In-Ngħaġ taʼ Jehovah Jeħtieġu Attenzjoni Tenera
“Kunu afu li Jaħweh hu Alla. . . . Aħna l-poplu tiegħu u n-ngħaġ tal-mergħa tiegħu.”—SALM 100:3.
1. Jehovah kif jittratta lill-qaddejja tiegħu?
JEHOVAH hu r-Ragħaj il-Kbir. Jekk aħna l-qaddejja tiegħu, hu jqisna bħala n-ngħaġ tiegħu u jagħtina attenzjoni tenera. Missierna tas-sema jfarraġna u jirrifreskana u jmexxina “fit-triq tas-sewwa minħabba l-isem tiegħu.” (Salm 23:1-4) Ir-Ragħaj mill-Aħjar, Ġesù Kristu, tant iħobbna li ċeda ruħu għalina.—Ġwann 10:7-15.
2. In-nies t’Alla f’liema kundizzjoni jsibu lilhom infushom?
2 Bħala wħud li nirċievu attenzjoni tenera, nistgħu ngħidu mas-salmista: “Aqdu bil-ferħ lill-Mulej, idħlu quddiemu b’għana ferrieħi. Kunu afu li Jaħweh hu Alla, hu ħalaqna, u aħna tiegħu, aħna l-poplu tiegħu u n-ngħaġ tal-mergħa tiegħu.” (Salm 100:2, 3) Iva, aħna mimlijin ferħ u għandna s-sigurtà. Huwa bħal li kieku konna ssalvagwardjati minn predaturi mill-agħar f’maqjel tan-ngħaġ li għandu ħitan b’saħħithom tal-ġebel.—Numri 32:16; 1 Samwel 24:4 [1 Samwel 24:3, NW]; Sofonija 2:6.
Ragħajja Ħerqanin Tal-Merħla
3. Anzjani Kristjani maħturin kif jittrattaw lill-merħla t’Alla?
3 Mhux taʼ b’xejn li aħna mimlijin ferħ bħala n-ngħaġ t’Alla! Anzjani maħturin jieħdu t-tmexxija fostna. Huma ma ‘jaħkmux fuqna,’ ma jikkmandawniex, lanqas ma jipprovaw ikunu sidien fuq il-fidi tagħna. (Numri 16:13; Mattew 20:25-28; 2 Korintin 1:24; Lhud 13:7) Minflok, huma ragħajja taʼ mħabba li japplikaw il-parir taʼ l-appostlu Pietru: “Irgħaw il-merħla t’Alla li hemm fostkom, u ħudu ħsiebha, mhux imġegħlin, imma minn rajkom; mhux għall-qliegħ moqżież, imma b’qalb imħeġġa; mhux qiskom is-sidien tal-wirt t’Alla, imma billi ssiru eżempju tal-merħla.” (1 Pietru 5:2, 3, KŻ) L-appostlu Pawlu qal lil anzjani sħabu: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom u għall-merħla kollha, li fostha l-ispirtu qaddis ħatarkom indokraturi, biex tirgħu l-kongregazzjoni t’Alla, li hu xtara bid-demm taʼ Ibnu stess.” U kemm huma grati n-ngħaġ li dawn l-irġiel maħturin mill-ispirtu qaddis ‘jittrattaw lill-merħla b’tenerezza’!—Atti 20:28-30, NW.
4. Charles T. Russell għal liema xorta taʼ relazzjoni mal-merħla kien magħruf ħafna?
4 Ġesù ta lill-kongregazzjoni “għotjiet fi bnedmin,” xi wħud bħala “ragħajja,” li jittrattaw lill-merħla taʼ Jehovah b’mod teneru. (Efesin 4:8, 11, NW) Wieħed minn dawn l-irġiel kien Charles T. Russell, l-ewwel president tal-Watch Tower Society. Kien imsejjaħ Pastor Russell minħabba l-attivitajiet tiegħu taʼ mħabba u mogħdrija f’li jirgħa l-merħla taħt ir-Ragħaj Ewlieni, Ġesù Kristu. Illum, anzjani Kristjani huma maħturin mill-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah, u tingħata attenzjoni li ma jintużawx termini bħalma huma “pastor,” “anzjan,” jew “għalliem” bħala titli. (Mattew 23:8-12) Madankollu, anzjani taż-żmien preżent jagħmlu xogħol pastorali, jew taʼ ragħajja, għall-benefiċċju tan-ngħaġ tal-mergħa taʼ Jehovah.
5. Mgħammdin ġodda għala għandhom isiru jafu lill-anzjani maħturin fil-kongregazzjoni Kristjana?
5 Bħala ragħajja, l-anzjani għandhom parti sinjifikanti fil-progress spiritwali taʼ wħud ġodda. Għaldaqstant, il-ktieb il-ġdid Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem jgħid f’paġna 168: “Sir afhom lill-anzjani maħturin fil-kongregazzjoni. Huma għandhom ħafna esperjenza fl-applikar taʼ l-għarfien dwar Alla, għax laħqu l-kwalifiki mniżżlin fil-Bibbja għal indokraturi. (1 Timotju 3:1-7; Titu 1:5-9) Iżżommx lura milli tavviċina lil xi wieħed minnhom jekk ikollok bżonn għajnuna spiritwali biex tegħleb xi vizzju jew xi karatteristika li hija f’konflitt mal-ħtiġijiet t’Alla. Se ssib li l-anzjani jsegwu t-twissija taʼ Pawlu: ‘Agħmlu l-qalb lill-beżżiegħa [“erwieħ dipressi,” NW], għinu lid-dgħajfa, stabru b’kulħadd.’—1 Tessalonkin 2:7, 8; 5:14.”
Meta Wħud Ġodda Jkunu Jridu Jippridkaw
6. Liema proċedura tiġi segwita jekk student tal-Bibbja jrid isir pubblikatur tas-Saltna?
6 Wara li student tal-Bibbja jkun ħa għarfien u attenda għal-laqgħat għal xi żmien, għandu mnejn ikun irid isir pubblikatur tas-Saltna, predikatur taʼ l-aħbar tajba. (Mark 13:10) Jekk dan huwa l-każ, ix-Xhud li jikkonduċi l-istudju tal-Bibbja miegħu għandu jikkuntattja lill-indokratur li jippresiedi, u dan jagħmel arranġamenti biex wieħed mill-anzjani fil-Kumitat tas-Servizz tal-Kongregazzjoni u anzjan ieħor jiltaqgħu maʼ l-istudent tal-Bibbja u l-għalliem tiegħu. Id-diskussjoni tkun ibbażata fuq il-ktieb Organized to Accomplish Our Ministry, paġni 98 u 99. Jekk dawn iż-żewġ anzjani jaraw li l-wieħed ġdid jemmen it-tagħlim bażiku tal-Bibbja u kkonforma mal-prinċipji t’Alla, jintqallu li huwa kkwalifikat biex jieħu sehem fil-ministeru pubbliku.a Meta jirrapporta l-ministeru tiegħu billi jimla rapport tas-servizz taʼ l-għalqa, dan se jiġi mniżżel fuq karta taʼ l-Istatistika tal-Pubblikatur tal-Kongregazzjoni maħruġa fuq ismu. Il-wieħed ġdid jistaʼ issa jirrapporta l-attività tiegħu t’għoti taʼ xiehda flimkien mal-miljuni t’oħrajn li b’ferħ “ixandru l-kelma taʼ Alla.” (Atti 13:5) Avviż li hu pubblikatur mhux mgħammed isir lill-kongregazzjoni.
7, 8. Pubblikatur mhux mgħammed b’liema modi jistaʼ jingħata għajnuna meħtieġa fil-ministeru?
7 Pubblikatur mhux mgħammed għandu bżonn l-għajnuna taʼ l-anzjani u taʼ Kristjani maturi oħrajn. Per eżempju, il-progress spiritwali tiegħu huwa taʼ interess għall-anzjan li jikkonduċi l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni fejn jattendi. Il-pubblikatur ġdid għandu mnejn isibha diffiċli li jitkellem b’mod effettiv fix-xogħol minn dar għal dar. (Atti 20:20) Għalhekk x’aktarx li jaċċetta mill-qalb għajnuna, speċjalment mingħand dak li kien u għadu jikkonduċi studji tal-Bibbja miegħu mill-ktieb Għarfien. Għajnuna prattika bħal din hija xierqa, għaliex Ġesù Kristu ħejja lid-dixxipli tiegħu għall-ministeru.—Mark 6:7-13; Luqa 10:1-22.
8 Biex il-ministeru tagħna jkun effettiv, preparazzjoni tajba bil-quddiem hija essenzjali. Għalhekk, iż-żewġ pubblikaturi jistgħu l-ewwel jiltaqgħu flimkien biex jipprattikaw preżentazzjonijiet issuġġeriti fil-ħarġa taʼ kull xahar taʼ Il-Ministeru Tas-Saltna. Meta jibdew is-servizz tagħhom taʼ l-għalqa, dak li għandu iżjed esperjenza jistaʼ jieħu l-ewwel bieb jew tnejn. Wara introduzzjoni kordjali, iż-żewġ pubblikaturi jistgħu jieħdu sehem f’li jagħtu xiehda. Li jaħdmu flimkien fil-ministeru għal ftit ġimgħat għandu mnejn iwassal għal żjajjar lura mill-aħjar u saħansitra għal studju tal-Bibbja fid-dar mill-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem. Il-pubblikatur b’iżjed esperjenza jistaʼ jikkonduċi l-istudju għal ftit żmien u mbagħad jgħaddih lill-proklamatur il-ġdid tas-Saltna. Kemm se jkunu henjin iż-żewġ pubblikaturi jekk l-istudent tal-Bibbja juri apprezzament għall-għarfien dwar Alla!
9. Liema arranġamenti jsiru meta pubblikatur jixtieq jitgħammed?
9 Hekk kif pubblikatur mhux mgħammed jipprogressa spiritwalment, jistaʼ jagħmel dedikazzjoni lil Alla fit-talb u jkun irid jitgħammed. (Qabbel Mark 1:9-11.) Għandu jgħarraf ix-xewqa tiegħu għall-magħmudija lill-indokratur li jippresiedi tal-kongregazzjoni, u dan jagħmel arranġamenti biex anzjani jirrevedu mal-pubblikatur il-mistoqsijiet f’paġni 175 sa 218 taʼ Organized to Accomplish Our Ministry. L-erbaʼ partijiet li fihom huma maqsumin il-mistoqsijiet jistgħu jsiru fi tliet sezzjonijiet minn tliet anzjani differenti jekk ikun possibbli. Jekk dawn jaqblu li l-pubblikatur mhux mgħammed għandu fehma raġonevoli tat-tagħlim tal-Bibbja u jikkwalifika b’modi oħrajn, jgħidulu li jistaʼ jitgħammed. Bħala riżultat tad-dedikazzjoni u magħmudija tiegħu, hu jsir ‘immarkat’ għas-salvazzjoni.—Eżekjel 9:4-6, KŻ.
Nilħqu Bżonnijiet Speċjali
10. Wara li jispiċċa l-istudju tiegħu tal-ktieb Għarfien u jitgħammed, wieħed kif se jżid l-għarfien Skritturali tiegħu?
10 Wara li individwu jkun spiċċa l-istudju tiegħu tal-Bibbja mill-ktieb Għarfien u jkun ġie mgħammed, jistaʼ ma jkunx neċessarju li tikkonduċi studju formali miegħu fit-tieni ktieb, bħalma huwa Magħqudin Fil-Qima Taʼ L-Uniku Alla Veru.b M’għandniex xi ngħidu, l-individwu mgħammed dan l-aħħar se jitgħallem ħafna hekk kif iħejji għal-laqgħat Kristjani u jattendi għalihom regolarment. Se jikseb ukoll iżjed għarfien hekk kif l-għatx tiegħu għall-verità jqanqlu biex jaqra u jistudja pubblikazzjonijiet Kristjani privatament u biex jiddiskuti affarijiet Skritturali maʼ kredenti sħabu. Imma xi ngħidu jekk iqumu bżonnijiet speċjali?
11. (a) Apollos kif kien mgħejjun minn Prixilla u Akwila? (b) Liema għajnuna tistaʼ tingħata lil adult żagħżugħ li tgħammed dan l-aħħar u li qiegħed jikkunsidra ż-żwieġ?
11 Saħansitra Apollos, li kien “għaref fl-Iskrittura” u mgħallem dwar Ġesù bil-korrettezza, ibbenefika meta l-Kristjani t’esperjenza Prixilla u Akwila “ħaduh magħhom u fissrulu t-Triq taʼ Alla iktar bir-reqqa.” (Atti 18:24-26; qabbel Atti 19:1-7.) Għalhekk, nassumu li adult żagħżugħ mgħammed dan l-aħħar qiegħed jikkunsidra għerusija u żwieġ. Kristjan b’iżjed esperjenza jistaʼ jgħinu jsib informazzjoni fuq dawn is-suġġetti f’pubblikazzjonijiet tal-Watch Tower. Per eżempju, materjal t’għajnuna fuq dawn il-linji jidher fil-ktieb Questions Young People Ask—Answers That Work, Sezzjoni 7.c Il-pubblikatur li kkonduċa l-istudju tal-Bibbja miegħu jistaʼ jiddiskuti dan il-materjal mal-wieħed ġdid, għalkemm studju regulari ma jkunx involut.
12. Liema għajnuna tistaʼ tiġi pprovduta lil imseħbin fiż-żwieġ li għadhom kif tgħammdu u li għandhom il-problemi?
12 Ikkunsidra eżempju ieħor. Għandu mnejn li mseħbin fiż-żwieġ li għadhom kemm tgħammdu qegħdin ikollhom problemi f’li japplikaw prinċipji divini. Jistgħu jikkonsultaw m’anzjan, li jistaʼ jqattaʼ ftit ħin fl-għaxijiet jiddiskuti l-Iskrittura magħhom u jidderieġi l-attenzjoni tagħhom lejn informazzjoni misjuba fil-pubblikazzjonijiet tal-Watch Tower. Madankollu, l-anzjan ma jistabbilixxix mill-ġdid studju regulari tal-Bibbja mal-koppja.
Jekk Wieħed Mgħammed Ġdid Jiżbalja
13. Anzjani tal-kongregazzjoni għala għandhom juru ħniena lil wieħed mgħammed ġdid li jiżbalja imma li hu niedem?
13 L-anzjani jimitaw lir-Ragħaj il-Kbir, Jehovah, li jgħid: “Jiena stess nirgħa n-ngħaġ tiegħi, . . . ninfaxxa l-ġrieħi tal-miġruħa, u nqawwi l-marida.” (Eżekjel 34:15, 16; Efesin 5:1) Fi qbil maʼ dak l-ispirtu, id-dixxiplu Ġuda ħeġġeġ li tintwera ħniena lil Kristjani midlukin li kellhom xi dubji jew li kienu waqgħu fid-dnub. (Ġuda 22, 23) Ladarba bix-xieraq nistennew wisq iżjed minn Kristjani t’esperjenza, ċertament li ħniena għandha tintwera lil persuna li għadha kif tgħammdet—sempliċi ħaruf—li tiżbalja imma hi niedma. (Luqa 12:48; 15:1-7) Anzjani, li ‘jiġġudikaw f’isem il-Mulej,’ għalhekk jagħtu lil ngħaġ bħal dawn attenzjoni tenera u jaġġustawhom mill-ġdid fi spirtu taʼ ħlewwa.—2 Kronaki 19:6; Atti 20:28, 29; Galatin 6:1.d
14. X’għandu jsir meta pubblikatur mgħammed dan l-aħħar jikkommetti dnub serju, u kif jistaʼ jiġi mgħejjun?
14 Nassumu, allura, li pubblikatur li tgħammed dan l-aħħar qabel kellu problema bix-xorb u reġaʼ waqaʼ għal li jieħu żżejjed f’xi okkażjoni jew tnejn. Jew forsi għeleb vizzju tat-tabakk li kien ilu fuqu ħafna imma ċeda għat-tentazzjoni li jpejjep privatament xi darba jew tnejn. Avolja ħuna l-ġdid ikun talab għall-maħfra t’Alla, għandu jfittex l-għajnuna t’anzjan sabiex id-dnub ma jsirx drawwa. (Salm 32:2-5 [Salm 32:1-5, NW]; Ġakbu 5:14, 15) Meta jsemmi l-iżball tiegħu lil wieħed mill-anzjani, dak l-anzjan għandu jipprova jaġġusta mill-ġdid lill-wieħed ġdid b’mod ħanin. (Salm 130:3) Pariri Skritturali għandhom mnejn ikunu biżżejjed biex jgħinuh jiddritta l-mogħdijiet għal saqajh wara dan. (Lhud 12:12, 13) Dan l-anzjan jiddiskuti ċ-ċirkostanzi maʼ l-indokratur li jippresiedi tal-kongregazzjoni biex jiddetermina liema assistenza oħra għandha tingħata.
15. F’xi każi, x’jistaʼ jkun neċessarju meta persuna mgħammda dan l-aħħar tidneb?
15 F’xi każi iktar jistaʼ jkun meħtieġ. Jekk isem ħażin, periklu għall-merħla, jew problemi serji oħrajn huma involuti, il-ġemgħa taʼ l-anzjani jaħtru żewġ anzjani biex jinvestigaw il-kwistjoni. Jekk dawn l-anzjani jsibu li l-kwistjoni hija serja biżżejjed li jkun meħtieġ kumitat ġudizzjarju, għandhom jirrapportaw dan lill-ġemgħa taʼ l-anzjani. Il-ġemgħa taʼ l-anzjani mbagħad jaħtru kumitat ġudizzjarju biex jgħin lill-wieħed li qiegħed jiżbalja. Il-kumitat ġudizzjarju għandu jittrattah b’mod teneru. Għandhom jistinkaw biex jaġġustawh mill-ġdid bl-Iskrittura. Jekk hu jwieġeb għall-isforzi b’qalb tajba tal-kumitat ġudizzjarju, imbagħad huma jistgħu jiddeterminaw jekk ikunx hemm xi benefiċċju f’li hu ma jintużax għal partijiet fuq il-pletform fil-laqgħat fis-Sala tas-Saltna jew jekk għandux jitħalla jikkummenta fil-laqgħat.
16. L-anzjani x’jistgħu jagħmlu biex jgħinu lil wieħed li qiegħed jiżbalja?
16 Jekk il-wieħed li qiegħed jiżbalja jwieġeb, anzjan jew tnejn mill-kumitat ġudizzjarju jistgħu jirranġaw biex jagħmlu żjajjar pastorali bl-iskop li jwieżnu l-fidi tiegħu u jibnu l-apprezzament tiegħu għal-livelli taʼ tjieba t’Alla. Kull wieħed minnhom jistaʼ jaħdem miegħu fil-ministeru taʼ l-għalqa minn żmien għal żmien. Jistgħu jsiru xi ftit diskussjonijiet Skritturali miegħu, possibilment billi jintużaw artikli addattati mit-Torri Taʼ L-Għassa u l-Awake! imma ma jistabbilixxux mill-ġdid studju regulari tal-Bibbja. B’kura tenera bħal din, il-wieħed li qiegħed jiżbalja jistaʼ jiġi msaħħaħ biex jirreżisti dgħjufijiet tal-laħam fil-ġejjieni.
17. Liema passi jittieħdu jekk wieħed mgħammed li jagħmel il-ħażen ma jindimx u ma jabbandunax il-korsa midinba tiegħu?
17 M’għandniex xi ngħidu, li jkun ġie mgħammed dan l-aħħar m’huwiex skuża biex wieħed jipprattika d-dnub mingħajr indiema. (Lhud 10:26, 27; Ġuda 4) Jekk wieħed mgħammed li jagħmel il-ħażen ma jindimx u ma jabbandunax il-korsa midinba tiegħu, dan ikollu jiġi mkeċċi mill-kongregazzjoni. (1 Korintin 5:6, 11-13; 2 Tessalonkin 2:11, 12; 2 Ġwann 9-11) Meta din l-azzjoni tidher neċessarja, il-ġemgħa taʼ l-anzjani jagħżlu kumitat ġudizzjarju. Jekk isseħħ tkeċċija, isir dan l-avviż qasir: “ . . . ġie maqtugħ mis-sħubija.”e
Ngħinuhom Biex ‘Jagħfsu ’L Quddiem Lejn Il-Maturità’
18. Għala nistgħu nkunu ċerti li Kristjani mgħammdin ġodda u oħrajn dejjem se jkollhom iżjed x’jitgħallmu dwar Jehovah u dwar ir-rieda tiegħu?
18 Il-maġġoranza vasta tal-qaddejja t’Alla se jibqgħu fil-merħla. B’ferħ, ukoll, kull wieħed minna se jkun jistaʼ jersaq dejjem eqreb lejn Missierna tas-sema għaliex dejjem se nkunu nistgħu nitgħallmu iżjed dwaru u dwar ir-rieda tiegħu. (Koħelet 3:11; Ġakbu 4:8) L-eluf mgħammdin f’Pentekoste tas-sena 33 E.K. ċertament li kellhom iżjed x’jitgħallmu. (Atti 2:5, 37-41; 4:4) Hekk ukoll il-Ġentili, li kienu neqsin minn sfond Skritturali. Per eżempju, dan kien veru dwar dawk li tgħammdu wara t-taħdita taʼ Pawlu fuq l-Areopagus f’Ateni. (Atti 17:33, 34) Illum, ukoll, mgħammdin ġodda għandhom iżjed x’jitgħallmu u jeħtieġu ħin u għajnuna biex isaħħu d-determinazzjoni tagħhom biex jibqgħu jagħmlu dak li huwa sewwa f’għajnejn Alla.—Galatin 6:9; 2 Tessalonkin 3:13.
19. Dawk li qegħdin jitgħammdu kif jistgħu jiġu mgħejjunin biex ‘jagħfsu ’l quddiem lejn il-maturità’?
19 Kull sena eluf jitgħammdu u jeħtieġu għajnuna sabiex ikunu jistgħu ‘jagħfsu ’l quddiem lejn il-maturità.’ (Ebrej 6:1-3, NW) Bil-kliem, bl-eżempju, u bil-għajnuna prattika fil-ministeru, int għandek mnejn tkun tistaʼ tgħin lil xi wħud biex jilbsu l-personalità l-ġdida u ‘jibqgħu jimxu fil-verità.’ (3 Ġwann 4; Kolossin 3:9, 10) Jekk int pubblikatur t’esperjenza, l-anzjani għandhom mnejn jistiednuk biex tgħin lil xi sieħeb kredent ġdid fis-servizz taʼ l-għalqa jew biex tiddiskuti ċerti punti Skritturali miegħu għal ftit ġimgħat sabiex isaħħaħ il-fidi tiegħu f’Alla, l-apprezzament tiegħu għal-laqgħat Kristjani, u affarijiet simili. Ir-relazzjoni tar-ragħajja mal-merħla hija bħal dik taʼ missier fl-eżortazzjoni u omm fil-ġentilezza. (1 Tessalonkin 2:7, 8, 11) Madankollu, ftit anzjani u qaddejja ministerjali ma jistgħux jieħdu ħsieb taʼ kull ħaġa meħtieġa f’kongregazzjoni. Ilkoll kemm aħna qisna familja li l-membri tagħha jgħinu lil xulxin. Kull wieħed minna jistaʼ jagħmel xi ħaġa biex ngħinu lill-adoraturi sħabna. Int innifsek għandek mnejn li tistaʼ toffri inkuraġġiment, tikkonsla lid-dipressi, twieżen lid-dgħajfin.—1 Tessalonkin 5:14, 15.
20. X’tistaʼ tagħmel int biex ixxerred l-għarfien dwar Alla u tipprovdi attenzjoni tenera għan-ngħaġ tal-mergħa taʼ Jehovah?
20 L-umanità teħtieġ l-għarfien dwar Alla, u bħala Xhud taʼ Jehovah, int tistaʼ jkollok sehem mimli ferħ f’li dan ixxerrdu. In-ngħaġ taʼ Jehovah jeħtieġu attenzjoni tenera, u int tistaʼ twettaq rwol taʼ mħabba f’li tgħin biex tipprovdiha. Jalla Jehovah ibierek il-ministeru tiegħek, u jalla jippremjak għall-isforzi tiegħek mill-qalb biex tgħin lin-ngħaġ tal-mergħa tiegħu. (w96 1/15)
[Noti taʼ taħt]
a F’dan il-punt, il-wieħed ġdid jistaʼ jikseb kopja tal-ktieb Organized to Accomplish Our Ministry.
b Ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
c Ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
d Arranġament bħal dan għal pubblikaturi mhux mgħammdin ġie spjegat fl-artiklu “Ngħinu Lil Oħrajn Biex Iqimu ’l Alla,” li jidher f’It-Torri Taʼ L-Għassa tal-15 taʼ Frar, 1989, paġni 11-16.
e Jekk id-deċiżjoni hija li jsir qtugħ mis-sħubija u jkun hemm appell, l-avviż jitħalla pendenti. Ara paġni 147-8 tal-ktieb Organized to Accomplish Our Ministry.
Kif Twieġeb Int?
◻ Jehovah kif jittratta lin-ngħaġ tiegħu?
◻ X’isir meta wħud ġodda jridu jippridkaw?
◻ Kredenti sħab kif jistgħu jgħinu wħud ġodda bi bżonnijiet speċjali?
◻ L-anzjani liema għajnuna jistgħu jagħtu lil dawk li jiżbaljaw imma huma nidmin?
◻ Kif tistaʼ tgħin lil persuna li għadha kif tgħammdet biex ‘tagħfas ’il quddiem lejn il-maturità’?
[Stampa f’paġna 11]
Charles T. Russell kien magħruf sewwa bħala ragħaj taʼ mħabba tal-merħla
[Stampa f’paġna 13]
Ragħajja taʼ mogħdrija jittrattaw lill-merħla t’Alla b’tenerezza