Edukazzjoni bi Skop
“Agħti l-għarfien lil xi ħadd twajjeb u hu se jiżdied fit-tagħlim.”−PROVERBJI 9:9.
1. Jehovah x’jistenna mill-qaddejja tiegħu rigward il-għarfien?
JEHOVAH huwa “Alla taʼ għarfien”. (1 Samwel 2:3) Hu jedukahom lill-qaddejja tiegħu. Mosè ħabbar li popli kontemporanji kienu se jgħidu dwar Iżrael: “Dan il-ġens kbir huwa bla dubju poplu għaref u li jifhem.” (Dewteronomju 4:6) Kristjani veri għandhom bl-istess mod ikollhom il-għarfien. Għandhom ikunu studenti eċċellenti tal-Kelma t’Alla. Billi wera l-iskop taʼ studju bħal dan, l-appostlu Pawlu kiteb: “Aħna . . . ma waqafniex nitolbu għalikom u nistaqsu biex intom tistgħu tiġu mimlijin bil-għarfien eżatt tar-rieda tiegħu bil-għerf kollu u l-fehma spiritwali, sabiex timxu kif jixraq lil Jehovah bil-għan li togħġbuh għalkollox hekk kif tkomplu tagħtu l-frott f’kull xogħol tajjeb u tiżdiedu fil-għarfien eżatt t’Alla.”−Kolossin 1:9, 10.
2. (a) X’inhu meħtieġ biex tikseb għarfien eżatt dwar Alla? (b) Il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah kif iffaċċjat din il-kwistjoni?
2 Studju bi skop li wieħed jikseb għarfien eżatt t’Alla u tal-għanijiet tiegħu jirrikjedi minn tal-inqas ammont minimu taʼ edukazzjoni. Imma ħafna nies li saru jafu l-verità tal-Kelma t’Alla jgħixu f’pajjiżi fejn kellhom ftit li xejn opportunità biex jirċievu edukazzjoni sekulari xierqa. Kellhom żvantaġġ. Biex tegħleb din il-problema, il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah ilha issa għal ħafna snin tagħti l-istruzzjoni li, fejn hemm bżonn, jiġu organizzati ġewwa l-kongregazzjonijiet klassijiet biex in-nies jiġu mgħallmin jaqraw. ’Il fuq minn 30 sena ilu, il-gazzetta Brażiljana Diário du Mogi ppubblikat artiklu ntitolat “Ix-Xhieda taʼ Jehovah Jagħmlu Gwerra Kontra l-Illitterasija.” Dan stqarr: “Għalliem ikkwalifikat jibda . . . biex bil-paċenzja jgħallem lill-oħrajn biex jaqraw u jiktbu. . . . L-istudenti, minħabba l-istess ċirkostanzi li jqanqluhom bħala ministri t’Alla, iridu jiżżviluppaw il-għarfien tagħhom tal-lingwa sabiex jagħtu taħditiet.” Eluf taʼ nies madwar id-dinja kollha ġew b’hekk mgħejjunin biex isiru studenti tajbin tal-Kelma t’Alla. Huma ħadu din l-edukazzjoni bażika bi skop elevat f’moħħhom.
Kapaċitajiet Meħtieġa biex Inkunu Ministri Effettivi
3, 4. (a) Il-Kristjani veri għala huma interessati fl-edukazzjoni? (b) X’kienet is-sitwazzjoni f’Iżrael u liema edukazzjoni bażika hija indispensabbli fil-kongregazzjonijiet tagħna llum?
3 Il-Kristjani veri huma interessati fl-edukazzjoni, mhux għaliha nfisha, imma sabiex isiru qaddejja taʼ Jehovah iktar effettivi. Kristu ta lill-Kristjani kollha l-missjoni li ‘jagħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha, . . . billi jgħallmuhom josservaw l-affarijiet kollha li kkmandajt.’ (Mattew 28:19, 20) Biex igħallmu lill-oħrajn, huma nfushom iridu l-ewwel jitgħallmu, u dan jirrikjedi metodi tajbin taʼ studju. Huma jridu jkollhom l-abbiltà li jeżaminaw l-Iskrittura bir-reqqa. (Atti 17:11) Biex iwettqu l-inkarigu tagħhom, huma jridu wkoll ikunu kapaċi jaqraw b’mod fluwenti.—Ara Ħabakkuk 2:2; 1 Timotew 4:13.
4 Kif rajna fl-artiklu taʼ qabel, hemm raġuni tajba biex nemmnu li, fil-biċċa l-kbira, saħansitra ż-żgħar f’Iżrael tal-qedem kienu jafu jaqraw u jiktbu. (Imħallfin 8:14; Isaija 10:19) Ministri Kristjani llum iridu jieħdu noti puliti hekk kif jagħtu xiehda minn dar għal dar. Huma jiktbu ittri, jieħdu noti fil-laqgħat, u jimmarkaw il-materjal taʼ studju tagħhom. Dan kollu jirrikjedi kaligrafija leġġibbli. Li jinżammu r-rekords ġewwa l-kongregazzjoni Kristjana jirrikjedi minn tal-inqas għarfien bażiku taʼ aritmetika.
Vantaġġi taʼ Skola Xierqa
5.(a) X’inhi l-oriġni tal-kelma “skola”? (b) Iż-żgħażagħ liema opportunità għandhom jaħtfu?
5 Taʼ interess, il-kelma “skola” ġejja mill-kelma Griega skho-leʹ, li oriġinalment kienet tfisser “ħin liberu” jew l-użu tal-ħin liberu għal xi attività serja, bħalma hu t-tagħlim. Iktar tard saret tissinjifika l-post fejn kien isir dan it-tagħlim. Dan jindika li, xi darba, il-klassi pprivileġġata biss—fil-Greċja u fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi—kellha l-ħin liberu biex titgħallem. Il-klassi tal-ħaddiem ġeneralment baqgħet fl-injoranza. Illum, fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi t-tfal u ż-żgħażagħ jingħataw ħin biex jitgħallmu. Xhieda żgħażagħ għandhom ċertament jixtru l-ħin opportun biex isiru qaddejja taʼ Jehovah struwiti u kapaċi.—Efesin 5:15, 16.
6, 7. (a) Liema huma xi vantaġġi tal-edukazzjoni xierqa? (b) Li titgħallem lingwa barranija b’liema modi jistaʼ jkun utli? (ċ) X’inhi s-sitwazzjoni llum fost ħafna żgħażagħ meta jispiċċaw mill-iskola?
6 Għarfien bażiku tal-istorja, tal-ġeografija, tax-xjenza, u oħrajn se jgħin lil Xhieda żgħażagħ biex isiru ministri maturi. L-istudju tagħhom fl-iskola se jgħallimhom mhux biss ħafna suġġetti imma wkoll il-proċess tat-tagħlim. Kristjani veri ma jiqfux jitgħallmu u jistudjaw meta jitilqu mill-iskola. Dak li jiksbu mill-istudju tagħhom, madankollu, se jiddependi fil-parti l-kbira fuq kemm jafu kif jistudjaw. L-istudju tal-iskola kemm sekulari u kemm tal-kongregazzjoni jistaʼ jgħinhom jiżżviluppaw l-abbiltajiet tal-ħsieb tagħhom. (Proverbji 5:1, 2) Meta jaqraw se jkunu iktar kapaċi jagħrfu x’inhu importanti, dak li jixraqlu li jittieħdu noti dwaru u li jiġi mmemorizzat.
7 It-tagħlim taʼ lingwa barranija, per eżempju, mhux biss jiżżviluppa l-kapaċità mentali taż-żgħażagħ imma wkoll jagħmilhom iktar utli għall-organizzazzjoni taʼ Jehovah. F’xi wħud mill-fergħat tal-Watch Tower Society, għadd taʼ aħwa rġiel żgħażagħ sabuha taʼ vantaġġ li jkunu kapaċi jitkellmu jew jaqraw bl-Ingliż b’mod fluwenti. Jerġaʼ, il-ministri Kristjani kollha għandhom jistinkaw biex ikunu intiżi sewwa fil-lingwa taʼ pajjiżhom. L-aħbar tajba tas-Saltna jixirqilha li tkun espressa b’manjiera ċara u korretta grammatikament. Il-fatti juru li fid-dinja llum, ħafna żgħażagħ meta jispiċċaw mill-iskola xorta jkollhom diffikultà f’li jiktbu u jitkellmu b’mod korrett u f’li jagħmlu saħansitra l-eħfef aritmetika; u għandhom biss għarfien ħafif ħafif tal-istorja u tal-ġeografija.
Edukazzjoni Adegwata
8.Liema skritturi għandhom x’jaqsmu mas-suġġett taʼ edukazzjoni sekulari u l-abbiltà tal-persuna biex tmantni lilha nfisha?
8 Dan jidher, għalhekk, li hu żmien addattat biex nikkunsidraw l-attitudni Kristjana lejn l-edukazzjoni sekulari. Liema prinċipji Bibliċi għandhom x’jaqsmu maʼ dan is-suġġett? L-ewwel, fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi sottomissjoni xierqa lejn “Ċesri” tirrikjedi li ġenituri Kristjani jibgħatu lil uliedhom l-iskola. (Mark 12:17; Titus 3:1) Rigward Xhieda żgħażagħ, fix-xogħol tagħhom tal-iskola għandhom jiftakru Kolossin 3:23, li jistqarr: “Hu x’inhu li qegħdin tagħmlu, aħdmu għalih b’ruħkom kollha qisu għal Jehovah, u mhux għall-bnedmin.” Prinċipju ieħor involut hu li Kristjani għandhom ikunu kapaċi jmantnu lilhom infushom, saħansitra jekk huma ministri pijunieri full-time. (2 Tessalonkin 3:10-12) Jekk raġel ikun miżżewweġ, għandu jkun kapaċi jipprovdi kif jixraq għal martu u għal xi tfal li jistgħu jitwieldu, bi ftit iżjed biex jagħti lil dawk fil-bżonn u biex jappoġgja x-xogħol tal-ippridkar lokali u dinji.—Efesin 4:28; 1 Timotew 5:8.
9, 10. (a) X’tidher li hija t-tendenza f’ħafna artijiet? (b) Ministru pijunier x’jistaʼ jikkunsidra li hi paga adegwata?
9 Kristjan żagħżugħ kemm għandu bżonn edukazzjoni sabiex jirrispetta dawn il-prinċipji Bibliċi u jlaħħaq mal-obbligi Kristjani tiegħu? Dan ivarja minn pajjiż għall-ieħor. Fil-biċċa l-kbira, madankollu, jidher li t-tendenza ġenerali f’ħafna pajjiżi hi li l-livell taʼ edukazzjoni meħtieġ biex taqlaʼ paga diċenti hu issa ogħla milli kien ftit tas-snin ilu. Rapporti li waslu mill-fergħat tal-Watch Tower Society f’partijiet differenti tad-dinja jindikaw li f’ħafna postijiet huwa diffiċli li ssib impjieg b’paga diċenti billi sempliċement titlesta l-edukazzjoni minima meħtieġa mil-liġi jew f’xi pajjiżi saħansitra wara li titlesta l-edukazzjoni sekondarja jew għolja.
10 Xi tfisser “paga diċenti”? Dan ma jindikax impjiegi b’paga għolja. Webster’s Dictionary jiddefinixxi “diċenti” f’dan il-kuntest bħala “adegwat, sodisfaċenti.” X’jistaʼ jitqies bħala “adegwat,” per eżempju, għal dawk li jixtiequ jkunu ministri pijunieri tal-aħbar tajba? Uħud bħal dawn ġeneralment jinħtieġu xogħol part-time biex jevitaw li jpoġġu “piż li jiswa l-flus” fuq ħuthom u fuq il-familji tagħhom. (1 Tessalonkin 2:9) Il-pagi tagħhom jistgħu jissejħu “adegwati,” jew “sodisfaċenti,” jekk dak li jaqilgħu jippermettilhom biex igħixu b’mod diċenti fil-waqt li jħallilhom ħin u saħħa suffiċjenti biex iwettqu l-ministeru Kristjan tagħhom.
11. Xi żgħażagħ għala ma baqgħux fis-servizz taʼ pijunier, u x’mistoqsija tqum?
11 X’inhi taʼ spiss is-sitwazzjoni llum? Ġie rrapportat li f’xi pajjiżi ħafna żgħażagħ b’intenzjoni tajba ħallew l-iskola wara li spiċċaw l-edukazzjoni minima meħtieġa sabiex isiru pijunieri. Ma kellhom ebda sengħa jew kwalifiki sekulari. Jekk ma kinux jiġu mgħejjunin mill-ġenituri tagħhom, kellhom ifittxu xogħol part-time. Xi wħud kellhom jaċċettaw xogħol li kien jirrikjedi minnhom li jaħdmu sigħat twal ħafna biex ilaħħqu mal-ispejjeż tal-ħajja. Billi saru għajjenin fiżikament, huma kellhom jieqfu mill-ministeru taʼ pijunier. X’jistgħu jagħmlu wħud bħal dawn biex imantnu lilhom infushom u jerġgħu jidħlu fis-servizz taʼ pijunier?
Ħarsa Bbilanċjata tal-Edukazzjoni
12. (a) Rigward l-edukazzjoni, Kristjan liema żewġ ħarsiet estremi se jevita? (b) Għal qaddejja ddedikati taʼ Jehovah u wliedhom, l-edukazzjoni liema skop għandha taqdi?
12 Ħarsa bbilanċjata lejn l-edukazzjoni tistaʼ tgħin. Għal ħafna żgħażagħ tad-dinja, l-edukazzjoni hija xi ħaġa taʼ prestiġju, xi ħaġa biex tgħinhom jitilgħu s-sellum soċjali, il-muftieħ għal stil taʼ ħajja prosperuża u materjalistika. Għal oħrajn, l-iskola hija biċċa xogħol taʼ dwejjaq li taʼ min jeħles minnha malajr kemm jistaʼ jkun. L-ebda waħda minn dawn il-ħarsiet ma hi xierqa għall-Kristjani veri. X’tistaʼ, allura, titqies bħala “ħarsa bbilanċjata”? Il-Kristjani għandhom iqisu l-edukazzjoni bħala mezz li jwassal għal għan. F’dawn l-aħħar jiem, l-iskop tagħhom hu li jaqdu lil Jehovah b’kemm jistgħu u bl-aħjar li jistgħu. Jekk, fil-pajjiż fejn igħixu, edukazzjoni minima jew saħansitra dik sekondarja se tippermettilhom biss li jsibu mpjiegi li jipprovdu dħul insuffiċjenti biex huma jmantnu lilhom infushom bħala pijunieri, allura edukazzjoni jew taħriġ supplimentari jistaʼ jiġi kkunsidrat. Dan se jkun bl-iskop speċifiku taʼ servizz full-time.
13. (a) Waħda oħt fil-Filippini kif setgħet tibqaʼ fis-servizz taʼ pijunier waqt li tlaħħaq mal-obbligi tal-familja tagħha? (b) Liema twissija hija f’waqtha?
13 Xi wħud ħadu korsijiet taʼ taħriġ li fetħulhom opportunitajiet taʼ xogħol li bihom setgħu jieħdu sehem jew jerġgħu jidħlu għas-servizz full-time. Waħda oħt fil-Filippini kienet l-uniku waħda li taqlaʼ l-għixien għall-familja tagħha, imma hi xtaqet li tkun pijuniera. Il-fergħa tirrapporta: “Hi setgħet tagħmel dan għaliex ħadet edukazzjoni supplimentari biex tikkwalifika bħala certified public accountant.” L-istess rapport tal-fergħa stqarr: “Għandna għadd mhux ħażin li qegħdin jistudjaw u fl-istess ħin setgħu jirranġaw l-iskedi tagħhom biex ikunu pijunieri. Ġeneralment huma jsiru pubblikaturi aħjar peress li huma iktar iħobbu jistudjaw, dment li ma jsirux ambizzjużi żżejjed f’miri dinjin.” L-aħħar rimarka għandha tagħtina raġuni biex nirriflettu. L-iskop tal-iskola supplimentari, fejn din tidher neċessarja, m’għandux jintilef jew jinbidel f’mira materjalistika.
14, 15. (a) Għala m’għandhom isiru ebda regoli fissi rigward l-edukazzjoni? (b) Liema edukazzjoni sekulari ħadu xi aħwa responsabbli, imma x’ikkompensa għal dan?
14 F’xi pajjiżi, skejjel sekondarji jipprovdu taħriġ vokazzjonali li jistaʼ jipprepara lil Kristjan żagħżugħ għal xi sengħa jew impjieg saż-żmien li hu jiggradwa. Saħansitra meta dan mhux il-każ, f’xi artijiet żgħażagħ li jieħdu l-inizzjattiva u li għandhom biss edukazzjoni bażika xorta jsibu xogħol part-time li jgħinhom biex jaqilgħu biżżejjed biex jistgħu jkunu pijunieri. Mela l-ebda regoli fissi m’għandhom isiru favur jew kontra l-edukazzjoni supplimentari.
15 Ħafna li llum qegħdin jaqdu f’pożizzjonijiet responsabbli bħala indokraturi li jivvjaġġaw, fil-kwartieri ġenerali tas-Soċjetà, jew f’xi waħda mill-fergħat kellhom biss edukazzjoni bażika. Huma kienu pijunieri leali, qatt ma waqfu jitgħallmu, ħadu taħriġ, u ġew fdati b’responsabbiltajiet akbar. Huma ma jiddispjaċihomx. Mill-banda l-oħra, xi wħud taʼ mparhom għażlu li jieħdu edukazzjoni universitarja u waqgħu mal-ġenb tat-triq, billi ċedew għall-filosofiji li jeqirdu l-fidi u “l-għerf taʼ din id-dinja.”−1 Korintin 1:19-21; 3:19, 20; Kolossin 2:8.
Ngħoddu n-Nefqa
16. (a) Min jiddeċiedi jekk hix mixtieqa edukazzjoni supplimentari, u x’għandu jinżamm quddiemnett f’moħħna? (b) X’għandna nikkunsidraw?
16 Min jiddeċiedi jekk Kristjan żagħżugħ għandux jieħu iktar edukazzjoni jew taħriġ? Il-prinċipju Bibliku tal-istat taʼ kap għandu x’jaqsam hawn. (1 Korintin 11:3; Efesin 6:1) Fuq din il-bażi l-ġenituri ċertament li jkunu jridu jiggwidaw lil uliedhom fil-għażla taʼ sengħa jew impjieg u għaldaqstant fil-ammont taʼ edukazzjoni li tkun meħtieġa. F’ħafna pajjiżi għażliet dwar edukazzjoni u mpjieg iridu jsiru kmieni matul l-edukazzjoni sekondarja. Dak hu ż-żmien meta ġenituri u żgħażagħ Kristjani jridu jfittxu d-direzzjoni taʼ Jehovah f’li jagħmlu għażla għaqlija, b’interessi tas-Saltna quddiemnett f’moħħhom. Iż-żgħażagħ għandhom tendenzi u abbiltajiet differenti. Ġenituri għaqlin se jagħtu kas taʼ dawn. Kull xogħol onest huwa onorabbli, kemm jekk manwali u kemm jekk professjonali. Fil-waqt li d-dinja forsi televa x-xogħol tal-uffiċċju u tħares bl-ikrah lejn xogħol manwali iebes, il-Bibbja ċertament li ma tagħmilx hekk. (Atti 18:3) Mela meta ġenituri u żgħażagħ Kristjani llum, wara li bir-reqqa u bit-talb jiżnu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi, jiddeċiedu favur jew kontra studju wara s-sekondarja, oħrajn fil-kongregazzjoni m’għandhomx jikkritikawhom.
17. Xi ġenituri Xhieda liema għażla jagħmlu għal uliedhom?
17 Jekk ġenituri Kristjani b’mod responsabbli jiddeċiedu li jipprovdu lil uliedhom b’edukazzjoni supplimentari wara l-iskola sekondarja, dan għandhom dritt jagħmluh. Il-perijodu taʼ dan l-istudju jvarja skond it-tip taʼ sengħa jew impjieg li jagħżlu. Għal raġunijiet finanzjarji u sabiex igħinu lil uliedhom jidħlu fis-servizz full-time malajr kemm jistaʼ jkun, ħafna ġenituri Kristjani għażlulhom programmi taʼ studju qosra fi skejjel vokazzjonali jew tekniċi. F’xi każi xi żgħażagħ kellhom bżonn ikunu apprentisti taʼ xi sengħa imma dejjem b’ħajja sħiħa taʼ servizz lejn Jehovah bħala l-mira.
18. Jekk jittieħdu korsijiet supplimentari, x’għandna nżommu f’moħħna?
18. Jekk jittieħdu korsijiet oħrajn, ċertament il-mottiv m’għandux ikun biex wieħed jiddi fl-iskola jew biex inaqqax karriera dinjija taʼ prestiġju. Il-korsijiet għandhom jintgħażlu bl-attenzjoni. Din ir-rivista poġġiet enfasi fuq il-perikli taʼ edukazzjoni għolja, u bir-raġun, għax ħafna edukazzjoni għolja topponi t-“tagħlim li jsaħħaħ” tal-Bibbja. (Titus 2:1; 1 Timotew 6:20, 21) Jerġaʼ, mill-1960 ’il hawn, ħafna skejjel taʼ edukazzjoni avvanzata saru bejtiet taʼ ksur tal-liġi u immoralità. “L-irsir fidil u diskret” skuraġġixxa bil-qawwa d-dħul f’ambjent bħal dak. (Mattew 24:12, 45) Irridu nammettu, madankollu, li llum iż-żgħażagħ jiltaqgħu maʼ dawn l-istess perikli fl-iskejjel sekondarji u tekniċi u saħansitra fuq il-post tax-xogħol.—1 Ġwann 5:19.a
19. (a) Liema prekawzjonijiet għandhom jittieħdu minn dawk li jiddeċiedu li jieħdu korsijiet supplimentari? (b) Xi wħud kif użaw l-edukazzjoni tagħhom b’vantaġġ tajjeb?
19 Jekk Xhud żagħżugħ jiddeċiedi li jieħu edukazzjoni supplimentari, ikun tajjeb, jekk ikun possibbli, li dan jagħmlu waqt li jkun għadu jgħix id-dar, biex b’hekk ikun jistaʼ jżomm drawwiet normali Kristjani taʼ studju, attendenza tal-laqgħat, u attività tal-ippridkar. Mill-bidunett waqfa xierqa għandha wkoll tittieħed għal prinċipji tal-Bibbja. Għandna niftakru li Danjel u t-tlett isħab tiegħu Ebrej kienu fil-jasar fl-eżilju meta ġew imġegħlin jieħdu studju avvanzat f’Babilonja, imma huma b’mod konsistenti żammew l-integrità tagħhom. (Danjel, kapitlu 1) Waqt li poġġew l-ewwel l-interessi spiritwali, Xhieda żgħażagħ f’għadd taʼ pajjiżi ħadu korsijiet biex igħammruhom għal xogħol part-time bħala accountants, negozjanti, għalliema, tradutturi, interpreti, jew impjiegi oħrajn li mantnewhom b’mod adegwat fil-karriera primarja tagħhom bħala pijunieri. (Mattew 6:33) Għadd minn dawn iż-żgħażagħ iktar tard saru indokraturi li jivvjaġġaw jew voluntieri f’Betel.
Poplu Edukat, Magħqud
20. Liema distinzjoni dinjija m’għandha l-ebda post fost in-nies taʼ Jehovah?
20 Fost il-poplu taʼ Jehovah, kemm jekk l-impjieg tal-individwu hu professjonali, manwali, biedja, jew servizzi, ilkoll jeħtieġ li jkunu studenti tal-Bibbja u għalliema kapaċi. Kapaċitajiet miksubin minn kulħadd fil-qari, fl-istudju, u fit-tagħlim iwasslu biex titneħħa d-distinzjoni li tagħmel id-dinja bejn ħaddiema manwali u klerikali. Dan iġib l-unità u r-rispett reċiproku li hu b’mod partikulari viżibbli fost il-ħaddiema volontarji fid-djar Betel u fil-postijiet tal-bini tal-Watch Tower Society, fejn kwalitajiet spiritwali huma kollox u meħtieġa minn kulħadd. Hawn, nies tal-esperjenza li jaħdmu fl-uffiċċju jaħdmu bil-ferħ maʼ ħaddiema manwali tas-sengħa, billi lkoll juru mħabba b’apprezzament lejn xulxin.—Ġwann 13:34, 35; Filippin 2:l-4.
21. X’għandu jkun l-iskop taʼ Kristjani żgħażagħ?
21 Ġenituri, iggwidaw lil uliedkom lejn il-mira li jsiru membri utli tas-soċjetà dinjija ġdida! Kristjani żgħażagħ, użaw l-opportunitajiet tagħkom għal edukazzjoni bħala mezz biex igħammarkom biex taħtfu iżjed bis-sħiħ l-privileġġi tagħkom f’li taqdu lil Jehovah! Bħala wħud imgħallmin, jalla lkoll kemm intom tagħtu prova li intom membri mgħammrin tajjeb tas-soċjetà teokratika kemm issa u kemm għal dejjem fl-“art ġdida” mwiegħda t’Alla.—2 Pietru 3:13; Isaija 50:4; 54:13; 1 Korintin 2:13.
[Nota taʼ taħt]
a Ara wkoll The Watchtower tal-1 taʼ Settembru. 1975, paġni 542-4.
Ittestja l-Memorja Tiegħek
◻ Il-Kristjani veri għala huma interessati fl-edukazzjoni?
◻ Il-Kristjani veri liema ħarsiet estremi dwar l-edukazzjoni se jevitaw?
◻ Liema perikli minn edukazzjoni supplimentari għandhom jitqiesu, u xi prekawzjonijiet għandhom jittieħdu?
◻ Liema distinzjoni dinjija m’għandhiex post fost in-nies ta, Jehovah?
[Stampa f’paġna 12]
Billi jistudjaw b’mod diliġenti, Kristjani żgħażagħ jistgħu jsiru membri iżjed utli tas-soċjetà tad-dinja ġdida
[Stampa f’paġna 15]
Edukazzjoni supplimentari, jekk tintgħażel, għandha tkun motivata mix-xewqa li taqdi lil Jehovah aħjar