Itfaʼ Ħsiebek fuq l-Ispirtu u Tgħix!
“Li titfaʼ ħsiebek fuq l-ispirtu jfisser ħajja.”—RUMANI 8:6, NW.
1, 2. Il-Bibbja liema kuntrast tagħmel bejn “il-ġisem” u “l-ispirtu”?
M’HIJIEX ħaġa faċli li żżomm moralment nadif f’għajnejn Alla waqt li tgħix f’soċjetà mħassra li tinkuraġġik biex tintelaq għax-xewqat tal-ġisem. Madankollu, l-Iskrittura tagħmel kuntrast bejn “il-ġisem” u “l-ispirtu.” Din tiġbed linja ċara bejn il-konsegwenzi ħżiena li jiġu fuq min iħalli lilu nnifsu jinħakem mill-ġisem midneb u l-barkiet li jiġu bħala riżultat taʼ li wieħed iħalli lilu nnifsu jiġi influwenzat mill-ispirtu qaddis t’Alla.
2 Per eżempju, Ġesù Kristu qal: “Hu l-ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn. Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja.” (Ġwann 6:63) Lill-Kristjani fil-Galazja, l-appostlu Pawlu kitbilhom: ‘Il-passjonijiet tal-ġisem huma kontra l-ispirtu, u l-ispirtu hu kontra l-ġisem; dawn it-tnejn huma kontra xulxin.’ (Galatin 5:17) Pawlu qal ukoll: “Min jiżraʼ f’ġismu jaħsad mill-ġisem it-taħsir; min jiżraʼ fl-ispirtu, jaħsad mill-ispirtu l-ħajja taʼ dejjem.”—Galatin 6:8.
3. X’inhu meħtieġ biex ninħelsu minn xewqat u ġibdiet ħżiena?
3 L-ispirtu qaddis taʼ Jehovah, jew il-forza attiva tiegħu, jistaʼ jtemm ‘ix-xewqat imniġġsin tal-ġisem’ u l-ħakma qerrieda mill-ġisem midneb. (1 Pietru 2:11) Biex ninħelsu mill-jasar tal-ġibdiet ħżiena, huwa vitali li jkollna l-għajnuna taʼ l-ispirtu t’Alla, għax Pawlu kiteb: “Li titfaʼ ħsiebek fuq il-laħam [jew, il-ġisem] ifisser mewt, imma li titfaʼ ħsiebek fuq l-ispirtu jfisser ħajja u paċi.” (Rumani 8:6, NW) X’ifisser li titfaʼ ħsiebek fuq l-ispirtu?
“Li Titfaʼ Ħsiebek fuq l-Ispirtu”
4. X’ifisser “li titfaʼ ħsiebek fuq l-ispirtu”?
4 Meta Pawlu kiteb dwar “li titfaʼ ħsiebek fuq l-ispirtu,” hu uża kelma Griega li tfisser “mod taʼ ħsieb, moħħ(-mixħut), . . . mira, aspirazzjoni, stinkar.” Kelma oħra mill-istess għerq tfisser “li taħseb, li titfaʼ ħsiebek f’ċerta direzzjoni.” B’hekk, li titfaʼ ħsiebek fuq l-ispirtu jfisser li tkun kontrollat, dominat, u mqanqal mill-forza attiva taʼ Jehovah. Dan ifisser li minn jeddna nħallu l-ħsibijiet, il-ġibdiet, u l-miri tagħna jiġu influwenzati bis-sħiħ mill-ispirtu qaddis t’Alla.
5. Sa liema punt għandna nissottomettu ruħna għall-influwenza taʼ l-ispirtu qaddis?
5 Pawlu enfasizza sa liema punt għandna nissottomettu ruħna għall-influwenza taʼ l-ispirtu qaddis meta tkellem dwar li ‘nservu bħala lsiera taʼ l-ispirtu.’ (Rumani 7:6) Fuq il-bażi tal-fidi tagħhom fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa, il-Kristjani ġew meħlusin mill-ħakma tad-dnub, u b’hekk ‘mietu’ għas-sitwazzjoni li kienu fiha qabel bħala lsiera tiegħu. (Rumani 6:2, 11) Dawk li b’mod figurattiv mietu għad-dnub għadhom ħajjin fiżikament u issa ħielsa li jsegwu lil Kristu bħala ‘lsiera tal-ġustizzja.’—Rumani 6:18-20.
Bidla Impressjonanti
6. Liema bidla jġarrbu dawk li jsiru ‘lsiera tal-ġustizzja’?
6 Il-bidla minn “ilsiera tad-dnub” għal qaddejja t’Alla bħala ‘lsiera tal-ġustizzja’ hija tabilħaqq impressjonanti. Pawlu kiteb dwar xi wħud li ġarrbu din il-bidla: “Issa tnaddaftu, tqaddistu u ġejtu ġġustifikati fl-isem taʼ Sidna Ġesù Kristu u fl-Ispirtu taʼ Alla tagħna.”—Rumani 6:17, 18; 1 Korintin 6:11.
7. Għala huwa importanti li nħarsu lejn l-affarijiet bil-mod kif iħares lejhom Jehovah?
7 Biex inġarrbu din il-bidla taʼ l-għaġeb, l-ewwel irridu nitgħallmu dwar il-mod kif Jehovah jħares lejn l-affarijiet. Sekli ilu, is-salmista David talab bil-ħrara lil Alla: “Triqatek, Mulej, għarrafni . . . Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni.” (Salm 25:4, 5) Jehovah semgħu lil David. Anki llum, Hu jistaʼ jwieġeb talb simili mingħand il-qaddejja tiegħu. Ladarba t-triqat u l-verità t’Alla huma ndaf u qaddisa, ikun t’għajnuna li nimmeditaw fuqhom jekk niġu ttantati biex inċedu għal xi xewqat imniġġsa tal-ġisem.
L-Irwol Vitali tal-Kelma t’Alla
8. Għala huwa vitali li nistudjaw il-Bibbja?
8 Il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, hija prodott taʼ l-ispirtu tiegħu. B’hekk, mod vitali kif inħallu l-ispirtu jopera fuqna hu billi naqraw u nistudjaw il-Bibbja—kuljum jekk jistaʼ jkun. (1 Korintin 2:10, 11; Efesin 5:18) Meta nimlew moħħna u qalbna bil-veritajiet u l-prinċipji tal-Bibbja niġu megħjunin nirreżistu l-attakki fuq l-ispiritwalità tagħna. Iva, meta jinqalgħu xi tentazzjonijiet immorali, l-ispirtu t’Alla jistaʼ jġagħalna niftakru ħsibijiet skritturali u prinċipji taʼ gwida li jistgħu jsaħħu d-determinazzjoni tagħna li naġixxu fi qbil mar-rieda t’Alla. (Salm 119:1, 2, 99; Ġwann 14:26) B’hekk ma nitqarrqux u naqbdu xi triq ħażina.—2 Korintin 11:3.
9. L-istudju tal-Bibbja kif jistaʼ jsaħħilna d-determinazzjoni li nħarsu r-relazzjoni tagħna maʼ Jehovah?
9 Hekk kif inkomplu nistudjaw l-Iskrittura bis-sinċerità u bis-serjetà permezz taʼ pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja, l-ispirtu t’Alla jinfluwenza ’l moħħna u ’l qalbna, u b’hekk jgħinna nkabbru r-rispett tagħna għal-livelli taʼ Jehovah. Ir-relazzjoni tagħna m’Alla ssir l-iktar ħaġa importanti f’ħajjitna. Meta niffaċċjaw xi tentazzjoni, ma nħallux ħsibijietna jiġru bina dwar kemm jistaʼ jkun pjaċevoli li nagħmlu l-ħażen. Minflok, kulma naħsbu dwaru dak il-ħin għandu jkun li nżommu l-integrità tagħna lejn Jehovah. Apprezzament qawwi għar-relazzjoni tagħna miegħu jqanqalna biex nikkumbattu kull inklinazzjoni li tistaʼ tħassar jew teqred din ir-relazzjoni.
“Kemm Inħobbha l-Liġi Tiegħek!”
10. Għala huwa neċessarju li nobdu l-liġi taʼ Jehovah sabiex nitfgħu ħsiebna fuq l-ispirtu?
10 Jekk irridu nitfgħu ħsiebna fuq l-ispirtu mhux biżżejjed li jkollna għarfien tal-Kelma t’Alla. Is-Sultan Salamun kien jafhom sew il-livelli taʼ Jehovah, imma naqas li jsegwihom lejn it-tmiem taʼ ħajtu. (1 Slaten 5:9, 10 [4:29, 30, NW]; 11:1-6) Jekk aħna nies spiritwali, mhux se naraw biss il-bżonn li nkunu nafu x’tgħid il-Bibbja imma wkoll li nobdu l-liġi t’Alla b’qalbna kollha. Dan ifisser li neżaminaw bir-reqqa l-livelli taʼ Jehovah u nagħmlu ħilitna kollha biex insegwuhom. Is-salmista kellu din il-kwalità taʼ attitudni. Hu kanta: “Kemm inħobbha l-liġi tiegħek! Il-jum kollu ħsiebi fiha.” (Salm 119:97) Meta nkunu verament determinati li nsegwu l-liġi t’Alla, niġu mqanqlin nuru l-kwalitajiet li għandu Alla f’ħajjitna. (Efesin 5:1, 2) Minflok ma ninġibdu lejn il-ħażin bla ma nafu kif, nibdew nuru l-frott taʼ l-ispirtu f’ħajjitna, u x-xewqa li nogħġbu lil Jehovah tbegħedna ‘mill-għemejjel imħassra tal-ġisem.’—Galatin 5:16, 19-23; Salm 15:1, 2.
11. Kif tispjega li l-liġi taʼ Jehovah li tipprojbixxi ż-żína hija taʼ protezzjoni għalina?
11 Kif nistgħu niżviluppaw rispett profond u mħabba għal-liġi taʼ Jehovah? Mod wieħed hu billi neżaminaw bir-reqqa l-valur tagħha. Ikkunsidra l-liġi t’Alla li tippermetti li jkun hemm relazzjonijiet sesswali fiż-żwieġ biss u tipprojbixxi ż-żína u l-adulterju. (Lhud 13:4) Iċċaħħadna din il-liġi minn xi ħaġa tajba meta nobduha? Sejjer Missierna tas-sema kollu mħabba jagħmel xi liġi li ċċaħħadna minn xi ħaġa li hi taʼ benefiċċju? Żgur li le! Innota x’qed jiġri fil-ħajjiet taʼ ħafna li ma jgħixux fi qbil mal-livelli morali taʼ Jehovah. Tqala mhux mixtieqa spiss twassalhom għall-abort jew forsi għal żwieġ qabel il-waqt jew żwieġ mingħajr ferħ. Ħafna jkollhom irabbu tarbija mingħajr is-sieħeb jew is-sieħba tagħhom. Barra minn hekk, dawk li jipprattikaw iż-żína jesponu ruħhom għal mard trasmess sesswalment. (1 Korintin 6:18) U jekk xi qaddej taʼ Jehovah jikkommetti ż-żína, dan jistaʼ jġarrab ħsara emozzjonali kbira. Meta l-kuxjenza tibda tniggżu minħabba xi ħtija, dan jistaʼ jkun il-kaġun taʼ ljieli bla rqad u niket mentali. (Salm 32:3, 4; 51:5 [51:3, NW]) M’huwiex ovvju, mela, li l-liġi taʼ Jehovah li tipprojbixxi ż-żína hija mfassla biex tipproteġina? Iva, meta nżommu l-indafa morali l-benefiċċji huma kbar tassew!
Itlob għall-Għajnuna taʼ Jehovah
12, 13. Għala hu xieraq li nitolbu meta ninħakmu minn xewqat midinba?
12 Ċertament li trid titlob mill-qalb biex tibqaʼ titfaʼ ħsiebek fuq l-ispirtu. Huwa xieraq li titlob għall-għajnuna taʼ l-ispirtu t’Alla, għax Ġesù qal: “Mela jekk intom . . . tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!” (Luqa 11:13) Fit-talb nistgħu nesprimu ruħna dwar il-bżonn li nistrieħu fuq l-ispirtu għall-għajnuna fid-dgħjufijiet tagħna. (Rumani 8:26, 27) Jekk nirrealizzaw li qed niġu effettwati minn xewqat jew attitudnijiet midinba, jew jekk xi ħadd taʼ l-istess twemmin li jħobbna jiġbdilna l-attenzjoni għal dan, ikun għaqli li nkunu speċifiċi dwar il-problema meta nitolbu ’l Alla għall-għajnuna biex negħlbu dawn it-tendenzi.
13 Jehovah jistaʼ jgħinna nikkonċentraw fuq affarijiet li huma ġusti, safjin, virtużi, u li jistħoqqilhom tifħir. U kemm hu xieraq li nitolbuh bil-ħrara sabiex “is-sliem taʼ Alla” jgħassilna qalbna u moħħna! (Filippin 4:6-8) Għalhekk, ejja nitolbu għall-għajnuna taʼ Jehovah biex infittxu li jkollna “l-ġustizzja, it-tjieba, il-fidi, l-imħabba, is-sabar, il-ħlewwa.” (1 Timotju 6:11-14) Bl-għajnuna taʼ Missierna tas-sema, l-ansjetajiet u t-tentazzjonijiet ma jikbrux sal-punt li ma nkunux nistgħu nikkontrollawhom. Minflok, ħajjitna tkun trankwilla mimlija bil-paċi li jagħtina Alla.
Tnikkitx l-Ispirtu
14. L-ispirtu t’Alla għala huwa forza taʼ ndafa?
14 Qaddejja maturi taʼ Jehovah japplikaw personalment il-parir taʼ Pawlu: “Ixxekklux l-Ispirtu.” (1 Tessalonikin 5:19) Ladarba l-ispirtu t’Alla jissejjaħ “l-ispirtu tal-qdusija,” dan huwa nadif, pur, u sagru. (Rumani 1:4, KŻ) B’hekk, meta jopera fuqna, dan l-ispirtu hu forza taʼ qdusija, jew indafa. Jgħinna nżommu ħajjitna nadifa li tingħaraf mill-ubbidjenza lejn Alla. (1 Pietru 1:2) Min jieħu sehem fi kwalunkwe drawwa mniġġsa jkun qed jinjora dan l-ispirtu, u dan jistaʼ jkollu konsegwenzi diżastrużi. Kif?
15, 16. (a) Kif nistgħu nnikktu l-ispirtu t’Alla? (b) Kif nistgħu nevitaw li nnikktu l-ispirtu taʼ Jehovah?
15 Tajjeb, Pawlu kiteb: “Tnikktux l-Ispirtu s-Santu taʼ Alla, li fih intom issiġillati għal jum il-fidwa.” (Efesin 4:30) L-Iskrittura tidentifika l-ispirtu taʼ Jehovah bħala siġill, jew “rahan” għall-Kristjani midlukin u leali. Dan ifisser ħajja immortali fis-sema. (2 Korintin 1:22; 1 Korintin 15:50-57; Apokalissi 2:10) L-ispirtu t’Alla jistaʼ jiggwida lill-midlukin u lil sħabhom b’tama għall-art f’ħajja taʼ fedeltà u jistaʼ jgħinhom jevitaw għemejjel midinba.
16 L-appostlu wissa kontra tendenzi lejn il-gideb, serq, kondotta taʼ mistħija, u affarijiet bħal dawn. Jekk inħallu lilna nfusna ninġibdu lejn dawn l-affarijiet, inkunu qed immorru kontra l-pariri mnebbħa bl-ispirtu fil-Kelma t’Alla. (Efesin 4:17-29; 5:1-5) B’hekk, b’xi mod nistgħu nkunu qegħdin innikktu l-ispirtu t’Alla, u aħna żgur li ma rridux nagħmlu hekk. Jekk niġu f’dan, meta xi ħadd minna jibda jinjora l-pariri tal-Kelma taʼ Jehovah, jistaʼ jibda jiżviluppa attitudnijiet u tendenzi li jistgħu jwassluh biex jidneb apposta u jitlef il-favur t’Alla. (Lhud 6:4-6) Għalkemm forsi bħalissa m’aħniex nipprattikaw id-dnub, nistgħu nkunu mexjin f’dik id-direzzjoni. Jekk taʼ sikwit immorru kontra l-gwida taʼ l-ispirtu, inkunu qed innikktuh. Inkunu wkoll qed nirreżistu u nnikktu lil Jehovah, is-sors taʼ l-ispirtu qaddis. Bħala nies li jħobbu ’l Alla, qatt m’għandna nkunu rridu li nagħmlu dan. Minflok, ejja nitolbu għall-għajnuna taʼ Jehovah sabiex ma nnikktux l-ispirtu tiegħu imma nkunu nistgħu nġibu unur lill-isem qaddis tiegħu billi nkomplu nitfgħu ħsiebna fuq l-ispirtu.
Ibqaʼ Itfaʼ Ħsiebek fuq l-Ispirtu
17. Liema huma xi miri spiritwali li nistgħu nagħmlu, u għala jkun għaqli li naħdmu biex nilħquhom?
17 Mod eċċellenti li bih nibqgħu nitfgħu ħsiebna fuq l-ispirtu hu li nagħmlu miri spiritwali u naħdmu biex inwettquhom. Dan jiddependi fuq il-bżonnijiet u ċ-ċirkustanzi tagħna. Il-miri tagħna jistgħu jinkludu li ntejbu d-drawwiet tagħna taʼ studju jew li nżidu s-sehem tagħna fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Mira oħra tistaʼ tkun li nistinkaw għal xi privileġġ speċifiku taʼ servizz, bħall-ministeru taʼ pijunier full-time, is-servizz f’Betel, jew ix-xogħol missjunarju. Dan se jokkupalna moħħna b’interessi spiritwali u se jgħinna biex ma nċedux għad-dgħjufijiet umani. Jgħinna wkoll biex ma niġux imħajrin mill-miri materjalistiċi u xewqat mhux skritturali li tant huma komuni f’din id-dinja. Din żgur li hi għażla għaqlija, għax Ġesù ħeġġiġna: “Tgeddsux għalikom teżori f’din id-dinja, fejn kollox jitmermer bil-kamla u s-sadid, u fejn il-ħallelin jinfdu u jisirqu. Iżda ġemmgħu għalikom teżori fis-sema, fejn xejn ma jitmermer u la bil-kamla u lanqas bis-sadid, u fejn ma hemmx ħallelin jinfdu u jisirqu. Għax fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll.”—Mattew 6:19-21.
18. Għala huwa daqshekk importanti li nkomplu nitfgħu ħsiebna fuq l-ispirtu f’dawn l-aħħar jiem?
18 Ċertament li l-iktar ħaġa għaqlija li nistgħu nagħmlu f’dawn l-aħħar jiem hi li nitfgħu ħsiebna fuq l-ispirtu u nżommu ’l bogħod mix-xewqat dinjin. (2 Timotju 3:1-5) Wara kollox, “id-dinja bil-ġibdiet tagħha tgħaddi, iżda min jagħmel ir-rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġwann 2:15-17) Per eżempju, jekk Kristjan żagħżugħ ikollu l-mira għas-servizz full-time, dan jistaʼ jservi taʼ gwida għalih matul is-snin diffiċli taʼ l-adolexxenza jew taż-żgħożija. Meta ssirlu pressjoni biex jikkomprometti ruħu, individwu bħal dan ikollu idea ċara f’moħħu taʼ dak li jrid iwettaq fis-servizz taʼ Jehovah. Bniedem spiritwali bħal dan jaraha ħaġa mhix għaqlija, saħansitra bluha, li jwarrab il-miri spiritwali biex jiġri wara affarijiet materjali jew pjaċiri li d-dnub iwiegħed li jagħtih. Ftakar li Mosè għax kien bniedem spiritwali “għażel li aħjar ikun imkasbar flimkien mal-poplu taʼ Alla milli jgawdi l-hena tad-dnub.” (Lhud 11:24, 25) Kemm jekk għadna żgħażagħ u kemm jekk kbirna sew fl-età, nagħmlu għażla simili meta nkomplu nitfgħu ħsiebna fuq l-ispirtu minflok fuq il-ġisem midneb.
19. Liema benefiċċji se ngawdu jekk inkomplu nitfgħu ħsiebna fuq l-ispirtu?
19 “Li titfaʼ ħsiebek fuq il-laħam ifisser mewt,” filwaqt li meta “titfaʼ ħsiebek fuq l-ispirtu jfisser ħajja u paċi.” (Rumani 8:6, 7, NW) Jekk nibqgħu nitfgħu ħsiebna fuq l-ispirtu, se nesperjenzaw paċi prezzjuża. Qlubna u l-fakultajiet mentali tagħna se jkunu iktar protetti bis-sħiħ mill-influwenza tal-kundizzjoni midinba tagħna. Se nkunu iktar kapaċi nirreżistu t-tentazzjoni li nieħdu sehem fil-ħażen. U se jkollna l-protezzjoni divina biex inkampaw mal-ġlieda kontinwa bejn il-ġisem u l-ispirtu.
20. Għala nistgħu nkunu ċerti li huwa possibbli li noħorġu rebbiħin fit-taqbida bejn il-ġisem u l-ispirtu?
20 Jekk inkomplu nitfgħu ħsiebna fuq l-ispirtu, aħna nżommu rabta vitali maʼ Jehovah, is-sors kemm tal-ħajja u kemm taʼ l-ispirtu qaddis. (Salm 36:10; 51:13 [36:9; 51:11, NW]) Satana x-Xitan u l-aġenti tiegħu qed jagħmlu kulma jistgħu biex ikissru r-relazzjoni tagħna m’Alla Jehovah. Huma jipprovaw jikkontrollawlna moħħna, billi jafu li jekk inċedu, dan maż-żmien se jwassalna biex insiru l-għedewwa t’Alla u nieħdu l-mewt. Imma nistgħu noħorġu rebbiħin f’din it-taqbida bejn il-ġisem u l-ispirtu. Hekk ġralu Pawlu, għax meta kiteb dwar it-taqbida tiegħu, hu l-ewwel staqsa: “Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt?” Imbagħad, biex juri li l-ħelsien kien possibbli, hu għajjat bil-ferħ: “Niżżi ħajr lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu Sidna!” (Rumani 7:21-25) Aħna wkoll nistgħu niżżu ħajr lil Alla permezz taʼ Kristu talli pprovdielna l-mezz biex inkampaw mad-dgħjufijiet umani u nibqgħu nitfgħu ħsiebna fuq l-ispirtu bit-tama taʼ l-għaġeb taʼ ħajja taʼ dejjem.—Rumani 6:23.
Tiftakar Int?
• X’ifisser li titfaʼ ħsiebek fuq l-ispirtu?
• Kif nistgħu nħallu l-ispirtu taʼ Jehovah jopera fuqna?
• Spjega għala, fit-taqbida tagħna kontra d-dnub, huwa vitali li nistudjaw il-Bibbja, nobdu l-liġi taʼ Jehovah, u nitolbuh.
• Li nagħmlu miri spiritwali kif jistaʼ jżommna fit-triq tal-ħajja?
[Stampa f’paġna 16]
L-istudju tal-Bibbja jgħinna nirreżistu l-attakki fuq l-ispiritwalità tagħna
[Stampa f’paġna 17]
Huwa xieraq li nitolbu għall-għajnuna taʼ Jehovah biex negħlbu xewqat midinba
[Stampi f’paġna 18]
Miri spiritwali jistgħu jgħinuna biex nibqgħu nitfgħu ħsiebna fuq l-ispirtu