Ġeħova Hu l-Għajnuna Tagħna
“L-għajnuna tiegħi mingħand [“Ġeħova,” “NW”], li għamel is-sema u l-art.” —Salm 121:2.
1, 2. (a) Għala nistgħu ngħidu li lkoll ikollna bżonn l-għajnuna kultant? (b) Ġeħova x’tip taʼ persuna hu bħala l-Għajnuna tagħna?
MIN minna qatt ma jkollu bżonn daqqa t’id? Il-verità hi li lkoll għandna bżonn l-għajnuna kultant—biex inkampaw maʼ problema kbira, nifilħu telfa taʼ wġigħ, u nissaportu meta nkunu għaddejjin minn xi prova diffiċli. Spiss meta l-bnedmin ikollhom bżonn l-għajnuna jmorru għand ħabib li jħobbhom. Jistgħu jsibuha iktar faċli jissaportu meta jaqsmu din it-tagħbija maʼ ħabib bħal dan. Imma sħabna l-bnedmin huma limitati f’dak li jistgħu jagħmlu biex jgħinuna. Barra minn hekk, l-oħrajn għandhom mnejn mhux dejjem ikunu jistgħu jgħinuna meta jkollna bżonn.
2 Madankollu, hemm Wieħed li jistaʼ jgħinna u għandu qawwa u riżorsi bla limitu. Iktar minn hekk, hu jaċċertana li qatt m’hu se jitlaqna. Hu l-Wieħed identifikat mis-salmista li bil-fiduċja kollha ddikjara: “L-għajnuna tiegħi mingħand [“Ġeħova,” NW].” (Salm 121:2) Is-salmista għala kien konvint li Ġeħova kien se jgħinu? Biex inwieġbu din il-mistoqsija, ejja neżaminaw Salm 121. Ladarba nagħmlu hekk, se nkunu nistgħu naraw għala aħna wkoll nistgħu nħarsu lejn Ġeħova bil-fiduċja bħala l-Għajnuna tagħna.
Sors t’Għajnuna li Hu Dejjem Disponibbli
3. Lejn liema għoljiet setaʼ refaʼ għajnejh is-salmista, u għala?
3 Is-salmista beda billi enfasizza l-ħolqien taʼ Ġeħova bħala l-bażi għall-fiduċja: “Nerfaʼ għajnejja lejn l-għoljiet; mnejn se tiġini l-għajnuna? L-għajnuna tiegħi mingħand [“Ġeħova,” NW], li għamel is-sema u l-art.” (Salm 121:1, 2) Is-salmista ma refax għajnejh lejn kwalunkwe għolja li kellu quddiemu. Meta ġie mniżżel dan il-kliem, it-tempju taʼ Ġeħova kien jinsab f’Ġerusalemm. Din il-belt, li tinsab ’il fuq fl-għoljiet taʼ Ġuda, kienet il-post figurattiv fejn kien jgħammar Ġeħova. (Salm 135:21) Is-salmista għandu mnejn refaʼ għajnejh lejn l-għoljiet taʼ Ġerusalemm fejn kien hemm mibni t-tempju taʼ Ġeħova, waqt li b’fiduċja dar lejn Ġeħova għall-għajnuna. Is-salmista għala kien daqshekk ċert li Ġeħova setaʼ jgħinu? Għaliex hu “għamel is-sema u l-art.” Fi kliem ieħor, is-salmista kien qed jgħid, ‘Żgur li m’hemm xejn li jistaʼ jtellef lill-Ħallieq li jistaʼ kollox milli jgħinni!’—Isaija 40:26.
4. Is-salmista kif wera li Ġeħova hu dejjem attent għall-bżonnijiet tal-poplu tiegħu, u dan għala huwa ħsieb taʼ faraġ?
4 Imbagħad, is-salmista kompla jispjega li Ġeħova jinsab dejjem attent għall-bżonnijiet tal-qaddejja tiegħu: “Ma jħalli qatt li riġlek jogħtor; ma jongħosx dak li jħarsek. Ara, la jongħos u lanqas jorqod dak li jħares lil Iżrael.” (Salm 121:3, 4) M’huwiex possibbli li Alla jħalli lil dawk li jafdaw fih ‘jogħtru’ jew jesperjenzaw waqaʼ li ma jistgħux iqumu minnha. (Proverbji 24:16) Għala le? Għaliex Ġeħova hu bħal ragħaj b’għajnejh miftuħin beraħ ħalli jgħasses il-merħla tiegħu. M’huwiex taʼ faraġ dan il-ħsieb? Lanqas għal mument wieħed m’hu se jagħlaq għajnejh għall-bżonnijiet tal-poplu tiegħu. Lejl u nhar huma jinsabu taħt il-ħarsien tiegħu.
5. Għala naqraw li Ġeħova jinsab “fuq lemintek”?
5 Peress li kien fiduċjuż li Ġeħova hu lProtettur leali tal-poplu tiegħu, is-salmista kiteb: “Il-Mulej hu dak li jħarsek; il-Mulej hu d-dell tiegħek fuq lemintek. Ma tolqtokx ix-xemx binhar, anqas il-qamar billejl.” (Salm 121:5, 6) Għal min jivvjaġġa bil-mixi fil-Lvant Nofsani, post fid-dell jipprovdi protezzjoni li żgur jieħu gost biha mix-xemx tikwi. Ġeħova hu bħal dell għan-nies tiegħu li jipproteġihom mill-qilla taʼ l-inkwiet. Innota li jingħad li Ġeħova jinsab “fuq lemintek.” Fil-gwerer tal-qedem, il-leminija tas-suldat kienet b’xi mod jew ieħor nieqsa mill-protezzjoni tat-tarka, li kienet tinżamm fl-id ix-xellugija. Ħabib leali setaʼ jipprovdi l-protezzjoni billi jieqaf u jiġġieled fuq il-lemin tas-suldat. Bħal dan il-ħabib, Ġeħova jieqaf lealment maʼ l-aduraturi tiegħu u dejjem lest biex jgħinhom.
6, 7. (a) Is-salmista kif jiżgurana li Ġeħova qatt m’hu se jieqaf jgħin lill-poplu tiegħu? (b) Għala jistaʼ jkollna l-istess fiduċja tas-salmista?
6 Ġeħova qatt se jieqaf jgħin lill-poplu tiegħu? Lanqas qatt ma jistaʼ jkun. Is-salmista kkonkluda: “Iħarsek il-Mulej minn kull deni; hu jħarislek ħajtek. Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem.” (Salm 121:7, 8) F’vers 5, is-salmista qal: “Il-Mulej hu dak li jħarsek,” jiġifieri bħalissa. F’dawn il-versi, is-salmista kiteb: “Il-Mulej iħarsek,” jiġifieri fil-futur. L-aduraturi veri huma żgurati li l-għajnuna taʼ Ġeħova se tingħatalhom anki fil-futur. Imorru fejn imorru, hu x’inhu l-inkwiet li jiffaċċjaw, huma qatt ma se jkunu ’l bogħod wisq biex Ġeħova jagħtihom daqqa t’id.—Proverbji 12:21.
7 Tabilħaqq, il-kittieb taʼ Salm 121 kien fiduċjuż li l-Ħallieq li jistaʼ kollox jgħasses fuq il-qaddejja tiegħu bit-tenerezza taʼ ragħaj li jħobb u bil-ħarsien t’għassies attent. Għandna kull raġuni biex ikollna l-istess fiduċja tas-salmista, għaliex Ġeħova ma jinbidilx. (Malakija 3:6) Ifisser dan li dejjem se ningħataw protezzjoni fiżika? Le, imma sakemm nibqgħu nduru lejh bħala l-Wieħed li jgħinna, hu se jħarisna kontra dak kollu li jistaʼ jagħmlilna ħsara spiritwali. Huwa naturali li nistaqsu, ‘Kif jgħinna Ġeħova?’ Ejja neżaminaw erbaʼ modi kif jagħmel dan. F’dan l-artiklu, se niddiskutu kif għen lill-qaddejja tiegħu fi żminijiet Bibliċi. Fl-artiklu li jmiss, se nikkunsidraw kif jgħin lin-nies tiegħu llum.
Għajnuna mill-Anġli
8. Għala ma niskantawx li l-anġli jieħdu interess kbir fil-benesseri tal-qaddejja t’Alla fuq l-art?
8 Ġeħova għandu miljuni u miljuni t’anġli taħt il-kmand tiegħu. (Danjel 7:9, 10) Dawn l-ulied spirti jwettqu r-rieda tiegħu lealment. (Salm 103:20) Huma jafu li Ġeħova jħobb ħafna lill-aduraturi umani tiegħu u li hu jrid jgħinhom. Mhux taʼ b’xejn li l-anġli jieħdu interess kbir fil-benesseri tal-qaddejja t’Alla fuq l-art. (Luqa 15:10) Mela żgur li l-anġli jitgħaxxqu meta jintużaw minn Ġeħova biex jgħinu lill-bnedmin. Ġeħova b’liema mod uża lill-anġli biex jgħinu lill-qaddejja umani tiegħu taʼ żmien il-qedem?
9. Agħti eżempju taʼ kif l-anġli ngħataw l-awtorità u l-qawwa minn Alla biex jipproteġu lill-bnedmin leali.
9 L-anġli ngħataw l-awtorità u l-qawwa minn Alla biex jipproteġu u jeħilsu lill-bnedmin leali. Żewġ anġli għenu lil Lot u lil uliedu l-bniet biex jaħarbu l-qerda taʼ Sodoma u Gomorra. (Ġenesi 19:1, 15-17) Anġlu wieħed qatel 185,000 suldat Assirjan li kienu qed jheddu lil Ġerusalemm. (2 Slaten 19:35) Meta Danjel intefaʼ f’ħofra taʼ l-iljuni, Ġeħova “bagħat l-anġlu tiegħu jagħlaq ħalq l-iljuni.” (Danjel 6:22, 23 [6:21, 22, NW]) Kien anġlu li ħeles lill-appostlu Pietru mill-ħabs. (Atti 12:6-11) Il-Bibbja ssemmi ħafna eżempji oħra taʼ protezzjoni anġelika, u għalhekk tikkonferma dak li jgħid Salm 34:8 (34:7, NW): “L-anġlu tal-Mulej jgħasses madwar dawk li jibżgħu minnu, u jeħlishom.”
10. Ġeħova kif uża anġlu biex jinkuraġġixxi lill-profeta Danjel?
10 Kultant, Ġeħova uża l-anġli biex jinkuraġġixxi u jsaħħaħ lill-bnedmin leali. Eżempju li jqanqlek taʼ dan jinsab f’Danjel kapitlu 10. Meta nkiteb, Danjel forsi kellu mal-100 sena. Il-profeta kien skuraġġit ferm, mid-dehra minħabba l-istat taʼ ħerba li kienet fih Ġerusalemm u minħabba li t-tempju dam biex jerġaʼ jinbena. Hu ħassu ansjuż ukoll minħabba viżjoni tal-biżaʼ li ra. (Danjel 10:2, 3, 8) Alla bl-imħabba bagħat anġlu biex jinkuraġġih. Iktar minn darba l-anġlu fakkar lil Danjel li hu kien “raġel għażiż” f’għajnejn Alla. X’kien ir-riżultat? Il-profeta xwejjaħ qal lill-anġlu: “Raddejtli saħħti lura.”—Danjel 10:11, 19.
11. Liema hu eżempju wieħed taʼ kif l-anġli ntużaw biex jidderieġu x-xogħol taʼ l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba?
11 Ġeħova uża wkoll l-anġli biex jidderieġi x-xogħol taʼ l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba. Anġlu dderieġa lil Filippu biex jippriedka dwar Kristu lil ewnuku Etjopjan, li mbagħad tgħammed. (Atti 8:26, 27, 36, 38) Ftit wara dan, Alla ried li l-aħbar tajba tiġi pridkata lill-Ġentili mhux ċirkonċiżi. F’viżjoni, anġlu deher lil Kornelju, Ġentil li jibżaʼ minn Alla, u dderiġieh biex jibgħat għall-appostlu Pietru. Meta l-messaġġiera mibgħutin minn Kornelju sabu lil Pietru, huma qalulu: “Kornelju . . . ngħata istruzzjonijiet divini minn anġlu qaddis biex jibgħat għalik ħa tiġi f’daru u jismaʼ x’għandek x’tgħid.” Pietru mar, u b’dan il-mod l-ewwel Ġentili mhux ċirkonċiżi saru parti mill-kongregazzjoni Kristjana. (Atti 10:22, 44-48) Immaġina kif tħossok li kieku tkun taf li anġlu għenek tikkuntattja persuna li għandha attitudni xierqa!
Għajnuna Permezz taʼ l-Ispirtu Qaddis
12, 13. (a) L-appostli taʼ Ġesù għala kellhom raġun jemmnu li l-ispirtu qaddis setaʼ jgħinhom? (b) L-ispirtu qaddis b’liema mod qawwa lill-Kristjani taʼ l-ewwel seklu?
12 Ftit qabel ma miet, Ġesù żgura lill-appostli li ma kinux se jitħallew mingħajr għajnuna. Il-Missier kellu jagħtihom “ajjutant, l-ispirtu qaddis.” (Ġwanni 14:26) L-appostli kellhom raġun jemmnu li l-ispirtu qaddis setaʼ jgħinhom. Wara kollox, l-Iskrittura ispirata fiha ħafna eżempji taʼ kif Ġeħova uża l-ispirtu qaddis, l-iktar forza qawwija disponibbli, biex jgħin lill-poplu tiegħu.
13 F’ħafna okkażjonijiet, l-ispirtu qaddis intuża biex iqawwi lill-bnedmin ħalli jagħmlu r-rieda taʼ Ġeħova. L-ispirtu qaddis ta l-qawwa lill-Imħallfin biex jeħilsu lill-Iżraelin. (Mħallfin 3:9, 10; 6:34) Dan l-istess spirtu qawwa lill-Kristjani taʼ l-ewwel seklu biex ikomplu jippridkaw bil-qlubija minkejja kull tip t’oppożizzjoni. (Atti 1:8; 4:31) Il-fatt li rnexxielhom iwettqu l-ministeru tagħhom ta evidenza qawwija li l-ispirtu qaddis kien qed jaħdem. Xi spjegazzjoni oħra jistaʼ jkun hemm għal kif individwi “komuni u taʼ ftit skola” setgħu jxerrdu l-messaġġ tas-Saltna madwar id-dinja magħrufa taʼ dak iż-żmien?—Atti 4:13; Kolossin 1:23.
14. Ġeħova kif uża l-ispirtu qaddis biex jagħti fehma akbar lill-poplu tiegħu?
14 Ġeħova uża wkoll l-ispirtu qaddis biex jagħti fehma akbar lill-poplu tiegħu. Bl-għajnuna taʼ l-ispirtu t’Alla, Ġużeppi setaʼ jinterpreta l-ħolm profetiku tal-Fargħun. (Ġenesi 41:16, 38, 39) Permezz taʼ l-ispirtu tiegħu, Ġeħova wera l-iskopijiet tiegħu lill-umli imma ħbiehom lill-kburin. (Mattew 11:25) Għalhekk, dwar l-affarijiet li jipprovdi Ġeħova “għal dawk li jħobbuh,” l-appostlu Pawlu qal: “Alla rrivelah lilna permezz taʼ l-ispirtu tiegħu.” (1 Korintin 2:7-10) Huwa biss bl-għajnuna taʼ l-ispirtu qaddis li individwu jifhem tassew x’inhi r-rieda t’Alla.
Għajnuna mill-Kelma t’Alla
15, 16. Xi ntqallu jagħmel lil Ġożwè biex jaġixxi bl-għaqal?
15 Il-Kelma ispirata taʼ Ġeħova “tiswa biex tgħallem,” u tippermetti lill-qaddej t’Alla biex ikun “kapaċi għalkollox, armat bis-sħiħ għal kull għemil tajjeb.” (2 Timotju 3:16, 17) Il-Bibbja fiha ħafna eżempji taʼ kif in-nies t’Alla fi żmien il-qedem ġew megħjunin permezz taʼ siltiet mill-Kelma tiegħu li kienu diġà mniżżlin bil-miktub.
16 L-Iskrittura għenet biex tiġi provduta gwida bnina lill-aduraturi t’Alla. Meta Ġożwè ġie fdat bir-responsabbiltà li jmexxi lil Iżrael, intqallu: “Ma jitbiegħed qatt il-ktieb taʼ din il-liġi [li ġie mniżżel bil-miktub minn Mosè] minn fommok, u aħseb fuqu lejl u nhar, biex tagħraf tagħmel kull ma hu miktub fih, u hekk tirnexxi f’għemilek u jkollok ir-riżq.” Innota li Ġeħova ma wegħedx lil Ġożwè li jagħtih l-għerf b’xi miraklu. Minflok, jekk Ġożwè kien se jaqra u jimmedita fuq “il-ktieb taʼ din il-liġi,” imbagħad hu kien se jaġixxi bl-għaqal.—Ġożwè 1:8; Salm 1:1-3.
17. Danjel u s-Sultan Ġosija kif ġew megħjunin minn siltiet taʼ l-Iskrittura li kienu disponibbli għalihom?
17 Il-Kelma miktuba t’Alla għenet ukoll biex tirrivela r-rieda u l-iskop tiegħu. Per eżempju, Danjel induna mill-kitbiet taʼ Ġeremija kemm kellha ddum il-ħerba taʼ Ġerusalemm. (Ġeremija 25:11; Danjel 9:2) Ikkunsidra wkoll dak li seħħ matul ir-renju tas-Sultan Ġosija taʼ Ġuda. Sa dak iż-żmien, il-ġens kien telaq lil Ġeħova, u jidher ċar li s-slaten ma kinux qed jagħmlu kopja persunali tal-Liġi u jsegwuha. (Dewteronomju 17:18-20) Imma waqt li kien qed jissewwa t-tempju, instab “il-ktieb tal-liġi,” possibbilment dak li kiteb Mosè. Jistaʼ jkun li din kienet il-kitba oriġinali, li kienet tlestiet xi 800 sena qabel. Wara li qrawlu x’kien fiha, Ġosija rrealizza kemm il-ġens kien żvija milli jagħmel ir-rieda taʼ Ġeħova, u s-sultan bil-ħeġġa kollha ħa miżuri biex jagħmel dak li kien hemm miktub fil-ktieb. (2 Slaten 22:8; 23:1-7) Ma jidhirx ċar li n-nies t’Alla fi żmien il-qedem ġew megħjunin minn siltiet taʼ l-Iskrittura Mqaddsa li kienu disponibbli għalihom?
Għajnuna Permezz taʼ Sħabna fit-Twemmin
18. Għala nistgħu ngħidu li Ġeħova hu s-sors taʼ l-għajnuna kulmeta aduratur veru jgħin lil ieħor?
18 L-għajnuna li jipprovdi Ġeħova spiss tiġi minn sħabna fit-twemmin. Tabilħaqq, Alla hu s-sors taʼ l-għajnuna kulmeta aduratur veru jgħin lil ieħor. Għala nistgħu ngħidu hekk? Għal żewġ raġunijiet. L-ewwel, l-ispirtu qaddis t’Alla huwa involut. Dan l-ispirtu jipproduċi l-frott, inkluż l-imħabba u t-tjubija, f’dawk li jfittxu li jiġu influwenzati minnu. (Galatin 5:22, 23) Għalhekk, meta xi ħadd mill-qaddejja t’Alla jitqanqal biex jgħin lil ieħor, dan ikun evidenza ċara li l-ispirtu taʼ Ġeħova qed jaħdem. It-tieni, aħna magħmulin fix-xbieha t’Alla. (Ġenesi 1:26) Dan ifisser li għandna l-abbiltà biex nirriflettu l-kwalitajiet tiegħu, inkluż il-qalb tajba u l-mogħdrija. Allura kulmeta qaddej wieħed taʼ Ġeħova jgħin lil ieħor, is-Sors veru taʼ din l-għajnuna hu l-wieħed li l-kwalitajiet tiegħu jkunu qed jiġu imitati.
19. Skond dak li hemm imniżżel fil-Bibbja, Ġeħova kif ipprovda l-għajnuna permezz taʼ mseħbin fit-twemmin?
19 Fi żminijiet Bibliċi, Ġeħova kif ipprovda l-għajnuna permezz taʼ mseħbin fit-twemmin? Ġeħova spiss ikkaġuna li qaddej wieħed jagħti parir lil ieħor, bħal meta Ġeremija taʼ parir li salva l-ħajja taʼ Bàruk. (Ġeremija 45:1-5) Kultant, l-aduraturi veri ġew imqanqla jipprovdu għajnuna materjali lil sħabhom fit-twemmin, bħal meta l-Kristjani fil-Maċedonja u l-Akaja wrew il-ħeġġa biex jgħinu lil ħuthom f’Ġerusalemm li kienu fil-bżonn. L-appostlu Pawlu nnota li din il-ġenerożità b’mod xieraq ipproduċiet “espressjoni taʼ radd il-ħajr lil Alla.”—2 Korintin 9:11.
20, 21. L-appostlu Pawlu f’liema ċirkustanzi ġie msaħħaħ mill-aħwa taʼ Ruma?
20 Ir-rakkonti dwar kif il-qaddejja taʼ Ġeħova għamlu kulma setgħu biex isaħħu u jinkuraġġixxu lil xulxin tassew imissulek qalbek. Ikkunsidra eżempju li jinvolvi lill-appostlu Pawlu. Meta kien fi vjaġġ lejn Ruma bħala ħabsi, Pawlu vvjaġġa fit-triq prinċipali Rumana magħrufa bħala t-Triq t’Appju. L-aħħar parti tal-vjaġġ ma tantx kienet pjaċevoli, għaliex wieħed kellu jgħaddi minn inħawi taʼ widien kollhom tajn.a L-aħwa fil-kongregazzjoni taʼ Ruma kienu jafu li kellu jiġi Pawlu. X’kienu se jagħmlu? Kienu se jistennew fil-kumdità taʼ darhom fil-belt sakemm Pawlu jasal u mbagħad imorru jilqgħuh?
21 Luqa, wieħed mill-kittieba tal-Bibbja, li ssieħeb maʼ Pawlu fil-vjaġġ, jgħidilna x’ġara: “Meta l-aħwa t’hemmhekk [taʼ Ruma] semgħu bina ġew jiltaqgħu magħna sa ħdejn is-Suq t’Appju u t-Tliet Taverni.” Tistaʼ timmaġina x-xena? Peress li kienu jafu li ġej Pawlu, grupp t’aħwa vvjaġġaw minn Ruma biex jiltaqgħu miegħu. Parti mill-grupp kien qed jistennieh fis-Suq t’Appju, il-post magħruf għall-mistrieħ xi 74 kilometru ’l barra minn Ruma. Il-bqija taʼ l-aħwa kienu qed jistennew ħdejn it-Tliet Taverni, post taʼ mistrieħ xi 58 kilometru barra l-belt. Kif irreaġixxa Pawlu? Luqa jirrapporta: “Malli lemaħhom, Pawlu radd ħajr lil Alla u għamel il-kuraġġ.” (Atti 28:15) Immaġina ftit—is-sempliċi fatt li ra lil dawn l-aħwa li għamlu kulma setgħu biex jivvjaġġaw it-triq kollha kien sors taʼ saħħa u faraġ għal Pawlu! U Pawlu lil min irringrazzja għal din l-għajnuna u l-appoġġ? Hu rringrazzja lil dak li pprovdieha, Alla Ġeħova.
22. X’inhi l-iskrittura tagħna tas-sena għall-2005, u x’se jiġi kunsidrat fl-artiklu li jmiss?
22 Jidher ċar li dak li hemm imniżżel b’mod ispirat dwar kif Alla mexa mal-poplu tiegħu jurina li hu tabilħaqq sors t’għajnuna. M’hemm ħadd bħalu li jistaʼ jagħtina l-għajnuna li jagħtina hu. Bix-xieraq, ix-Xhieda taʼ Ġeħova se jkollhom bħala skrittura tas-sena għall-2005 l-kliem taʼ Salm 121:2 (NW): “L-għajnuna tiegħi ġejja mingħand Ġeħova.” Imma Ġeħova kif jgħinna llum? Dan se jiġi kunsidrat fl-artiklu li jmiss.
[Nota taʼ taħt]
a Il-poeta Ruman Orazju (65-8 Q.E.K.), li għamel l-istess vjaġġ, ikkummenta dwar il-kundizzjonijiet koroh taʼ din il-parti mill-vjaġġ. Orazju ddeskriva s-Suq t’Appju bħala li kien “invażat bil-baħħara u lukandieri xħaħ.” Hu lmenta dwar “il-misħutin nemus u żrinġijiet” u l-ilma “ħażin.”
Tiftakar Int?
Ġeħova b’liema modi pprovda l-għajnuna—
• permezz taʼ l-anġli?
• permezz taʼ l-ispirtu qaddis?
• permezz tal-Kelma ispirata tiegħu?
• permezz taʼ sħabna l-Kristjani?
[Kumment f’paġna 15]
L-iskrittura tas-sena għall-2005 se tkun: “L-għajnuna tiegħi ġejja mingħand Ġeħova.”—Salm 121:2, NW.
[Stampa f’paġna 16]
Pawlu rringrazzja ’l Alla għall-għajnuna li tawh l-aħwa taʼ Ruma