‘Barkiet Jinżlu fuq il-Ġust’
“KONT żagħżugħ, u issa xjeħt, u qatt ma rajt il-ġust minsi, jew uliedu jittallbu ħobżhom,” qal is-salmista David fi xjuħitu. (Salm 37:25) Alla Jehovah jħobb lil dawk li huma ġusti u jieħu ħsiebhom b’għożża kbira. Fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja, hu jħeġġeġ lil adoraturi veri biex ifittxu l-ġustizzja.—Sofonija 2:3.
Li tkun ġust ifisser li tkun tajjeb m’Alla billi tkun fi qbil mal-livelli tiegħu taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Filwaqt li jinkuraġġina biex ngħixu skond ir-rieda t’Alla, l-10 kapitlu tal-ktieb Bibliku tal-Proverbji jiġbdilna l-attenzjoni lejn il-barkiet spiritwali għonja li jgawdu dawk li jagħmlu dan. Fost dawn il-barkiet hemm provvista abbundanti taʼ ikel spiritwali li jsaħħaħ, xogħol premjanti u sodisfaċenti, u relazzjoni tajba m’Alla u mal-bnedmin. Mela, ejja nirriflettu fuq Proverbji 10:1-14.
Inċentiv mill-Aqwa
Fil-kliem tal-ftuħ, il-kapitlu ma jħallilna l-ebda dubju dwar min hu l-kittieb tas-sezzjoni li jmiss fil-ktieb tal-Proverbji. Naqraw: “Il-proverbji taʼ Salamun.” Is-Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-qedem jidentifika inċentiv mill-aqwa biex nagħmlu dak li hu tajjeb, billi jgħid: “Iben għaref iferraħ lil missieru, iben iblah inikket ’l ommu.”—Proverbji 10:1.
Kemm jitnikktu l-ġenituri meta xi ħadd minn uliedhom jabbanduna l-qima taʼ dak Alla veru u ħaj! Is-sultan għaref jagħżel in-niket taʼ l-omm, forsi biex jissuġġerixxi li hi titnikket iktar mill-missier. Dan kien minnu fil-każ taʼ Doris.a Hi tirrakkonta: “Meta t-tifel tagħna taʼ 21 sena telaq mill-verità, jien u żewġi, Frank, konna qalbna maqsuma. Ħassejtni mweġġaʼ emozzjonalment iktar minn Frank. Għalkemm għaddew 12-il sena, il-ferita għadha m’għalqitx.”
It-tfal jistgħu jeffettwaw il-ferħ taʼ missierhom u jaqsmu qalb ommhom. Jalla aħna nuru l-għerf u nferrħu lill-ġenituri tagħna. U saħansitra iktar importanti, ejja nferrħu qalb Missierna tas-sema, Jehovah.
‘Ruħ il-Ġust Hija Sodisfatta’
“Ma fihx qligħ l-għana bid-dnewwa, mill-mewt jinħeles min jimxi bis-sewwa.” (Proverbji 10:2) Għall-Kristjani veri li qed jgħixu fl-aħħarnett taż-żmien tat-tmiem, dan il-kliem hu prezzjuż tabilħaqq. (Danjel 12:4) Il-qerda taʼ din id-dinja li tiċħad lil Alla qiegħda wara l-bieb. L-ebda mezz taʼ sigurtà magħmul mill-bniedem, sew jekk materjali, finanzjarju, jew militari, ma jistaʼ jagħti protezzjoni matul it-tribulazzjoni l-kbira li ġejja. (Apokalissi 7:9, 10, 13, 14) “It-tajbin [biss se] jgħammru fl-art, u n-nies sewwa joqogħdu fiha.” (Proverbji 2:21) Mela jalla nkomplu “[nfittxu] l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja taʼ Alla.”—Mattew 6:33.
Il-qaddejja taʼ Jehovah m’għandhomx għalfejn joqogħdu jistennew id-dinja l-ġdida mwiegħda biex jesperjenzaw il-barkiet t’Alla. “Ma jħallix il-Mulej il-ġust bil-ġuħ, iżda jġib fix-xejn xewqat il-ħżiena.” (Proverbji 10:3) Jehovah pprovda abbundanza taʼ ikel spiritwali permezz taʼ “l-ilsir leali u diskret.” (Mattew 24:45, NW) Żgur li l-ġust għandu kull raġun ‘jgħanni bl-hena taʼ qalbu.’ (Isaija 65:14) L-għarfien huwa dak li jagħmlu ferħan. L-għaxqa tiegħu hi li jfittex għal teżori spiritwali. Il-wieħed mill-agħar ma jaf bl-ebda pjaċiri bħal dawn.
‘Il-Bżulija Tagħmlek Għani’
Jerġaʼ l-ġust hu mbierek b’mod ieħor. “Id l-għażżien iġġib fuqu l-faqar, imma id il-bieżel iġġiblu l-għana. Bil-għaqal hu min jaħżen fis-sajf, imma għajb għalih min jorqod fil-ħsad.”—Proverbji 10:4, 5.
Il-kliem li s-sultan jgħid lill-ħaddiema fi żmien il-ħsad hu taʼ importanza partikulari. L-istaġun tal-ħsad m’huwiex iż-żmien biex wieħed jongħos. Hu ż-żmien li wieħed ikun bieżel u jaħdem sigħat twal. Hu żmien urġenti tabilħaqq.
Billi ma kellux f’moħħu l-ħsad tal-qamħ imma dak tan-nies, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad [Alla Jehovah] biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.” (Mattew 9:35-38) Fis-sena 2000, ’il fuq minn 14-il miljun persuna attendew il-Mafkar tal-mewt taʼ Ġesù—iktar mid-doppju tax-Xhieda taʼ Jehovah. Mela, min jistaʼ jiċħad il-fatt li “l-għelieqi bjadu għall-ħsad”? (Ġwann 4:35) L-adoraturi veri jitolbu lis-Sid għal iktar ħaddiema filwaqt li fi qbil mat-talb tagħhom iħabirku b’ħilithom kollha fix-xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli. (Mattew 28:19, 20) U Jehovah kemm berikhom bil-kbir l-isforzi tagħhom! Matul is-sena taʼ servizz 2000, tgħammdu iktar minn 280,000 ruħ. Dawn ukoll jistinkaw biex isiru għalliema tal-Kelma t’Alla. Jalla jkollna l-ferħ u s-sodisfazzjon matul dan l-istaġun tal-ħsad billi nieħdu sehem sħiħ fix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli.
‘Barkiet Jinżlu fuq Rasu’
“Barkiet jinżlu fuq ras il-ġust,” ikompli Salamun, “imma fomm il-ħżiena jaħbi l-vjolenza.”—Proverbji 10:6.
Wieħed li hu safi u ġust f’qalbu jagħti provi biżżejjed tal-ġustizzja tiegħu. Kliemu juri qalb tajba u jsaħħaħ, l-għemejjel tiegħu huma pożittivi u ġenerużi. Oħrajn jieħdu pjaċir bil-kumpanija tiegħu. Individwu bħal dan se jirbaħ l-istima tagħhom—il-barkiet tagħhom—fis-sens li huma jitkellmu tajjeb dwaru.
Mill-banda l-oħra, wieħed mill-agħar hu mimli mibegħda jew malizzja u moħħu biss biex jagħmel il-ħsara lil oħrajn. Kliemu jistaʼ jkun ħelu u “jaħbi l-vjolenza” li għandu f’qalbu, imma maż-żmien hu jirrikorri għal attakki fiżiċi jew verbali. (Mattew 12:34, 35) Inkella kif tpoġġiha n-nota taʼ taħt fin-New World Translation fuq Proverbji 10:6, “Il-vjolenza se tgħatti [jew tagħlaq] ħalq in-nies mill-agħar.” Dan jindika li l-wieħed mill-agħar ġeneralment jirċievi mingħand oħrajn dak li juri, jiġifieri ostilità. Dan bħallikieku jgħattilu, jew jagħlaqlu, ħalqu u jsikktu. X’barkiet jistaʼ jistenna wieħed bħal dan mingħand ħaddieħor?
“It-tifkira tal-ġust titbierek,” jikteb is-sultan taʼ Iżrael, “imma isem il-ħżiena jitħassar.” (Proverbji 10:7) Wieħed ġust iħalli tifkira sabiħa m’oħrajn, u l-iktar importanti m’Alla Jehovah. Billi baqaʼ leali sal-mewt, Ġesù ‘kiseb isem ogħla’ minn dak taʼ l-anġli. (Lhud 1:3, 4) Illum, il-Kristjani veri jiftakru f’dawk l-irġiel u n-nisa leali li għexu qabel l-era Kristjana bħala eżempji taʼ min jimitahom. (Lhud 12:1, 2) Kemm hu differenti dan mill-isem li jagħmel wieħed mill-agħar, li jsir xi ħaġa li tqażżek u mnawra! Iva, “aħjar isem tajjeb minn ħafna ġid, aħjar fama tajba mill-fidda u d-deheb.” (Proverbji 22:1) Jalla nagħmlu isem tajjeb maʼ Jehovah u maʼ sħabna l-bnedmin.
‘Min Jimxi fl-Integrità Jimxi fis-Sigurtà’
Salamun jagħmel kuntrast bejn l-għaref u l-iblah billi jistqarr: “Min hu tassew għaref jilqaʼ l-kmandamenti, iżda min hu iblah fi kliemu jiġi fl-għali.” (Proverbji 10:8) L-għaref jaf tajjeb li “anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-passi tiegħu.” (Ġeremija 10:23) Hu jagħraf il-bżonn li jfittex il-gwida taʼ Jehovah u jkun lest li jaċċetta l-kmandamenti t’Alla. Min-naħa l-oħra, dak li hu iblah fi kliemu ma jifhmux dan il-fatt bażiku. It-tpaċpiċ fil-vojt tiegħu jirrovinah.
Il-ġust igawdi wkoll tip taʼ sigurtà li l-wieħed mill-agħar m’għandux. “Min jimxi dritt [“fl-integrità,” “NW”], jimxi sod [“fis-sigurtà,” “NW”], iżda min jgħawweġ triqatu jinqabad. Min jagħlaq għajnejh għall-ħażen [“jegħmeż b’għajnu,” “NW”], iġib l-inkwiet, iżda [“iblah lablabi jiġġarraf,” “KŻ”].”—Proverbji 10:9, 10.
Bniedem taʼ integrità huwa onest f’kulma jagħmel. Hu jirbaħ ir-rispett u l-fiduċja t’oħrajn. Wieħed onest hu stmat bħala impjegat u taʼ spiss jiġi fdat b’responsabbiltajiet akbar. Il-fatt li jkun magħruf għall-onestà tiegħu jistaʼ jgħinu jżomm l-impjieg tiegħu jew jagħmilhielu eħfef biex isib impjieg ieħor anki meta jkun hemm nuqqas taʼ xogħol. Iktar minn hekk, l-onestà tiegħu tikkontribwixxi biex l-atmosfera f’daru tkun pjaċevoli u paċifika. (Salm 34:14, 15 [34:13, 14, NW]) Hu jħossu protett fir-relazzjoni li għandu mal-membri l-oħra tal-familja tiegħu. Is-sigurtà hija tabilħaqq frotta taʼ l-integrità.
Is-sitwazzjoni hija differenti fil-każ taʼ min idur għad-diżonestà għal qligħ egoistiku. Il-qarrieq għandu mnejn jipprova jaħbi b’maskra l-gideb tiegħu bi kliem mgħawweġ jew bil-ġesti. (Proverbji 6:12-14) Billi jegħmeż għajnejh bi ħsieb malizzjuż jew qarrieqi jistaʼ jikkaġuna ħafna wġigħ mentali lill-vittmi tiegħu. Imma xi darba jew oħra, il-qerq taʼ dan il-wieħed se jsir magħruf. L-appostlu Pawlu kiteb: “Hemm xi wħud li dnubiethom huma magħrufa sa minn qabel ma jsir ħaqq minnhom; oħrajn, iżda, dnubiethom jingħarfu wara. Hekk ukoll jintgħarfu l-għemejjel it-tajba; u saħansitra dawk li m’humiex magħrufa, ma jistgħux jibqgħu moħbija.” (1 Timotju 5:24, 25) Hu min hu li hu involut—sew jekk ġenitur, ħabib, sieħeb fiż-żwieġ, jew xi ħadd li taf—id-diżonestà fl-aħħar mill-aħħar dejjem tinkixef. Min jistaʼ jafda lil xi ħadd li jkun magħruf għad-diżonestà tiegħu?
‘Fommu Hu Għajn tal-Ħajja’
“Fomm il-ġust hu għajn tal-ħajja,” jgħid Salamun, “imma fomm il-ħżiena jaħbi d-dnewwa.” (Proverbji 10:11) Il-kliem li joħroġ mill-fomm jistaʼ jdewwi jew iweġġaʼ. Jistaʼ jħeġġeġ u jagħti l-ħajja lil persuna, jew jistaʼ jaqtgħalha qalbha.
Is-sultan taʼ Iżrael jgħid hekk biex juri x’inhu l-motiv li jkun hemm wara l-kliem li jingħad: “Il-mibegħda tqanqal il-ġlied, imma l-imħabba tgħatti kull ħtija.” (Proverbji 10:12) Il-mibegħda tqanqal il-ġlied fis-soċjetà umana, u tkebbes l-inkwiet. Dawk li jħobbu lil Jehovah jridu jneħħu għalkollox il-mibegħda minn ħajjithom. Kif? Billi jħallu l-imħabba tieħu post il-mibegħda. “L-imħabba tgħatti kotra taʼ dnubiet.” (1 Pietru 4:8) L-imħabba “kollox tagħder,” jiġifieri, tgħatti kollox. (1 Korintin 13:7) L-imħabba divina ma tistenniex il-perfezzjoni minn nies imperfetti. Minflok ma xxandar maʼ l-erbat irjieħ l-iżbalji taʼ l-oħrajn, imħabba bħal din tgħinna ninjoraw l-iżbalji tagħhom, dment li ma jkunx involut xi ħażen serju. L-imħabba saħansitra tagħder trattament ħażin fil-ministeru taʼ l-għalqa, fuq il-post tax-xogħol, jew fl-iskola.
Is-sultan għaref ikompli: “L-għerf jinsab fuq fomm min jifhem, imma l-bastun għal dahar min hu bla moħħ.” (Proverbji 10:13) L-għerf jiggwida l-passi taʼ min għandu l-fehma. Il-kliem li jsaħħaħ u li joħroġ minn fommu jgħin lil oħrajn jimxu fit-triq tal-ġustizzja. La hu u lanqas dawk li jagħtuh widen m’għandhom bżonn jitmexxew fid-direzzjoni t-tajba bil-forza—bil-bastun tal-kastig.
‘Aħżen l-Għarfien’
X’jgħin biex kliemna jkun bħal “nixxiegħa taʼ ilma ħaj” minflok tlablib fil-vojt? (Proverbji 18:4) Salamun iwieġeb: “In-nies bil-għaqal jaħżnu l-għerf [“għarfien,” “NW”], imma kliem l-iblah iqarreb il-qerda.”—Proverbji 10:14.
L-ewwel ħaġa li neħtieġu hi li moħħna jkun mimli bl-għarfien t’Alla li jsaħħaħna. Hemm biss sors wieħed taʼ dan l-għarfien. L-appostlu Pawlu kiteb: “L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa, biex hekk il-bniedem taʼ Alla jkun perfett, mħejji għal kull ħidma tajba.” (2 Timotju 3:16, 17) Aħna rridu naħżnu l-għarfien u nħaffru fil-Kelma t’Alla bħallikieku qed infittxu teżor moħbi. Kemm hi eċċitanti u premjanti tfittxija bħal din!
Biex ikollna l-għerf fuq fommna, l-għarfien taʼ l-Iskrittura jrid jilħqilna wkoll qalbna. Ġesù qal lis-semmiegħa tiegħu: “Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb taʼ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm.” (Luqa 6:45) Għalhekk, irridu nagħmluha drawwa li nimmeditaw fuq dak li qed nitgħallmu. Huwa minnu li l-istudju u l-meditazzjoni jeħtieġu sforz, imma kemm jagħmilna għonja spiritwalment studju bħal dan! M’hemm l-ebda raġuni għala għandna nimxu fit-triq taʼ wieħed li jlablab fil-vojt, liema triq twassal biss għall-qerda.
Iva, l-għaref jagħmel dak li hu tajjeb f’għajnejn Alla u jħalli effett tajjeb fuq oħrajn. Hu jgawdi provvista abbundanti taʼ ikel spiritwali u għandu ħafna x’jagħmel fix-xogħol premjanti tal-Mulej. (1 Korintin 15:58) Bħala wieħed li jżomm l-integrità, hu jħossu fis-sigurtà u għandu l-approvazzjoni t’Alla. Tabilħaqq, ħafna huma l-barkiet tal-ġust. Jalla nfittxu l-ġustizzja billi ngħixu fi qbil mal-livelli t’Alla taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin.
[Nota taʼ taħt]
a L-isem ġie mibdul.
[Stampa f’paġna 25]
Li nkunu onesti jgħinna jkollna ħajja tal-familja ferħana
[Stampa f’paġna 26]
‘In-nies bil-għaqal jaħżnu l-għarfien’