L-Edukazzjoni fi Żminijiet Bibliċi
“Tridu tgħallmuhom ukoll lil uliedkom subien.”−DEWTERONOMJU 11:19.
1. X’juri li Jehovah huwa interessat fl-edukazzjoni tal-qaddejja tiegħu?
JEHOVAH hu l-Edukatur il-Kbir. Hu qatt ma ħalla lill-qaddejja tiegħu fi stat taʼ injoranza. Hu dejjem kien lest li jaqsam għarfien magħhom. Hu jgħallimhom ir-rieda tiegħu u l-mogħdijiet tiegħu. Għal millennji bla għadd l-Iben uniġenitu tiegħu kien maʼ ġenbu, waqt li kontinwament jitgħallem bħala l-“[i]mgħallem” t’Alla. (Proverbji 8:30) Meta kien fuq l-art Ġesù stqarr: “Sewwa sew bħalma l-Missier għallem lili jien nitkellem dawn l-affarijiet.” (Ġwann 8:28) Billi rrefera għal Alla bħala l-Edukatur Inkomparabbli, Eliħu staqsa: “Min hu għalliem bħalu?” (Ġob 36:22) Il-profeta Isaija tkellem dwar Jehovah bħala li hu “l-Għalliem il-Kbir” tal-poplu Tiegħu u pprofetizza: “[U]liedek subien kollha se jkunu persuni mgħallmin minn Jehovah, u l-paċi taʼ wliedek subien se tkun abbundanti.” (Isaija 30:20; 54:13) Bla dubju, Jehovah jixtieq li l-ħlejjaq intelliġenti tiegħu jkunu mdawlin u edukati tajjeb.
Edukazzjoni Patrijarkali
2, 3. (a) Il-patrijarki leali kif kienu jqisuha l-edukazzjoni taʼ wliedhom, u Jehovah xi struzzjoni ta lil Abraham? (b) Liema skop grandjuż kien hemm wara l-istruzzjoni biex jiġi edukat nisel Abraham?
2 Wieħed mill-prerogattivi bażiċi tal-kap tal-familja fiż-żminijiet patrijarkali kien it-tagħlim taʼ wliedu u taʼ dawk taʼ daru. Għall-qaddejja t’Alla l-edukazzjoni taʼ wliedhom kien dmir reliġjuż. Jehovah qal dwar il-qaddej tiegħu Abraham: “Jien sirt midħla tiegħu sabiex hu jkun jistaʼ jikkmanda lil uliedu subien u lin-nies taʼ daru warajh sabiex huma jżommu l-mogħdija taʼ Jehovah biex jagħmlu t-tjieba u l-ħaqq; sabiex Jehovah jistaʼ ċertament iġib fuq Abraham dak li qal dwaru.”−Ġenesi 18:19.
3 Din l-istqarrija divina turi li Jehovah kien iqis l-edukazzjoni bħala taʼ importanza kbira. Alla esiġa li Abraham, Iżakk, u Ġakobb jedukaw lil dawk taʼ darhom fil-mogħdijiet Tiegħu taʼ tjieba u ħaqq sabiex ġenerazzjonijiet futuri jkunu f’pożizzjoni li jħarsu t-triq taʼ Jehovah. B’hekk, Jehovah kien se jwettaq il-wegħdiet tiegħu rigward iż-żerriegħa taʼ Abraham u t-tberik tal-“ġnus kollha tal-art.”—Ġenesi 18:18; 22:17,18.
Is-Sistema Edukattiva f’Iżrael
4, 5. (a) X’kienet id-differenza bejn is-sistema edukattiva taʼ Iżrael u dik taʼ ġnus oħrajn? (b) Liema differenza importanti oħra hija msemmija fl-Encyclopaedia Judaica, u bla dubju x’ikkontribwixxa għal din id-differenza?
4 L-Encyclopaedia Judaica tistqarr: “Il-Bibbja hija s-sors primarju biex wieħed jifhem il-proċess taʼ edukazzjoni f’Iżrael tal-qedem.” Jehovah uża lil Mosè bħala l-ewwel għalliem uman taʼ Iżrael. (Dewteronomju 1:3, 5; 4:5) Mosè ttrażmetta kliem mogħti lilu minn Jehovah. (Eżodu 24:3) Mela, fil-fatt, Alla kien l-Edukatur primarju taʼ Iżrael. Dan fih innifsu għamel differenza bejn is-sistema edukattiva taʼ Iżrael u dik taʼ ġnus oħrajn.
5 L-istess xogħol taʼ referenza jiddikjara: “Edukazzjoni għolja u tagħlim taʼ kotba fil-Mesopotamja u fl-Eġittu kienu formali u limitati għall-klassi tal-iskribi, li ma jidhirx li kien il-każ f’Iżrael. Id-differenza kienet bla dubju dovuta għas-sistema alfabetika iżjed sempliċi taʼ kitba wżata mill-Ebrej. . . . L-importanza taʼ kitba alfabetika għall-istorja tal-edukazzjoni m’għandhiex tiġi injorata. Hija introduċiet waqfa għall-kulturi tradizzjonali taʼ skribi tal-Eġittu, tal-Mesopotamja, u taʼ Kangħan tat-tieni millennju. Li tkun litterat ma kienx iżjed il-karatteristika distintiva u esklussiva taʼ klassi taʼ skribi u qassisin professjonali, imħarrġin fil-kitbiet ikkomplikati bi stampi u figuri.”
6. Liema evidenza Biblika hemm li mill-bidunett tal-istorja tagħhom, I-Iżraeliti kienu poplu litterat?
6 Il-Bibbja tipprovdi evidenza li l-Iżraeliti kienu poplu litterat. Saħansitra qabel ma daħlu fl-Art Imwiegħda, intqalilhom biex jiktbu l-liġijiet taʼ Jehovah fuq il-koxox taʼ bwiebhom u fuq il-kanċelli tagħhom. (Dewteronomju 6:1, 9; 11:20; 27:l-3) Fil-waqt li dan il-kmand kien bla dubju figurattiv, ċertament li ma kien ikollu l-ebda sinjifikat għall-Iżraelit komuni li kieku hu ma kienx jaf jaqra u jikteb. Skritturi bħal Ġożwè 18:9 u Imħallfin 8:14 juru li oħrajn minbarra l-mexxejja bħal Mosè u Ġożwè kienu jafu jiktbu ħafna qabel twaqqfet il-monarkija f’Iżrael.—Eżodu 34:27; Ġożwè 24:26.
Metodi taʼ Tagħlim
7. (a) Skond l-Iskrittura, min ta lit-tfal Iżraeliti l-edukazzjoni bażika tagħhom? (b) Liema informazzjoni tingħata minn studjuż Franċiż tal-Bibbja?
7 F’Iżrael, it-tfal kienu jiġu mgħallmin minn età żgħira ħafna kemm mill-missier u kemm mill-omm. (Dewteronomju 11:18, 19; Proverbji 1:8; 31:26) Fid-Dictionnaire de la Bible bil-Franċiż, l-istudjuż tal-Bibbja E. Mangenot kiteb: “Appena jkun kapaċi jitkellem, it-tifel kien jitgħallem ftit passaġġi mil-Liġi. Ommu kienet tirrepeti vers; meta jkun jafu, hi kienet tagħtih ieħor. Iktar tard, it-test miktub tal-versi li kienu jafu jgħiduhom bl-amment kien jitpoġġa f’idejn it-tfal. B’hekk, huma kienu jiġu introdotti għall-qari, u meta kienu jikbru iżjed, setgħu jkomplu l-istruzzjoni reliġjuża tagħhom billi jaqraw u jimmeditaw fuq il-liġi tal-Mulej.”
8. (a) Liema metodu bażiku taʼ tagħlim kien jintuża f’Iżrael, imma b’liema karatteristika importanti? (b) Liema għajnuniet tal-memorja kienu jintużaw?
8 Dan jissuġġerixxi li metodu bażiku tat-tagħlim li kien użat kien li jitgħallmu affarijiet bl-amment. L-affarijiet imgħallmin rigward il-liġijiet taʼ Jehovah u kif aġixxa mal-poplu tiegħu kellhom jippenetraw ġewwa l-qalb. (Dewteronomju 6:6, 7) Kellha ssir meditazzjoni fuqhom. (Salm 77:11, 12) Biex jiġu mgħejjunin iż-żgħar kif ukoll il-kbar biex jiftakru bl-amment, ġew użati diversi għajnuniet għall-memorja. Dawn kienu jinkludu akrostiċi alfabetiċi, billi versi taʼ wara xulxin f’xi salm kienu jibdew b’ittra differenti, f’ordni alfabetika (bħal Proverbji 31:10-31); alliterazzjoni (kliem li jibdew bl-istess ittra jew ħoss); u l-użu tan-numri, bħal dawk użati fl-aħħar nofs taʼ Proverbji kapitlu 30. Taʼ interess, il-Kalendarju Geżer, wieħed mill-eqdem eżempji taʼ kitba Ebrajka, hu maħsub minn xi studjużi li hu eżerċizzju tal-memorja taʼ tifel tal-iskola.
Is-Sillabu
9. (a) X’kienet parti importanti tal-programm taʼ studju għat-tfal Iżraeliti? (b) Enċiklopedija Biblika x’tistqarr rigward it-tagħlim li kien isir f’konnessjoni mal-festi annwali?
9 L-edukazzjoni f’Iżrael ma kinetx limitata għat-tagħlim tal-qari u l-kitba. Suġġett importanti li kien imgħallem kienet l-istorja. Li wieħed jitgħallem l-għemejjel tal-għaġeb taʼ Jehovah favur il-poplu tiegħu kien parti fundamentali mis-sillabu. Dawn il-fatti storiċi kellhom jiġu mgħallmin minn ġenerazzjoni għal oħra. (Dewteronomju 4:9, 10; Salm 78:l-7) Iċ-ċelebrazzjoni tal-festi annwali pprovdiet opportunità mill-aħjar biex il-kap tal-familja jgħallem lil uliedu. (Eżodu 13:14; Levitiku 23:37-43) F’konnessjoni maʼ dan The International Standard Bible Encyclopedia tistqarr: “Permezz tal-istruzzjoni tal-missier fid-dar u l-ispjegazzjonijiet tiegħu tas-sinjifikat tal-festi, it-tfal Ebrej kienu jiġu mgħallmin kif Alla kien wera Lilu nnifsu lilhom fil-passat, kif kellhom igħixu fil-preżent, u x’kienu l-wegħdiet t’Alla rigward il-futur tal-poplu Tiegħu.”
10. Liema taħriġ prattiku kien jingħata lill-bniet? lis-subien?
10 L-edukazzjoni mill-ġenituri kienet tinkludi taħriġ prattiku. Il-bniet kienu jiġu mgħallmin abbiltajiet domestiċi. Il-kapitlu tal-għeluq taʼ Proverbji juri li dawn kienu ħafna u diversi; kienu jinkludu l-għażil, l-insiġ, it-tisjir, l-innegozjar, u l-immaneġġjar domestiku inġenerali. Is-subien kienu ġeneralment jiġu mgħallmin ix-xogħol sekulari taʼ missierhom, kemm jekk fil-biedja jew f’xi negozju jew sengħa. Fi żminijiet iktar tard xi rabbini Lhud kellhom drawwa li jgħidu: “Dak li ma jgħallimx lil ibnu sengħa utli qed irabbih biex isir ħalliel.”
11. Liema ħaġa turi l-iskop bażiku tal-edukazzjoni f’Iżrael, u x’lezzjoni fih dan għaż-żgħażagħ illum?
11 Il-profondità spiritwali tal-metodi taʼ tagħlim użati f’Iżrael tidher sew fil-ktieb kollu taʼ Proverbji. Juri li l-iskop kien li jgħallem lill-“uħud bla esperjenza” affarijiet elevati bħalma huma l-għerf, id-dixxiplina, il-fehma, id-dehen, il-ġudizzju, il-għaqal, il-għarfien, u l-abbiltà tal-ħsieb—dan kollu fil-“biżaʼ taʼ Jehovah.” (Proverbji 1:1-7; 2:1-14) Jenfasizza l-mottivi li għandhom iqanqlu lill-qaddejja t’Alla llum biex itejbu l-edukazzjoni tagħhom.
Qassisin, Leviti, u Profeti
12. Minbarra l-ġenituri min iżjed ħa sehem f’li jeduka lill-poplu taʼ Iżrael, u x’inhu t-tifsir bażiku tal-kelma Ebrajka tradotta “liġi”?
12 Fil-waqt li edukazzjoni bażika kienet tiġi pprovduta mill-ġenituri, Jehovah kompla jeduka lill-poplu tiegħu permezz tal-qassisin, tal-Leviti li ma kinux qassisin, u tal-profeti. Fl-aħħar barka tiegħu fuq it-tribù taʼ Levi, Mosè stqarr: “Ħallihom igħallmu lil Ġakobb fid-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħek u lil Iżrael fil-liġi tiegħek.” (Dewteronomju 33:8, 10) B’mod sinjifikanti, il-kelma “liġi” bl-Ebrajk (toh·rahʹ) ġejja minn għerq li fil-forma tal-verb tiegħu jfisser “li turi,” “li tgħallem,” “li tistruwixxi.” L-Encyclopaedia Judaica tistqarr: “It-tifsir tal-kelma [torah] hu għalhekk ‘tagħlim,’ ‘duttrina,’ jew ‘struzzjoni.’”
13. Il-Liġi taʼ Iżrael għala kienet differenti mis-sistemi legali taʼ ġnus oħrajn?
13 Dan ukoll issepara lil Iżrael mill-ġnus l-oħrajn u saħansitra mill-ġnus taż-żmien modern. Ġnus politiċi llum għandhom ġabra taʼ liġijiet li dwarhom il-popolazzjoni inġenerali taf biss parti żgħira. Meta n-nies jiksru l-liġi, iridu jħallsu ħafna flus lill-avukati biex jiddefenduhom. L-iskejjel tal-Liġi huma għall-ispeċjalisti. Iżda, f’Iżrael il-Liġi kienet il-mezz t’Alla biex igħid lill-poplu tiegħu kif hu riedhom iqimuh u jgħixu fi qbil mar-rieda tiegħu. Kuntrarju għall-kodiċijiet legali l-oħra, kienet tinkludi mħabba għal Alla u għall-proxxmu. (Levitiku 19:18; Dewteronomju 6:5) Il-Liġi ma kinetx xi sempliċi ktieb taʼ statuti kiesaħ u biered. Hija pprovdiet duttrini, tagħlim, u struzzjoni f’mogħdija taʼ ħajja li wieħed kellu jitgħallimha.
14. X’kienet raġuni waħda għala Jehovah irrifjuta lis-saċerdozju tal-Leviti? (Malakija 2:7, 8)
14 Meta kienu leali, il-qassisin u l-Leviti wettqu r-responsabbiltà tagħhom biex igħallmu lin-nies. Iżda fil-biċċa l-kbira, il-qassisin ittraskuraw id-dover tagħhom li jedukaw lill-ġens. Dan in-nuqqas taʼ edukazzjoni fil-Liġi t’Alla kien se jkollu konsegwenzi koroh kemm għall-qassisin u kemm għan-nies. Fit-tmien seklu Q.E.K., Jehovah ipprofetizza: “In-nies tiegħi ċertament li se jiġu msikktin, għaliex m’hemm ebda għarfien. Peress li l-għarfien huwa dak li int innifsek irrifjutajt, jien ukoll se nirrifjutak milli taqdi bħala qassis għalija; u peress li tibqaʼ tinsa l-liġi t’Alla tiegħek, jien se ninsa lil uliedek subien, saħansitra jien.”−Ħosea 4:6.
15. (a) Minbarra l-qassisin Jehovah lil min qajjem bħala għalliema f’Iżrael, u studjuż tal-Bibbja x’kiteb dwar l-irwol tagħhom bħala edukaturi? (b) Fl-aħħar xi ġralhom Iżrael u Ġuda talli rrifjutaw il-għarfien taʼ Jehovah u tal-mogħdijiet tiegħu?
15 Minbarra l-qassisin, Jehovah qajjem ukoll profeti bħala edukaturi. Naqraw: “Jehovah baqaʼ jwissi lil Iżrael u lil Ġuda permezz tal-profeti kollha tiegħu u kull viżjonarju, billi jgħid: ‘Duru lura mill-mogħdijiet ħżiena tagħkom u żommu l-kmandamenti tiegħi, l-istatuti tiegħi, skond il-liġi kollha li jien ikkmandajt lil missirijietkom tal-qedem u li bgħatt lilkom permezz tal-qaddejja tiegħi l-profeti.’” (2 Slaten 17:13) Rigward l-irwol tal-profeti bħala edukaturi, l-istudjuż tal-Bibbja Franċiż Roland de Vaux kiteb: “Il-profeti, ukoll, kellhom missjoni li jistruwixxu lill-poplu; dan kien għall-inqas daqstant parti mix-xogħol tagħhom daqs it-tbassir tal-futur. U spirazzjoni profetika tat lill-ippridkar tagħhom l-awtorità taʼ kelma t’Alla. Huwa ċert li taħt il-monarkija l-profeti kienu l-għalliema reliġjużi u morali tal-poplu; u, nistgħu nżidu, l-aħjar fost il-għalliema kollha, jekk mhux dejjem l-iktar li kienu jiġu obduti.” Minħabba nuqqas taʼ edukazzjoni xierqa mill-qassisin u l-Leviti flimkien maʼ li naqsu li jagħtu kas tal-profeti taʼ Jehovah, l-Iżraeliti telqu l-mogħdijiet taʼ Jehovah. Is-Samarija waqgħet taħt l-Assirjani fis-sena 740 Q.E.K., u Ġerusalemm u t-tempju tagħha ġew meqrudin mill-Babilonjani fis-sena 607 Q.E.K.
Edukazzjoni matul u wara l-Jasar
16, 17. (a) Liema programm edukattiv ġie sforzat fuq Danjel u t-tlett isħab tiegħu? (b) Liema ħaġa għenithom igħaddu minn din l-edukazzjoni Babilonjana u madankollu jibqgħu leali lejn Jehovah?
16 Xi għaxar snin qabel il-qerda taʼ Ġerusalemm, is-Sultan Ġeħojaċin u grupp taʼ prinċpijiet u nobbli nġarrew lejn il-Babilonja mis-Sultan Nebukadneżżar. (2 Slaten 24:15) Fosthom kien hemm Danjel u tliet nobbli żgħażagħ oħrajn. (Danjel 1:3, 6) Nebukadneżżar ordna lill-erbgħa li huma biex jagħmlu kors speċjali taʼ taħriġ għal tliet snin fil-“kitba u fl-ilsien tal-Kaldin.” Jerġaʼ, kienu pprovduti b’“sehem taʼ kuljum mill-ikel bnin tas-sultan u mix-xorb tal-inbid tiegħu.” (Danjel 1:4, 5) Dan kien potenzjalment perikoluż għal ħafna raġunijiet. Wisq probabbli, is-sillabu ma kienx sempliċement kors fil-lingwa għal tliet snin. It-terminu “Kaldin” f’din is-silta hu maħsub minn xi wħud li jissinjifika, “mhux lill-Babilonjani bħala poplu, imma lill-klassi mgħallma.” (The Soncino Books of the Bible) Fil-kummentarju tiegħu dwar Danjel, C. F. Keil jistqarr: “Danjel u sħabu kellhom jiġu edukati fil-għerf tal-qassisin u tal-irġiel imgħallmin Kaldin, li kien jiġi mgħallem fl-iskejjel taʼ Babilonja.” Is-sehem taʼ ikel irjali ukoll kien jesponihom biex jiksru r-restrizzjonijiet tal-ikel imponuti mil-Liġi taʼ Mosè. Kif baqgħu?
17 Bħala kelliemi għall-erbaʼ żgħażagħ nobbli Lhud, Danjel għamilha ċara mill-bidunett li huma ma kinux se jieklu jew jixorbu billi jmorru kontra l-kuxjenza tagħhom. (Danjel 1:8, 11-13) Jehovah bierek din il-waqfa soda u rattab qalb l-uffiċjal Babilonjan li kien inkarigat. (Danjel 1:9, 14-16) Inkwantu għall-istudji tagħhom, ġrajjiet sussegwenti fil-ħajjiet tal-erbaʼ żgħażagħ Ebrej kollha jagħtu prova bla ebda dubju li s-sillabu obbligatorju tagħhom taʼ tliet snin fil-kultura Babilonjana ma ġigħelhomx jiżżvijaw mir-rabta profonda tagħhom maʼ Jehovah u mal-qima pura tiegħu. (Danjel, kapitli 3 u 6) Jehovah għenhom biex joħorġu bla mittiefsa minn din id-daħla fil-fond sforzata taʼ tliet snin fit-tagħlim għoli taʼ Babilonja. “Inkwantu għal dawn it-tfal, l-erbgħa li huma, lilhom il-veru Alla ta għarfien u dehen fil-kitba u l-għerf kollha; u Danjel innifsu kellu fehma f’kull xorta taʼ viżjonijiet u ħolm. U rigward kull ħaġa taʼ għerf u fehma li s-sultan staqsiehom dwarha, hu saħansitra sabhom għaxar darbiet aħjar mill-qassisin li jipprattikaw il-maġija u s-sħaħar kollha li kienu fil-qasam irjali kollu tiegħu.”−Danjel 1:17, 20.
18. Liema programm edukattiv twettaq f’Ġuda wara l-jasar fil-Babilonja?
18 Wara l-jasar fil-Babilonja, xogħol kbir taʼ edukazzjoni twettaq minn Eżra, qassis li “ħejja lil qalbu biex jikkonsulta l-liġi taʼ Jehovah u biex jagħmilha u biex igħallem f’Iżrael regoli u ġustizzja.” (Eżra 7:10) F’dan hu kien mgħejjun minn Leviti leali, li “kienu qegħdin jispjegaw il-liġi lin-nies.” (Neħemija 8:7) Eżra kien studjuż tal-Bibbja u “wieħed li kkopja b’sengħa,” jew skrib. (Eżra 7:6) Kien fi żmienu li l-iskribi ħadu prominenza bħala klassi.
Skejjel Rabbiniċi
19. Liema klassi taʼ edukaturi dehret f’Iżrael saż-żmien li fih Ġesù ġie fuq l-art, u għal liema raġunijiet importanti hu u d-dixxipli tiegħu ma ħadux edukazzjoni għolja Lhudija?
19 Saż-żmien li fih Ġesù deher fuq l-art, l-iskribi kienu saru klassi mkabbra taʼ għalliema, li kienu iktar marbutin mat-tradizzjonijiet milli mat-tagħlim veru tal-Kelma t’Alla. Kienu jħobbu jiġu msejħin “Rabbi,” li kien sar titlu taʼ unur li jfisser “Il-Wieħed Kbir (Eċċellenti) Tiegħi.” (Mattew 23:6, 7, nota taʼ taħt) Fl-Iskrittura Kristjana Griega, l-iskribi taʼ spiss huma assoċjati mal-Fariżej, li wħud minnhom kienu huma nfushom għalliema tal-Liġi. (Atti 5:34) Ġesù akkuża liż-żewġ gruppi li kienu għamlu l-kelma t’Alla invalida minħabba t-tradizzjoni tagħhom u billi għallmu “kmandi tal-bnedmin bħala duttrini.” (Mattew 15:1, 6, 9) Mhux taʼ b’xejn li la Ġesù u lanqas il-biċċa l-kbira mid-dixxipli tiegħu ma kienu mgħallmin fl-iskejjel rabbiniċi.—Ġwann 7:14, 15; Atti 4:13; 22:3.
20. Din il-ħarsa taʼ I-edukazzjoni fi żminijiet Bibliċi x’urietna, u x’jindika li l-qaddejja taʼ Jehovah jinħtieġu l-edukazzjoni?
20 Din il-ħarsa inġenerali tal-edukazzjoni fi żminijiet Bibliċi wriet li Jehovah huwa l-Għalliem Grandjuż tal-poplu tiegħu. Permezz taʼ Mosè, Alla organizza sistema effiċjenti taʼ edukazzjoni f’Iżrael. Imma wara ħafna żmien, żviluppat sistema taʼ edukazzjoni għolja Lhudija li għallmet affarijiet kuntrarji għall-Kelma t’Alla. Fil-waqt li Ġesù ma attendiex skejjel Lhud bħal dawn, hu kien, xorta waħda, Għalliem bla paragun. (Mattew 7:28, 29; 23:8; Ġwann 13:13) Hu wkoll qabbad lid-dixxipli tiegħu biex igħallmu, saħansitra sal-konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet. (Mattew 28:19, 20) Biex jagħmlu dan, riedu jkunu għalliema tajbin u għaldaqstant kienu jeħtieġu l-edukazzjoni. Mela l-Kristjani veri kif għandhom iħarsu lejn l-edukazzjoni llum? Din il-mistoqsija se tiġi eżaminata fl-artiklu li jmiss.
Test tal-Memorja
◻ Għala nistgħu nkunu żguri li Jehovah huwa interessat fl-edukazzjoni tal-qaddejja tiegħu?
◻ L-edukazzjoni taʼ Iżrael f’liema aspetti kienet differenti minn dik tal-ġnus l-oħrajn?
◻ Tfal Iżraeliti liema edukazzjoni rċevew?
◻ Liema metodi taʼ tagħlim kienu jintużaw f’Iżrael?
◻ Ġesù u d-dixxipli tiegħu għala ma marrux fi skejjel Lhud taʼ edukazzjoni għolja?
[Stampa f’paġna 10]
Edukazzjoni obbligatorja f’Babilonja ma dawritx lil Danjel u lil sħabu ’il bogħod minn Jehovah