X’Inhi l-Iktar Ħaġa Importanti f’Ħajtek?
“Għarrafni t-triq li minnha għandi ngħaddi.”—SALM 143:8.
1. Is-Sultan Salamun x’ikkonkluda dwar l-interessi u l-kisbiet umani?
INT probabbilment taf bħalma jaf kulħadd li l-ħajja mimlija attivitajiet u taħbil il-moħħ. Meta toqgħod tqis, tistaʼ tagħraf li xi wħud minn dawn huma essenzjali. Xi attivitajiet u taħbil il-moħħ oħrajn huma inqas importanti jew saħansitra fil-vojt. Il-fatt li tirrealizza dan ifisser li int fi qbil maʼ wieħed mill-iktar irġiel għorrief li qatt għexu, is-Sultan Salamun. Wara li rreveda bir-reqqa l-attivitajiet tal-ħajja, hu kkonkluda: “Ibżaʼ minn Alla, u ħares il-kmandamenti tiegħu: għax dan hu d-dmir taʼ kull bniedem.” (Ekkleżjażti 2:4-9, 11; 12:13, Karm Żammit) X’sinjifikat għandu dan għalina llum?
2. Nies li għandhom il-biżaʼ t’Alla għandhom jistaqsu lilhom infushom liema mistoqsija bażika, li twassal għal liema mistoqsijiet relatati?
2 Jekk trid ‘tibżaʼ minn Alla u tħares il-kmandamenti tiegħu,’ staqsi lilek innifsek din il-mistoqsija sfidanti, ‘X’inhi l-iktar ħaġa importanti f’ħajti?’ Veru, għandu mnejn ma toqgħodx taħseb kuljum fuq dik il-mistoqsija, imma għala ma tikkunsidrahiex issa? Fil-fatt, din tissuġġerixxi xi mistoqsijiet relatati, bħalma huma, ‘Jistaʼ jagħti l-każ li qiegħed inpoġġi enfasi żejda fuq l-impjieg jew il-professjoni tiegħi jew fuq affarijiet materjali? Id-dar, il-familja, u l-maħbubin tiegħi fejn jidħlu fl-istampa?’ Żagħżugħ jistaʼ jistaqsi, ‘L-iskola sa liema punt tokkupa l-attenzjoni u l-ħin tiegħi? Verament, huwa xi passatemp, l-isport, xi għamla taʼ divertiment, jew teknoloġija l-interess primarju tiegħi?’ U hi x’inhi l-età jew is-sitwazzjoni tagħna, għandna bix-xieraq nistaqsu, ‘Li naqdi ’l Alla x’post għandu f’ħajti?’ X’aktarx li taqbel dwar il-ħtieġa għal prijoritajiet. Imma kif u fejn nistgħu niksbu għajnuna biex nistabbiluhom b’mod għaqli?
3. Li jistabbilixxu prijoritajiet x’jinvolvi għall-Kristjani?
3 Il-frażi “l-iktar ħaġa importanti” għandha s-sens bażiku taʼ xi ħaġa li tiġi qabel kollox jew li trid tiġi kkunsidrata l-ewwel. Kemm jekk int wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah jew int fost il-miljuni taʼ studenti sinċieri tal-Kelma t’Alla mseħbin magħhom, ikkunsidra din il-verità: “Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema.” (Koħèlet 3:1) Bi dritt, dan jinkludi li turi tħassib taʼ mħabba għal relazzjonijiet tal-familja. (Kolossin 3:18-21) Jinvolvi li tipprovdi onestament għal taʼ darek permezz taʼ xogħol sekulari. (2 Tessalonikin 3:10-12; 1 Timotju 5:8) U biex tbiddel ir-ritmu tal-ħajja, tistaʼ tieħu ħin għal xi passatemp jew xi divertiment jew rikreazzjoni taʼ kultant. (Qabbel Mark 6:31.) Iżda jekk taħseb serjament, ma tarax int li l-ebda wieħed minn dawn m’hu l-iktar ħaġa importanti fil-ħajja? Xi ħaġa oħra hija iżjed importanti.
4. Filippin 1:9, 10 kif inhu relatat maʼ li nistabbilixxu l-prijoritajiet?
4 Probabbilment int tirrikonoxxi li l-prinċipji li jiggwidaw tal-Bibbja huma għajnuniet imprezzabbli f’li jiġu stabbiliti prijoritajiet u biex jittieħdu deċiżjonijiet għaqlin. Per eżempju, f’Filippin 1:9, 10, il-Kristjani huma mħeġġin biex ‘joktru dejjem iżjed bil-għerf u b’kull dehen.’ Għal liema għan? L-appostlu Pawlu żied: “Biex tistgħu tagħrfu tagħżlu l-aħjar.” (Korsiv tagħna.) Ma jagħmilx sens dan? Fuq il-bażi t’għarfien eżatt, Kristjan taʼ dehen jistaʼ jiddetermina x’għandu jkun taʼ interess ewlieni—l-iktar ħaġa importanti—fil-ħajja.
Mudell Li Juri X’Inhi L-Iktar Ħaġa Importanti
5. Meta tiddeskrivi l-mudell imħolli għall-Kristjani, l-Iskrittura kif turi x’kienet l-iktar ħaġa importanti fil-ħajja taʼ Ġesù?
5 Insibu aspett prezzjuż t’għarfien fil-kliem taʼ l-appostlu Pietru: “Għal dan intom kontu msejjħa għax Kristu wkoll bata għalikom u ħallielkom eżempju biex timxu fuq il-passi tiegħu.” (1 Pietru 2:21) Iva, għal ħjiel dwar x’inhi l-iktar ħaġa importanti fil-ħajja, nistgħu neżaminaw dak li Ġesù Kristu ħaseb dwar dan. Salm 40:9 [Salm 40:8, NW] qal profetikament dwaru: “Li nagħmel ir-rieda tiegħek. Alla tiegħi, dan jogħġobni; il-liġi tiegħek ġewwa qalbi.” Dan hu kif hu stqarr l-istess ħsieb: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda taʼ min bagħatni u li nwassal fit-tmiem l-opra tiegħu.”—Ġwann 4:34; Lhud 12:2.
6. Kif jistaʼ jkollna l-istess riżultati bħalma kellu Ġesù f’li jpoġġi r-rieda t’Alla l-ewwel?
6 Innota dik iċ-ċavetta—li jagħmel ir-rieda t’Alla. L-eżempju taʼ Ġesù jenfasizza dak li d-dixxipli tiegħu għandhom bix-xieraq jagħmlu l-iktar ħaġa importanti f’ħajjithom, għax hu qal li “kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir bħall-imgħallem tiegħu.” (Luqa 6:40) U hekk kif Ġesù mexa fil-mogħdija li kienet fl-iskop taʼ Missieru, hu wera li kien hemm “il-milja tal-ferħ” f’li wieħed jagħmel ir-rieda t’Alla l-iktar ħaġa importanti. (Salm 16:11; Atti 2:28) Tara int x’jimplika dan? Hekk kif is-segwaċi taʼ Ġesù jagħżlu li jagħmlu r-rieda t’Alla bħala l-iktar ħaġa importanti f’ħajjithom, se jgawdu “l-milja tal-ferħ” u l-ħajja vera. (1 Timotju 6:19) Għalhekk hemm iżjed minn raġuni waħda biex il-prijorità f’ħajjitna tkun li nagħmlu r-rieda t’Alla.
7, 8. Ġesù liema provi ffaċċja, u x’nistgħu nitgħallmu minn dan?
7 Eżatt wara li Ġesù ssimbolizza l-preżentazzjoni tiegħu nnifsu biex jagħmel ir-rieda t’Alla, ix-Xitan ipprova jiżvijah. Kif? B’tentazzjonijiet fi tliet oqsma. Kull darba Ġesù wieġeb f’termini Skritturali ċarissimi. (Mattew 4:1-10) Imma kien hemm iżjed provi jistennewh—persekuzzjoni, redikolar, tradiment minn Ġuda, akkużi foloz, u mbagħad mewt fuq zokk tat-tortura. Xorta, ebda waħda minn dawn il-provi ma ġagħlet lill-Iben leali t’Alla jiżvija mill-korsa tiegħu. F’punt kritiku, Ġesù talab: “Mhux kif irrid jien, iżda kif trid int. . . . Tkun magħmula r-rieda tiegħek.” (Mattew 26:39, 42) M’għandux kull wieħed minna jkun imqanqal profondament b’dan l-aspett tal-mudell imħolli għalina, billi jġagħalna ‘nitolbu bla waqfien’?—Rumani 12:12.
8 Iva, meta nistabbilixxu l-prijoritajiet tagħna fil-ħajja, gwida divina hija partikolarment t’għajnuna, speċjalment jekk niffaċċjaw għedewwa tal-verità u opponenti tar-rieda t’Alla. Ġib quddiem għajnejk it-talba bi ħrara tas-Sultan David għal gwida meta ġarrab oppożizzjoni mill-għedewwa. Se naraw dan hekk kif nikkunsidraw biċċa minn Salm 143. Dan għandu jgħinna biex nagħrfu kif nistgħu nsaħħu r-relazzjoni persunali tagħna maʼ Jehovah u niġu ffortifikati biex inżommu l-għemil tar-rieda t’Alla quddiemnett f’ħajjitna.
Jehovah Jismaʼ u Jwieġeb It-Talb Tagħna
9. (a) Għalkemm David kien midneb, il-kliem u l-azzjonijiet tiegħu x’jirrivelaw? (b) Għala m’għandniex nieqfu milli nagħmlu dak li huwa sewwa?
9 Għalkemm bniedem midneb, David kellu fidi li Jehovah kien se jismaʼ t-talba bi ħrara tiegħu. B’umiltà talab bil-ħniena: “Mulej, ismaʼ t-talba tiegħi, agħtini widen, nitolbok bil-ħniena; weġibni minħabba l-fedeltà u l-ġustizzja tiegħek. Tressaqx għall-ħaqq lill-qaddej tiegħek, għax ebda bniedem ma hu ġust quddiemek.” (Salm 143:1, 2) David kien konxju taʼ l-imperfezzjoni tiegħu, u madankollu qalbu kienet sħiħa m’Alla. B’hekk, kien fiduċjuż li kien se jirċievi tweġiba bi tjieba. Ma jinkuraġġiniex dan? Għalkemm nonqsu milli nagħmlu t-tjieba t’Alla, nistgħu nkunu fiduċjużi li hu jismagħna jekk qlubna jkunu sħaħ lejh. (Koħèlet 7:20; 1 Ġwann 5:14) Fil-waqt li nipperseveraw fit-talb, irridu nkunu determinati li ‘nirbħu l-ħażen bit-tajjeb’ f’dawn il-jiem mill-agħar.—Rumani 12:20, 21; Ġakbu 4:7.
10. David għala kellu perijodi t’anzjetà?
10 David kellu l-għedewwa, bħalma għandna aħna. Kemm jekk bħala wieħed maħrub minn Sawl, sforzat li jfittex refuġju f’postijiet battala u inaċċessibbli, jew bħala sultan mikdud mill-għedewwa, David kellu l-perijodi tiegħu t’anzjetà. Hu ddeskriva kif dan effettwah: “L-għadu għamel għalija . . . Fid-dlam xeħetni ngħammar . . . Ruħi tinfena minn ġewwa, qalbi titniehed ġewwa fija.” (Salm 143:3, 4) Kellek int raġuni biex tħossok bħalma ħassu hu?
11. Il-qaddejja t’Alla taż-żmien modern liema mumenti t’anzjetà ffaċċjaw?
11 Pressjoni mill-għedewwa, provi minħabba tbatija ekonomika qawwija, mard serju, jew xi problemi inkwetanti oħrajn wasslu lil xi wħud min-nies t’Alla biex iħossuhom bħal li kieku se jiddispraw. Xi drabi qlubhom ukoll kienu qishom imtarrxin. Huwa bħal li kieku għajtu b’leħen għoli: “Minn għawġ kbir u qalil int għaddejtni; iżda int terġaʼ tagħtini l-ħajja . . . erġaʼ agħtini l-faraġ tiegħek.” (Salm 71:20, 21) Kif ġew mgħejjunin?
Kif Tiffaċċja L-Isforzi Taʼ L-Għadu
12. Is-Sultan David kif issupera l-periklu u l-provi?
12 Salm 143:5 jindika x’għamel David meta kien imdawwar bil-periklu u bi provi kbar: “Niftakar fiż-żmien l-imgħoddi, naħseb f’kull ma int għamilt, għemil idejk dejjem fi ħsiebi.” David ġab quddiem għajnejh kif Alla kien ittratta mal-qaddejja Tiegħu u kif hu innifsu kien esperjenza ħelsien. Immedita fuq dak li Jehovah kien għamel minħabba l-isem kbir Tiegħu. Iva, David żamm lilu nnifsu kkonċernat dwar ix-xogħlijiet t’Alla.
13. Meta niffaċċjaw xi provi, li nirriflettu dwar eżempji taʼ qaddejja leali taż-żmien tal-qedem u dak modern kif jgħinna nissaportu?
13 Mhux taʼ spiss ftakarna aħna dwar kif Alla jittratta mal-poplu tiegħu? Ċertament! Dan jinkludi r-rekord magħmul mis-“sħaba hekk kbira taʼ xhieda” fiż-żminijiet taʼ qabel il-Kristjanità. (Lhud 11:32-38; 12:1) Kristjani midlukin fl-ewwel seklu wkoll ġew inkuraġġiti biex ‘jiftakru f’dawk l-ewwel jiem’ u dak li kienu ssaportew. (Lhud 10:32-34) Xi ngħidu dwar l-esperjenzi tal-qaddejja t’Alla fiż-żminijiet moderni, bħalma huma dawk irrakkontati fil-ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom?a Rakkonti ddokumentati hemmhekk u f’postijiet oħrajn jgħinuna niftakru kif Jehovah għen lin-nies tiegħu biex jissaportu projbizzjonijiet, tfigħ fil-ħabsijiet, attakki minn marmalji, u kampijiet taʼ konċentrament u taʼ xogħol sforzat. Kien hemm provi f’artijiet imbiċċrin bil-gwerer, bħalma huma l-Burundi, l-Irwanda, il-Liberja, u dik li qabel kienet il-Jugoslavja. Meta dehret l-oppożizzjoni, il-qaddejja t’Alla ssaportew minħabba li żammew relazzjoni qawwija maʼ Jehovah. Idu wieżnet lil dawk li l-iktar ħaġa importanti f’ħajjithom kienet li jagħmlu r-rieda tiegħu.
14. (a) Liema hu eżempju wieħed taʼ kif Alla wieżen persuna f’sitwazzjoni li tistaʼ tkun simili għal tagħna? (b) X’tislet minn dak l-eżempju?
14 Madankollu, int tistaʼ twieġeb li ma ġarrabt ebda abbuż brutali bħal dan, u għandek mnejn tħoss li x’aktarx li qatt ma se jiġrilek hekk. L-appoġġ t’Alla lill-poplu tiegħu, iżda, ma kienx dejjem f’dawk li xi wħud jistgħu jqisu bħala ċirkostanzi drammatiċi. Hu appoġġja lil ħafna individwi “kwalunkwe” f’ċirkostanzi “normali.” Hawn biss wieħed minn ħafna eżempji: The Watchtower taʼ l-1 taʼ Diċembru, 1996 kien fih rakkont li ntqal minn Penelope Makris. X’eżempju splendidu taʼ integrità Kristjana! Tistaʼ tiftakar dak li ssaportiet mill-ġirien, kif hi ġġieldet kontra nuqqas serju taʼ saħħa, u xi sforzi għamlet biex tibqaʼ fil-ministeru full-time? Xi ngħidu dwar l-esperjenza premjanti tagħha f’Mytilene? Il-punt hu, Tqis int eżempji bħal dawn bħala għajnuniet għalina lkoll f’li nistabbilixxu prijoritajiet, billi l-għemil tar-rieda t’Alla npoġġuh l-ewwel f’ħajjitna?
15. Liema huma xi ftit mill-atti taʼ Jehovah li għandna nimmeditaw fuqhom?
15 Isaħħaħna li nimmeditaw fuq l-attivitajiet taʼ Jehovah, bħalma għamel David. Fit-twettiq taʼ l-iskop tiegħu, Jehovah għamel provvediment għal salvazzjoni permezz tal-mewt, l-irxoxt, u l-glorifikazzjoni taʼ Ibnu. (1 Timotju 3:16) Hu stabbilixxa s-Saltna tiegħu tas-sema, naddaf is-smewwiet minn Satana u d-demonji tiegħu, u rrestawra l-qima vera hawn fuq l-art. (Apokalissi 12:7-12) Bena ġenna spiritwali u bierek lill-poplu tiegħu b’żjieda. (Isaija 35:1-10; 60:22) In-nies tiegħu issa qegħdin jagħtu xiehda finali qabel ma tfaqqaʼ t-tribulazzjoni l-kbira. (Apokalissi 14:6, 7) Iva, għandna ħafna fuqiex nimmeditaw.
16. Dwar liema ħaġa niġu inkuraġġiti li nkunu kkonċernati, u dan x’se jimpressjona fina?
16 Li nżommu lilna nfusna kkonċernati fuq ix-xogħol taʼ jdejn Alla minflok ma nsiru preokkupati bl-isforzi umani jimpressjona fuqna l-fatt li l-qawwa applikata taʼ Jehovah hija irreżistibbli. Dawk ix-xogħlijiet, iżda, m’humiex limitati għax-xogħlijiet fiżiċi taʼ l-għaġeb taʼ ħolqien fis-smewwiet u hawn fuq l-art. (Ġob 37:14; Salm 19:2 [Salm 19:1, NW]; Salm 104:24) Ix-xogħlijiet taʼ l-għaġeb tiegħu jinkludu atti taʼ ħelsien għall-poplu tiegħu minn għedewwa oppressivi, kif intwera mill-esperjenzi tal-poplu magħżul tiegħu tal-qedem.—Eżodu 14:31; 15:6.
Nagħrfu T-Triq Li Minnha Għandna Nimxu
17. Jehovah kemm kien reali għal David, u kif nistgħu nkunu rassigurati b’dan?
17 David talab għall-għajnuna li ma jmurx jinxef l-ilma tal-ħajja minn ġo fih: “Lejk immidd idejja, ruħi bħal art bil-għatx tixtieqek. Fittex weġibni, Mulej! Ruħi tinsab bla saħħa. La taħbix wiċċek minni, li ma nkunx bħal min nieżel għall-qabar.” (Salm 143:6, 7) David, midneb, kien jaf li Alla kien konxju tas-sitwazzjoni tiegħu. (Salm 31:8 [Salm 31:7, NW]) Xi drabi aħna wkoll forsi nħossuna li l-ispiritwalità tagħna naqset ħafna. Imma s-sitwazzjoni m’hijiex bla tama. Jehovah, li jismaʼ t-talb tagħna, għandu mnejn jgħaġġel ir-restawr tagħna billi jirrifreskana permezz t’anzjani taʼ mħabba, artikli fit-Torri Taʼ L-Għassa, jew partijiet fil-laqgħat li donnhom imfasslin eżatt għalina.—Isaija 32:1, 2.
18, 19. (a) X’għandha tkun it-talba ħerqana tagħna lil Jehovah? (b) Dwar liema ħaġa nistgħu nkunu żguri?
18 Il-fiduċja tagħna f’Jehovah tqanqalna biex nitolbuh: “Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, għax fik jien nittama. Għarrafni t-triq li minnha għandi ngħaddi.” (Salm 143:8) Naqas hu lil Oħtna Makris, li kienet iżolata fuq gżira Griega? Mela sejjer jonqos lilek hekk kif tpoġġi l-għemil tar-rieda tiegħu l-iktar ħaġa importanti f’ħajtek? Ix-Xitan u l-aġenti tiegħu kieku jixtiequ jfixklu jew iwaqqfu kompletament lix-xogħol tagħna taʼ pproklamar tas-Saltna t’Alla. Kemm jekk naqdu f’artijiet fejn il-vera qima hija ġeneralment permessa jew jekk naqdu fejn hi miżmuma, it-talb magħqud tagħna huwa f’armonija mal-petizzjoni taʼ David: “Eħlisni mill-għedewwa, Mulej, għax inti l-kenn tiegħi.” (Salm 143:9) Is-sigurtà tagħna kontra l-gwaj spiritwali tinsab f’li aħna ngħammru fil-post sigriet taʼ l-Iktar Għoli.—Salm 91:1.
19 Il-konvinzjoni tagħna dwar x’inhi l-iktar ħaġa importanti hija bbażata fis-sod. (Rumani 12:1, 2) Irreżisti, allura, l-isforzi tad-dinja biex timponi fuqek dak li hi taħseb li huwa importanti fl-iskema umana t’affarijiet. Kompli ħalli lil kull aspett taʼ ħajtek jirrifletti dak li taf li hu l-iktar ħaġa importanti—li tagħmel ir-rieda t’Alla.—Mattew 6:10; 7:21.
20. (a) X’tgħallimna dwar David f’Salm 143:1-9? (b) Il-Kristjani llum kif jirriflettu l-ispirtu taʼ David?
20 L-ewwel disaʼ versi taʼ Salm 143 jenfasizzaw ir-relazzjoni persunali intima taʼ David maʼ Jehovah. Meta kien imdawwar bl-għedewwa, liberament talab bil-ħniena lil Alla għall-gwida. Hu ferraʼ qalbu, billi fittex l-għajnuna rigward it-triq xierqa li minnha kellu jimxi. Huwa simili llum mal-fdal taʼ wħud midlukin bl-ispirtu fuq l-art u għal sħabhom. Huma jqisu r-relazzjoni tagħhom maʼ Jehovah bħala prezzjuża hekk kif jitolbuh għall-gwida. Iżommu quddiemnett l-għemil tar-rieda t’Alla, minkejja l-pressjonijiet mix-Xitan u d-dinja.
21. Għala huwa importanti għalina li nagħtu eżempju tajjeb jekk irridu ngħallmu lil oħrajn x’għandha tkun l-iktar ħaġa importanti f’ħajjithom?
21 Miljuni li qegħdin jistudjaw il-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah jeħtieġu li jirrikonoxxu li l-għemil tar-rieda t’Alla huwa l-iktar ħaġa importanti. Nistgħu ngħinuhom jifhmu dan meta niddiskutu kapitlu 13 tal-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem, li jenfasizza prinċipji involuti f’li nkunu ubbidjenti lejn il-Kelma.b M’għandniex xi ngħidu, għandhom jaraw eżemplifikat fina dak li qegħdin ngħallmu lilhom. Wara relattivament perijodu qasir taʼ żmien, huma wkoll se jaslu biex jagħrfu t-triq li minnha għandhom jimxu. Hekk kif dawn il-miljuni personalment jindunaw x’għandu jkun taʼ l-akbar importanza f’ħajjithom, ħafna se jiġu mqanqlin biex jieħdu l-passi taʼ dedikazzjoni u magħmudija. Wara dan, il-kongregazzjoni tistaʼ tgħinhom biex jibqgħu jimxu fit-triq tal-ħajja.
22. Liema mistoqsijiet se jiġu kkunsidrati fl-artiklu li jmiss?
22 Ħafna jirrikonoxxu bla tlaqliq li r-rieda t’Alla għandha tkun taʼ importanza massima f’ħajjithom. Iżda, Jehovah kif jgħallem progressivament lill-qaddejja tiegħu biex jagħmlu r-rieda tiegħu? X’benefiċċji jġibilhom dan? Dawn il-mistoqsijiet se jiġu kkunsidrati, flimkien maʼ diskussjoni taʼ vers prinċipali, Salm 143:10, fl-artiklu li jmiss. (w96 12/15)
[Noti taʼ taħt]
a Ippubblikat fl-1993 mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
b Ippubblikat fl-1995 mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
X’Inhi T-Tweġiba Tiegħek?
◻ Billi napplikaw Filippin 1:9, 10, kif nistgħu nistabbilixxu l-prijoritajiet?
◻ Ġesù kif wera x’kienet l-iktar ħaġa importanti f’ħajtu?
◻ X’nistgħu nitgħallmu mill-azzjonijiet taʼ David meta kien taħt prova?
◻ Salm 143:1-9 b’liema mod jgħinna llum?
◻ X’għandha tkun l-iktar ħaġa importanti f’ħajjitna?
[Stampa f’paġna 6]
L-azzjonijiet taʼ David taw prova taʼ kemm kien jistrieħ fuq Jehovah
[Sors]
Riprodott minn Illustrirte Pracht - Bibel/Heilige Schrift des Alten und Neuen Testaments, nach der deutschen Uebersetzung D. Martin Luther’s