Ħbieb t’Alla fil-“Gżejjer tal-Ħbiberija”
Fl-1932, dgħajsa kbira wasslet xi żerriegħa prezzjuża lejn Tonga. Il-kaptan tad-dgħajsa ta l-ktejjeb “Where Are the Dead?” (Fejn Huma l-Mejtin?) lil Charles Vete. Charles kien konvint li sab il-verità. Xi ftit taż-żmien wara, il-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Ġeħova bagħtu l-approvazzjoni tagħhom għat-talba taʼ Charles biex jittraduċi dan il-ktejjeb bil-lingwa taʼ pajjiżu. Wara li lesta din il-biċċa xogħol, hu rċieva 1,000 ktejjeb stampati u beda jqassamhom. Dan hu kif iż-żerriegħa tal-verità dwar is-Saltna taʼ Ġeħova bdiet tinxtered fis-saltna taʼ Tonga.
FUQ il-mappa tistaʼ tara lil Tonga fil-Paċifiku tan-Nofsinhar lejn il-punent taʼ fejn il-linja internazzjonali li timmarka l-bidla fid-data tiltaqaʼ mat-Tropiku tal-Kaprikornu. L-akbar gżira hija Tongatapu, li tinsab madwar 2,000 kilometru lejn il-grigal taʼ Auckland, fi New Zealand. Tonga hija magħmula minn 171 gżira, li 45 minnhom ma jgħixux nies fuqhom. James Cook, il-famuż esploratur Ingliż tas-seklu 18, sejjaħ lil dawn il-gżejjer iżolati, il-Gżejjer tal-Ħbiberija.
Tonga, li l-popolazzjoni tagħha hija taʼ 106,000 ruħ, tikkonsisti fi tliet gruppi taʼ gżejjer—fost dawk prinċipali hemm Tongatapu, Ha’apai, u Vava’u. Mill-ħames kongregazzjonijiet lokali tax-Xhieda taʼ Ġeħova, tlieta qegħdin fil-grupp taʼ Tongatapu li għandu l-akbar popolazzjoni, waħda f’Ha’apai, u l-oħra qiegħda f’Vava’u. Biex jgħinu lin-nies isiru ħbieb t’Alla, ix-Xhieda taʼ Ġeħova għandhom dar missjunarja u uffiċċju tat-traduzzjoni qrib il-kapitali, Nuku’alofa.—Isaija 41:8.
Ħafna ilhom iqisu lil Charles Vete bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova sa mis-snin 30, għalkemm hu ma tgħammidx qabel l-1964. Oħrajn ngħaqdu miegħu fix-xogħol taʼ l-għoti taʼ xiehda, u fl-1966 inbniet Sala tas-Saltna li kienet tesaʼ 30 ruħ. Fl-1970 ġiet ifformata kongregazzjoni taʼ 20 pubblikatur tas-Saltna f’Nuku’alofa.
Minn dakinhar ’l hawn, it-twettiq tal-profezija taʼ Isaija jistaʼ jidher ċar fil-gżejjer taʼ Tonga: “Ħa jagħtu glorja lill-Mulej u jxandru t-tifħir tiegħu fil-gżejjer.” (Isaija 42:12) Ix-xogħol tas-Saltna kompla miexi ’l quddiem, u ħafna ġew megħjunin biex ikollhom relazzjoni maʼ Ġeħova. Fil-konvenzjoni taʼ Nuku’alofa fl-2003, l-attendenza laħqet quċċata taʼ 407, u tgħammdu ħamsa min-nies. Is-621 ruħ li attendew għat-Tifkira fl-2004 juru li hemm prospetti sbieħ għal żjieda.
Jgħixu Ħajja Sempliċi
Madankollu, ’il bogħod mill-kapitali jidher ċar li għad hemm bżonn iktar uħud biex ixandru s-Saltna. Per eżempju, it-8,500 ruħ li jgħixu fil-grupp taʼ 16-il gżira abitata taʼ Ha’apai għandhom bżonn jisimgħu iktar dwar il-verità tal-Bibbja. Ha’apai jikkonsisti prinċipalment minn gżejjer mal-livell tal-baħar, miksijin bis-siġar tal-palm, u għandhom xtajtiet twal bir-ramel abjad. L-ilma taʼ l-oċean tant hu ċar li tistaʼ tara sa fond taʼ 30 metru. Hija esperjenza straordinarja li tgħum bejn is-sikek tal-qroll u qalb iktar minn mitt speċi taʼ ħut tropikali kull kulur. L-irħula huma ġeneralment żgħar. Għalkemm id-djar huma sempliċi ħafna, dawn huma mibnijin b’mod li jifilħu għaċ-ċikluni tropikali.
Is-siġar tal-ħobż u tal-mangu jipprovdu d-dell u l-ikel. In-nies tal-gżejjer iqattgħu l-parti l-kbira mill-ġurnata jiġbru u jippreparaw l-ikel. Minbarra l-majjal, huma jgawdu wkoll mill-abbundanza taʼ ħut u frott tal-baħar. Il-familji għandhom il-ġnien tagħhom u fih ikabbru ħxejjex kultivati għall-għeruq tagħhom li jittieklu u ħxejjex oħra. Is-siġar taċ-ċitru jikbru fis-salvaġġ; is-siġar tal-ġewż taʼ l-Indji u tal-banana jikbru bl-abbundanza. L-għarfien lokali dwar il-ħxejjex, il-weraq, il-qoxra tas-siġar, u l-għeruq li jintużaw bħala mediċina jgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra.
M’għandniex xi ngħidu, l-iktar ħaġa li tolqtok f’Ha’apai huma n-nies dħulin li faċilment jaddattaw ruħhom għall-ambjent trankwill t’hemmhekk. Is-sempliċità hi parti minn ħajjithom. Il-biċċa l-kbira min-nisa għandhom xi sengħa—min jagħmel il-basktijiet, min id-drapp tat-tapa, u min it-tapiti. Waqt li jkunu qed jaħdmu, in-nisa taʼ Tonga jpoġġu bil-qiegħda għad-dell taʼ xi siġra, jitkellmu, ikantaw, u jidħqu flimkien, spiss bit-tfal u t-trabi jilagħbu jew reqdin maġenbhom. U ġeneralment huma n-nisa li meta l-baħar ikun ħareġ mal-marea, u l-ilma jkun tbaxxa ħafna, imorru jiġbru l-frott u l-ħaxix iqarmeċ tal-baħar, li hu tajjeb ħafna għall-insalata.
Il-biċċa l-kbira mill-irġiel iqattgħu l-ħin jaħdmu fil-ġnien, jistadu, inaqqxu, jibnu d-dgħajjes, u jsewwu x-xbieki. L-irġiel, in-nisa, u t-tfal jużaw dgħajjes żgħar tas-sajd mgħottijin biex imorru jżuru lil qrabathom, imorru għand it-tabib, u jmorru jbigħu jew jixtru l-prodotti.
Imkien M’Hu ’l Bogħod Wisq għall-Aħbar Tajba
Kien f’dawn il-kundizzjonijiet pjaċevoli li żewġ missjunarji u żewġ pijunieri waslu Ha’apai matul l-istaġun tat-Tifkira taʼ l-2002. Qabel, kien hemm min kellu kuntatt max-Xhieda, u ċerti nies f’Ha’apai kienu rċivew xi letteratura pubblikata mix-Xhieda taʼ Ġeħova, u saħansitra kien hemm min studja l-Bibbja magħhom.
L-erbaʼ għalliema tal-Bibbja li marru hemmhekk kellhom tliet miri: li jqassmu letteratura dwar il-Bibbja, li jibdew studji tal-Bibbja fid-djar, u li jistiednu lil dawk li kienu interessati biex jattendu għat-Tifkira taʼ l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej. It-tliet miri kollha ntlaħqu. Sebgħa u disgħin ruħ wieġbu għall-istedina biex jattendu għat-Tifkira tal-mewt taʼ Ġesù. Xi wħud ivvjaġġaw f’dgħajjes mikxufin minkejja x-xita u l-irjieħ qawwija. Minħabba l-maltemp, ħafna minnhom qattgħu l-lejl fil-post fejn saret it-Tifkira, u marru lura lejn darhom l-għada.
Dak li għamel it-taħdita tat-Tifkira kellu jiffaċċja sitwazzjoni li kienet ukoll taʼ sfida. “M’hemmx għalfejn ngħidilkom kemm kien diffiċli li nagħti żewġ taħditiet tat-Tifkira b’lingwa barranija fl-istess lejla,” jiftakar il-missjunarju li għamel it-taħdita. “Tistgħu timmaġinaw kemm kont eċċitat. Kemm għenni t-talb! Ftakart kliem u forom taʼ sentenzi li lanqas qatt ma rrealizzajt li kont nafhom.”
Dawn l-evanġelizzaturi kkultivaw l-interess li diġà kien jeżisti fil-gżejjer Ha’apai u r-riżultat kien li tgħammdu żewġ koppji miżżewġin minn dawk l-inħawi. Wieħed mill-irġiel wera interess fil-letteratura tax-Xhieda waqt li kien qed jitħarreġ biex isir ministru fil-knisja lokali.
Għalkemm kienu fqar, dan ir-raġel u martu kienu jagħtu donazzjoni kbira meta isimhom kien jissejjaħ fil-knisja matul iċ-ċerimonja li kienet issir kull sena biex jiġbru l-fondi. Wieħed mix-Xhieda li kienu żaruh qabel stieden lir-raġel biex jiftaħ il-Bibbja tiegħu u jaqra l-1 Timotju 5:8. L-appostlu Pawlu kiteb: “Jekk xi ħadd ma jipprovdix għal tiegħu, u speċjalment għall-membri taʼ daru, ikun ċaħad il-fidi u jkun agħar minn bniedem mingħajr fidi.” Dan il-prinċipju Bibliku mess qalb dan ir-raġel. Hu rrealizza li biex ilaħħaq mal-ġbir eċċessiv tal-knisja, hu kien qed jonqos milli jipprovdi l-ħtiġijiet bażiċi tal-familja tiegħu. Is-sena taʼ wara, meta reġgħet saret il-laqgħa għall-ġbir tal-fondi, għalkemm kellu l-flus fil-but, hu ma setax jinsa l-1 Timotju 5:8. Meta ġie msejjaħ ismu, hu bil-kuraġġ kollu informa l-qassis li l-bżonnijiet tal-familja kienu iktar importanti. B’hekk, il-koppja ġiet umiljata u mċanfra mill-anzjani tal-knisja.
Wara li studjaw il-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova, dan ir-raġel u martu saru pubblikaturi taʼ l-aħbar tajba. Ir-raġel qal: “Il-verità tal-Bibbja biddlitni. M’għadnix kiefer u aħrax mal-familja tiegħi. M’għadnix nisker. In-nies tar-raħal jistgħu jaraw id-differenza li l-verità għamlitli f’ħajti. Nispera li huma jsiru jħobbu l-verità daqskemm inħobbha jien.”
Il-Quest Użat fit-Tfittxija
Xi ftit tax-xhur wara t-Tifkira taʼ l-2002, dgħajsa kbira oħra ġabet merkanzija prezzjuża lejn Ha’apai, li hu ’l bogħod minn kullimkien. Dan il-jott Quest minn New Zealand, li fih 18-il metru, baħħar lejn il-gżejjer Tonga. Fuqu kien hemm Gary u Hetty, flimkien maʼ binthom Katie. Disaʼ aħwa minn Tonga u żewġ missjunarji marru magħhom fuq żewġ vjaġġi. Ix-Xhieda tal-post għenuhom biex jidderieġu l-jott b’sengħa kbira minn bejn is-sikek li lanqas biss kienu jidhru fuq il-mappa. Dawn ma kinux xi vjaġġi taʼ vaganza, imma huma marru hemmhekk biex jgħallmu l-verità tal-Bibbja. Huma koprew medda kbira mill-oċean u żaru 14-il gżira. L-aħbar tajba tas-Saltna qatt ma kienet ġiet pridkata f’xi wħud minnhom.
In-nies kif wieġbu? Fil-biċċa l-kbira, il-predikaturi li ġew bil-baħar intlaqgħu b’kurżità, bi ħlewwa, u b’ospitalità li tant hi komuni f’dawn il-gżejjer. Malli n-nies tal-gżejjer fehmu l-iskop taż-żjara tagħhom, mill-ewwel bdew juru l-apprezzament sinċier tagħhom. Ix-Xhieda li marru hemm setgħu jaraw ċar kemm in-nies taʼ dawn il-gżejjer kellhom rispett għall-Kelma t’Alla u kemm kienu konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.—Mattew 5:3.
Ħafna drabi dawn ix-Xhieda kienu joqogħdu bil-qiegħda taħt xi siġra tropikali u n-nies kienu jduru magħhom u jistaqsuhom ħafna mistoqsijiet dwar l-Iskrittura. Wara li jidlam, id-diskussjonijiet mill-Bibbja kienu jkomplu fid-djar. Meta dawn ix-Xhieda telqu minn waħda mill-gżejjer, in-nies bdew jgħajtu: “Tmorrux! Min se jwieġeb il-mistoqsijiet tagħna meta titilqu?” Waħda minn dawn ix-Xhieda qalet: “Dejjem ħassejnieha iebsa li nħallu warajna lil tant nies bħal nagħaġ li kienu bil-ġuħ għall-verità. Żrajna ħafna żrieragħ tal-verità.” Meta l-Quest wasal f’waħda mill-gżejjer, ix-Xhieda sabu n-nies kollha lebsin ħwejjeġ tal-vistu. Kienet għadha kif mietet il-mara taʼ l-uffiċjal tal-belt u hu rringrazzja personalment lill-aħwa tal-messaġġ taʼ faraġ li tawh mill-Bibbja.
Xi ftit mill-gżejjer kienu diffiċli biex jinżlu fihom. Hetty tispjega: “Waħda mill-gżejjer ma kellha mkien fejn stajna ninżlu bil-kumdità, imma kellha biss irdumijiet li jinżlu dritt għall-baħar u li kienu għoljin madwar metru jew iktar. Stajna noqorbu lejn l-art permezz tad-dingi żgħira tal-lastku li kellna. L-ewwel, kellna nwaddbu l-basktijiet tagħna lin-nies fuq l-art li kienu lesti biex jilqgħuhom. Imbagħad, malli d-dingi kienet togħla mal-mewġ sal-livell taʼ l-irdum, kellna nkunu pronti naqbżu qabel ma l-mewġ kien jerġaʼ jitfagħha lura.”
Iżda mhux kulmin kien fuq il-jott kien imdorri jbaħħar. Wara li damu jbaħħru xi ġimagħtejn, il-kaptan kiteb hekk dwar il-vjaġġ lura lejn il-gżira prinċipali taʼ Tongatapu: “Għandna 18-il siegħa baħar quddiemna. Ma nistgħux nagħmluhom f’daqqa bla ma nieqfu xi mkien, peress li hawn xi wħud li l-baħar jagħmlilhom id-deni. Inħossuna ferħanin li sejrin lura d-dar, imma fl-istess ħin qalbna sewda għax ikollna nħallu warajna lil ħafna nies li issa semgħu l-messaġġ tas-Saltna. Se nħalluhom f’idejn Ġeħova, li permezz taʼ l-ispirtu qaddis u l-anġli tiegħu jgħinhom ikomplu jikbru spiritwalment.”
Il-Gżejjer bi Prospetti Sbieħ
Madwar sitt xhur wara li l-Quest telaq minn dawn il-gżejjer, Stephen u Malaki, żewġ evanġelizzaturi li kienu pijunieri speċjali, intbagħtu jippridkaw fil-grupp taʼ gżejjer Ha’apai. Hemmhekk, huma ngħaqdu maż-żewġ koppji miżżewġin li kienu għadhom kif tgħammdu biex jgħallmu l-Bibbja. Qed ikollhom ħafna diskussjonijiet sbieħ fuq tagħlim duttrinali, u l-pubblikaturi qed jagħmlu użu tajjeb mill-Bibbja.
Fl-1 taʼ Diċembru, 2003, ġiet ifformata kongregazzjoni f’Ha’apai, il-ħames waħda f’Tonga. Fost dawk li jattendu hemm ħafna tfal. Dawn tgħallmu kif joqogħdu attenti. Huma joqogħdu bil-qiegħda kwieti u jkunu ħerqana biex iwieġbu fil-laqgħat. L-indokratur tas-circuit innota li “jafu ħafna stejjer mill-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja u dan juri li l-ġenituri qed jiħduha bis-serjetà r-responsabbiltà tagħhom biex inaqqxu l-verità tal-Bibbja f’uliedhom.” Jidher ċar li f’dawn il-gżejjer hemm ħafna prospetti għal iktar ħsad taʼ saħansitra iktar ħbieb taʼ Ġeħova.
Iktar minn 70 sena ilu, meta Charles Vete ttraduċa l-ktejjeb Where Are the Dead? bil-lingwa tiegħu, it-Tongan, lanqas qatt ma kien jobsor li ż-żerriegħa tas-Saltna kienet se tinbet daqshekk fil-qlub tan-nies taʼ pajjiżu. Minn dak il-bidu żgħir, Ġeħova kompla jbierek l-aħbar tajba li kienet dejjem qed tinfirex f’dik ir-rokna tad-dinja. Illum, jistaʼ verament jingħad li Tonga hi fost l-iktar gżejjer imbiegħda li, biex ngħidu hekk, qed iduru lejn Ġeħova. (Salm 97:1; Isaija 51:5) Fil-“Gżejjer tal-Ħbiberija” issa hemm jgħixu ħafna ħbieb taʼ Ġeħova.
[Stampa f’paġna 8]
Charles Vete, 1983
[Stampa f’paġna 9]
Tagħmel id-drapp tat-tapa
[Stampa f’paġna 10]
Il-“Quest” intuża biex tixxandar l-aħbar tajba f’Tonga
[Stampa f’paġna 11]
It-tim tat-traduzzjoni, f’Nukuʹalofa
[Sors tal-Istampas f’paġna 9]
Tagħmel id-drapp tat-tapa: © Jack Fields/CORBIS; l-isfond taʼ paġni 8 u 9, u wieħed jistad: © Fred J. Eckert