
14 Imħolli jitlaq minn dik l-assemblea, Satana ssokta b’għaxqa djabolika. Laqat lil Ġob b’“nuffata malinna mill-pala taʼ siequ sal-qorriegħa taʼ rasu.” X’miżerja kbira ssaporta Ġob hekk kif qagħad bil-qiegħda fl-irmied u qagħad iħokk lilu nnifsu b’biċċa fuħħar! (Ġob 2:7, 8) L-ebda tabib uman ma setaʼ jġiblu serħan minn din il-marda taʼ wġigħ terribbli, mistmerra, u umiljanti, għax kienet ikkaġunata b’qawwa satanika. Jehovah biss setaʼ jfejjaq lil Ġob. Jekk int qaddej marid t’Alla, qatt tinsa li Alla jistaʼ jgħinek tissaporti u jistaʼ jagħtik ħajja f’dinja ġdida ħielsa mill-mard.—Salm 41:1-3; Isaija 33:24.
15. Il-mara taʼ Ġob x’ħeġġitu jagħmel, u x’kienet ir-reazzjoni tiegħu?
15 Finalment, il-mara taʼ Ġob qalet: “Għadek iżżomm sod l-integrità tiegħek? Isħet lil Alla u mut!” “L-integrità” tissinjifika devozzjoni bla ħtija, u hi setgħet tkellmet b’mod sarkastiku biex iġġiegħel lil Ġob jisħet lil Alla. Imma hu wieġeb: “Bħalma titkellem waħda min-nisa bla sens, hekk titkellem int. Sejrin aħna naċċettaw biss dak li huwa tajjeb mingħand dak Alla veru u ma naċċettawx ukoll dak li huwa ħażin?” Saħansitra din it-tattika taʼ Satana ma ħadmitx, għax jintqalilna: “F’dan kollu Ġob ma dinibx b’xofftejh.” (Ġob 2:9, 10) Nassumu li membri tal-familja li jopponu kellhom jgħidulna li aħna qegħdin bi bluha ngħejjew lilna nfusna f’interessi Kristjani u jħeġġuna biex nirrinunzjaw lil Alla Jehovah. Bħal Ġob, nistgħu nissaportu prova bħal din għaliex inħobbu lil Jehovah u nixtiequ li nfaħħru lill-isem qaddis tiegħu.—Salm 145:1, 2; Ebrej 13:15.
Tlett Impusturi Arroganti
16. Min ġie biex taparsi jfarraġ lil Ġob, imma Satana kif immanipulahom?
16 F’dik li rriżultat li kienet nasba oħra satanika, tlett “imseħbin” ġew biex taparsi jfarrġu lil Ġob. Wieħed kien Elifaż, wisq probabbli dixxendent taʼ Abraham minn Eżaw. Ladarba Elifaż kellu prijorità f’li jitkellem, bla dubju kien l-ixjeħ. Preżenti, ukoll, kien hemm Bildad, dixxendent taʼ Xuwa, wieħed mit-tfal subjien taʼ Abraham minn Ketura. It-tielet raġel kien Żofar, imsejjaħ Nagħmatit biex jiġu identifikati l-familja jew post taʼ residenza tiegħu, x’aktarx fil-Majjistral taʼ l-Arabja. (Ġob 2:11; Ġenesi 25:1, 2; 36:4, 11) Bħal dawk li jipprovaw iġiegħlu lix-Xhieda taʼ Jehovah jirrinunzjaw lil Alla llum, dawn it-tlieta kienu mmanipulati minn Satana fi sforz biex iġiegħlu lil Ġob jammetti l-ħtija għall-akkużi foloz li sarulu u jikser l-integrità tiegħu.
17. X’għamlu t-tliet viżitaturi, u x’ma għamlux għal sebat ijiem u sebat iljieli?
17 Dawk it-tlieta għamlu wirja kbira taʼ simpatija billi bkew, qattgħu ħwejjiġhom, u tefgħu trab fuq irjushom. Imma mbagħad qagħdu bil-qiegħda maʼ Ġob sebat ijiem u sebat iljieli mingħajr ma lissnu kelma waħda taʼ faraġ! (Ġob 2:12, 13; Luqa 18:10-14) Dawn it-tlett impusturi arroganti tant kienu neqsin mill-ispiritwalità li ma kellhom xejn taʼ faraġ x’jgħidu dwar Jehovah u l-wegħdiet tiegħu. Madankollu, kienu qegħdin jaslu għal konklużjonijiet żbaljati u jħejju ruħhom biex jużawhom kontra Ġob hekk kif iwettqu l-formalità taʼ niket pubbliku. Taʼ interess, qabel intemm is-skiet taʼ sebat ijiem, iż-żagħżugħ Eliħu poġġa bil-qiegħda f’post fejn setaʼ jismaʼ l-konversazzjonijiet.
18. Ġob għala fittex il-paċi fil-mewt?
18 Ġob fl-aħħar kiser is-skiet. Billi ma kien kiseb ebda faraġ mit-tlett irġiel li ġew jarawh, seħet jum twelidu u staqsa għala l-ħajja miżerabbli tiegħu kienet qiegħda tiġi mtawla. Hu fittex il-paċi fil-mewt, billi lanqas biss immaġina li setaʼ jkollu ferħ veru mill-ġdid qabel imut, issa li kien waqaʼ f’rovina, imnikket, u marid serjament. Imma Alla ma kienx se jħalli lil Ġob jiġi mweġġaʼ sal-punt tal-mewt.—Ġob 3:1-26.
L-Attakk Taʼ Dawk Li Akkużaw Lil Ġob
19. Elifaż f’liema aspetti akkuża lil Ġob b’mod falz?
19 Elifaż tkellem l-ewwel fit-tliet sensieli taʼ dibattitu li kompla jittestja l-integrità taʼ Ġob. Fl-ewwel diskors tiegħu, Elifaż staqsa: “Fejn qatt ir-retti ġew meqrudin?” Hu kkonkluda li Ġob kien għamel xi ħaġa mill-agħar biex jirċievi l-kastig t’Alla. (Ġob, kapitli 4, 5) Fit-tieni diskors tiegħu, Elifaż waqqaʼ għaċ-ċajt l-għerf taʼ Ġob u staqsa: “X’taf int attwalment li aħna ma nafux?” Elifaż implika li Ġob kien qed jipprova juri lilu nnifsu superjuri għal Dak li Jistaʼ Kollox. Billi temm it-tieni attakk tiegħu, hu ddeskriva lil Ġob bħala ħati taʼ apostasija, tixħim, u qerq. (Ġob, kapitlu 15) Fid-diskors finali tiegħu, Elifaż b’mod falz akkuża lil Ġob b’ħafna atti kriminali—ħtif taʼ flus, żamma lura taʼ ħobż u ilma minn dawk fil-bżonn, u oppressjoni taʼ romol u orfni.—Ġob, kapitlu 22.
20. X’kienet in-natura taʼ l-attakki taʼ Bildad fuq Ġob?
20 Billi kien it-tieni wieħed biex jitkellem f’kull sensiela tad-dibattitu, Bildad normalment segwa t-tema ġenerali mwaqqfa minn Elifaż. Id-diskorsi taʼ Bildad kienu iqsar imma jinfdu iżjed. Hu saħansitra akkuża lil ulied Ġob li għamlu l-ħażen u b’hekk kien jixirqilhom il-mewt. B’raġunar difettuż, uża din it-tixbieha: Bħalma l-papiru u l-qasab jinxfu u jmutu mingħajr ilma, hekk ikun maʼ “dawk kollha li qegħdin jinsew lil Alla.” Dik l-istqarrija hija vera, imma ma kenitx tapplika għal Ġob. (Ġob, kapitlu 8) Bildad ikklassifika l-afflizzjonijiet taʼ Ġob bħala dawk li jiġu fuq nies mill-agħar. (Ġob, kapitlu 18) Fit-tielet diskors qasir tiegħu, Bildad argumenta li l-bniedem hu “larva” u “dudu” u għalhekk mhux nadif quddiem Alla.—Ġob, kapitlu 25.
21. Żofar dwar xiex akkuża lil Ġob?
21 Żofar kien it-tielet wieħed li tkellem fid-dibattitu. B’mod ġenerali, il-linja taʼ argumentazzjoni tiegħu segwiet dik taʼ Elifaż u Bildad. Żofar akkuża lil Ġob b’ħażen u ħeġġu biex ineħħi d-drawwiet midinbin tiegħu. (Ġob, kapitli 11, 20) Wara żewġ sensieli Żofar waqaf jitkellem. Ma kellu xejn xi jżid fit-tielet sensiela. Matul id-dibattitu kollu, madankollu, Ġob b’kuraġġ wieġeb lil dawk li akkużawh. Per eżempju, f’ċertu punt qal: “Ilkoll kemm intom farraġa li taqilgħu l-inkwiet! Hemm xi tmiem għal kliem ir-riħ?”—Ġob 16:2, 3.
Nistgħu Nissaportu
22, 23. (a) Bħal fil-każ taʼ Ġob, ix-Xitan kif jistaʼ jipprova jkisser l-integrità tagħna lejn Alla Jehovah? (b) Għalkemm Ġob kien qed jissaporti diversi provi, x’nistgħu nistaqsu dwar l-attitudni tiegħu?
22 Bħal Ġob, nistgħu niffaċċjaw iktar minn prova waħda f’daqqa, u Satana jistaʼ juża l-iskuraġġiment jew fatturi oħrajn fl-isforzi tiegħu biex ikisser l-integrità tagħna. Jistaʼ jipprova jdawwarna kontra Jehovah jekk ikollna xi inkwiet ekonomiku. Jekk imutilna xi ħadd maħbub jew inġarrbu nuqqas taʼ saħħa, Satana jistaʼ jfittex li jġegħilna nwaħħlu f’Alla. Bħall-imseħbin taʼ Ġob, xi ħadd jistaʼ saħansitra jakkużana b’mod falz. Bħalma indika Ħuna Macmillan, Satana jistaʼ jkun qiegħed ‘jiġri warajna,’ imma nistgħu nissaportu.
23 Bħalma osservajna s’issa, Ġob kien qiegħed jissaporti d-diversi provi tiegħu. Madankollu, kien qiegħed hu jissaporti bil-kemm? Kellu hu fil-fatt spirtu miksur? Ejjew naraw jekk Ġob kienx tassew tilef kull tama. (w94 11/15)
Kif Twieġeb Int?
◻ Satana liema kwistjoni kbira qajjem fi żmien Ġob?
◻ Ġob b’liema mezzi ġie ttestjat sal-limitu tiegħu?
◻ It-tlett “imseħbin” taʼ Ġob dwar xiex akkużawh?
◻ Bħal fil-każ taʼ Ġob, Satana kif jistaʼ jipprova jkisser l-integrità tagħna lejn Jehovah?