LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 8/1 pp. 9-14
  • Jehovah, l-Alla tal-Verità

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jehovah, l-Alla tal-Verità
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Jehovah Jaf il-​Verità
  • Jehovah Jgħid il-​Verità
  • Jehovah Jikxef il-​Verità
  • Żomm Sod mal-​Verità
  • Jehovah Jirrikjedi “Fidi Sinċiera”
  • Imita lill-Alla tal-Verità
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Ngħidu l-verità
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • Għid il-Verità lill-Proxxmu Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Il-Kristjani Jqimu fl-Ispirtu u l-Verità
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 8/1 pp. 9-14

Jehovah, l-​Alla tal-​Verità

“Int fdejtni, O Jehovah, Alla tal-​verità.”—Salm 31:​5, NW.

1. X’kienu l-​kundizzjonijiet fis-​sema u fl-​art meta ma kienx jeżisti l-​qerq?

KIEN hemm żmien meta l-​qerq ma kienx jeżisti. Jgħixu fis-​smewwiet inviżibbli kien hemm ħlejjaq spirti perfetti, jaqdu lill-​Ħallieq, l-​“Alla tal-​verità.” (Salm 31:​5, NW) Ma kien hemm ebda gideb jew qerq. Jehovah qal il-​verità lil uliedu li huma spirti. Dan għamlu għax iħobbhom u għax jinteressah ħafna mill-​benesseri tagħhom. Fuq l-​art kien hawn l-​istess sitwazzjoni. Jehovah ħalaq lill-​ewwel raġel u mara, u hu dejjem ikkomunika magħhom b’mod ċar, dirett, u sinċier, b’mezz li kien għażel hu stess. Min jaf kemm kienet xi ħaġa meraviljuża din!

2. Min oriġina l-​qerq, u għal liema raġuni?

2 Madankollu, maż-​żmien wieħed mill-​ulied spirti t’Alla bit-​tustaġni kollha ħadha kontra Jehovah billi sfidah u għamel lilu nnifsu alla. Dan l-​esseri spirtu, li iktar tard sar magħruf bħala Satana x-​Xitan, ried li oħrajn iqimu lilu. Biex jilħaq dan l-​għan, hu oriġina l-​qerq bħala mezz li bih iġib lil oħrajn fil-​kontroll tiegħu. Minħabba li għamel hekk, hu sar “giddieb u missier il-​gideb.”—Ġwanni 8:44.

3. Adam u Eva kif irreaġixxew għall-​gideb taʼ Satana, u b’liema riżultati?

3 Permezz taʼ serp, Satana qal lill-​ewwel mara, Eva, li jekk hi tinjora l-​kmand t’Alla u tiekol mill-​frotta projbita, hi ma kinitx se tmut. Din kienet gidba. Hu kompla jgħidilha li jekk tiekol minnha kienet se ssir bħal Alla, tagħraf it-​tajjeb u l-​ħażin. Din ukoll kienet gidba. Għalkemm qabel ħadd qatt ma kien gidbilha, Eva żgur indunat li dak li semgħet mingħand is-​serp ma kienx fi qbil maʼ dak li Alla kien qal lil żewġha, Adam. Xorta waħda, hi għażlet li temmen lil Satana, u mhux lil Jehovah. Imqarrqa għall-​aħħar, hi ħadet il-​frotta u kielet minnha. Iktar tard, Adam ukoll kiel mill-​frotta. (Ġenesi 3:​1-6) Bħal Eva, Adam kien għadu qatt ma semaʼ gidba, però hu ma ġiex imqarraq. (1 Timotju 2:14) B’għemilu, hu wera li ċaħad lill-​Ħallieq tiegħu. Il-​konsegwenzi għall-​umanità kienu diżastrużi. Minħabba d-​diżubbidjenza taʼ Adam, id-​dnub u l-​mewt—flimkien mal-​korruzzjoni u miżerja li ma bħalha—inxterdu fuq in-​nisel kollu tiegħu.—Rumani 5:12.

4. (a) X’kien il-​gideb li ntqal fl-​Għeden? (b) Xi rridu nagħmlu biex ma niġux imqarrqin mix-​Xitan?

4 Il-​qerq infirex ukoll. Irridu nirrikonoxxu li dak il-​gideb li ntqal fil-​ġnien taʼ l-​Għeden kien attakk kontra l-​verità taʼ Jehovah innifsu. Satana saħaq li Alla kien qed iqarraq bl-​ewwel koppja umana billi ċaħħadhom minn xi ħaġa tajba. Dan żgur li ma kienx minnu. Adam u Eva ma bbenefikawx mid-​diżubbidjenza tagħhom. Huma mietu, sewwasew bħalma kien qal Jehovah li kien se jiġri. Minkejja dan, l-​attakk taʼ Satana biex jimmalafama lil Jehovah kompla, sal-​punt li ħafna sekli wara l-​appostlu Ġwanni ġie mnebbaħ biex jikteb li Satana huwa “l-​qarrieq tad-​dinja kollha.” (Apokalissi 12:9) Biex nevitaw li niġu mqarrqa minn Satana x-​Xitan, irid ikollna fiduċja sħiħa fil-​verità taʼ Jehovah u tal-​Kelma tiegħu. Kif tistaʼ tikkultiva u tqawwi l-​fiduċja tiegħek f’Jehovah u tissaħħaħ kontra l-​qerq u l-​gideb li jinkuraġġixxi l-​Avversarju tiegħu?

Jehovah Jaf il-​Verità

5, 6. (a) Jehovah x’għarfien għandu? (b) L-​għerf tal-​bniedem kif jitqies meta mqabbel maʼ dak taʼ Jehovah?

5 Il-​Bibbja dejjem tidentifika lil Jehovah bħala l-​wieħed li “ħalaq kollox.” (Efesin 3:9) Hu l-​Wieħed ‘li għamel is-​sema, l-​art, il-​baħar, u kull ma fihom.’ (Atti 4:24) Peress li Jehovah hu l-​Ħallieq, hu jaf il-​verità dwar kollox. Biex nagħtu eżempju: Ikkunsidra raġel li jagħmel il-​pjanta u jibni daru stess, iqiegħed kull kantun u travu li fiha. Hu jkun jaf kif inhi magħmula din id-​dar minn ġewwa sa barra u se jkun jaf dwarha ħafna iktar minn kulmin josservaha. In-​nies jifhmu fl-​affarijiet li jiddisinjaw u jagħmlu. B’mod simili, il-​Ħallieq jaf kollox dwar dak li ħalaq hu stess.

6 Il-​profeta Isaija esprima b’mod meraviljuż il-​kobor taʼ l-​għarfien taʼ Jehovah. Naqraw: “Min kejjel il-​baħar f’qiegħ idu, jew qies bix-​xiber il-​wisaʼ tas-​sema? Min ġabar it-​trab taʼ l-​art ġo kejla, jew wiżen bi stasija l-​muntanji, u b’miżien l-​għoljiet? Min mexxa l-​ispirtu tal-​Mulej, x’kunsillier kellu biex jgħallmu? Lil min talab parir biex jiftaħlu għajnejh; jew min għallmu jġib ruħu bil-​ġustizzja, biex jagħtih id-​dawl u l-​għerf, u jqabbdu t-​triq taʼ l-​għaqal?” (Isaija 40:​12-14) Tabilħaqq, Jehovah hu “Alla li jaf kollox” u “għerfu perfett.” (1 Samwel 2:3; Ġob 36:4; 37:16) Kemm ma nafu xejn ħdejh! Minkejja l-​għarfien impressjonanti li ħażnu l-​bnedmin, il-​fehma tagħna tal-​ħolqien materjali lanqas biss tasal sa l-​“intietef taʼ [qawwet Alla].” Huwa bħal “tfesfisa dgħajfa” meta tqabblu mar-​“ragħad taʼ setegħtu.”—Ġob 26:14.

7. David x’għaraf dwar l-​għarfien taʼ Jehovah, u għalhekk aħna x’għandna nirrikonoxxu?

7 Ladarba Jehovah ħalaqna, huwa ovvju li hu jafna sew. Is-​sultan David dan għarfu sew. Hu kiteb: “Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni; int taf meta noqgħod u meta nqum, int tagħraf mill-​bogħod ħsibijiet. Int tagħraf il-​mixi u l-​waqfien tiegħi; triqati kollha inti tafhom sewwa. Nkun għadni anqas lissint il-​kelma, meta int, Mulej, tkun ġa tafha kollha.” (Salm 139:​1-4) M’għandniex xi ngħidu, David irrealizza li l-​bnedmin għandhom il-​libertà taʼ l-​għażla—Alla tana l-​kapaċità biex nagħżlu jekk nobduhx jew le. (Dewteronomju 30:​19, 20; Ġożwè 24:15) Minkejja dan, Jehovah jafna ħafna iktar milli nafu lilna nfusna. Hu jrid l-​aħjar għalina u jinsab f’pożizzjoni li jistaʼ jiggwidalna ħajjitna. (Ġeremija 10:23) Tabilħaqq, m’hemm ebda għalliem, espert, jew kunsillier li hu mħejji iktar minnu biex jgħallimna l-​verità u jagħmilna għaqlin u henjin.

Jehovah Jgħid il-​Verità

8. Kif nafu li Jehovah jgħid il-​verità?

8 Hija ħaġa li tkun taf il-​verità, iżda hija ħaġ’oħra li dejjem tgħid il-​verità, li tkun onest. Per eżempju, ix-​Xitan għażel li ma ‘jżommx mal-​verità.’ (Ġwanni 8:44) Għall-​kuntrarju, Jehovah huwa ‘kbir fil-​fedeltà,’ jew fil-​verità. (Eżodu 34:6) L-​Iskrittura dejjem tixhed għall-​verità taʼ Jehovah. L-​appostlu Pawlu stqarr li “ma jistax ikun li Alla jigdeb,” u li Alla “ma jistax jigdeb.” (Lhud 6:​18, Saydon; Titu 1:​2, Karm Żammit) Il-​verità hija parti importanti mill-​personalità t’Alla. Nistgħu nistrieħu fuq Jehovah u nafdaw fih kompletament għaliex hu jgħid il-​verità; u hu qatt ma jqarraq bil-​leali tiegħu.

9. Isem Jehovah kif inhu konness mal-​verità?

9 Isem Jehovah stess jixhed kemm hu jgħid il-​verità. L-​isem divin ifisser “Hu Jġiegħel li Jsir.” Dan jidentifika lil Jehovah bħala l-​wieħed li maż-​żmien isir Dak li Jwettaq il-​wegħdi kollha tiegħu. Ħadd iktar ma jistaʼ jagħmel dan. Ladarba Jehovah hu l-​Wieħed Suprem, xejn ma jistaʼ jwaqqaf it-​twettiq tal-​wegħdi tiegħu. Mhux talli Jehovah jgħid il-​verità imma talli hu biss għandu l-​qawwa u l-​għerf biex iwettaq kulma jgħid.

10. (a) Ġożwè kif xehed għall-​verità taʼ Jehovah? (b) Liema twettiq rajt tal-​wegħdi taʼ Jehovah?

10 Ġożwè kien wieħed mill-​ħafna li ra b’għajnejh stess ġrajjiet straordinarji li kienu jixhdu kemm Jehovah jgħid il-​verità. Ġożwè kien l-​Eġittu meta Jehovah bagħat l-​għaxar kastigi fuq dak il-​ġens, u bassar kull wieħed minn dawn il-​kastigi minn qabel. Fost affarijiet oħra, Ġożwè esperjenza t-​twettiq tal-​wegħdi taʼ Jehovah li jeħles lill-​Iżraelin mill-​Eġittu u jmexxihom sa l-​Art Imwiegħda, u tahom rebħa fuq l-​armati qawwija taʼ Kangħan li opponewhom. Fl-​aħħar taʼ ħajtu, Ġożwè qal lill-​irġiel ixjeħ tal-​ġens taʼ Iżrael: “Kunu afu b’qalbkom kollha u b’ruħkom kollha li ebda waħda mill-​wegħdiet taʼ ġid li għamlilkom il-​Mulej, Alla tagħkom, ma naqset. Kollha seħħulkom, ebda waħda minnhom ma marret fix-​xejn!” (Ġożwè 23:14) Għalkemm int ma rajtx il-​mirakli li ra Ġożwè, ġieli ġralek xi ħaġa u esperjenzajt kemm Jehovah jgħid il-​verità?

Jehovah Jikxef il-​Verità

11. X’juri li Jehovah irid jikkomunika l-​verità lill-​bnedmin?

11 Immaġina ġenitur li għandu kwantità enormi t’għarfien iżda rari jkellem ’l uliedu. M’intix grat li Jehovah m’huwiex hekk? Jehovah bl-​imħabba kollha jikkomunika mal-​bnedmin, u dan jagħmlu b’mod ġeneruż. L-​Iskrittura ssejjaħlu l-​“Imgħallem,” jew l-​Istruttur Grandjuż. (Isaija 30:20) Bil-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu, hu jikkomunika saħansitra maʼ dawk li m’humiex lesti jisimgħuh. Per eżempju, Eżekjel ġie inkarigat biex jippriedka lil dawk li Jehovah kien jaf li ma kinux se jwieġbu b’mod favorevoli. Jehovah qallu: “O bniedem, aqbad u mur għand dar Iżrael, u wasslilhom dan il-​kliem tiegħi.” Imbagħad wissieh: “Imma d-​dar taʼ Iżrael ma tridx tismaʼ minnek, għax ma tridx tismaʼ minni. Id-​dar kollha taʼ Iżrael huma rashom iebsa u qalbhom xierfa.” Dan kien inkarigu diffiċli, iżda Eżekjel wettqu fedelment, u minħabba li għamel hekk, hu rrifletta l-​mogħdrija taʼ Jehovah. Jekk issib ruħek f’inkarigu diffiċli taʼ l-​ippridkar u tistrieħ fuq Alla, tistaʼ tkun fiduċjuż li hu se jsaħħek bħalma saħħaħ lill-​profeta Eżekjel.—Eżekjel 3:​4, 7-9.

12, 13. Alla b’liema mod jikkomunika mal-​bnedmin?

12 Jehovah jixtieq li “l-​bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-​verità.” (1 Timotju 2:4) Hu tkellem permezz tal-​profeti, permezz taʼ l-​anġli, u saħansitra permezz taʼ Ibnu l-​maħbub, Ġesù Kristu. (Lhud 1:​1, 2; 2:2) Lil Pilatu, Ġesù qallu: “Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-​dinja, biex nixhed għall-​verità. U kull min iħobb il-​verità jismaʼ leħni.” Pilatu kellu opportunità imprezzabbli biex jitgħallem il-​verità dwar il-​provvediment taʼ Jehovah għas-​salvazzjoni direttament mingħand Bin Alla. Iżda, Pilatu ma kienx favur il-​verità, u ma riedx li Ġesù jgħallmu. Minflok, Pilatu wieġbu b’mod sarkastiku: “U l-​verità x’inhi?” (Ġwanni 18:​37, 38) Jaħasra għalih! Xorta waħda, ħafna taw widen għall-​verità li pproklama Ġesù. Lid-​dixxipli qalilhom: “Henjin għajnejkom, għax qegħdin jaraw; henjin widnejkom, għax qegħdin jisimgħu.”—Mattew 13:16.

13 Jehovah ippreserva l-​verità permezz tal-​Bibbja u għamilha disponibbli għan-​nies taʼ kullimkien. Il-​Bibbja turi l-​affarijiet kif inhuma verament. Tiddeskrivi l-​kwalitajiet, l-​iskopijiet, u l-​kmandi t’Alla kif ukoll is-​sitwazzjoni vera li jinsab fiha l-​bniedem. Ġesù qal f’talba lil Jehovah: “Il-​kelma tiegħek hi l-​verità.” (Ġwanni 17:17) Għal din ir-​raġuni, il-​Bibbja hija ktieb uniku. Hija l-​uniku ktieb li nkiteb taħt l-​ispirazzjoni t’Alla li jaf kollox. (2 Timotju 3:16) Hija għotja prezzjuża li ngħatat lill-​bnedmin, għotja li l-​qaddejja t’Alla tant jgħożżuha. Inkunu għaqlin jekk naqrawha kuljum.

Żomm Sod mal-​Verità

14. X’inhuma xi affarijiet li Jehovah jgħid li se jagħmel, u għala għandna nemmnuh?

14 Dak li Jehovah jgħidilna fil-​Kelma tiegħu għandna niħduh bis-​serjetà. Jehovah hu dak li jgħid li hu, u hu se jagħmel dak li jgħid li se jagħmel. Għandna kull raġun biex nafdaw f’Alla. Nistgħu nemmnuh meta Jehovah jgħid li se “jħallas lil dawk li ma jagħrfux lil Alla, u ’l dawk li ma jobdux l-​Evanġelju taʼ Sidna Ġesù.” (2 Tessalonikin 1:8) Nistgħu wkoll noqogħdu fuq kliemu meta Jehovah jgħid li hu jħobb lil dawk li jfittxu t-​tjieba, meta jgħid li se jagħti l-​ħajja taʼ dejjem lil dawk li jeżerċitaw fidi, u meta jgħid li se jelimina l-​uġigħ, il-​biki, u saħansitra l-​mewt. Jehovah enfasizza kemm din l-​aħħar wegħda hi taʼ min joqgħod fuqha billi ta din l-​istruzzjoni lill-​appostlu Ġwanni: “Ikteb, għax dawn il-​kelmiet huma minnhom u taʼ min joqgħod fuqhom.”—Apokalissi 21:​4, 5; Proverbji 15:9; Ġwanni 3:36.

15. Satana liema gideb qed ixerred?

15 Satana hu eżattament l-​oppost taʼ Jehovah. Minflok ma juri l-​verità, hu jqarraq. Biex jikseb l-​għan tiegħu li jbiegħed lin-​nies mill-​qima pura, Satana jxerred ruxxmata gideb. Per eżempju, Satana jridna naħsbu li Alla huwa ’l bogħod minn kull wieħed u waħda minna u li ma jimpurtahx mit-​tbatija li hawn fuq l-​art. Madankollu, il-​Bibbja turina li Jehovah juri interess profond fil-​ħlejjaq tiegħu u ma jiħux gost bil-​ħażen u t-​tbatija. (Atti 17:​24-30) Satana jrid ukoll li n-​nies jemmnu li l-​ġiri wara affarijiet spiritwali huwa ħela taʼ ħin. Mill-​banda l-​oħra, l-​Iskrittura tiżgurana li “Alla m’hux se jkun hekk inġust li jinsa dak li intom għamiltu u l-​imħabba li wrejtu lejn ismu.” Iktar minn hekk, din tkompli tistqarr b’mod ċar li “hu jagħti l-​ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh.”—Lhud 6:10; 11:6.

16. Għala għandhom il-​Kristjani jibqgħu għassa u jżommu sod mal-​verità?

16 L-​appostlu Pawlu kiteb dan dwar Satana: “L-​alla taʼ din id-​dinja dallmilhom il-​moħħ tagħhom nieqes mill-​fidi, biex ma jarawx jiddi d-​dawl taʼ l-​Evanġelju glorjuż taʼ Kristu, li hu xbieha taʼ Alla.” (2 Korintin 4:4) Bħal Eva, xi wħud jitqarrqu għalkollox minn Satana x-​Xitan. Oħrajn jagħmlu bħal Adam, li ma ġiex imqarraq iżda minn jeddu għażel li ma jobdix. (Ġuda 5, 11) Għalhekk, huwa essenzjali li l-​Kristjani jibqgħu għassa u jżommu sod mal-​verità.

Jehovah Jirrikjedi “Fidi Sinċiera”

17. Xi rridu nagħmlu biex ikollna l-​appoġġ taʼ Jehovah?

17 Minħabba li l-​mogħdijiet tiegħu kollha huma verità, Jehovah jistenna li dawk li jqimuh jgħidu l-​verità wkoll. Is-​salmista kiteb: “Mulej, min jgħammar fid-​dar tiegħek? Min joqgħod fuq l-​għolja mqaddsa tiegħek? Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-​tajjeb, min jgħid is-​sewwa [“il-​verità,” NW] f’qalbu.” (Salm 15:​1, 2) Żgur li meta tissemma l-​għolja mqaddsa taʼ Jehovah, il-​Lhud li kantaw dan il-​kliem kienu jiftakru fil-​Muntanja Sijon, fejn is-​Sultan David ġab l-​arka tal-​patt fit-​tinda li waqqaf f’dan il-​post. (2 Samwel 6:​12, 17) Il-​muntanja u t-​tinda kienu jfakkruhom fil-​post fejn kien jgħammar Jehovah b’mod simboliku. F’dan il-​post in-​nies setgħu jmorru quddiem Alla biex jitolbu bil-​ħniena għall-​appoġġ tiegħu.

18. (a) X’inhu meħtieġ minna biex inkunu ħbieb t’Alla? (b) X’se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

18 Kulmin irid ikun ħabib taʼ Jehovah irid jgħid il-​verità “f’qalbu,” u mhux bil-​kliem biss. Il-​ħbieb veri t’Alla jridu jkunu onesti f’qalbhom u jridu juru “fidi sinċiera,” għaliex l-​għemejjel tal-​verità jiġu mill-​qalb. (1 Timotju 1:5; Mattew 12:​34, 35) Min hu ħabib t’Alla ma jigdibx u ma jqarraqx, għaliex in-​“nies . . . qarrieqa jistmellhom il-​Mulej.” (Salm 5:7 [5:​6, NW]) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah madwar il-​globu jaħdmu iebes biex jimitaw lil Alla tagħhom billi jkunu wħud li jgħidu l-​verità. L-​artiklu li jmiss se jeżamina dan is-​suġġett.

Kif Twieġeb?

• Jehovah għala jaf il-​verità dwar kollox?

• X’jurina li Jehovah jgħid il-​verità?

• Jehovah kif kixef il-​verità?

• Fejn tidħol il-​verità, x’inhu meħtieġ minna?

[Stampi f’paġna 10]

L-​Alla tal-​verità jaf kollox dwar dak li ħalaq

[Stampi f’paġna 12, 13]

Il-​wegħdi taʼ Jehovah se jseħħu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja