Nitgħallmu Nsibu Tgawdija fil-Biżaʼ taʼ Jehovah
“Ejjew, ulied, agħtuni widen; il-biżaʼ taʼ Jehovah huwa dak li se ngħallimkom.”—SALM 34:11.
1. Il-biżaʼ kif se jiġi mneħħi permezz tas-Saltna t’Alla, imma jfisser dak kull xorta taʼ biżaʼ?
IN-NIES kullimkien jixxennqu għal libertà mill-biżaʼ—biżaʼ mill-kriminalità u l-vjolenza, biżaʼ mill-qagħad, biżaʼ minn mard serju. X’jum grandjuż se jkun dak meta dik il-libertà ssir realtà taħt is-Saltna t’Alla! (Isaija 33:24; 65:21-23; Mikea 4:4) Madankollu, mhux il-biżaʼ kollu se jiġi mneħħi dak in-nhar, lanqas m’għandna nipprovaw inneħħu kull biżaʼ mill-ħajjiet tagħna issa. Hemm biżaʼ li huwa tajjeb u biżaʼ li huwa ħażin.
2. (a) Liema xorta taʼ biżaʼ huwa ħażin, u liema tip huwa taʼ min jixtiequ? (b) X’inhu l-biżaʼ t’Alla, u l-iskritturi ċċitati kif jindikawh dak?
2 Il-biżaʼ jistaʼ jkun velenu mentali, billi jipparalizza l-abbiltà taʼ dak li jkun biex jirraġuna. Jistaʼ jmermer il-kuraġġ u jeqred it-tama. Biżaʼ bħal dan jistaʼ jkun esperjenzat minn xi ħadd li jkun mhedded fiżikament minn xi għadu. (Ġeremija 51:30) Jistaʼ jiġi esperjenzat minn xi ħadd li jagħti importanza żejda għal li jkollu l-approvazzjoni taʼ ċerti bnedmin influwenti. (Proverbji 29:25) Imma hemm ukoll biżaʼ li huwa edifikanti, it-tip li jżommna lura milli nagħmlu xi ħaġa kif ġie ġie, milli nagħmlu d-deni lilna nfusna. Il-biżaʼ t’Alla jinkludi saħansitra iktar minn hekk. Huwa stagħġib b’rispett lejn Jehovah, reverenza profonda lejh, flimkien maʼ tkexkix edifikanti li ma nogħġbuhx. (Salm 89:7) Dan il-biżaʼ li nqanqlu d-dispjaċir t’Alla jinbet minn apprezzament għall-qalb tajba bl-imħabba u għat-tjubija tiegħu. (Salm 5:7; Ħosea 3:5) Jinkludi wkoll li wieħed ikun konxju li Jehovah hu l-Imħallef Suprem u Dak li jistaʼ kollox, li għandu l-qawwa li jagħti l-kastig, saħansitra l-mewt, lil dawk li jirrifjutaw li jobduh.—Rumani 14:10-12.
3. Il-biżaʼ taʼ Jehovah kif inhu f’kuntrast maʼ dak assoċjat maʼ xi wħud mill-allat pagani?
3 Il-biżaʼ t’Alla huwa edifikanti, mhux tal-waħx. Dan iqanqal lil dak li jkun biex ikun sod għal dak li huwa sewwa, bla ma jagħmel kompromess billi jagħmel il-ħażin. M’huwiex bħall-biżaʼ assoċjat maʼ l-alla Grieg Fobos tal-qedem li huwa deskritt bħala alla tal-waħx li kien jispira t-terrur. U m’huwiex bħal dak il-biżaʼ assoċjat maʼ l-alla mara tal-Ħindu Kali, li xi drabi jpinġuha bħala li hija għatxana għad-demm, billi tuża katavri, sriep, u rjus tal-mejtin bħala ornamenti. Il-biżaʼ t’Alla jattira; mhux ibiegħed. Huwa minsuġ b’imħabba u apprezzament. B’hekk, il-biżaʼ t’Alla jressaqna lejn Jehovah.—Dewteronomju 10:12, 13; Salm 2:11.
Għala Xi Wħud Għandhom u Xi Wħud M’Għandhomx
4. Bħalma huwa muri mill-appostlu Pawlu, f’liema kundizzjoni waslet l-umanità, u x’inhu l-kaġun taʼ dan?
4 L-umanità inġenerali m’hijiex immotivata mill-kwalità tal-biżaʼ t’Alla. F’Rumani 3:9-18, l-appostlu Pawlu jiddeskrivi kemm il-bnedmin tbiegħdu mill-perfezzjoni oriġinali. Wara li stqarr li kulħadd huwa ddominat mid-dnub, Pawlu jikkwota mis-Salmi, billi jgħid: “M’hemmx bniedem twajjeb, lanqas saħansitra wieħed.” (Ara Salm 14:1.) Imbagħad jipprovdi dettalji billi jsemmi affarijiet bħalma huma n-negliġenza tal-bnedmin fit-tfittxija għal Alla, in-nuqqas taʼ qalb tajba tagħhom, il-kliem qarrieq tagħhom, id-dagħa, u t-tixrid taʼ demm. Dak kemm jiddeskriviha tajjeb lid-dinja tal-lum! Il-maġġoranza tan-nies m’għandhom ebda interess f’Alla u fl-iskopijiet tiegħu. Kwalunkwe turija taʼ qalb tajba hija, taʼ spiss, merfugħa għal okkażjonijiet meta jkun hemm xi ħaġa li wieħed jistaʼ jiggwadanja biha. Il-gideb u l-kliem oxxen huma komuni. It-tixrid taʼ demm huwa muri mhux biss fl-aħbarijiet imma wkoll fid-divertiment. X’inhi r-raġuni għal sitwazzjoni bħal din? Huwa veru li aħna lkoll dixxendenti tal-midneb Adam, imma meta n-nies jadottaw bħala l-mod taʼ ħajja tagħhom l-affarijiet deskritti mill-appostlu Pawlu, xi ħaġa iktar minn hekk hija involuta. Vers 18 jispjega x’inhi, billi jgħid: “M’hemm ebda biżaʼ t’Alla quddiem għajnejhom.”—Ara Salm 36:1.
5. Xi nies għala għandhom il-biżaʼ t’Alla, waqt li oħrajn m’għandhomx?
5 Għala huwa, iżda, li xi nies għandhom il-biżaʼ t’Alla waqt li oħrajn m’għandhomx? Sempliċement, dan huwa għaliex xi nies jikkultivawh, waqt li oħrajn le. Ħadd minna ma jitwieled bih, imma lkoll kemm aħna għandna l-kapaċità għalih. Il-biżaʼ t’Alla huwa xi ħaġa li rridu nitgħallmu. Imbagħad, biex dan ikun forza qawwija li timmotivana f’ħajjietna, għandna bżonn nikkultivawh.
Stedina Attraenti
6. Min jestendilna l-istedina mniżżla f’Salm 34:11, u dan it-test kif juri li wieħed irid jitgħallem il-biżaʼ t’Alla?
6 Stedina attraenti biex nitgħallmu l-biżaʼ taʼ Jehovah hija estiża lilna f’Salm 34. Dan huwa salm taʼ David. U David lil min iffigura bil-quddiem? Ħadd ħlief il-Mulej Ġesù Kristu. Profezija li l-appostlu Ġwanni applika speċifikament għal Ġesù hija mniżżla fil-vers 20 taʼ dan is-salm. (Ġwann 19:36) Fi żmienna, Ġesù hu l-wieħed li jestendi stedina bħal dik fil-vers 11: “Ejjew, ulied, agħtuni widen; il-biżaʼ taʼ Jehovah huwa dak li se ngħallimkom.” Dan juri b’mod ċar li l-biżaʼ t’Alla hija xi ħaġa li wieħed jistaʼ jitgħallimha, u Ġesù Kristu huwa kkwalifikat b’mod eċċellenti biex jgħallimna. Dak għala?
7. Ġesù għala hu b’mod speċjali wieħed li minnu nitgħallmu l-biżaʼ t’Alla?
7 Ġesù Kristu jaf l-importanza tal-biżaʼ t’Alla. Ebrej 5:7 jgħid dwaru: “Fil-jiem tal-laħam tiegħu Kristu offra tħannin u wkoll petizzjonijiet lill-Wieħed li setaʼ jsalvah mill-mewt, b’agħjat qawwi u dmugħ, u kien mismugħ b’favur minħabba l-biżaʼ tiegħu minn Alla.” Biżaʼ t’Alla bħal dak kien kwalità li Ġesù Kristu wera saħansitra qabel ma ġie kkonfrontat bil-mewt fuq zokk tat-tortura. Ftakar, fi Proverbji kapitlu 8, l-Iben t’Alla hu deskritt bħala l-personifikazzjoni taʼ l-għerf. U fi Proverbji 9:10, jintqalilna: “Il-biżaʼ taʼ Jehovah huwa l-bidu taʼ l-għerf.” Mela dan il-biżaʼ t’Alla kien parti fundamentali mill-personalità taʼ l-Iben t’Alla ferm qabel ma ġie fuq l-art.
8. F’Isaija 11:2, 3, x’nitgħallmu dwar il-biżaʼ taʼ Jehovah?
8 Barra minn hekk, rigward Ġesù bħala Sultan Messjaniku, Isaija 11:2, 3 jistqarr: “Fuqu l-ispirtu taʼ Jehovah irid jistrieħ, l-ispirtu t’għerf u taʼ fehma, l-ispirtu taʼ parir u taʼ setgħa, l-ispirtu t’għarfien u tal-biżaʼ taʼ Jehovah; u se jkun hemm tgawdija bih fil-biżaʼ taʼ Jehovah.” Kemm huwa espress b’mod sabiħ! Il-biżaʼ taʼ Jehovah m’huwiex xi ħaġa spjaċevoli. Huwa pożittiv u kostruttiv. Huwa kwalità li se tkun mifruxa mad-dominju kollu li fuqu Kristu jaħkem bħala Sultan. Hu qiegħed jaħkem issa, u lil dawk kollha li qegħdin jiġu miġburin bħala s-sudditi tiegħu, qed jagħtihom struzzjoni fil-biżaʼ taʼ Jehovah. Kif?
9. Ġesù Kristu kif qiegħed jgħallimna l-biżaʼ taʼ Jehovah, u xi jridna nitgħallmu dwar dan?
9 Permezz tal-laqgħat tagħna tal-kongregazzjoni, taʼ l-assembleat, u konvenzjonijiet, Ġesù, bħala Kap maħtur tal-kongregazzjoni u bħala s-Sultan Messjaniku, jgħinna nifhmu ċar u tond x’inhu l-biżaʼ t’Alla u għala huwa tant taʼ benefiċċju. B’hekk jagħmel ħiltu biex ikabbrilna l-apprezzament tagħna għal dan sabiex nitgħallmu nsibu l-għaxqa fil-biżaʼ taʼ Jehovah sewwa sew bħalma jagħmel hu.
Se Tagħmel Int L-Isforz?
10. Meta nattendu għal-laqgħat Kristjani, xi rridu nagħmlu jekk irridu nifhmu l-biżaʼ taʼ Jehovah?
10 M’għandniex xi ngħidu, li sempliċement naqraw il-Bibbja jew nattendu l-laqgħat f’Sala tas-Saltna m’huwiex garanzija li se jkollna l-biżaʼ t’Alla. Innota dak li għandna bżonn nagħmlu jekk tassew irridu nifhmu l-biżaʼ taʼ Jehovah. Proverbji 2:1-5 jgħid: “Ibni, jekk se tirċievi l-qwiel tiegħi u taħżen bħal teżor il-kmandamenti tiegħi stess miegħek innifsek, sabiex toqgħod attent għall-għerf b’widintek, biex tistaʼ tmejjel lil qalbek lejn id-dehen; jekk, barra minn hekk, issejjaħ għall-fehma nfisha u tagħti leħnek għad-dehen innifsu, jekk tibqaʼ tfittex għalih bħal li kieku għall-fidda, u bħal li kieku għal teżori moħbijin tibqaʼ tfittex għalih, f’dak il-każ se tifhem il-biżaʼ taʼ Jehovah, u se ssib l-istess għarfien t’Alla.” Mela, meta nattendu l-laqgħat, għandna bżonn nagħtu attenzjoni lejn dak li jkun qed jintqal, nagħmlu sforz ħerqan biex nikkonċentraw fuq u niftakru l-ħsibijiet prinċipali, naħsbu fil-fond dwar kif il-mod kif inħossuna dwar Jehovah għandu jinfluwenza l-attitudni tagħna lejn il-parir mogħti—iva, niftħu qlubna. Imbagħad se nifhmu l-biżaʼ taʼ Jehovah.
11. Biex nikkultivaw il-biżaʼ t’Alla, x’għandna nagħmlu bis-serjetà u taʼ spiss?
11 Salm 86:11 jiġbed l-attenzjoni lejn fattur importanti ieħor, dak tat-talb. “Istruwini, O Jehovah, dwar il-mogħdija tiegħek. Jien se nimxi fil-verità tiegħek,” talab is-salmista. “Għaqqad lil qalbi biex nibżaʼ minn ismek.” Jehovah approva dik it-talba, għax ġegħilha tkun iddokumentata fil-Bibbja. Biex nikkultivaw il-biżaʼ t’Alla, aħna wkoll neħtieġu li nitolbu lil Jehovah għall-għajnuna tiegħu, u se nibbenefikaw billi nitolbu bis-serjetà u taʼ spiss.—Luqa 18:1-8.
Qalbek Hija Involuta
12. Il-qalb għala trid tingħata attenzjoni speċjali, u dak x’jinkludi?
12 Hemm xi ħaġa oħra li għandna ninnotaw f’Salm 86:11. Is-salmista ma kienx qed jitlob sempliċement għal fehma intellettwali tal-biżaʼ t’Alla. Hu jsemmi lil qalbu. L-ikkultivar tal-biżaʼ t’Alla jinvolvi l-qalb figurattiva, li tirrikjedi attenzjoni speċjali minħabba li hija l-persuna ġewwinija manifestata fl-attivitajiet kollha tagħna tal-ħajja u tinkludi l-ħsibijiet tagħna, l-attitudnijiet tagħna, ix-xewqat tagħna, il-motivazzjonijiet tagħna, il-miri tagħna.
13. (a) X’jistaʼ jindika li l-qalb taʼ persuna tkun maqsuma? (b) Hekk kif nikkultivaw il-biżaʼ t’Alla, lejn liema mira għandna naħdmu?
13 Il-Bibbja twissina li l-qalb tal-persuna tistaʼ tkun maqsuma. Tistaʼ tkun qarrieqa. (Salm 12:2; Ġeremija 17:9) Tistaʼ timmotivana biex nieħdu sehem f’attivitajiet edifikanti—li mmorru għal-laqgħat tal-kongregazzjoni u fil-ministeru taʼ l-għalqa—imma tistaʼ wkoll tħobb ċerti aspetti tal-mod taʼ ħajja tad-dinja. Dan jistaʼ jżommna lura milli nkunu verament b’ruħ sħiħa f’li nippromwovu l-interessi tas-Saltna. Imbagħad il-qalb qarrieqa tistaʼ tipprova tipperswadina li, wara kollox, aħna qegħdin nagħmlu daqs ħafna oħrajn. Jew għandu mnejn li fl-iskola jew fuq il-post tax-xogħol sekulari, il-qalb tistaʼ tkun influwenzata mill-biżaʼ tal-bniedem. Bħala riżultat, f’dawk l-ambjenti nistgħu noqogħdu naħsbuha biex nidentifikaw lilna nfusna bħala Xhieda taʼ Jehovah u għandna mnejn saħansitra nagħmlu affarijiet li m’humiex xierqa għal Kristjani. Wara, madankollu, il-kuxjenza tagħna tniggiżna. Dik m’hijiex ix-xorta taʼ persuna li rridu nkunu. Mas-salmista, għalhekk, nitolbu lil Jehovah: “Għaqqad lil qalbi biex nibżaʼ minn ismek.” Aħna rridu l-persuna ġewwinija kollha kemm hi, kif murija fl-attivitajiet kollha tagħna tal-ħajja, li tagħti evidenza li aħna ‘nibżgħu minn dak Alla veru u nżommu l-kmandamenti tiegħu.’—Ekkleżjasti 12:13.
14, 15. (a) Meta bassar l-irrestawrar taʼ Iżrael mill-iskjavitù f’Babilonja, Jehovah x’wiegħed li jagħti lill-poplu tiegħu? (b) Jehovah x’għamel f’dak li kellu x’jaqsam maʼ li jħawwel il-biżaʼ t’Alla fi qlub il-poplu tiegħu? (ċ) Iżrael għala dar lil hinn mill-mogħdijiet taʼ Jehovah?
14 Jehovah wiegħed li kellu jagħti qalb li tibżaʼ minn Alla bħal din lill-poplu tiegħu. Hu bassar ir-restawrazzjoni taʼ Iżrael u qal, bħalma naqraw f’Ġeremija 32:37-39: “Se nġibhom lura lejn dan il-post u nġegħilhom jgħammru fis-sigurtà. U ċertament li se jsiru l-poplu tiegħi, u jien innifsi se nsir dak Alla tagħhom. U se nagħtihom qalb waħda u mogħdija waħda sabiex jibżgħu minni dejjem, għall-ġid lilhom u lil uliedhom warajhom.” Fil-vers 40, il-wegħda t’Alla hija msaħħa: “[I]l-biżaʼ minni se nqiegħed f’qalbhom sabiex ma jdurux lil hinn minni.” Fis-sena 537 Q.E.K., Jehovah tassew li ġabhom lura lejn Ġerusalemm bħalma kien wiegħed. Imma xi ngħidu għall-bqija taʼ dik il-wegħda—li kellu jagħtihom ‘qalb waħda sabiex jibżgħu minnu dejjem’? Il-ġens tal-qedem taʼ Iżrael għala dar lil hinn minn Jehovah wara li kien ġabhom lura minn Babilonja, bir-riżultat li t-tempju tagħhom ġie meqrud fis-sena 70 E.K., biex qatt iżjed ma jerġaʼ jinbena?
15 Dan ma kienx dovut għal xi nuqqas min-naħa taʼ Jehovah. Jehovah ħa, tabilħaqq, passi biex iqiegħed il-biżaʼ t’Alla fi qlub il-poplu tiegħu. Bil-ħniena li wera f’li jeħlishom minn Babilonja u jirrestawrahom ġo art twelidhom, hu tahom kull raġuni biex iqisuh b’reverenza profonda. Alla saħħaħ dak kollu bi tfakkiriet, pariri, u ċanfir permezz tal-profeti Ħaggaj, Żakkarija, u Malakija; minn Eżra, li kien mibgħut lilhom bħala għalliem; permezz tal-Gvernatur Neħemija; u permezz taʼ l-Iben innifsu t’Alla stess. Kultant in-nies taw widen. Għamlu hekk meta bnew mill-ġdid it-tempju taʼ Jehovah għat-tħeġġiġ taʼ Ħaggaj u Żakkarija u meta keċċew lil nisa barranin fi żmien Eżra. (Eżra 5:1, 2; 10:1-4) Imma iktar spiss m’obdewx. Ma kinux konsistenti dwar li jagħtu attenzjoni; ma komplewx ikunu lesti li jaċċettaw il-pariri; ma ħallewx lil qlubhom miftuħin. L-Iżraeliti ma kinux qegħdin jikkultivaw il-biżaʼ t’Alla, u bħala riżultat, dan ma kienx forza qawwija li timmotivahom f’ħajjiethom.—Malakija 1:6; Mattew 15:7, 8.
16. Jehovah fil-qlub taʼ min ħawwel il-biżaʼ t’Alla?
16 Madankollu, il-wegħda taʼ Jehovah li jqiegħed il-biżaʼ t’Alla fil-qlub tal-poplu tiegħu ma fallietx. Hu għamel patt ġdid maʼ Iżrael spiritwali, dawk il-Kristjani li quddiemhom poġġa tama għas-sema. (Ġeremija 31:33; Galatin 6:16) Fl-1919, Alla rrestawrahom mill-jasar taʼ Babilonja l-Kbira, l-imperu dinji taʼ reliġjon falza. Fi qlubhom ħawwel b’mod sod il-biżaʼ minnu. Dan ġab benefiċċji għonja lilhom u lill-“folla kbira,” li għandhom it-tama taʼ ħajja bħala sudditi fuq l-art tas-Saltna. (Ġeremija 32:39; Rivelazzjoni 7:9) Il-biżaʼ taʼ Jehovah ġie li jkun fi qlubhom ukoll.
Kif Il-Biżaʼ T’Alla Jiġi Mħawwel Fi Qlubna
17. Jehovah kif poġġa l-biżaʼ t’Alla fi qlubna?
17 Jehovah kif ħawwel dan il-biżaʼ t’Alla fi qlubna? Permezz tal-ħidma taʼ l-ispirtu tiegħu. U x’għandna aħna li huwa prodott taʼ l-ispirtu qaddis? Il-Bibbja, il-Kelma mnebbħa t’Alla. (2 Timotew 3:16, 17) B’dak li għamel fil-passat, bil-modi li bihom jittratta mal-qaddejja tiegħu issa bi twettieq tal-Kelma profetika tiegħu, u permezz tal-profeziji dwar affarijiet li għad iridu jiġu, Jehovah jipprovdi bażi soda għalina lkoll biex niżviluppaw il-biżaʼ t’Alla.—Ġożwè 24:2-15; Ebrej 10:30, 31.
18, 19. Il-konvenzjonijiet, l-assembleat, u l-laqgħat tal-kongregazzjoni kif jgħinuna biex nakkwistaw il-biżaʼ t’Alla?
18 Taʼ min jinnota li, bħalma huwa msemmi f’Dewteronomju 4:10, Jehovah qal lil Mosè: “Ikkongrega lin-nies flimkien lejja biex inkun nistaʼ nħallihom jisimgħu kliemi, biex ikunu jistgħu jitgħallmu jibżgħu minni l-jiem kollha li huma ħajjin fuq il-ħamrija u biex ikunu jistgħu jgħallmu lil uliedhom.” B’mod simili llum, Jehovah għamel provvedimenti abbundanti biex jgħin lill-poplu tiegħu jitgħallem jibżaʼ minnu. F’konvenzjonijiet, assembleat, u laqgħat tal-kongregazzjoni, aħna nirrakkontaw l-evidenza tal-qalb tajba b’imħabba taʼ Jehovah u t-tjubija tiegħu. Dak li konna qegħdin nagħmlu meta konna qegħdin nistudjaw il-ktieb L-Aqwa Bniedem Li Qatt Għex. Dak l-istudju kif effettwa lilek u l-attitudni tiegħek lejn Jehovah? Hekk kif int rajt id-diversi kwalitajiet tal-personalità grandjuża taʼ Missierna tas-sema riflessi f’Ibnu, ma saħħaħx dan ix-xewqa tiegħek biex qatt ma tkun taʼ dispjaċir għal Alla?—Kolossin 1:15.
19 Fil-laqgħat tagħna, nistudjaw ukoll rakkonti taʼ kif Jehovah ħeles lill-poplu tiegħu fil-passat. (2 Samwel 7:23) Hekk kif nistudjaw il-ktieb Bibliku taʼ Rivelazzjoni bil-għajnuna tal-ktieb Revelation—Its Grand Climax At Hand!, insiru nafu dwar viżjonijiet profetiċi li diġà twettqu f’dan is-seklu 20 u dwar ġrajjiet oħrajn li jnisslu l-biżaʼ li għad iridu jiġu. Rigward l-atti t’Alla kollha bħal dawn, Salm 66:5 jistqarr: “Ejjew u araw l-attivitajiet t’Alla. L-aġir tiegħu maʼ wlied il-bnedmin jispira l-biżaʼ.” Iva, jekk inħarsu lejhom b’ħarsa xierqa, dawn l-atti t’Alla jħawlu fi qlubna biżaʼ taʼ Jehovah, reverenza profonda. B’hekk nistgħu naraw kif Alla Jehovah iwettaq il-wegħda tiegħu: “[I]l-biżaʼ minni se nqiegħed f’qalbhom sabiex ma jdurux lil hinn minni.”—Ġeremija 32:40.
20. Sabiex il-biżaʼ t’Alla jsir imħawwel profondament fi qlubna, x’inhu meħtieġ min-naħa tagħna?
20 Huwa evidenti, madankollu, li l-biżaʼ t’Alla ma jiġix li jkun fi qlubna mingħajr sforz min-naħa tagħna. Ir-riżultati ma jiġux awtomatikament. Jehovah jagħmel il-parti tiegħu. Aħna rridu nagħmlu tagħna billi nikkultivaw il-biżaʼ t’Alla. (Dewteronomju 5:29) Iżrael naturali naqsu li jagħmlu dak. Imma billi jistrieħu fuq Jehovah, Iżraeliti spiritwali u sħabhom diġà qegħdin jesperjenzaw ħafna mill-benefiċċji li jiġu lil dawk li jibżgħu minn Alla. Se nikkunsidraw xi wħud minn dawn il-benefiċċji fl-artiklu li jmiss. (w95 3/15)
Kif Twieġeb Int?
◻ X’inhu l-biżaʼ t’Alla?
◻ Aħna kif qegħdin niġu mgħallmin biex insibu tgawdija fil-biżaʼ taʼ Jehovah?
◻ Biex ikollna l-biżaʼ t’Alla, liema sforz huwa meħtieġ min-naħa tagħna?
◻ Li nakkwistaw il-biżaʼ t’Alla għala jinvolvi l-aspetti kollha tal-qalb figurattiva tagħna?
[Stampi f’paġni 10, 11]
Studju diliġenti huwa meħtieġ biex wieħed jifhem il-biżaʼ taʼ Jehovah