“Min Hu Bħal Jehovah Alla Tagħna?”
“Min hu bħal Jehovah Alla tagħna, hu li qiegħed jagħmel il-għamara tiegħu fuq il-għoli?”−SALM 113:5.
1, 2. (a) Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif iħarsu lejn Alla u l-Bibbja? (b) Liema mistoqsijiet jixirqilhom li nikkunsidrawhom?
DAWK li jfaħħru lil Jehovah huma tabilħaqq imberkin. Xi privileġġ hu li tkun fost din il-folla ferriħija! Bħala x-Xhieda tiegħu, aħna naċċettaw il-pariri, il-liġijiet, it-tagħlim, il-wegħdiet, u l-profeziji tal-Kelma t’Alla, il-Bibbja. Aħna ferħanin li nitgħallmu mill-Iskrittura u li niġu “mgħallmin minn Jehovah.”−Ġwann 6:45.
2 Minħabba r-reverenza profonda tagħhom lejn Alla, ix-Xhieda taʼ Jehovah jistgħu jistaqsu: “Min hu bħal Jehovah Alla tagħna?” (Salm 113:5) Dawk il-kelmiet tas-salmista jimplikaw fidi. Imma x-Xhieda għala għandhom daqstant fidi f’Alla? U liema raġunijiet għandhom biex ifaħħru lil Jehovah?
Fidi u Tifħir Xierqa
3. X’inhuma s-Salmi Ħallel, u għala jissemmew hekk?
3 Fidi f’Jehovah hija xierqa għaliex huwa dak Alla uniku. Dan huwa enfasizzat f’Salmi 113, 114, u 115, parti mis-sitt Salmi Ħallel. Skond l-Iskola taʼ Ħillel rabbinika, Salm 113 u 114 kienu jitkantaw matul l-ikla tal-Qbiż Lhudi wara li kienet tiġi mferraʼ t-tieni tazza nbid u wara li kien jiġi spjegat is-sinjifikat tal-osservanza. Salmi 115 sa 118 kienu jitkantaw wara r-rabaʼ tazza nbid. (Qabbel Mattew 26:30.) Huma kienu msejħin “Salmi Ħallel” għaliex huma b’mod ripetut jużaw l-espressjoni Hallelujah!—“Faħħru lil Jah!”
4. X’inhu t-tifsir tat-terminu “Hallelujah,” u kemm-il darba jidher fil-Bibbja?
4 “Hallelujaħ!” hija transliterazzjoni taʼ espressjoni Ebrajka li tidher 24 darba fis-Salmi. F’post ieħor fil-Bibbja, forma Griega tagħha tidher erbaʼ darbiet rigward ferħ imġarrab minħabba l-qerda taʼ Babilonja l-Kbira, l-imperu dinji taʼ reliġjon falza, u l-ferħ assoċċjat maʼ li Alla Jehovah beda jaħkem bħala Sultan. (Rivelazzjoni 19:l-6) Hekk kif issa neżaminaw tlieta mis-Salmi Ħallel, aħna nistgħu b’mod tajjeb nimmaġinaw lilna nfusna nkantaw dawn il-għanjiet għat-tifħir taʼ Jehovah.
Faħħru lil Jah!
5. Salm 113 iwieġeb liema mistoqsija, u l-kmand taʼ Salm 113:1, 2 għal min japplika b’mod speċjali?
5 Salm 113 iwieġeb il-mistoqsija, Għala tfaħħar lil Jehovah? Jiftaħ bil-kmand: “Faħħru lil Jah! Offru tifħir, O intom qaddejja taʼ Jehovah, faħħru lill-isem taʼ Jehovah. Jalla l-isem taʼ Jehovah isir imbierek minn issa ’l quddiem u għal żmien indefinit.” (Salm 113:1, 2) “Hallelujah!” Iva, “Faħħru lil Jah!” Dak il-kmand japplika b’mod speċjali għall-poplu t’Alla f’dan iż-żmien tat-tmiem.” (Danjel 12:4) Minn issa ’l quddiem u għal dejjem, isem Jehovah se jiġi eżaltat mal-art kollha. Ix-Xhieda tiegħu issa jiddikjaraw li Jehovah hu Alla, li Kristu hu Sultan, u li s-Saltna ġiet stabbilita fis-sema. Satana x-Xitan u l-organizzazzjoni tiegħu ma jistgħux iwaqqfu dan it-tifħir lil Jehovah.
6. Jehovah kif qed jiġi mfaħħar ‘minn tlugħ sa nżul ix-xemx’?
6 Il-għanja taʼ tifħir se tibqaʼ għaddejja sakemm Jehovah iġagħalha timla l-art. “Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha l-isem taʼ Jehovah irid jiġi mfaħħar.” (Salm 113:3) Dan ifisser iżjed minn qima taʼ kuljum minn xi ħlejjaq umani. Ix-xemx titlaʼ fil-Lvant u tinżel fil-Punent, billi tiksi l-art kollha. Kulfejn tiddi x-xemx, isem Jehovah dalwaqt se jiġi mfaħħar min-nies kollha meħlusin mill-jasar tar-reliġjon falza u tal-organizzazzjoni taʼ Satana. Fil-fatt, din il-għanja li qatt ma se tintemm issa qiegħda titkanta minn Xhieda taʼ Jehovah midlukin u minn dawk li se jkunu wlied tal-art tas-Sultan tiegħu, Ġesù Kristu. Xi privileġġ għandhom bħala wħud li jkantaw it-tifħir lil Jehovah!
Jehovah Hu Bla Paragun
7. Liema żewġ aspetti tas-supremazija taʼ Jehovah huma nnotati f’Salm 113:4?
7 Is-salmista jżid: “Jehovah sar għoli fuq il-ġnus kollha; il-glorja tiegħu hi fuq is-smewwiet.” (Salm 113:4) Dan jinnota żewġ aspetti tas-supremazija t’Alla: (1) Għal Jehovah, il-Wieħed Suprem, “għoli fuq il-ġnus kollha,” huma bħal qatra minn barmil u bħala sempliċi trab fuq il-miżien; (Isaija 40:15; Danjel 7:18) (2) il-glorja tiegħu hija bil-wisq akbar minn dik tas-smewwiet fiżiċi, għax l-anġli jagħmlu r-rieda sovrana tiegħu.—Salm 19:1, 2; 103:20, 21.
8. Jehovah għala u kif jitbaxxa biex jagħti kas tal-affarijiet fis-sema u fl-art?
8 Imqanqal mill-kobor t’Alla, is-salmista qal: “Min hu bħal Jehovah Alla tagħna, hu li qiegħed jagħmel il-għamara tiegħu fuq il-għoli? Hu qiegħed jitbaxxa biex iħares lejn is-sema u l-art.” (Salm 113:5, 6) Alla hu tant eżaltat li hu jrid jitbaxxa biex jagħti kas taʼ affarijiet fis-sema u fl-art. Għalkemm Jehovah m’huwa inferjuri għal ħadd jew sottomess lejn oħrajn, hu juri umiltà f’li jeżerċita l-ħniena u l-mogħdrija lejn midinbin baxxi. Il-provvediment taʼ Ibnu, Ġesù Kristu, bħala “sagrifiċċju taʼ tpattija” għall-Kristjani midlukin u għad-dinja taʼ bnedmin hija espressjoni tal-umiltà taʼ Jehovah.—1 Ġwann 2:1, 2.
Jehovah Juri Mogħdrija
9, 10. Alla, kif ‘jeżalta lill-fqir, biex iġagħlu jpoġġi maʼ nobbli’?
9 Billi jenfasizza l-mogħdrija taʼ Jehovah, is-salmista jżid li Jehovah qed “jerfaʼ lill-wieħed baxx mill-istess trab; hu jeżalta lill-wieħed fqir mill-ħofra tal-irmied infisha, biex jagħmlu joqgħod bil-qiegħda maʼ nobbli, man-nobbli tan-nies tiegħu. Hu qiegħed iġiegħel lill-mara ħawlija tgħammar f’dar bħal omm mimlija ferħ taʼ wlied subien. Faħħru lil Jah!” (Salm 113:7-9) In-nies taʼ Jehovah għandhom fidi li hu jistaʼ jeħles lil uħud retti li jkunu fil-bżonn, ibiddel l-istat tagħhom, u jissodisfa l-bżonnijiet u x-xewqat xierqa tagħhom. ‘Il-Wieħed Għoli u Kbir jagħti l-ħajja mill-ġdid lill-ispirtu tal-baxxi u lill-qalb taʼ dawk li qegħdin jiġu mfarrkin.’—Isaija 57:15.
10 Jehovah kif ‘jeżalta lill-wieħed fqir, biex jagħmlu joqgħod bil-qiegħda maʼ nobbli’? Meta tkun ir-rieda t’Alla, hu jpoġġi lill-qaddejja tiegħu f’pożizzjonijiet taʼ glorja ugwali maʼ dik taʼ nobbli. Hekk għamel fil-każ taʼ Ġużeppi, li sar l-amministratur tal-ikel tal-Eġittu. (Ġenesi 41:37-49) F’Iżrael, li tpoġġi man-nobbli, jew irġiel taʼ awtorità fost in-nies taʼ Jehovah, kien privileġġ taʼ għożża. Bħall-anzjani Kristjani llum, irġiel bħal dawn kellhom il-għajnuna u l-barka t’Alla.
11. Għala jistaʼ jingħad li Salm 113:7-9 japplika b’mod speċjali għall-poplu taʼ Jehovah taż-żmien modern?
11 Xi ngħidu dwar li ‘jagħmel lill-mara ħawlija omm mimlija ferħ’? Alla ta lil Ħanna li kienet ħawlija iben—Samwel, li hi ddedikat għas-servizz Tiegħu. (1 Samwel 1:20-28) B’mod iżjed sinjifikanti, billi bdiet b’Ġesù u bit-tferrieħ tal-ispirtu qaddis fuq id-dixxipli tiegħu f’Pentekoste 33 E.K., il-mara simbolika t’Alla, Sijon tas-sema, bdiet twelled tfal spiritwali. (Isaija 54:1-10, 13; Atti 2:1-4) U sewwa sew bħalma Alla rrestawra lil-Lhud f’arthom wara eżilju fil-Babilonja, fl-1919 hu ħeles lill-fdal midlukin taʼ “l-Iżrael t’Alla” minn jasar Babilonjan u tant berikhom bil-kbir spiritwalment li l-kliem taʼ Salm 113:7-9 japplika għalihom. (Galatin 6:16) Bħala Xhieda leali taʼ Jehovah, il-fdal taʼ Iżrael spiritwali u sħabhom b’tamiet għall-art qegħdin iwieġbu mill-qalb għall-kliem finali taʼ Salm 113: “Faħħru lil Jah!”
Prova taʼ kemm Jehovah Hu Uniku
12. Salm 114 kif juri kemm Jehovah hu uniku?
12 Salm 114 juri kemm Jehovah hu uniku billi jsemmi ġrajjiet uniċi li jinvolvu lill-Iżraeliti. Is-salmista kanta: “Meta Iżrael mar ’il quddiem mill-Eġittu, id-dar taʼ Ġakobb minn poplu li qiegħed jitkellem mingħajr ma jiftiehem, Ġuda sar il-post qaddis tiegħu, Iżrael id-dominju grandjuż tiegħu.” (Salm 114:1, 2) Alla ħeles lil Iżrael mill-jasar tal-Eġizzjani, li l-lingwa tagħhom kienet stramba għal widnejhom. Il-ħelsien tal-poplu taʼ Jehovah, imsejjaħ Ġuda u Iżrael f’paralleliżmu poetiku, juri li Alla jistaʼ jeħles lill-qaddejja kollha tiegħu llum.
13. Salm 114:3-6 kif juri s-supremazija taʼ Jehovah u japplika għall-esperjenzi taʼ Iżrael tal-qedem?
13 Is-sovranità taʼ Jehovah fuq il-ħolqien kollu hija evidenti fil-kelmiet: “Il-baħar innifsu ra u ħarab; inkwantu għall-Ġordan, hu beda jdur lura. Il-muntanji nfushom qabżu ’l hawn u ’l hinn bħal imtaten, il-għoljiet bħal ħrief. Xi ġralek, O baħar, biex ħrabt, O Ġordan, biex bdejt iddur lura? O muntanji, biex bdejtu taqbżu ’l hawn u ’l hinn bħal imtaten; O għoljiet, bħal ħrief?” (Salm 114:3-6) Il-Baħar l-Aħmar “ħarab” meta Alla fetaħ mogħdija minnu għall-poplu tiegħu. Iżrael imbagħad ra l-id kbira taʼ Jehovah fl-azzjoni kontra l-Eġizzjani li mietu fl-ilmijiet meta dawn reġgħu lura. (Eżodu 14:21-31) F’turija simili taʼ qawwa divina, ix-Xmara Ġordan ‘bdiet iddur lura,’ billi ħalliet lill-Iżraeliti jaqsmu għal ġo Kangħan. (Ġożwè 3:14-16) Il-muntanji qabżu ’l hawn u ’l hinn bħal imtaten” hekk kif il-Muntanja Sinaj ħarġet id-duħħan u theżhżet meta l-patt tal-Liġi ġie mwaqqaf. (Eżodu 19:7-18) Hekk kif qorob lejn il-quċċata tal-għanja tiegħu, is-salmista poġġa l-affarijiet f’għamla taʼ mistoqsija, forsi biex jissuġġerixxi li l-baħar, ix-xmara, il-muntanji, u l-għoljiet bla ħajja baqgħu mistgħaġbin b’dawn it-turijiet tal-qawwa taʼ Jehovah.
14. X’sar permezz tal-qawwa taʼ Jehovah f’Meriba u Kadex, u kif għandu dan jeffettwa lill-qaddejja tiegħu taż-żmien modern?
14 Billi kompla jalludi għall-qawwa taʼ Jehovah, is-salmista kanta: “Minħabba l-Mulej kun f’weġgħat ħorox, O art, minħabba dak Alla taʼ Ġakobb, li qiegħed ibiddel il-blata f’għadira tal-ilma kollha qasab, blata biż-żnied f’għajn tal-ilma.” (Salm 114:7, 8) B’mod figurattiv, is-salmista b’hekk jindika li l-bnedmin għandhom jieqfu bil-biżaʼ taʼ Jehovah, il-Mulej u l-Ħakkiem Universali tal-art kollha. Hu kien “dak Alla taʼ Ġakobb,” jew Iżrael, kif hu tal-Iżraeliti spiritwali u taʼ sħabhom tal-art. F’Meriba u f’Kadex fix-xagħri, Jehovah wera l-qawwa tiegħu billi b’mod mirakoluż ipprovda l-ilma għal Iżrael, billi “biddel il-blata f’għadira tal-ilma kollha qasab, blata biż-żnied f’għajn.” (Eżodu 17:1-7; Numri 20:1-11) Tfakkiriet bħal dawn tal-qawwa tremenda u tal-ħsieb teneru taʼ Jehovah jagħtu lix-Xhieda tiegħu raġunijiet sodi għal fidi mingħajr ebda dubju fih.
Mhux bħal Allat Idoli
15. Salm 115 kif setaʼ kien jitkanta?
15 Salm 115 iħeġġiġna biex infaħħru u nafdaw f’Jehovah. Huwa jattribwixxi l-barka u l-għajnuna lilu u jagħti prova li l-idoli huma inutli. Dan is-salm forsi kien jitkanta antifonalment. Jiġifieri, vuċi waħda tkanta: “Intom li tibżgħu minn Jehovah, afdaw f’Jehovah.” Il-kongregazzjoni kienet twieġeb: “Hu l-għajnuna tagħhom u t-tarka tagħhom.”—Salm 115:11.
16. Liema kuntrast jistaʼ jintgħamel bejn Jehovah u l-idoli tal-ġnus?
16 Il-glorja għandha tmur mhux għalina imma għall-isem taʼ Jehovah, dak Alla taʼ qalb tajba bl-imħabba, jew imħabba leali, u verità. (Salm 115:1) Il-għedewwa jistgħu jistaqsu biex iwaqqgħu għaċ-ċajt: “Fejn . . . hu Alla tagħhom?” Imma n-nies taʼ Jehovah jistgħu jwieġbu: ‘Alla tagħna hu fis-sema u jagħmel dak kollu li jogħġbu jagħmel.’ (Versi 2, 3) L-idoli tal-ġnus ma jistgħu jagħmlu xejn, madankollu, għax huma statwi tal-fidda u tad-deheb magħmulin mill-bniedem. Minkejja li għandhom ħalq, għajnejn, u widnejn, huma ma jitkellmux, ma jarawx, u ma jisimgħux. Għandhom imnieħer imma ma jistgħux ixommu, saqajn imma ma jistgħux jimxu, u grieżem imma ma jistgħu jagħmlu ebda ħoss. Dawk li jagħmlu idoli impotenti kif ukoll dawk li jafdaw fihom se jiġu bla ħajja bħalhom.—Versi 4-8.
17. Ladarba l-mejtin ma jistgħux ifaħħru lil Jehovah, x’għandna nagħmlu, u b’liema prospetti?
17 Imbagħad tingħata eżortazzjoni biex nafdaw f’Jehovah bħala Dak li jagħti l-għajnuna u t-Tarka protettiva taʼ Iżrael, tad-dar saċerdotali taʼ Aronne, u taʼ dawk kollha li jibżgħu minn Alla. (Salm 115:9-11) Bħala dawk li nibżgħu minn Jehovah, aħna għandna reverenza profonda lejn Alla u biżaʼ bnin li nonqsu li nogħġbuh. Għandna wkoll fidi li “Dak li għamel is-sema u l-art” ibierek lill-adoraturi leali tiegħu. (Versi 12-15) Is-smewwiet huma l-post tat-tron tiegħu, imma Alla għamel l-art id-dar eterna tal-bnedmin leali u ubbidjenti. Ladarba il-mejtin siekta u bla sensi ma jistgħux ifaħħru lil Jehovah, aħna, il-ħajjin, għandna nagħmlu hekk b’devozzjoni u lealtà totali. (Ekkleżjasti 9:5) Dawk biss li jfaħħru lil Jehovah se jgawdu ħajja eterna u jkunu jistgħu ‘jbierku lil Jah’ għal dejjem, billi jitkellmu tajjeb dwaru “għal żmien indefinit.” Ejjew għalhekk nieqfu bil-lealtà maʼ dawk li qegħdin jagħtu kas tal-eżortazzjoni: “Faħħru lil Jah!”−Salm 115:16-18.
Il-Kwalitajiet tal-Għaġeb taʼ Jehovah
18, 19. Il-kwalitajiet taʼ Jehovah b’liema modi jiddistingwuh mill-allat foloz?
18 Kuntrarju għal idoli bla ħajja, Jehovah hu dak Alla l-ħaj, li juri kwalitajiet tal-għaġeb. Huwa l-istess personifikazzjoni tal-imħabba u “mimli ħniena u grazzjuż, bil-mod biex jirrabja u abbundanti fil-qalb tajba bl-imħabba.” (Eżodu 34:6; 1 Ġwann 4:8) Kemm hu differenti mill-alla krudili Kangħanit Molek, li lilu kienu jiġu ssagrifikati t-tfal! Huwa ssuġġerit li l-immaġni taʼ dan l-alla kellha forma taʼ raġel u ras taʼ barri. L-idolu hu rrapportat li kien jiġi msaħħan sakemm jikwi, u t-tfal kienu jintefgħu f’dirgħajh li kienu miftuħin, billi jaqgħu fil-forn jaqbad taʼ taħt. Imma Jehovah tant hu taʼ mħabba u ħanin li l-idea taʼ sagrifiċċji umani bħal dawn qatt saħansitra ma ‘ġiet f’qalbu.’—Ġeremija 7:31.
19 Il-kwalitajiet prinċipali taʼ Jehovah jinkludu wkoll ġustizzja perfetta, għerf infinit, u qawwa suprema. (Dewteronomju 32:4; Ġob 12:13; Isaija 40:26) Xi ngħidu għal allat mitoloġiċi? Minflok ma jipprattikaw il-ġustizzja, allat irġiel u nisa Babilonjani kienu vendikattivi. Allat Eġizzjani ma kinux kampjuni tal-għerf imma kienu ppreżentati bħala li kellhom djufijiet umani. Dan mhux sorprendenti, ladarba allat foloz kienu l-prodott taʼ bnedmin “rashom vojta” li jistqarru li huma għorrief. (Rumani 1:21-23) Allat Griegi kien jintqal li jikkonfoffaw kontra xulxin. Per eżempju, fil-mitoloġija, Żews abbuża mill-poter tiegħu billi neħħa mit-tron lil missieru, Kronus, li hu nnifsu kien neħħa mit-tron lil missieru, Uranus. X’barka hi li taqdi u tfaħħar lil Jehovah, dak Alla ħaj u veru, li juri mħabba, ġustizzja, għerf, u qawwa perfetti!
Jehovah Denju taʼ Tifħir Etern
20. Is-Sultan David liema raġunijiet ta talli faħħar isem Jehovah?
20 Kif juru s-Salmi Ħallel, Jehovah jixraqlu tifħir etern. B’mod simili, meta David u Iżraeliti sħabu kkontribwew għall-bini tat-tempju, hu qal quddiem il-kongregazzjoni: “Imbierek jalla tkun, O Jehovah dak Alla taʼ Iżrael missierna, minn żmien indefinit saħansitra sa żmien indefinit. Tiegħek, O Jehovah, huma l-kobor u s-setgħa u l-ġmiel u l-eċċellenza u d-dinjità; għax kulma hemm fis-smewwiet u fl-art huwa tiegħek. Tiegħek hi s-saltna, O Jehovah, Dak ukoll li qiegħed terfaʼ lilek innifsek ’il fuq bħala kap fuq kulħadd. Il-għana u l-glorja huma minħabba fik, u qiegħed tiddomina kollox; u f’idek hemm qawwa u setgħa, u f’idek hemm l-abbiltà li tagħmel kbir u li tagħti s-saħħa lil kulħadd. U issa, O Alla tagħna, aħna qegħdin niżżuk ħajr u nfaħħru lil ismek sabiħ.”−1 Kronaki 29:10-13.
21. Rivelazzjoni 19:l-6 jagħti liema evidenza dwar li Jehovah jiġi mfaħħar mill-qtajja tas-sema?
21 Jehovah se jiġi wkoll imbierek u mfaħħar eternament fis-smewwiet. L-appostlu Ġwanni samaʼ “folla kbira fis-sema” tgħid: “Faħħru lil Jah! Is-salvazzjoni u l-glorja u l-qawwa jappartjenu lil Alla tagħna, għaliex il-ġudizzji tiegħu huma veri u taʼ tjieba. Għax hu esegwixxa l-ġudizzju fuq il-mara żienja l-kbira [Babilonja l-Kbira] li kkorrompiet l-art biż-żina tagħha, u hu vvendika d-demm tal-irsiera tiegħu taħt idha.” Għal darb’oħra huma qalu: “Faħħru lil Jah!” Hekk għamlu “l-erbgħa u għoxrin anzjani u l-erbaʼ ħlejjaq ħajjin.” Leħen mit-tron qal: “Kunu qegħdin tfaħħru lil Alla tagħna, intom l-irsiera kollha tiegħu, li tibżgħu minnu, iż-żgħar u l-kbar.” Imbagħad Ġwanni żied: “Jien smajt dak li kien bħal leħen taʼ folla kbira u bħall-ħoss taʼ ħafna ilmijiet u bħall-ħoss taʼ ragħdiet qawwijin. Huma qalu: ‘Faħħru lil Jah, għaliex Jehovah Alla tagħna, li Jistaʼ Kollox, beda jaħkem bħala sultan.’”−Rivelazzjoni 19:l-6.
22. Jehovah kif se jiġi mfaħħar fid-dinja ġdida mwiegħda tiegħu?
22 Kemm hu xieraq li qtajja tas-sema jfaħħru lil Jehovah! Fid-dinja ġdida tiegħu li issa hija qrib, uħud leali li jiġu rxoxtati se jingħaqdu maʼ dawk li se jinħelsu fit-tmiem taʼ din is-sistema f’li jfaħħru lil Jah. Muntanji għoljin se jerfgħu rjushom f’għanjiet taʼ tifħir lil Alla. Għoljiet li jħaddru u siġar tal-frott se jkantaw it-tifħir tiegħu. Iva, kull ħlejqa li tgħix u tieħu n-nifs se tfaħħar isem Jehovah fil-kor kbir taʼ Hallelujah! (Salm 148) Se jinstamaʼ leħnek fost dik il-folla ferriħija? Se jinstamaʼ jekk int taqdi lealment lil Jah mal-poplu tiegħu. Dak għandu jkun l-iskop tiegħek fil-ħajja, għax min hu bħal Jehovah Alla tagħna?
Kif Twieġeb Int?
◻ Għala nfaħħru lil Alla Jehovah?
◻ Jehovah b’liema modi hu bla paragun?
◻ X’evidenza hemm li Jehovah juri mogħdrija?
◻ Jehovah kif inhu differenti minn idoli bla ħajja u allat foloz?
◻ Għala nistgħu ngħidu li Jehovah se jirċievi tifħir etern fis-sema u fl-art?