LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 9/15 pp. 24-28
  • Imxi ‘fit-Triq ir-Retta’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Imxi ‘fit-Triq ir-Retta’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Żomm Sod mad-​Dixxiplina
  • Imħabba flok Mibegħda
  • ‘Qis Kliemek’
  • “Jitimgħu lil Ħafna”
  • Aħrab minn Kondotta Laxka
  • Ibni fuq Pedament Tajjeb
  • “Triq il-​Mulej Hi Fortizza”
  • ‘Barkiet Jinżlu fuq il-Ġust’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • “Xofftejn is-Sewwa Jżommu Sħiħ għal Dejjem”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • “Bil-Għaqal Hu Min Jaf Jilqaʼ t-Twiddib”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Min Hu Tajjeb Jaqlaʼ l-Approvazzjoni t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 9/15 pp. 24-28

Imxi ‘fit-​Triq ir-​Retta’

“HIENI l-​ġust għax tiġih tajba,” iddikjara l-​profeta Isaija, “għax għad jiekol frott għemilu.” Isaija qal ukoll: “Wietja [“Retta,” NW] hi triq il-​ġust.” (Isaija 3:10; 26:7) Jidher ċar li jekk irridu li dak li nagħmlu jipproduċi frott tajjeb, irridu nagħmlu dak li hu sewwa f’għajnejn Alla.

Imma kif nistgħu nimxu fit-​triq ir-​retta? Liema barkiet nistgħu nistennew jekk nagħmlu dan? U l-​fatt li ngħixu fi qbil mal-​livelli taʼ tjieba t’Alla kif jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għal oħrajn? F’kapitlu 10 tal-​ktieb Bibliku tal-​Proverbji, is-​Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-​qedem jagħti t-​tweġiba għal dawn il-​mistoqsijiet hekk kif iqabbel il-​bniedem ġust mal-​ħażin. Filwaqt li jagħmel dan, hu juża l-​espressjoni “ġust” 11-il darba. Minn vers 15 sa 32 din l-​espressjoni tidher 7 darbiet. Mela jkun inkuraġġanti jekk nikkunsidraw Proverbji 10:​15-32.a

Żomm Sod mad-​Dixxiplina

Salamun jurina kemm hu importanti li wieħed ikun ġust. Hu jgħid: “Ġid l-​għani hu l-​belt qawwija tiegħu, faqar il-​foqra hu l-​qerda tagħhom. Xogħol il-​ġust iwassal għall-​ħajja, qligħ il-​ħażen jintemm fid-​dnub.”—Proverbji 10:​15, 16.

Il-​ġid li jkollna jistaʼ jkun taʼ protezzjoni kontra xi inċertezzi fil-​ħajja, sewwa sew bħalma belt bis-​swar tipprovdi ftit jew wisq sigurtà lil dawk li joqogħdu fiha. Il-​faqar jistaʼ jkun diżastruż meta tiġri xi ħaġa mhux mistennija. (Koħèlet 7:12) Madankollu, hawnhekk is-​sultan għaref għandu mnejn li qed jagħtina wkoll ħjiel dwar il-​perikli moħbijin wara l-​għana u l-​faqar. Bniedem sinjur jistaʼ jitħajjar ipoġġi l-​fiduċja tiegħu kollha kemm hi fl-​għana, billi l-​oġġetti prezzjużi tiegħu jistħajjilhom xi “sur għoli madwaru.” (Proverbji 18:11) U bniedem fqir jistaʼ jkollu l-​ħarsa żbaljata li l-​faqar tiegħu qed ineħħilu kull tama għall-​futur. Għaldaqstant, it-​tnejn li huma jonqsu li jagħmlu isem tajjeb m’Alla.

Min-​naħa l-​oħra, sew jekk il-​ġust ikollu ftit materjalment u sew jekk ikollu ħafna, l-​attività retta tiegħu twassal għall-​ħajja. Kif? Sewwa, hu kuntent b’dak li għandu. Ma jħallix is-​sitwazzjoni finanzjarja tiegħu tfixkel il-​waqfa approvata tiegħu m’Alla. Fqir jew sinjur, il-​mod kif jgħix il-​bniedem ġust iġiblu ferħ issa u jagħtih tama taʼ ħajja taʼ dejjem fil-​futur. (Ġob 42:​10-13) Il-​ħażin ma jieħu l-​ebda benefiċċju anki jekk isir sinjur. Minflok ma japprezza l-​għana minħabba l-​protezzjoni li toffrilu u jgħix fi qbil mar-​rieda t’Alla, hu juża ġidu biex jagħtiha iktar għall-​ħajja tad-​dnub.

“Min jilqaʼ t-​tagħlim [“id-​dixxiplina,” “NW”], hu fi triq il-​ħajja,” ikompli s-​sultan taʼ Iżrael, “iżda min iwarrab it-​twiddib, jitlef it-​triq.” (Proverbji 10:17) Wieħed studjuż tal-​Bibbja jissuġġerixxi li dan il-​vers jistaʼ jinftiehem b’żewġ modi. L-​ewwel possibbiltà hija li l-​individwu li joqgħod għad-​dixxiplina u jagħmel ħiltu biex ikun ġust jinsab fit-​triq li twassal għall-​ħajja, mentri l-​wieħed li jinjora t-​twiddib joħroġ minn dik it-​triq. Il-​vers jistaʼ jfisser ukoll li “dak li jagħti kas tad-​dixxiplina juri t-​triq li twassal għall-​ħajja [lil oħrajn għax jibbenefikaw mill-​eżempju tajjeb tiegħu], imma kull min jinjora l-​korrezzjoni jmexxi lil oħrajn ’il barra mit-​triq.” (Proverbji 10:​17, New International Version) Hu x’inhu l-​każ, kemm hu vitali li nżommu sod mad-​dixxiplina u ma nwarrbux it-​twiddib!

Imħabba flok Mibegħda

Salamun imbagħad jippreżenta proverbju li għalkemm hu maqsum f’żewġ partijiet dawn għandhom l-​istess ħsieb. Fil-​fatt, it-​tieni parti ssaħħaħ dak li tgħid l-​ewwel parti. Salamun jgħid: “Min jgħid il-​gideb jaħbi l-​mibegħda.” Jekk wieħed ikollu l-​mibegħda f’qalbu għal xi ħadd u jaħbiha bi kliem ħelu jew tifħir żejjed, ikun qed iqarraq—ikollu “xofftejn giddieba” (Saydon). Maʼ dan, is-​sultan għaref iżid: “Min iqassas fuq l-​oħrajn hu iblah.” (Proverbji 10:18) Minflok ma jaħbu l-​mibegħda tagħhom, xi nies jagħmlu akkużi foloz jew jgħaddu kummenti negattivi fuq il-​persuna li jobogħdu. Dan m’huwiex għaqli għax ix-​xniegħa mimlija malafama m’hijiex se tbiddel lil dik il-​persuna minn kif fil-​fatt hi. U min jismaʼ l-​qlajja’ se jinduna bil-​kattiverija u mhux se jibqaʼ jkollu l-​istess rispett lejn dak li jkun ħareġ ix-​xniegħa. Għalhekk, dak li jkun qed ixerred xniegħa ħażina jkun qed jagħmel biss ħsara lilu nnifsu.

L-iktar ħaġa ġusta hi li la tirrikorri għall-​qerq u lanqas għall-​malafama. Alla qal lill-​Iżraelin: “La tbejjitx lil ħuk f’qalbek.” (Levitiku 19:17) U lis-​semmiegħa tiegħu Ġesù tahom dan il-​parir: “Ħobbu [anki] lill-​għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-​smewwiet.” (Mattew 5:​44, 45) Kemm ikun aħjar jekk nimlew qalbna bl-​imħabba minflok bil-​mibegħda!

‘Qis Kliemek’

Is-​sultan għaref jenfasizza l-​bżonn li nikkontrollaw ilsienna billi jistqarr: “Il-​kliem żejjed m’hux nieqes mill-​ħtija; meqjus fi kliemu min hu bil-​għaqal.”—Proverbji 10:19.

‘L-​iblah ikattar kliemu.’ (Koħèlet 10:14) ‘Fommu jferragħ il-​bluha.’ (Proverbji 15:2) Ma rridux ngħidu li kulmin jgħid ħafna huwa iblah. Imma kemm hu faċli għal dak li jitkellem ħafna biex iservi taʼ strument biex jixterdu xnigħat jew diskors taʼ ħsara! Reputazzjoni rovinata, sentimenti mweġġgħin, relazzjonijiet mimlijin tensjoni, u saħansitra ħsara fiżika taʼ spiss jistgħu jiġu assoċjati maʼ diskors fieragħ. “Fit-​tlablib żejjed ma tonqosx xi ħtija.” (Qwiel 10:​19, Saydon) Iktar minn hekk, tiddejjaq meta tkun fil-​kumpanija taʼ xi ħadd li jsib xi ħaġa x’jgħid fuq kollox. Jalla ma jkollniex ħafna x’ngħidu.

Min iqis kliemu mhux biss jevita l-​gideb imma wkoll jaġixxi bil-​għaqal. Jaħseb qabel ma jitkellem. L-​imħabba li għandu għal-​livelli taʼ Jehovah u x-​xewqa ġenwina li jgħin lill-​proxxmu tiegħu jqanqluh biex jagħti kas x’effett jistaʼ jkollu kliemu fuq oħrajn. Jitkellem b’imħabba u qalb tajba. Jirrifletti fuq kif id-​diskors tiegħu jistaʼ jkun pjaċevoli u li jibni. Kliemu “bħal tuffieħ tad-​deheb fuq platt tal-​fidda”—tattikuż u dinjituż il-​ħin kollu.—Proverbji 25:11.

“Jitimgħu lil Ħafna”

“Lsien il-​ġust fidda magħżula,” ikompli Salamun, “moħħ il-​ħżiena ftit li xejn jiswa.” (Proverbji 10:20) Dak li jgħid il-​ġust hu pur—bħal fidda magħżula, taʼ kwalità, mingħajr impuritajiet. Żgur li dan huwa minnu fil-​każ tal-​qaddejja taʼ Jehovah hekk kif dawn jaqsmu m’oħrajn l-​għarfien mill-​Kelma t’Alla li jsalva l-​ħajjiet. L-​Istruttur Grandjuż tagħhom, Alla Jehovah, għallimhom u tahom ‘ilsien taʼ wieħed mgħallem, biex jagħrfu jgħinu lill-​għajjien b’xi kelma.’ (Isaija 30:20; 50:4) Tabilħaqq, fommhom hu bħal fidda magħżula hekk kif jitkellmu dwar il-​verità tal-​Bibbja. Għal dawk l-​uħud taʼ qalb onesta, kliemhom hu ferm iktar siewi u prezzjuż mill-​intenzjonijiet tal-​bniedem ħażin. Ejja nkunu ħerqana biex nitkellmu dwar is-​Saltna t’Alla u l-​għemejjel meraviljużi tiegħu.

Il-​ġust huwa barka għal dawk taʼ madwaru. “Xufftejn il-​ġust jgħallmu [“jitimgħu,” “Saydon”] lil ħafna,” ikompli Salamun, “imma l-​boloh jintemmu għax bla moħħ.”—Proverbji 10:21.

Il-ġust kif jibqaʼ ‘jitmaʼ lil ħafna’? Il-​kelma Ebrajka użata hawnhekk tagħti l-​idea tax-​xogħol taʼ ragħaj. Iġġorr il-​ħsieb taʼ li tiggwida kif ukoll taʼ li ssostni, bħalma r-​ragħaj kien jieħu ħsieb in-​nagħaġ tiegħu fl-​imgħoddi. (1 Samwel 16:11; Salm 23:​1-3; L-​Għanja taʼ l-​Għanjiet 1:7) Il-​ġust jiggwida jew imexxi lil oħrajn fit-​triq tal-​ġustizzja, kliemu jsostni lil min jisimgħu. Bħala riżultat, huma jgħixu ħajja iktar ferħana, iktar sodisfaċenti, u jistgħu saħansitra jirċievu ħajja taʼ dejjem.

Iżda xi ngħidu dwar l-​iblah? Ladarba bla moħħ, hu nieqes mill-​motiv tajjeb jew mit-​tħassib dwar il-​konsegwenzi li jistaʼ jbati minħabba l-​mod taʼ ħajja tiegħu. Bniedem bħal dan jagħmel kulma jfettillu, u jagħlaq għajnejh għal dak li jistaʼ jiġri. Għaldaqstant, ikollu jbati l-​konsegwenzi t’għemilu. Filwaqt li l-​ġust jgħin biex iżomm lil oħrajn ħajjin, il-​bniedem bla moħħ lanqas lilu nnifsu ma jirnexxilu jżomm ħaj.

Aħrab minn Kondotta Laxka

Taʼ spiss, il-​gosti taʼ individwu jikxfu l-​personalità tiegħu. Is-​sultan taʼ Iżrael jistqarr dan il-​fatt billi jgħid: “Il-​gost tiegħu l-​iblah jagħmel il-​ħażen [jew, kondotta laxka], imma l-​hena taʼ l-​għaref li jimxi bl-​għaqal [“u għall-​bniedem tal-​għaqal li jikseb il-​għerf,” “Saydon”].”—Proverbji 10:23.

Xi wħud iħarsu lejn il-​kondotta laxka bħala sport, jew logħba, u jieħdu sehem fiha sempliċement għall-​“gost.” Nies bħal dawn jinjoraw il-​fatt li kulħadd irid jagħti kont lil Alla, u jagħlqu għajnejhom għall-​ħażen li jkunu qegħdin jagħmlu. (Rumani 14:12) Ir-​raġunar tagħhom isir tant mgħawweġ li jibdew jaħsbu li Alla mhux qed jara l-​ħażen tagħhom. Bl-​għemejjel tagħhom, huma jkunu fil-​fatt qegħdin jgħidu: “M’hemmx Alla!” (Salm 14:​1-3; Isaija 29:​15, 16) Xi bluha!

Mill-banda l-​oħra, il-​bniedem għaqli jirrealizza li l-​kondotta laxka m’hijiex xi sport. Hu jaf li Alla ma jiħux pjaċir biha u li din tistaʼ tkisser ir-​relazzjoni li wieħed ikollu m’Alla. Kondotta bħal din hija bluha għaliex lin-​nies tisirqilhom ir-​rispett lejhom infushom, tkissrilhom iż-​żwiġijiet, tagħmel ħsara kemm lill-​moħħ kif ukoll lill-​ġisem, u twassalhom biex jitilfu l-​apprezzament għall-​affarijiet spiritwali. Inkunu għaqlin jekk inwarrbu minn kondotta laxka u nikkultivaw affezzjoni għall-​għerf bħallikieku dan hu oħt għażiża.—Proverbji 7:4.

Ibni fuq Pedament Tajjeb

Salamun jiġbed l-​attenzjoni lejn l-​importanza taʼ li nibnu ħajjitna fuq pedament tajjeb billi jgħid: “Dak li minnu l-​ħażin jibżaʼ, jiġi fuqu, imma tinqatgħalhom xewqithom lit-​tajbin. Tgħaddi t-​tempesta, u jgħib il-​ħażin, imma l-​ġust jibqaʼ fis-​sod għal dejjem.”—Proverbji 10:​24, 25.

Il-bniedem ħażin jistaʼ jbeżżaʼ lil oħrajn. Madankollu, fl-​aħħar jiġi fuqu dak li hu stess jibżaʼ minnu. Billi m’għandux pedament ibbażat fuq il-​prinċipji taʼ tjieba, hu jixbah lil dak il-​bini li jaqaʼ f’maltempata qawwija għax ma jkunx fis-​sod. Iċedi taħt pressjoni. Mill-​banda l-​oħra, il-​ġust hu bħal dak ir-​raġel li jagħmel sewwa sew bħalma qal Ġesù. Hu “bniedem għaqli li bena daru fuq il-​blat.” U Ġesù qal li: “Niżlet ix-​xita, ġew il-​widien, qamu l-​irwiefen u ħabtu fuq dik id-​dar, iżda ma ġġarrfitx għax kellha s-​sisien tagħha fuq il-​blat.” (Mattew 7:​24, 25) Bniedem bħal dan hu stabbli—il-​ħsibijiet u l-​għemejjel tiegħu huma bbażati fis-​sod fuq il-​prinċipji t’Alla.

Qabel ma jkompli bil-​kuntrast bejn il-​ġust u l-​ħażin, is-​sultan għaref jippreżenta twissija qasira imma importanti. Hu jgħid: “Bħall-​ħall għas-​snien u bħad-​duħħan għall-​għajnejn, hekk hu l-​għażżien għal min jibagħtu jaqdih.” (Proverbji 10:26) Il-​ħall ma jagħmlilhomx tajjeb lis-​snien. L-​aċidu aċetiku tal-​ħall jipproduċi togħma qarsa fil-​ħalq u jistaʼ jġiegħel is-​snien isiru sensittivi. Id-​duħħan jikkaġuna ħruq u wġigħ fl-​għajnejn. Fi qbil maʼ dan, kulmin jimpjega lil xi ħadd għażżien jew jużah bħala rappreżentant bla dubju se jispiċċa inkwetat u b’telf finanzjarju.

“Triq il-​Mulej Hi Fortizza”

Is-​sultan taʼ Iżrael ikompli: “Il-​biżaʼ tal-​Mulej ikattar l-​għomor, imma l-​ħżiena għomorhom qasir. It-​tajbin jistennew u jithennew, imma l-​ħżiena jittamaw għalxejn.”—Proverbji 10:​27, 28.

Il-ġust iħalli l-​biżaʼ t’Alla jiggwidah u jipprova jogħġob lil Jehovah bi ħsibijietu, bi kliemu, u b’għemilu. Alla jieħu ħsiebu u jissodisfa l-​istennijiet ġusti tiegħu. Iżda, il-​ħażin jgħix ħajja mbiegħda minn Alla. Xi kultant, it-​tamiet tiegħu għandhom mnejn jidhru mwettqin imma huwa biss għal ftit żmien, għaliex taʼ spiss ħajtu tintemm ħesrem minħabba l-​vjolenza jew mard kaġunat mill-​mod taʼ kif għex ħajtu. Dak in-​nhar li jmut it-​tamiet kollha tiegħu jisfaw fix-​xejn.—Proverbji 11:7.

“Triq il-​Mulej hi fortizza għall-​bniedem rett,” jgħid Salamun, “iżda rovina għal dawk li jagħmlu l-​ħażen.” (Proverbji 10:​29, KŻ) Triq il-​Mulej li ssir referenza għaliha hawn m’hijiex it-​triq tal-​ħajja li fiha għandna nimxu, imma l-​mod kif Alla jittratta mal-​bnedmin. “Il-​Blata tagħna; perfett għemilu,” qal Mosè, “u lkoll ġusti t-​triqat tiegħu.” (Dewteronomju 32:4) Il-​ġustizzja t’Alla tfisser sigurtà għall-​ġusti u rovina għall-​ħżiena.

Kemm juri biċ-​ċar Jehovah li hu fortizza għall-​poplu tiegħu! “Il-​bniedem ġust qatt ma jitħarrek, imma l-​ħżiena ma jdumux fuq l-​art. Minn fomm il-​ġust joħroġ l-​għerf, imma l-​ilsien qarrieq jinqataʼ barra. Fomm il-​ġust jgħid dak li jingħoġob, imma fomm il-​ħżiena jitkellem bil-​qerq.”—Proverbji 10:​30-32.

Żgur li l-​ġusti se jmorru tajjeb u se jkunu mberkin talli jimxu fit-​triq ir-​retta. Tabilħaqq, “il-​barka tal-​Mulej iġġib l-​għana, u xejn ma jżid magħha t-​taħbit tagħna.” (Proverbji 10:22) Mela, jalla nkunu dejjem żguri li qed nimxu fi qbil mal-​prinċipji t’Alla. Ejja wkoll inqisu kliemna u nużaw fommna biex insostnu lil oħrajn bil-​verità tal-​Kelma t’Alla li ssalva l-​ħajjiet u niggwidawhom fit-​triq tal-​ġustizzja.

[Nota taʼ taħt]

a Għal diskussjoni dettaljata dwar Proverbji 10:​1-14, ara It-​Torri taʼ l-​Għassa tal-​15 taʼ Lulju, 2001, paġni 24-7.

[Stampa f’paġna 26]

Fommna jistaʼ jkun bħal “fidda magħżula”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja