“Il-Mulej Qam Tassew!”
Immaġina kemm kienu mnikktin id-dixxipli taʼ Ġesù meta nqatel il-Mulej tagħhom. It-tama tagħhom kienet tidher li hi bla ħajja daqs il-ġisem li tqiegħed fil-qabar minn Ġużeppi t’Arimatea. Kwalunkwe stennija li Ġesù kien se jeħles lil-Lhud mill-madmad taʼ Ruma kienet mietet ukoll.
KIEKU dan kien it-tmiem tal-kwistjoni, id-dixxipli taʼ Ġesù x’aktarx li kienu jisparixxu bħas-segwaċi tal-ħafna wħud li kienu jgħidu li huma l-Messija. Imma Ġesù kien ħaj! Skond l-Iskrittura, hu deher lis-segwaċi tiegħu f’diversi okkażjonijiet ftit wara mewtu. Għalhekk, xi wħud minnhom tqanqlu biex jesklamaw: “Il-Mulej qam tassew!”—Luqa 24:34.
Id-dixxipli kellhom jiddefendu l-fidi tagħhom f’Ġesù bħala l-Messija. Meta għamlu dan, huma ppontaw b’mod speċjali lejn il-qawmien tiegħu mill-imwiet bħala prova ċara li hu kien il-Messija. Tabilħaqq, “b’qawwa kbira l-appostli kienu jagħtu xhieda tal-qawmien tal-Mulej Ġesù.”—Atti 4:33.
Kieku kien hemm xi ħadd li xi darba jew oħra wera li dan l-irxoxt kien ingann—forsi billi jġiegħel lil wieħed mid-dixxipli jammetti li kien hekk jew billi juri li l-ġisem taʼ Ġesù kien għadu fil-qabar—il-Kristjanità kienet tfalli mill-bidu. Imma ma fallietx. Peress li kienu jafu li Kristu kien ħaj, is-segwaċi taʼ Ġesù marru jipproklamaw l-irxoxt tiegħu maʼ kullimkien, u kotriet sħaħ saru jemmnu fi Kristu rxoxtat.
Għala tistaʼ temmen int ukoll fl-irxoxt taʼ Ġesù? X’evidenza hemm li din kienet ġrajja li seħħet tassew?
Għala Għandna Nikkunsidraw l-Evidenza?
L-erbaʼ rakkonti taʼ l-Evanġelju kollha jirrapportaw dwar l-irxoxt taʼ Ġesù. (Mattew 28:1-10; Mark 16:1-8; Luqa 24:1-12; Ġwann 20:1-29)a Porzjonijiet oħrajn taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana jitkellmu b’ċertezza dwar il-qawmien taʼ Kristu mill-mewt.
Mhux taʼ b’xejn li l-irxoxt taʼ Ġesù xxandar bil-qawwa mis-segwaċi tiegħu! Jekk hu fil-fatt tqajjem għall-ħajja minn Alla, din hi l-iktar aħbar taʼ l-għaġeb li d-dinja qatt semgħet. Ifisser li Alla jeżisti. Iktar minn hekk, ifisser li Ġesù hu ħaj eżatt issa.
Kif jeffettwana dan? Sewwa, Ġesù talab: “Din hi l-ħajja ta’ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.” (Ġwann 17:3) Iva, nistgħu niksbu għarfien li jagħti l-ħajja dwar Ġesù u Missieru. Billi napplikaw dan l-għarfien, saħansitra jekk immutu, aħna stess nistgħu niġu rxoxtati, ladarba Ġesù ġie rxoxtat. (Ġwann 5:28, 29) Jistaʼ jkollna t-tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna taħt is-Saltna ċelestjali t’Alla li qegħda f’idejn l-Iben glorifikat tiegħu, Ġesù Kristu, is-Sultan tas-slaten.—Isaija 9:5, 6 [9:6, 7, NW]; Luqa 23:43; Apokalissi 17:14.
Mela, allura, il-mistoqsija dwar jekk Ġesù qamx fil-fatt mill-imwiet jew le hija importanti ħafna. Barra minn hekk, teffettwa l-ħajja tagħna issa u l-prospetti li għandna għall-futur. Huwa għal din ir-raġuni li qegħdin nistidnuk teżamina erbaʼ linji t’evidenza li Ġesù miet u ġie rxoxtat.
Ġesù Miet Tassew fuq iz-Zokk
Xi nies xettiċi jsostnu li Ġesù ma mietx tassew fuq iz-zokk għalkemm ġie msammar miegħu. Dawn jgħidu li hu kien biss kważi mejjet, u li reġaʼ ħa l-ħajja permezz tal-kesħa li kien hemm fil-qabar. Madankollu, kull sors li hu disponibbli juri li kien il-ġisem bla ħajja taʼ Ġesù li tpoġġa fil-qabar.
Ladarba Ġesù ngħata l-mewt fil-pubbliku, kien hemm ix-xhieda għall-fatt li hu tassew miet fuq iz-zokk. Il-mewt tiegħu kienet ċertifikata miċ-ċenturjun li ħa ħsieb il-qtil. Dan il-fizzjal taʼ l-armata kien bniedem professjonali li xogħlu kien jinkludi li jiddetermina jekk il-mewt tkunx seħħet jew le. Iktar minn hekk, kien biss wara li kkonferma li Ġesù kien miet li l-Gvernatur Ruman Ponzju Pilatu ta l-ġisem taʼ Ġesù lil Ġużeppi t’Arimatea biex jidfnu.—Mark 15:39-46.
Il-Qabar Instab Vojt
L-ewwel prova li kellhom id-dixxipli dwar l-irxoxt taʼ Ġesù kienet il-qabar vojt, u din levidenza ħadd qatt ma merieha. Ġesù ġie midfun f’qabar ġdid li qatt ma kien intuża qabel. Dan il-qabar kien viċin il-post fejn Ġesù ġie msammar maʼ zokk, u f’dak iż-żmien setaʼ jinstab faċilment u mingħajr tfixkil. (Ġwann 19:41, 42) Ir-rakkonti taʼ l-Evanġelju kollha jaqblu li meta l-ħbieb taʼ Ġesù waslu ħdejn il-qabar fit-tieni għodwa wara l-mewt tiegħu, ġismu ma kienx għadu hemm.—Mattew 28:1-7; Mark 16:1-7; Luqa 24:1-3; Ġwann 20:1-10.
Il-qabar vojt bellah lill-għedewwa taʼ Ġesù, sewwa sew bħalma bellah lil ħbiebu. L-avversarji tiegħu kienu ilhom jistinkaw biex jarawh mejjet u midfun. Wara li wettqu l-għan tagħhom, huma ħadu l-prekawzjonijiet kollha billi poġġew għassies u ssiġillaw il-qabar. Minkejja dan, fl-għodwa taʼ l-ewwel jum tal-ġimgħa, il-qabar kien vojt.
Setgħu kienu l-ħbieb taʼ Ġesù li ħadu l-ġisem tiegħu mill-qabar? X’aktarx li le, ladarba l-Evanġelji juru li kienu mnikktin ferm wara li nqatel. Barra minn hekk, id-dixxipli tiegħu ma kinux se joqogħdu jsofru l-persekuzzjoni u l-mewt għal xi ħaġa li kienu jafu li kienet ingann.
Min battlu l-qabar? Żgur li ma kinux l-għedewwa taʼ Ġesù li ħadu l-ġisem tiegħu. Anki kieku ħaduh, ċertament li kienu jġibuh lura iktar tard sabiex iġibu fix-xejn dak li sostnew id-dixxipli dwar li Ġesù kien ġie rxoxtat u kien ħaj. Imma qatt ma ġara xejn taʼ din ix-xorta, għax dak li seħħ kien ġej minn Alla.
Ġimgħat wara, l-għedewwa taʼ Ġesù ma qamux jipprotestaw meta Pietru xehed: “Poplu taʼ Iżrael, isimgħu dan li se ngħidilkom. Ġesù taʼ Nazaret kien bniedem li Alla takom prova tiegħu permezz tal-mirakli u l-għeġubijiet u s-sinjali li għamel bih fostkom, kif intom stess tafu. Lil dan Ġesù, Alla telaqhulkom f’idejkom skond l-għerf u l-pjan li fassal minn qabel, u intom neħħejtuh billi sallabtuh permezz taʼ nies ħżiena; imma Alla qajjmu mill-imwiet billi ħall l-irbit tal-mewt, għaliex ma setax ikun li l-mewt iżżommu taħt is-setgħa tagħha. Għax David jgħid fuqu, ‘Żammejt lill-Mulej dejjem quddiemi, . . . u ġismi wkoll jistrieħ fit-tama, għax inti ma titlaqx fl-imwiet lil ruħi, u ma tħallix il-Qaddis tiegħek jara t-taħsir.’”—Atti 2:22-27.
Ħafna Raw lil Ġesù Rxoxtat
Fil-ktieb taʼ l-Atti, Luqa, il-kittieb taʼ l-Evanġelju, stqarr: “Wara l-passjoni tiegħu [Ġesù] dehrilhom [lill-appostli] u tahom ħafna provi li hu ħaj; f’erbgħin jum rawh kemm-il darba u kellimhom fuq il-ħwejjeġ tas-Saltna taʼ Alla.” (Atti 1:2, 3) Għadd taʼ dixxipli raw lil Ġesù rxoxtat f’diversi okkażjonijiet—fi ġnien, fi triq, waqt ikla, ħdejn il-Baħar taʼ Tiberija.—Mattew 28:8-10; Luqa 24:13-43; Ġwann 21:1-23.
Il-kritiċi jitfgħu dubju fuq kemm huma veri dawn id-dehriet. Huma jgħidu li r-rakkonti ġew ivvintati mill-kittieba, jew jindikaw li fir-rakkonti hemm dawk li jidhru li huma diskrepanzi. Fil-fatt, il-varjazzjonijiet żgħar li hemm fir-rakkonti taʼ l-Evanġelju juru li ma kienx hemm qerq involut. L-għarfien li għandna dwar Ġesù jkompli jikber meta xi wieħed mill-kittieba jagħtina dettalji li jsaħħu dak li diġà nafu minn rakkonti oħrajn dwar ċerti inċidenti fil-ħajja taʼ Kristu fuq l-art.
Kienu illużjonijiet id-dehriet taʼ Ġesù wara l-irxoxt? Kull argument li jinġieb f’dan ir-rigward ma jistax jitwemmen, ladarba lil Ġesù rawh ħafna u ħafna nies. Fosthom kien hemm sajjieda, nisa, qaddej ċivili, u saħansitra l-appostlu Tumas li għall-ewwel beda jiddubita. Dan l-appostlu kkonvinċa ruħu biss meta ra biċ-ċar li Ġesù kien ġie mqajjem mill-imwiet. (Ġwann 20:24-29) F’diversi okkażjonijiet, id-dixxipli taʼ Ġesù m’għarfuhx mill-ewwel lill-Mulej tagħhom irxoxtat. Darba minnhom, rawh iktar minn 500 ruħ. Il-biċċa l-kbira minn dawn kienu għadhom ħajjin meta l-appostlu Pawlu uża dan l-inċident bħala evidenza biex jiddefendi l-irxoxt.—1 Korintin 15:6.
Ġesù Ħaj Għandu Effett fuq in-Nies
L-irxoxt taʼ Ġesù m’huwiex sempliċement kwistjoni taʼ kurżità jew dibattitu. Il-fatt li hu ħaj effettwa b’mod pożittiv lin-nies kullimkien. Mill-ewwel seklu ’l hawn, numru bla għadd taʼ individwi mhux talli ma baqgħux jopponu b’mod totali lill-Kristjanità jew ikunu indifferenti lejha, imma talli saru ċerti mija fil-mija li din hi r-reliġjon vera. X’kien li ġab din il-bidla fihom? L-istudju taʼ l-Iskrittura wriehom li Alla rxoxta lil Ġesù għall-ħajja bħala ħlejqa spirtu u glorjuża fis-sema. (Filippin 2:8-11) Huma eżerċitaw fidi f’Ġesù u fil-provvediment t’Alla Jehovah għas-salvazzjoni permezz tas-sagrifiċċju taʼ Kristu li tħallas bħala prezz tal-fidwa. (Rumani 5:8) Dawn l-individwi sabu hena ġenwin f’li jagħmlu r-rieda t’Alla u jgħixu fi qbil mat-tagħlim taʼ Ġesù.
Ikkunsidra x’kien ifisser li tkun Kristjan fl-ewwel seklu. Ma kontx tikseb xi prestiġju, poter, jew għana. Għall-kuntrarju, ħafna Kristjani bikrin ‘ferħu meta serqulhom ġidhom’ minħabba l-fidi tagħhom. (Lhud 10:34) Il-Kristjanità kienet tesiġi ħajja taʼ sagrifiċċju u persekuzzjoni li f’ħafna każi spiċċat f’martirju.
Qabel ma saru segwaċi taʼ Kristu, xi wħud kellhom prospetti tajbin fejn kellhom x’jaqsmu l-prestiġju u l-għana. Sawl taʼ Tarsu studja taħt Gamaljel, għalliem magħruf tal-Liġi, u kien beda jsir famuż fost il-Lhud. (Atti 9:1, 2; 22:3; Galatin 1:14) Madankollu, Sawl sar l-appostlu Pawlu. Hu u ħafna oħrajn taw daharhom lill-prestiġju u l-poter li offritilhom din id-dinja. Għala? Sabiex ixerrdu messaġġ taʼ tama vera bbażat fuq il-wegħdi t’Alla u fuq il-fatt li Ġesù Kristu kien ġie rxoxtat mill-imwiet. (Kolossin 1:28) Huma kienu lesti li jsofru għal kawża li kienu jafu li kienet imsejsa fuq il-verità.
Illum, l-istess ħaġa tistaʼ tingħad dwar il-miljuni fil-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja. Ix-Xhieda jistidnuk minn qalbhom għall-osservanza annwali tal-mewt taʼ Kristu, li se ssir wara nżul ix-xemx nhar il-Ħadd, 8 t’April, 2001. Huma jieħdu pjaċir li tkun magħhom f’din l-okkażjoni u fil-laqgħat kollha tagħhom fejn jistudjaw il-Bibbja fis-Swali tas-Saltna tagħhom.
Għala ma titgħallimx iktar, mhux biss dwar il-mewt u l-irxoxt taʼ Ġesù imma wkoll dwar il-ħajja u t-tagħlim tiegħu? Hu jistidinna mmorru għandu. (Mattew 11:28-30) Aġixxi issa biex tikseb għarfien eżatt dwar Alla Jehovah u Ġesù Kristu. Li tagħmel dan jistaʼ jfisser ħajja eterna taħt is-Saltna t’Alla f’idejn Ibnu lgħażiż.
[Nota taʼ taħt]
a Għal evidenza rigward kemm huma awtentiċi r-rakkonti taʼ l-Evanġelju, ara “L-Evanġelji—Fatti Storiċi jew Ħrejjef?” f’It-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Mejju, 2000.
[Stampi f’paġna 7]
Miljuni jsibu l-hena veru bħala segwaċi taʼ Ġesù Kristu
[Sors tal-Istampa f’paġna 6]
Mis-Self-Pronouncing Edition of the Holy Bible, li fiha l-verżjonijiet tal-King James u tar-Revised