LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 8/15 pp. 15-20
  • ‘Imxu Warajja’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Imxu Warajja’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nikkultivaw l-​Imħabba għall-​Veritajiet li Nitgħallmu
  • Nuru Mħabba għall-​Veritajiet li Ngħallmu
  • Imħabba għan-​Nies li Ngħallmu
  • L-​Umiltà Hija Essenzjali biex Nuru l-​Imħabba
  • Imita lil Ġesù—Għallem bl-Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Orbot qalbek maʼ teżori spiritwali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • “Jien Tajtkom Eżempju”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Issaħħaħ Permezz taʼ l-Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 8/15 pp. 15-20

‘Imxu Warajja’

“Għal dan intom kontu msejjħa għax Kristu wkoll bata għalikom u ħallielkom eżempju biex timxu fuq il-​passi tiegħu.”—1 Pietru 2:21.

1, 2. L-eżempju perfett taʼ Ġesù bħala għalliem għala m’huwiex kbir wisq għalina biex nimitawh?

ĠESÙ KRISTU ċertament li kien l-​aqwa Għalliem li qatt mexa fuq l-​art. Iżjed minn hekk, kien perfett, u qatt ma dineb matul ħajtu kollha bħala bniedem. (1 Pietru 2:22) Iżda, ifisser dan li l-​eżempju taʼ Ġesù bħala għalliem huwa kbir wisq għalina l-​bnedmin imperfetti biex nimitawh? Lanqas xejn!

2 Bħalma rajna fl-​artiklu taʼ qabel, ix-​xogħol taʼ tagħlim taʼ Ġesù kien imsejjes fuq l-​imħabba. U l-​imħabba hija xi ħaġa li lkoll nistgħu nikkultivawha. Il-​Kelma t’Alla spiss tħeġġiġna biex inkabbru u ntejbu l-​imħabba tagħna għal oħrajn. (Filippin 1:9; Kolossin 3:14) Jehovah qatt ma jippretendi mill-​ħlejjaq tiegħu xi ħaġa li ma jistgħux jagħmluha. Fil-​fatt, ladarba “Alla hu mħabba” u għamilna fix-​xbieha tiegħu stess, jistaʼ jintqal li hu ħalaqna biex nuru l-​imħabba. (1 Ġwann 4:8; Ġenesi 1:27) Mela meta naqraw il-​kliem taʼ l-​appostlu Pietru mniżżel fl-​iskrittura li għandna bħala tema, nistgħu nwieġbu b’ċertezza li se nirnexxu. Nistgħu nsegwu l-​passi taʼ Kristu mill-​qrib. Fil-​fatt, nistgħu nobdu l-​kmand taʼ Ġesù stess: ‘Imxu warajja.’ (Luqa 9:23) Ejja nikkunsidraw kif nistgħu nimitaw l-​imħabba li wera Kristu, l-​ewwel għall-​veritajiet li għallem, u mbagħad għan-​nies li għallem.

Nikkultivaw l-​Imħabba għall-​Veritajiet li Nitgħallmu

3. Xi wħud għala jsibuha iebsa li jistudjaw, imma liema tħeġġiġ insibu fi Proverbji 2:​1-5?

3 Sabiex inkunu nħobbu l-​veritajiet li ngħallmu lil oħrajn, irridu nkunu nħobbu nitgħallmu dawn il-​veritajiet aħna stess. Fid-​dinja taʼ llum, mhux dejjem faċli tiżviluppa din l-​imħabba għat-​tagħlim. Fatturi bħal edukazzjoni fqira u drawwiet ħżiena li jkunu ġew żviluppati fiż-​żgħożija jġagħlu lil ħafna jibqgħu jiddejqu bl-​istudju. Madankollu, huwa essenzjali li nitgħallmu minn Jehovah. Proverbji 2:​1-5 jgħid: “Ibni, jekk int tilqaʼ kliemi, u taħżen ġo fik il-​kmandamenti tiegħi billi tagħti widen għall-​għerf, u tħalli lil moħħok jifhem sewwa [“tmejjel qalbek għall-​fehma t-​tajba,” Saydon]; jekk issejjaħ l-​għerf, u tgħolli leħnek għall-​fehma t-​tajba; jekk tfittex l-​għerf bħall-​fidda, u tħaffer għalih bħal teżor moħbi; mbagħad tifhem il-​biżaʼ tal-​Mulej, u ssib it-​tagħrif taʼ Alla.”

4. X’jiġifieri li “tmejjel qalbek,” u liema ħarsa se tgħinna nagħmlu dan?

4 Innota li fil-​versi 1 sa 4, darba wara l-​oħra niġu mħeġġin biex nagħmlu sforz mhux biss biex ‘nilqgħu’ u ‘naħżnu ġo fina’ imma wkoll biex ‘infittxu’ u ‘nħaffru.’ Iżda x’se jqanqalna nagħmlu dan kollu? Sewwa, innota l-​frażi “tmejjel qalbek għall-​fehma t-​tajba.” Xogħol wieħed taʼ referenza jgħid li dan it-​tħeġġiġ “m’huwiex appell għall-​attenzjoni biss; jitlob li jkollok ċerta attitudni: ħerqa biex tilqaʼ t-​tagħlim.” U x’jistaʼ jagħmilna ħerqanin u lesti li nitgħallmu dak li Jehovah jgħallimna? Il-​ħarsa tagħna. Irridu nqisu “t-​tagħrif taʼ Alla” bħal “fidda” u “teżor moħbi.”

5, 6. (a) X’jistaʼ jiġri maż-​żmien, u dan kif nistgħu nevitawh? (b) Għala għandna nkomplu nżidu mat-​teżori t’għarfien li sibna fil-​Bibbja?

5 M’huwiex diffiċli tikseb ħarsa bħal din. Per eżempju, “it-​tagħrif taʼ Alla” li ħadt x’aktarx jinkludi l-​verità li Jehovah għandu l-​iskop li l-​bnedmin leali jgħixu għal dejjem f’Ġenna fuq l-​art. (Salm 37:​28, 29) Meta tgħallimt il-​verità għall-​ewwel darba, int bla dubju qistha bħala teżor ġenwin, fatt li mlielek moħħok u qalbek bit-​tama u l-​ferħ. Xi ngħidu issa? Maż-​żmien, iċċajpar jew ittappan l-​apprezzament għat-​teżor tiegħek? Mela ipprova agħmel żewġ affarijiet. L-​ewwelnett, ġedded l-​apprezzament tiegħek, jiġifieri, regolarment fakkar lilek innifsek għala tqis taʼ valur kull verità li Jehovah għallmek, anki dawk li tgħallimt bosta snin ilu.

6 It-​tieni, kompli żid mat-​teżor tiegħek. Wara kollox, jekk tinzerta tkun qed tħaffer u ssib ġawhra prezzjuża, sempliċement titfagħha fil-​but u titlaq ’l hemm kuntent? Jew tkompli tħaffer biex tara jekk hemmx iktar? Il-​Kelma t’Alla mimlija veritajiet prezzjużi li huma bħal ġawhar u biċċiet tal-​fidda. Sibt kemm sibt, tistaʼ ssib iktar. (Rumani 11:33) Meta ssib biċċa verità oħra, staqsi lilek innifsek: ‘Din għala hija teżor? Tagħtini fehma iktar profonda dwar il-​personalità jew l-​iskopijiet taʼ Jehovah? Toffri gwida prattika li tistaʼ tgħinni nsegwi l-​passi taʼ Ġesù?’ Il-​fatt li timmedita fuq mistoqsijiet bħal dawn se jgħinek tikkultiva mħabbtek għall-​veritajiet li għallmek Jehovah.

Nuru Mħabba għall-​Veritajiet li Ngħallmu

7, 8. X’inhuma xi modi li bihom nistgħu nuru lil oħrajn li nħobbu l-​veritajiet li tgħallimna mill-​Bibbja? Agħti eżempju.

7 Aħna u ngħallmu lil oħrajn, kif nistgħu nuru li nħobbu l-​veritajiet li tgħallimna mill-​Kelma t’Alla? Billi nsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù, aħna nistrieħu ħafna fuq il-​Bibbja fix-​xogħol tagħna taʼ l-​ippridkar u t-​tagħlim. Fi żminijiet reċenti, in-​nies t’Alla madwar id-​dinja ġew inkuraġġiti jużaw iktar il-​Bibbja fil-​ministeru pubbliku tagħhom. Hekk kif tapplika dan is-​suġġeriment, fittex modi kif turi lill-​inkwilin li int stess tapprezza dak li qed turih mill-​Bibbja.—Mattew 13:52.

8 Per eżempju, wara l-​attakk terroristiku tas-​sena l-​oħra fil-​Belt taʼ New York, waħda oħt Kristjana kienet qed turi Salm 46:​2, 12 (46:​1, 11, NW) lin-​nies li ltaqgħet magħhom fil-​ministeru. L-​ewwel staqsiethom kif kienu għaddejjin wara t-​traġedja. Hi semgħet sewwa t-​tweġiba tagħhom, uriethom li fehmet, u mbagħad qalet: “Nistaʼ nurik skrittura li sibtha verament taʼ faraġ għalija f’dan iż-​żmien diffiċli?” Ftit kienu dawk li rrifjutaw, u din l-​oħt kellha ħafna diskussjonijiet eċċellenti. Meta tkellem liż-​żgħażagħ, hi taʼ spiss tgħid: “Issa ilni 50 sena ngħallem il-​Bibbja, u taf li qatt ma ltqajt maʼ problema waħda li dan il-​ktieb ma jagħtix l-​għajnuna biex tissolva?” Billi nkellmu lin-​nies bis-​sinċerità u bl-​entużjażmu, nuruhom li napprezzaw u nħobbu dak li tgħallimna mill-​Kelma t’Alla.—Salm 119:​97, 105.

9, 10. Għala huwa importanti li nużaw il-​Bibbja meta nwieġbu mistoqsijiet dwar it-​twemmin tagħna?

9 Meta n-​nies jagħmlulna mistoqsijiet dwar it-​twemmin tagħna, ikollna opportunità mill-​aqwa biex nuru li nħobbu l-​Kelma t’Alla. Billi nsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù, aħna ma naqbdux u nibbażaw it-​tweġibiet tagħna fuq l-​ideat tagħna stess. (Proverbji 3:​5, 6) Minflok, aħna nużaw il-​Bibbja biex inwiġbuhom. Tibżaʼ li xi ħadd forsi jistaqsik mistoqsija li ma tkunx taf tweġibha? Ikkunsidra żewġ passi pożittivi li tistaʼ tieħu.

10 Agħmel li tistaʼ biex tkun preparat. L-​appostlu Pietru kiteb: “Lill-​Mulej Kristu qaddsu f’qalbkom. Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-​għala tat-​tama li għandkom; imma wieġbu bil-​ħlewwa u bir-​rispett.” (1 Pietru 3:​15, 16a [3:​15, NW]) Lest int li tiddefendi t-​twemmin tiegħek? Per eżempju, jekk xi ħadd ikun irid jaf għala ma tiħux sehem f’xi drawwa jew prattika mhux skritturali, tikkuntentax biss b’li tgħid, “Din tmur kontra r-​reliġjon tiegħi.” Tweġiba bħal din tistaʼ tagħti lil dak li jkun x’jifhem li int tħalli lil ħaddieħor jieħu d-​deċiżjonijiet għalik u li għalhekk int membru taʼ xi kult. Ikun aħjar li tgħid, “Il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, tikkundannaha” jew, “Ma togħġbux lil Alla tiegħi.” Imbagħad b’mod raġunevoli tispjega għala.—Rumani 12:1.

11. Liema għodod taʼ riċerka jistgħu jgħinuna nkunu mħejjijin biex inwieġbu mistoqsijiet dwar il-​veritajiet tal-​Kelma t’Alla?

11 Jekk ma tħossokx preparat, għala ma tqattax ftit ħin tistudja l-​ktejjeb Suġġetti Bibliċi għal Diskussjoni, jew il-​ktieb Reasoning From the Scriptures?a Agħżel ftit suġġetti li taħseb li x’aktarx in-​nies se jqajmu mistoqsijiet dwarhom, u tgħallem xi punti Skritturali biex tiftakarhom. Żomm il-​ktejjeb Suġġetti Bibliċi għal Diskussjoni, jew il-​ktieb Reasoning, u l-​Bibbja tiegħek fejn issibhom malajr. Taħsibhiex darbtejn biex tużahom it-​tnejn, u għid lil dak li jkun li għandek għodda taʼ riċerka li tixtieq tużaha biex issib it-​tweġiba tal-​Bibbja għall-​mistoqsijiet.

12. Kif nistgħu nwieġbu jekk ma nkunux nafu t-​tweġiba għal xi mistoqsija dwar il-​Bibbja?

12 Ipprova toqgħodx tinkwieta għalxejn. L-​ebda bniedem imperfett ma jaf ir-​risposta għal kull ħaġa. Allura meta xi ħadd jistaqsik mistoqsija dwar il-​Bibbja li ma tkunx taf ir-​risposta għaliha, dejjem tistaʼ twieġeb b’dan il-​mod: “Grazzi talli qajjimt mistoqsija interessanti bħal din. Ngħidlek il-​verità, ma nafhiex it-​tweġiba, imma ninsab ċert li l-​Bibbja titkellem dwar dan is-​suġġett. Jien inħobb nagħmel riċerka fuq il-​Bibbja, u għalhekk se nfittex dwar il-​mistoqsija tiegħek u nerġaʼ niġi bit-​tweġiba.” Jekk tkun sinċier u onest b’dan il-​mod, tistaʼ tiftaħ it-​triq għal iktar diskussjonijiet.—Proverbji 11:2.

Imħabba għan-​Nies li Ngħallmu

13. Għala għandna nżommu ħarsa pożittiva dwar dawk li nippridkawlhom?

13 Ġesù wera mħabba għan-​nies li għallem. Kif nistgħu nimitawh f’dan ir-​rigward? Qatt m’għandna niżviluppaw attitudni taʼ x’jimpurtani lejn in-​nies taʼ madwarna. Veru, “il-​gwerra taʼ nhar il-​Jum il-​kbir taʼ Alla li jistaʼ kollox” qed toqrob dejjem iktar, u ħafna wħud fost il-​biljuni taʼ nies li jeżistu se jinqerdu. (Apokalissi 16:14; Ġeremija 25:33) Madankollu, ma nafux min se jgħix u min se jmut. Dak il-​ġudizzju se jseħħ fil-​futur u se jsir mill-​wieħed li ħatar Jehovah, Ġesù Kristu. Sakemm isir il-​ġudizzju, aħna nqisu lil kull individwu bħala li għandu l-​potenzjal li jsir qaddej taʼ Jehovah.—Mattew 19:​24-26; 25:​31-33; Atti 17:31.

14. (a) Kif nistgħu neżaminaw lilna nfusna dwar jekk għandniex empatija għan-​nies? (b) B’liema modi prattiċi nistgħu nuru empatija u interess persunali f’oħrajn?

14 Mela, bħal Ġesù aħna nfittxu li jkollna empatija għan-​nies. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Inħoss jien għan-​nies li ġew imqarrqin mill-​gideb u l-​qerq makakk taʼ l-​elementi reliġjużi, politiċi, u kummerċjali taʼ din id-​dinja? Jekk jidhru apatetiċi lejn il-​messaġġ li nagħtuhom, infittex jien li nifhem għala jħossuhom hekk? Nagħraf li xi darba jien, jew oħrajn li bħalissa qed jaqdu lil Jehovah fedelment, kont inħossni hekk? Addattajt il-​mod kif nippriedka fi qbil maʼ dan? Jew ninjora lil dawn in-​nies bħala wħud li m’hemmx tama għalihom li jinbidlu?’ (Apokalissi 12:9) Meta n-​nies iħossu li għandna empatija ġenwina għalihom, hemm iktar ċans li jwieġbu favorevolment għall-​messaġġ tagħna. (1 Pietru 3:8) L-​empatija tistaʼ wkoll tqanqalna biex nieħdu iktar interess fin-​nies li niltaqgħu magħhom fil-​ministeru tagħna. Nistgħu nieħdu nota tal-​mistoqsijiet tagħhom u l-​affarijiet li jinteressawhom. Meta mmorru lura, nistgħu nuruhom li ħsibna dwar dak li qalu l-​aħħar darba li żorniehom. U jekk ikollhom xi bżonn urġenti dak il-​ħin, forsi nkunu nistgħu noffrulhom xi għajnuna prattika.

15. Għala għandna nfittxu t-​tajjeb fin-​nies, u dan kif nistgħu nagħmluh?

15 Bħal Ġesù, aħna nfittxu t-​tajjeb fin-​nies. Forsi hemm omm li qed tagħmel sforz kbir biex trabbi lil uliedha waħedha. Raġel qed jitħabat biex imantni lill-​familja tiegħu. Persuna anzjana turi interess f’affarijiet spiritwali. Ninnotawhom kwalitajiet bħal dawn fin-​nies li niltaqgħu magħhom u nfaħħruhom għal dan? Billi nagħmlu hekk, inkunu qed nenfasizzaw l-​affarijiet li hemm komuni bejnietna u nistgħu niftħu t-​triq biex nagħtu xiehda dwar is-​Saltna.—Atti 26:​2, 3.

L-​Umiltà Hija Essenzjali biex Nuru l-​Imħabba

16. Għala huwa importanti li nibqgħu nuru ħlewwa u rispett lejn dawk li nippridkawlhom?

16 L-​imħabba għan-​nies li ngħallmu se tqanqalna nagħtu kas it-​twissija għaqlija tal-​Bibbja: “L-​għerf jonfoħna; l-​imħabba tibnina.” (1 Korintin 8:1) Ġesù kellu għerf kbir, imma qatt ma kien imkabbar. Mela int u taqsam it-​twemmin tiegħek m’oħrajn, evita li tesprimi ruħek b’manjiera argumentattiva jew b’arja taʼ superjorità. Il-​mira tagħna hi li nilħqu l-​qlub u niġbdu lin-​nies lejn il-​veritajiet li tant inħobbu. (Kolossin 4:6) Ftakar li, meta Pietru ta l-​parir lill-​Kristjani biex ikunu lesti li jagħtu tweġiba, hu inkluda t-​tfakkira li għandna nagħmlu dan “bil-​ħlewwa u bir-​rispett.” (1 Pietru 3:16a [3:​15, NW]) Jekk ikollna l-​ħlewwa u r-​rispett, se jkun hemm iktar ċans li niġbdu lin-​nies lejn dak Alla li lilu naqdu.

17, 18. (a) Kif għandna nirreaġixxu għal attitudnijiet taʼ kritika dwar il-​kwalifiki tagħna bħala ministri? (b) Għala m’huwiex essenzjali għall-​istudenti tal-​Bibbja li jkollhom għarfien tal-​lingwi antiki tal-​Bibbja?

17 M’hemmx bżonn li nimpressjonaw lin-​nies bl-​għarfien tagħna jew b’kemm nafu skola. Jekk xi wħud fit-​territorju tiegħek jirrifjutaw li jisimgħu lil kulmin m’għandux xi lawrja mill-​università jew xi titli, tħallix l-​attitudni tagħhom tiskuraġġik. Ġesù ma tax kas l-​oġġezzjoni li hu ma kienx attenda skejjel rabbiniċi prestiġjużi taʼ żmienu; lanqas ma ċeda għall-​preġudizzji popolari billi pprova jimpressjona lin-​nies bit-​tagħlim vast li kellu.—Ġwann 7:15.

18 Għall-​ministri Kristjani, l-​umiltà u l-​imħabba huma bil-​wisq iktar importanti minn kull ammont taʼ edukazzjoni sekulari. Huwa Jehovah, l-​Edukatur il-​Kbir, li jikkwalifikana għall-​ministeru. (2 Korintin 3:​5, 6) U jgħidu x’jgħidu xi wħud mill-​kleru tal-​Kristjaneżmu, m’għandniex għalfejn nitgħallmu l-​lingwi antiki tal-​Bibbja biex insiru għalliema tal-​Kelma t’Alla. Jehovah nebbaħ il-​Bibbja biex tinkiteb b’espressjonijiet tant ċari u speċifiċi illi tistaʼ tgħid kulħadd jistaʼ jifhem il-​veritajiet prezzjużi tagħha. Dawk il-​veritajiet ma jinbidlux anki meta jinqalbu f’mijiet taʼ mijiet taʼ lingwi. B’hekk, għarfien tal-​lingwi antiki, filwaqt li kultant ikun utli, m’huwiex essenzjali. Iktar minn hekk, meta wieħed ikun kburi minħabba li jkollu xi abbiltà lingwistika, dan jistaʼ jitlef kwalità li hija essenzjali għall-​Kristjani veri—li jkun lest li jitgħallem.—1 Timotju 6:4.

19. Il-​ministeru Kristjan tagħna f’liema sens huwa servizz?

19 Ma jistaʼ jkun hemm l-​ebda dubju li l-​ministeru Kristjan tagħna huwa xogħol li jeħtieġ attitudni t’umiltà. Aħna regolarment inħabbtu wiċċna m’oppożizzjoni, indifferenza, u saħansitra persekuzzjoni. (Ġwann 15:20) Madankollu, billi nwettqu fedelment il-​ministeru tagħna, inkunu qed nagħtu servizz vitali. Jekk inkomplu naqdu lil oħrajn bl-​umiltà f’dan ix-​xogħol, inkunu qed nimitaw l-​imħabba li wera Ġesù Kristu lejn in-​nies. Ikkunsidra dan: Kieku kellna nippridkaw lil elf ruħ indifferenti jew li jopponu sabiex nilħqu individwu wieħed li jkun bħal nagħġa, m’huwiex taʼ min jagħmlu dan l-​isforz? Dażgur li hu! Mela billi nippersistu fix-​xogħol, u qatt ma naqtgħu qalbna, inkunu qed naqdu fedelment lil uħud li huma bħal nagħaġ li għadna rridu nilħquhom. Bla dubju Jehovah u Ġesù se jaraw li jinstabu ħafna iktar individwi prezzjużi bħal dawn u li dawn jingħataw għajnuna qabel jasal it-​tmiem.—Ħaggaj 2:7.

20. X’inhuma xi modi li bihom nistgħu ngħallmu bl-​eżempju?

20 Mod ieħor kif nuru li aħna lesti li naqdu lil oħrajn hu billi ngħallmu bl-​eżempju tagħna. Per eżempju, irridu ngħallmu lin-​nies illi l-​aqwa mod taʼ ħajja li jistaʼ jkollna u l-​iktar li jġibilna sodisfazzjon hu li naqdu lil Jehovah, Alla ferħan. (1 Timotju 1:11) Hekk kif josservaw l-​imġiba tagħna u kif naġixxu mal-​ġirien tagħna, maʼ sħabna taʼ l-​iskola u maʼ tax-​xogħol, jistgħu huma jaraw li aħna ferħanin u sodisfatti? B’mod simili, aħna ngħallmu lill-​istudenti tal-​Bibbja li l-​kongregazzjoni Kristjana hija oasi taʼ mħabba f’dinja bierda u kiefra. Jistgħu l-​istudenti tagħna jaraw faċilment li aħna nħobbu lil kulħadd fil-​kongregazzjoni u li naħdmu iebes biex inżommu l-​paċi bejnietna?—1 Pietru 4:8.

21, 22. (a) Il-fatt li neżaminaw lilna nfusna rigward il-​ministeru tagħna jistaʼ jwassalna biex nieħdu vantaġġ minn liema opportunitajiet? (b) X’se jiġi diskuss fl-​artikli tal-​ħarġa li jmiss taʼ It-​Torri taʼ l-​Għassa?

21 Jekk ikollna x-​xewqa li nagħmlu iżjed fil-​ministeru tagħna, din l-​attitudni tistaʼ, xi drabi, tqanqalna neżaminaw lilna nfusna mill-​ġdid. Meta dan jagħmluh bl-​onestà kollha, ħafna jsibu li jistgħu jespandu s-​servizz tagħhom billi jidħlu fil-​ministeru full-time jew billi jmorru jaqdu fejn il-​bżonn huwa akbar. Oħrajn iddeċidew li jitgħallmu lingwa oħra biex jaqdu lil xi komunità taʼ immigranti li tkun qed tiżdied fit-​territorju tagħhom f’pajjiżhom stess. Jekk għandek dawn l-​għażliet, aħseb dwarhom sew u bit-​talb. Ħajja taʼ servizz iġġib ħafna ferħ, sodisfazzjon, u paċi tal-​moħħ.—Koħèlet 5:11 (5:​12, NW).

22 B’kull mod li nistgħu, ejja nkomplu nimitaw lil Ġesù Kristu billi nikkultivaw l-​imħabba tagħna għall-​veritajiet li ngħallmu u għan-​nies li ngħallmu. Il-​fatt li niżviluppaw u nuru mħabba f’dawn iż-​żewġ affarijiet se jgħinna npoġġu pedament tajjeb biex inkunu għalliema li nixbhu lil Kristu. Iżda kif nistgħu nibnu fuq dan il-​pedament? Fil-​ħarġa li jmiss taʼ It-​Torri taʼ l-​Għassa, se jkun hemm sensiela t’artikli li se jiddiskutu xi metodi speċifiċi taʼ tagħlim li uża Ġesù.

[Nota taʼ taħt]

a Pubblikati mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

Int Kif Twieġeb?

• Liema assiguranza għandna li l-​eżempju taʼ Ġesù bħala għalliem m’huwiex kbir wisq għalina biex nimitawh?

• Kif nistgħu nuru li nħobbu l-​veritajiet li tgħallimna mill-​Bibbja?

• Għala hu importanti li nibqgħu umli hekk kif nikbru fl-​għarfien?

• X’inhuma xi modi li bihom nistgħu nuru mħabba għan-​nies li nipprovaw ngħallmu?

[Stampi f’paġna 16]

Agħmel li tistaʼ biex tkun preparat

[Stampi f’paġna 17]

Jekk “it-​tagħrif taʼ Alla” huwa teżor għalik, tistaʼ tuża l-​Bibbja b’mod effettiv

[Stampa f’paġna 18]

Nuru l-​imħabba tagħna għan-​nies billi naqsmu l-​aħbar tajba magħhom

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja