LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 12/15 pp. 4-7
  • Kif Għandna Niftakruh lil Ġesù Kristu?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Għandna Niftakruh lil Ġesù Kristu?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Festa Ideali għax-​Xalar u n-​Negozju
  • Twildilna Tifel
  • Il-Milied—Għala daqshekk Popolari fil-Ġappun
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Il-Milied—Għala Saħansitra fl-Orjent?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 12/15 pp. 4-7

Kif Għandna Niftakruh lil Ġesù Kristu?

Ġesù Kristu “żgur li kien wieħed mill-​iktar nies fid-​dinja li influwenzaw lil oħrajn.”—“The World Book Encyclopedia.”

ĠENERALMENT lin-​nies straordinarji niftakruhom għal dak li għamlu. Allura ħafna għala jiftakru lil Ġesù għat-​twelid tiegħu minflok għall-​għemejjel tiegħu? Il-​biċċa l-​kbira min-​nies fil-​Kristjaneżmu jafu jirrakkontaw l-​affarijiet li seħħew qabel u wara twelidu. Imma kemm minnhom jiftakru u jistinkaw biex japplikaw it-​tagħlim tiegħu mill-​aqwa kif insibuh fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja?

Veru, it-​twelid taʼ Ġesù kien speċjali, imma l-​ewwel dixxipli tiegħu taw ħafna iktar importanza lil dak li għamel u għallem. Żgur li Alla qatt ma ried li t-​twelid taʼ Kristu jkun iktar importanti mill-​ħajja tiegħu bħala raġel matur. Madankollu, il-​Milied irnexxielu jaħbi lil Kristu bħala persuna permezz taʼ taħwida taʼ leġġendi u folklor konnessi mat-​twelid tiegħu.

Mistoqsija inkwetanti oħra tqum meta nqisu l-​mod kif jiġi ċelebrat il-​Milied. Kieku Ġesù kellu jerġaʼ jiġi fuq l-​art illum, x’kien jaħseb dwar il-​kummerċjaliżmu eċċessiv tal-​Milied? Elfejn sena ilu, Ġesù żar it-​tempju f’Ġerusalemm. Is-​sarrafa tal-​flus u l-​bejjiegħa rrabjawh ferm għax kienu qed jieħdu vantaġġ minn festa reliġjuża Lhudija biex jagħmlu l-​qligħ. “Neħħu dawn minn hawn!” qal hu. “Tibqgħux tagħmlu dar Missieri dar tal-​merkanzija!” (Ġwanni 2:13-16) B’mod ċar, Ġesù ma kienx japprova t-​taħlit tal-​kummerċ mar-​reliġjon.

Ħafna Kattoliċi Spanjoli sinċieri jinsabu inkwetati minħabba li l-​Milied qed isir iktar u iktar kummerċjali. Madankollu, x’aktarx li ma jistax ma jkunx kummerċjali meta tqis l-​għeruq taʼ ħafna mill-​prattiċi tal-​Milied. Il-​ġurnalist Juan Arias jgħid: “Dawk li, ġewwa l-​Kristjanità, jikkritikaw il-​mod kif il-​Milied ġie ‘paganizzat’ u sar iktar dedikat għax-​xalar u x-​xiri milli għar-​reliġjon, ġeneralment ma jkunux jafu li anki fl-​oriġini tiegħu l-​Milied . . . diġà kien jinkludi ħafna mill-​aspetti tal-​festa pagana Rumana [tax-xemx].”—El País, 24 taʼ Diċembru, 2001.

Matul dawn l-​aħħar snin, ħafna ġurnalisti u enċiklopediji Spanjoli kkummentaw fuq l-​oriġini pagana taċ-​ċelebrazzjonijiet tradizzjonali tal-​Milied, kif ukoll fuq ix-​xejra kummerċjali tiegħu. Rigward id-​data taċ-​ċelebrazzjonijiet tal-​Milied, l-​Enciclopedia de la Religión Católica tgħid ċar u tond: “Ir-​raġuni għala lKnisja Rumana ddeċidiet li tiddedika din id-​data għall-​festa [tal-Milied] jidher li hi t-​tendenza tagħha li tibdel festi pagani maʼ festi Kristjani. . . . Aħna nafu li dak iż-​żmien f’Ruma, il-​pagani kkonsagraw il-​25 taʼ Diċembru bħala ċ-​ċelebrazzjoni tan-​natalis invicti, it-​twelid tax-​‘xemx invinċibbli.’”

L-Enciclopedia Hispánica tagħmel kumment simili: “Il-​Milied jiġi ċelebrat fil-​25 taʼ Diċembru mhux minħabba li qed jinżamm anniversarju kronoloġiku eżatt imma, minflok, minħabba li l-​festi tas-​solstizju tax-​xitwa li kienu jiġu ċelebrati f’Ruma ġew Kristjanizzati.” Ir-​Rumani kif kienu jiċċelebraw it-​tlugħ tax-​xemx fis-​sema xitwi? Bil-​briju, it-​tbahrid, u l-​għoti tar-​rigali. Peress li l-​awtoritajiet tal-​knisja ma xtaqux ineħħu festa popolari bħal din, huma “kkristjanizzawha” billi sejħulha t-​twelid taʼ Ġesù minflok it-​twelid tax-​xemx.

Għall-ewwel, fir-​rabaʼ u l-​ħames sekli, ma kienx faċli li tinqataʼ l-​konnessjoni mal-​qima tax-​xemx u d-​drawwiet tagħha. Il-​Kattoliku “Santu” Wistin (354-430 E.K.) ħassu obbligat li jħeġġeġ lil sħabu fit-​twemmin biex ma jiċċelebrawx il-​25 taʼ Diċembru bħalma kienu jagħmlu l-​pagani f’ġieħ ix-​xemx. Anki llum, iċ-​ċelebrazzjoni tidher li hija influwenzata l-​iktar mill-​festeġġjamenti Rumani tal-​qedem.

Il-​Festa Ideali għax-​Xalar u n-​Negozju

Matul is-​sekli, kien hemm diversi fatturi li kellhom sehem importanti f’li jagħmlu l-​Milied l-​iktar ċelebrazzjoni popolari u internazzjonali għax-​xalar u n-​negozju. Ukoll, id-​drawwiet taʼ festi oħra tax-​xitwa, speċjalment dawk li jiġu ċelebrati fl-​Ewropa taʼ fuq, ġew inkorporati bil-​mod il-​mod fit-​tip taʼ ċelebrazzjoni li bdiet f’Ruma.a U fis-​seklu 20, il-​bejjiegħa u l-​ispeċjalisti tan-​negozju inkuraġġew bl-​entużjażmu kollu kwalunkwe drawwa li setgħet iġġib qligħ kbir.

X’kien ir-​riżultat? L-​iktar li sar importanti hu ċ-​ċelebrazzjoni tat-​twelid taʼ Kristu minflok it-​tifsira tiegħu. F’ħafna każi, Kristu lanqas biss għadu jissemma fil-​Milied tradizzjonali. “[Il-Milied] huwa festa dinjija, għall-​familja, u kulħadd jiċċelebrah bil-​mod tiegħu,” tosserva l-​gazzetta Spanjola El País.

Dan il-​kumment jirrifletti tendenza li qed tikber fi Spanja u f’ħafna pajjiżi oħra madwar id-​dinja. Filwaqt li ċ-​ċelebrazzjonijiet tal-​Milied qed isiru iktar elaborati, l-​għarfien dwar Kristu qed jonqos. Fir-​realtà, il-​biċċa l-​kbira mill-​festeġġjamenti tal-​Milied reġgħu għal li kienu oriġinalment fiż-​żminijiet Rumani—għat-​tbahrid, il-​briju, u l-​għoti taʼ rigali.

Twildilna Tifel

Jekk il-​Milied tradizzjonali ftit li xejn huwa konness maʼ Kristu, il-​Kristjani veri kif għandhom jiftakruhom it-​twelid u l-​ħajja taʼ Kristu? Sebaʼ sekli qabel it-​twelid taʼ Ġesù, Isaija pprofetizza dwaru: “Tweldilna tifel, ngħatalna iben; is-​setgħa tkun fuq spallejh, u jsemmuh: ‘Kunsillier taʼ l-​għaġeb, Alla setgħan, Missier għal dejjem, Prinċep tas-​sliem.’” (Isaija 9:5 [9:6, NW]) Isaija għala indika li t-​twelid taʼ Ġesù u l-​irwol tiegħu taʼ wara kellhom ikunu daqshekk importanti? Għaliex Ġesù kellu jsir ħakkiem setgħan. Kellu jissejjaħ Prinċep tas-​Sliem, u ma kellu jkun hemm ebda tmiem għas-​sliem jew għall-​ħakma tiegħu bħala prinċep. Iktar minn hekk, it-​tmexxija taʼ Ġesù kellha tissaħħaħ “bil-​ħaqq u s-​sewwa.”—Isaija 9:6 (9:7, NW).

Meta lil Marija ħabbrilha t-​twelid li kien se jseħħ taʼ Ġesù, l-​anġlu Gabrijel kien qed jidwi dak li xandar Isaija. “Dan ikun kbir u jissejjaħ Bin l-​Iktar Għoli,” bassar hu. “U Alla Ġeħova jagħtih it-​tron taʼ David missieru, u jsaltan fuq dar Ġakobb għal dejjem, u ma jkunx hemm tmiem għal saltnatu.” (Luqa 1:32, 33) B’mod ċar, it-​tifsira ewlenija tat-​twelid taʼ Ġesù għandha x’taqsam max-​xogħol li Kristu kellu jwettaq bħala s-​Sultan maħtur tas-​Saltna t’Alla. Il-​ħakma taʼ Kristu tistaʼ tibbenefika lil kulħadd, inkluż lilek u lill-​maħbubin tiegħek. Fil-​fatt, l-​anġli indikaw li t-​twelid tiegħu kellu jġib “sliem fl-​art lill-​bnedmin li jogħġbu lilu!”—Luqa 2:14, GħB.

Min ma jixxennaqx biex jgħix f’dinja mimlija sliem u ġustizzja? Imma biex ingawdu s-​sliem li se ġġib il-​ħakma taʼ Kristu, irridu nogħġbu lil Alla u jkollna relazzjoni tajba miegħu. Ġesù qal li l-​ewwel pass għal relazzjoni bħal din huwa li nitgħallmu dwar Alla u Kristu. “Il-​ħajja taʼ dejjem tfisser dan,” qal Ġesù, “li jieħdu għarfien dwarek, l-​uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.”—Ġwanni 17:3.

Ladarba nkunu nafu lil Ġesù sew, m’għandniex għalfejn ikollna dubji dwar kif jixtieqna niftakruh. Huwa dan billi nieklu, nixorbu, u nagħtu r-​rigali fl-​istess data taʼ festa pagana antika? Ma tantx jistaʼ jkun. Fil-​lejla qabel ma miet, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu dak li kien jippreferi. “Min għandu l-​kmandamenti tiegħi u josservahom, dan iħobbni. U min iħobbni jkun maħbub minn Missieri, u jien inħobbu.”—Ġwanni 14:21.

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova studjaw bir-​reqqa l-​Iskrittura Mqaddsa, u dan għenhom biex jifhmu x’inhuma l-​kmandi t’Alla u taʼ Ġesù. Huma jieħdu pjaċir jgħinuk tifhem dawn il-​kmandi vitali sabiex int tkun tistaʼ tiftakar lil Ġesù kif għandek tiftakru.

[Nota taʼ taħt]

a Is-siġra tal-​Milied u l-​persunaġġ taʼ Santa Klaws huma żewġ eżempji li jispikkaw.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 6, 7]

Tiskuraġġixxi l-​Bibbja l-​Festi u l-​Għoti tar-​Rigali?

L-​Għoti tar-​Rigali

Il-​Bibbja tapprova l-​għoti tar-​rigali. Fil-​fatt, Ġeħova nnifsu jissejjaħ id-​Donatur taʼ “kull għotja tajba u kull rigal perfett.” (Ġakbu 1:17) Ġesù indika li ġenituri tajbin jagħtu rigali lil uliedhom. (Luqa 11:11-13) Il-​ħbieb taʼ Ġob u l-​membri tal-​familja tiegħu taw lil Ġob xi rigali meta fieq. (Ġob 42:11) Madankollu, dan l-​għoti ma kienx jirrikjedi xi ġranet partikulari taʼ festa. Kien ġej mill-​qalb.—2 Korintin 9:7.

Laqgħat Soċjali tal-​Familja

Il-​laqgħat soċjali tal-​familja jistgħu jgħinu ħafna biex il-​membri tagħha jingħaqdu flimkien, speċjalment jekk dawn ma jkunux għadhom jgħixu fl-​istess dar. Ġesù u d-​dixxipli tiegħu attendew tieġ f’Kana li bla dubju kien laqgħa soċjali kbira bejn il-​membri tal-​familja u l-​ħbieb. (Ġwanni 2:1-10) U fit-​tixbiha taʼ Ġesù dwar l-​iben il-​ħali, il-​missier iċċelebra r-​ritorn taʼ ibnu bi pranzu tal-​familja, li kien jinkludi mużika u żfin.—Luqa 15:21-25.

Ikla Tajba li Tagħti Pjaċir

Il-​Bibbja kemm-il darba titkellem dwar il-​qaddejja t’Alla bħala li jgawdu ikla tajba mal-​familja, il-​ħbieb, jew sħabhom fit-​twemmin. Meta lil Abraham żaruh tliet anġli, hu ħejjielhom festa li kienet tinkludi ċanga, ħalib, baqta, u ftajjar. (Ġenesi 18:6-8) Salamun iddeskriva l-​fatt li wieħed “jiekol u jixrob, u jkun ferħan” bħala don minn Alla.—Koħèlet 3:13; 8:15.

Jidher ċar li Alla jridna nieħdu pjaċir bl-​ikel tajjeb u l-​kumpanija tal-​familja u l-​ħbieb, u japprova l-​għoti tar-​rigali. Għandna ħafna opportunitajiet biex nagħmlu dan meta rridu matul is-​sena kollha.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja