“Xofftejn is-Sewwa Jżommu Sħiħ għal Dejjem”
BĦALMA ftit nar jistaʼ jqabbad u jeqred foresta sħiħa, dan huwa kapaċi jħassar il-ħajja kollha taʼ individwu. Jistaʼ jkun mimli velenu, imma jistaʼ jkun ukoll “siġra tal-ħajja.” (Proverbji 15:4) Taħt is-setgħa tiegħu hemm il-mewt u l-ħajja. (Proverbji 18:21) Dan il-membru ċkejken, ilsienna, tant huwa b’saħħtu li jistaʼ jniġġes il-ġisem kollu. (Ġakbu 3:5-9) Inkunu għaqlin jekk noqogħdulu għassa.
Fit-tieni parti taʼ kapitlu 12 tal-ktieb Bibliku tal-Proverbji, is-Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-qedem jipprovdi pariri siewja li jgħinuna noqogħdu attenti għal kliemna. Permezz taʼ proverbji żgħar imma li fihom ħafna x’tomgħod, is-sultan għaref juri li l-kliem mitkellem għandu l-konsegwenzi tiegħu, kif ukoll jikxef ħafna mill-kwalitajiet tal-wieħed li jgħidu. Wieħed li jixtieq ‘jagħmel l-għassa maʼ bieb xufftejh’ ma jistax ma jqisx il-pariri ispirati taʼ Salamun.—Salm 141:3.
‘Il-Qerq li l-Ħażin Jinqabad Minnu’
“Il-ħażin jinqabad mill-qerq taʼ kliemu, imma l-ġust jeħles mill-għawġ,” jgħid Salamun. (Proverbji 12:13) Il-gideb huwa qerq bil-kliem li jsir bħal nassa fatali għall-wieħed li mdorri jigdeb. (Apokalissi 21:8) Id-diżonestà tistaʼ tidher mod faċli kif wieħed jeħles il-kastig jew joħroġ minn sitwazzjoni li ma togħġbux. Imma m’huwiex minnu li taʼ spiss gidba ġġib lil oħra? Bħalma persuna li tibda tilgħab ftit flus tasal biex tagħmel imħatri taʼ iktar u iktar flus biex tipprova tpatti għal dak li tkun tilfet, bniedem giddieb malajr isib ruħu maqbud f’ċiklu vizzjuż.
Il-qerq bil-kliem ikompli jaqbad lil dak li jkun f’nassa għax meta xi ħadd jigdeb lill-oħrajn, jistaʼ jispiċċa jigdeb lilu nnifsu. Per eżempju, giddieb jistaʼ faċilment jikkonvinċi ruħu li jaf ħafna u li jilħaqlu, meta fil-fatt ftit li xejn ikollu għarfien. B’hekk jibda jgħix gidba. Tabilħaqq, ‘iqarraq bih innifsu f’għajnejh stess li l-ħażen tiegħu la jsibu u lanqas jobogħdu.’ (Salm 36:2, Karm Żammit) X’nassa huwa l-gideb! Il-ġust, mill-banda l-oħra, ma jpoġġix ruħu f’sitwazzjoni diffiċli bħal din. Anki meta jkun għaddej minn xi għawġ, hu ma jdurx għall-gideb.
‘Kliem li Bih Wieħed Jirnexxi’
“Titqarrqux; Alla ma jidħak bih ħadd,” iwissi l-appostlu Pawlu. “Dak li bniedem jiżraʼ, dak huwa jaħsad.” (Galatin 6:7) Dan il-prinċipju żgur li japplika għal dak li ngħidu kif ukoll għal dak li nagħmlu. Salamun jgħid: “Bi kliem fommu jirnexxi l-bniedem, u bix-xogħol taʼ jdejh ikollu l-ħlas.”—Proverbji 12:14.
Fomm ‘li minnu joħroġ kliem l-għerf’ jagħmel frott sodisfaċenti. (Salm 37:30) L-għerf jiġi bl-għarfien, u ħadd m’għandu l-għarfien kollu li jeżisti. Kulħadd irid jismaʼ minn pariri tajbin u jsegwihom. “Triqtu l-iblah jaraha tajba,” jgħid is-sultan taʼ Iżrael, “imma l-għaref jieħu parir ħaddieħor.”—Proverbji 12:15.
Jehovah jagħtina pariri f’lokhom permezz tal-Kelma tiegħu u permezz taʼ l-organizzazzjoni tiegħu, billi juża l-pubblikazzjonijiet provduti mill-“ilsir leali u diskret.” (Mattew 24:45, NW; 2 Timotju 3:16) Kemm inkunu boloh jekk nirrifjutaw il-pariri tajbin u ninsistu li tgħaddi tagħna! Irridu ‘nkunu ħfief biex nisimgħu’ meta Jehovah, Dak li “jgħallem lill-bniedem,” jagħtina l-pariri bil-mezz tiegħu taʼ komunikazzjoni.—Ġakbu 1:19; Salm 94:10.
L-għaqli u l-iblah kif jirreaġixxu għal kritika jew insulti li ma jkunx ħaqqhom? Salamun iwieġeb: “L-iblah malajr juri s-saħna tiegħu, imma l-għaqli jaħbi l-għajb li jħoss.”—Proverbji 12:16.
Meta xi ħadd jonqsu mir-rispett, l-iblah jirreaġixxi “malajr” bir-rabja. Imma individwu prudenti jitlob għall-ispirtu t’Alla sabiex jeżerċita l-kontroll fuqu nnifsu. Hu jieħu l-ħin biex jimmedita fuq il-pariri tal-Kelma t’Alla u jirrifletti b’apprezzament fuq il-kliem taʼ Ġesù: “Jekk xi ħadd jagħtik daqqa taʼ ħarta fuq ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll.” (Mattew 5:39) Billi ma jkun jixtieq ‘irodd lil ħadd deni b’deni,’ il-bniedem għaqli jigdem ilsienu biex ma jitkellimx bla ħsieb. (Rumani 12:17) Meta aħna b’mod simili naħbu kwalunkwe għajb li nħossu, billi nħallu xi offiża tgħaddi, inkunu qed nevitaw iktar ġlied.
‘L-Ilsien li Jdewwi’
Il-qerq bil-kliem jistaʼ jagħmel ħafna ħsara meta jkun qed isir ġudizzju. Is-sultan taʼ Iżrael jgħid: “Min iħobb is-sewwa jixhed is-sewwa, imma min jixhed ħażin hu kollu qerq.” (Proverbji 12:17) Ix-xhud veru jħobb is-sewwa għax ix-xiehda tiegħu hija taʼ min jafdaha u joqgħod fuqha. Permezz taʼ kliemu ssir il-ġustizzja. Mill-banda l-oħra, ix-xhud falz huwa kollu qerq u permezz tiegħu ssir inġustizzja.
“Min iqassas b’ilsienu jinfed bħal sejf,” ikompli Salamun, “imma lsien l-għorrief idewwi.” (Proverbji 12:18) Il-kliem jistaʼ jinfed bħal sejf, billi joqtol il-ħbiberiji u jaqlaʼ l-inkwiet. Jew jistaʼ jkun pjaċevoli u sabiħ, u jżomm il-ħbiberiji ħajjin. U x’inhuma t-tagħjir, l-għajat, il-kritika kontinwa, u l-insulti degradanti ħlief daqqiet taʼ sejf li jikkaġunaw feriti emozzjonali fondi? Kemm ikun tajjeb li nirranġaw kwalunkwe żball li nagħmlu f’dan ir-rigward bi kliem li jdewwi t’apoloġija sinċiera!
Fiż-żminijiet diffiċli li ngħixu fihom, mhix ħaġa taʼ l-iskantament li ħafna jkollhom “qalbhom maqsuma” u “ruħhom mifnija.” (Salm 34:19 [34:18, NW]) Meta ‘llissnu kliem li jikkonsla lill-erwieħ dipressi’ (NW) u ‘ngħinu lid-dgħajfa,’ ma nkunux aħna qed nużaw il-qawwa tal-kliem mitkellem biex indewwu? (1 Tessalonikin 5:14) Iva, kliem taʼ mogħdrija jistaʼ jinkuraġġixxi lill-adolexxenti li qed jissieltu maʼ pressjoni ħażina minn taʼ mparhom. Jekk nużaw ilsienna b’konsiderazzjoni nistgħu niżguraw lil dawk imdaħħlin fiż-żmien li għandna bżonnhom u li nħobbuhom. Kliem ħelu żgur li jistaʼ jsebbaħ il-ġurnata taʼ dawk morda. Saħansitra t-twiddib jiġi aċċettat iktar faċilment meta jingħata bi “spirtu taʼ ħlewwa.” (Galatin 6:1) U kemm idewwi l-ilsien taʼ dak li jużah biex jaqsam l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla maʼ dawk li jagħtu widen!
‘Xofftejn li Jżommu Sħiħ għal Dejjem’
Salamun juża l-kelma “xofftejn” b’mod simili għall-kelma “lsien” meta jgħid: “Xofftejn is-sewwa jżommu sħiħ għal dejjem imma waqt wieħed biss l-ilsien giddieb.” (Qwiel 12:19, Saydon) L-espressjoni “xofftejn is-sewwa” bil-Lhudi qiegħda fis-singular u tfisser iktar milli sempliċement kliem veru. Skond xogħol wieħed taʼ referenza, din timplika kwalitajiet bħalma huma l-permanenza u l-fatt li l-kliem hu taʼ min joqgħod fuqu. Dan ikompli jgħid: “Kliem taʼ din il-kwalità jibqaʼ . . . għal dejjem għax wieħed isib li jistaʼ jistrieħ fuqu, meta jitqabbel maʼ l-ilsien giddieb . . . li għal mument jistaʼ jqarraq imma ma jreġix meta jiġi fil-prova.”
“Il-qerq fil-qalb taʼ min ifassal il-ħsara,” jgħid is-sultan għaref, “u l-hena f’dawk li jfittxu l-ġid.” Hu jżid: “L-ebda ħsara ma tiġi fuq il-ġust, imma l-ħżiena kollhom għawġ.”—Proverbji 12:20, 21.
Dawk li jfasslu l-ħsara jistgħu jikkaġunaw biss uġigħ u tbatija. Mill-banda l-oħra, dawk li jfittxu l-ġid jaħsdu kuntentizza għax jagħmlu dak li hu tajjeb. Jaħsdu wkoll il-ferħ li jaraw riżultati tajbin. Fuq kollox, huma jgawdu l-approvazzjoni t’Alla, għax “jistmell il-Mulej lil min hu giddieb, imma jitgħaxxaq b’min jagħmel is-sewwa.”—Proverbji 12:22.
‘Kliem li Jaħbi l-Għerf’
Hu u jiddeskrivi differenza oħra bejn dak li joqgħod attent x’jgħid u dak li ma jagħtix kas, is-sultan taʼ Iżrael jgħid: “Bniedem għaqli jaħbi għerfu, imma l-iblah ixandar bluhitu.”—Proverbji 12:23.
Il-bniedem għaqli, jew prudenti, jaf meta għandu jitkellem u meta le. Hu jaħbi għerfu billi ma joqgħodx jiftaħar b’dak li jaf. Dan ma jfissirx li qatt ma juri x’jaf. Minflok, hu jurih b’mod diskret. Għall-kuntrarju, l-iblah iħaffef biex jitkellem u juri bluhitu. Għalhekk, ħalli kliemna jkun ftit u lsienna ma joqgħodx jiftaħar.
Salamun ikompli jagħmel kuntrast u joħroġ punt drammatiku rigward il-bżulija u l-għażż. Hu jgħid: “Min hu bieżel jimxi ’l quddiem, imma l-għażżien jibqaʼ qaddej.” (Proverbji 12:24) Ix-xogħol iebes jistaʼ jwassal għal avanz u indipendenza finanzjarja, u l-għażż jistaʼ jwassal għal xogħol forzat u jasar. “Maż-żmien,” jgħid studjuż, “l-għażżien isir l-ilsir tal-bieżel.”
‘Il-Kelma li Tferraħ’
Is-Sultan Salamun jerġaʼ lura għall-kwistjoni tal-kliem meta jagħmel osservazzjoni dwar in-natura umana. “L-inkwiet ikiddha qalb il-bniedem,” jgħid hu, “imma kelma tajba tferraħha.”—Proverbji 12:25.
Hemm ħafna ansjetajiet u inkwiet li jistgħu jkiddu l-qalb bid-dwejjaq. Sabiex it-tagħbija teħfief u l-qalb taʼ l-individwu tifraħ, hemm bżonn li xi ħadd li jifhmu jgħidlu kelma tajba taʼ inkuraġġiment. Imma ħaddieħor kif se jkun jaf kemm għandna ansjetà f’qalbna jekk ma nesprimux is-sentimenti tagħna u nitkellmu dwarhom? Iva, meta nġarrbu għawġ jew dipressjoni, irridu niftħu qalbna maʼ xi ħadd li juri empatija u li jistaʼ jgħinna. Iktar minn hekk, meta tesprimi bil-kliem dak li qed tħoss, isserraħ ftit mill-uġigħ tal-qalb. Għalhekk, huwa tajjeb li tiftaħ qalbek mal-persuna l-oħra fiż-żwieġ, maʼ xi ħadd mill-ġenituri, jew maʼ ħabib li jagħder u li hu kwalifikat spiritwalment.
Liema kliem taʼ inkuraġġiment huwa aħjar minn dak li jinsab fil-Bibbja? Għalhekk, irridu nersqu qrib t’Alla billi nimmeditaw b’apprezzament fuq il-Kelma ispirata tiegħu. Meditazzjoni bħal din żgur li tistaʼ tferraħ qalb inkwetata u ddawwal għajnejn imnikktin. Is-salmista jixhed li dan huwa minnu, billi jgħid: “Il-liġi tal-Mulej perfetta, u tagħti l-ħajja; ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa, u tgħallem lil min ma jafx. Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb; il-kmandament tal-Mulej safi, u jdawwal l-għajnejn.”—Salm 19:8, 9 (19:7, 8, NW).
It-Triq li Hija Premjanti
Waqt li jagħmel kuntrast bejn il-mogħdija tal-ġusti u taʼ dawk mill-agħar, is-sultan taʼ Iżrael jgħid: “Il-ġust jispjuna l-mergħa tiegħu stess, imma l-istess mogħdija taʼ l-uħud mill-agħar iġġagħalhom jiġġerrew ’l hawn u ’l hinn.” (Proverbji 12:26, NW) Il-ġust joqgħod għassa mill-mergħa tiegħu stess—sħabu u l-ħbieb li jagħżel hu. Hu jagħżilhom bil-għaqal, u jistinka biex jevita sħubija perikoluża. Dawk mill-agħar ma jagħmlux hekk, għax dawn jirrifjutaw il-pariri u jinsistu li tgħaddi tagħhom. Huma jitqarrqu, u jiġġerrew ’l hawn u ’l hinn.
Imbagħad is-Sultan Salamun juri d-differenza bejn l-għażżien u l-ħabrieki minn angolu ieħor. “L-għażżien ma jaqbadx x’jiekol,” jgħid hu, “imma l-ħabrieka jiksbu ħafna ġid.” (Proverbji 12:27) “L-għażżien ma jaqbadx,” jew “ma jixwix” (KŻ), l-annimali li jaqbad. Fil-fatt, ma jistax jispiċċa dak li jibda. Il-bżulija, mill-banda l-oħra, issarraf f’ħafna ġid.
L-għażż tant jagħmel ħsara li l-appostlu Pawlu ħass il-bżonn li jikteb lil sħabu l-Kristjani f’Tessalonika u jikkoreġi lil ċerti individwi hemmhekk li kienu qed “jgħixu fl-għażż”—li ma kinux jaħdmu imma kienu jindaħlu fejn ma jesagħhomx. Dawn l-uħud kienu taʼ piż finanzjarju fuq l-oħrajn. Għalhekk, Pawlu widdibhom fil-beraħ, u ħeġġiġhom “biex jaħdmu sewwa u għajxienhom jaqilgħuh.” U jekk ma kinux se jisimgħu minn dan il-parir qawwi, Pawlu wissa lill-oħrajn fil-kongregazzjoni biex ‘iżommu ruħhom ’il bogħod’ minnhom—jiskartawhom, evidentement f’affarijiet soċjali.—2 Tessalonikin 3:6-12.
Irridu nagħtu kas il-pariri taʼ Salamun dwar li nkunu beżlin kif ukoll dwar li nużaw ilsienna tajjeb. Ejja nistinkaw biex nużaw dan l-organu żgħir sabiex indewwu u nferrħu, hekk kif nevitaw il-qerq bil-kliem u nimxu fit-triq it-tajba. “Fit-triq is-sewwa hemm il-ħajja,” jiżgurana Salamun, “u fil-mogħdija tagħha m’hemmx il-mewt.”—Proverbji 12:28, KŻ.
[Stampi f’paġna 27]
“L-għaref jieħu parir ħaddieħor”
[Stampi f’paġna 28]
“Ilsien l-għorrief idewwi”
[Stampa f’paġna 29]
Meta tiftaħ qalbek maʼ ħabib li tafdah tistaʼ ssib is-serħan
[Stampa f’paġna 30]
Il-meditazzjoni b’apprezzament fuq il-Kelma t’Alla tferraħ il-qalb