It-Tfittxija Tagħna Għal Ħajja Itwal
“Il-bniedem imwieled minn mara għandu ħajja qasira, imma tbatija għandu biżżejjed. Bħal warda, jiftaħ u mbagħad jidbiel, u jaħrab bħal dell li ma jiqafx.”—Ġob 14:1, 2.
SAĦANSITRA llum ftit huma dawk li jikkontradixxu din ir-riflessjoni fuq kemm hi qasira l-ħajja, għalkemm inkitbet xi 3,500 sena ilu. In-nies qatt ma kienu sodisfatti b’li jduqu l-fjur tal-ħajja għal ftit żmien u mbagħad jixjieħu u jmutu. Għalhekk, matul l-istorja, ġew ivvintati metodi fuq metodi biex itawlu l-ħajja.
Fi żmien Ġob, l-Eġizzjani kienu jieklu t-testikoli taʼ l-annimali f’attentat fieragħ biex jerġgħu jsiru żgħażagħ. Wieħed mill-objettivi primarji taʼ l-alkemija medjevali kien il-produzzjoni taʼ eliżir li setaʼ jwassal għal ħajja itwal. Ħafna alkemisti kienu jemmnu li deheb prodott artifiċjalment kien se jipproduċi ħajja immortali u li wieħed jiekol minn platti tad-deheb kien se jtawwal il-ħajja. Taoisti Ċiniżi tal-qedem kienu jaħsbu li setgħu jbiddlu l-kimika tal-ġisem billi jużaw tekniki bħalma huma l-meditazzjoni, l-eżerċizzji tan-nifs, u d-dieta, u b’hekk jiksbu l-immortalità.
L-esploratur Spanjol Juan Ponce de León huwa magħruf għat-tfittxija bla xabaʼ tiegħu għall-funtana taż-żgħożija. Fil-ktieb tiegħu Hermippus Redivivus, tabib tas-seklu 18 irrikkmanda biex fir-rebbiegħa, xebbiet żgħażagħ jinżammu f’kamra żgħira u n-nifs tagħhom jinġabar fi fliexken u jintuża bħala doża li testendi l-ħajja. M’għandniex għalfejn ngħidu, ebda wieħed minn dawn il-metodi ma rnexxa.
Illum, xi 3,500 sena wara li Mosè kiteb l-istqarrija taʼ Ġob, il-bniedem mexa fuq il-qamar, ivvinta l-karozzi u l-kompjuters, u investiga l-atomu u ċ-ċellula. Madankollu, minkejja dawn l-avvanzi teknoloġiċi kollha, il-bniedem għad “għandu ħajja qasira, imma tbatija għandu biżżejjed.” Huwa minnu li f’pajjiżi żviluppati t-tul tal-ħajja li wieħed jistenna li jgħix żdied b’mod drammatiku matul l-aħħar seklu. Imma dan hu prinċipalment ir-riżultat taʼ titjib fil-kura tas-saħħa, miżuri iġjeniċi iktar effiċjenti, u nutriment aħjar. Per eżempju, min-nofs is-seklu 19 sal-bidu tas-snin disgħin tas-seklu 20, it-tul medju taʼ ħajja fl-Isvezja telaʼ minn 40 għal 75 sena għall-irġiel, u minn 44 għal 80 sena għan-nisa. Imma jfisser dan li l-ħeġġa tal-bniedem biex jgħix iktar ġiet sodisfata?
Le, għaliex avolja f’xi pajjiżi hemm iktar nies li jgħixu sax-xjuħija, il-kliem li kiteb Mosè snin ilu għadu japplika: “Żmien ħajjitna hu b’kollox sebgħin sena; l-iżjed tmenin, jekk inkunu f’saħħitna; . . . malajr jgħaddu, u aħna mmorru magħhom.” (Salm 90:10) Se naraw xi bidla fil-futur qarib? Se jkun jistaʼ l-bniedem jgħix iktar fit-tul b’mod sinjifikanti? L-artiklu li jmiss se jiddiskuti dawn il-mistoqsijiet.