LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 5/15 pp. 17-20
  • “Iseħħu Ħsibijietek”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Iseħħu Ħsibijietek”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Min “Jirranġa l-​Affarijiet li Hemm fil-​Qalb”?
  • “Ħalli f’Idejn il-​Mulej il-​Ħidma Tiegħek”
  • “Kull m’Għamel il-​Mulej, Għamlu bi Ħsieb”
  • “Bil-​Biżaʼ tal-​Mulej”
  • “Qalb il-​Bniedem taʼ l-​Art Tistaʼ Taħseb għall-​Mogħdija Tiegħu”
  • “L-​Istasija u l-​Miżien [Ġusti] huma tal-​Mulej”
  • Niksbu l-​Ħniena taʼ Sultan
  • Ikseb Qalb li Togħġob lil Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Stinka Biex Issir Midħla taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Proverbji 16:3—“Ħalli f’Idejn il-Mulej il-Ħidma Tiegħek”
    Versi mill-Bibbja Spjegati
  • “Li Tibżaʼ mill-Mulej Hu l-Għerf”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 5/15 pp. 17-20

“Iseħħu Ħsibijietek”

F’GĦANJA li kkompona, is-​salmista David talab: “Oħloq fija qalb safja, o Alla, u spirtu [“ġdid,” NW] ġedded fija. Roddli l-​hena tas-​salvazzjoni tiegħek, u bi spirtu qalbieni wettaqni.” (Salm 51:​12, 14 [51:​10, 12, NW]) F’dawn il-​versi naraw li David huwa niedem u qed jitlob lil Alla Ġeħova biex inaddaflu qalbu u jdaħħal fih l-​ispirtu, jew l-​inklinazzjoni mentali, biex jagħmel is-​sewwa.

Joħloq Ġeħova qalb ġdida fina b’mod letterali, billi saħansitra jdaħħal fina spirtu ġdid u dispost? Jew għandna nistinkaw biex niksbu qalb pura u nipproteġuha? Ġeħova ‘jifli l-​qalb,’ imma sa liema punt jinvolvi ruħu f’dak li jiġri ġewwa fina? (Proverbji 17:3; Ġeremija 17:10) Kemm jinfluwenza l-​ħajja, il-​motivi, u l-​azzjonijiet tagħna?

Billi jużaw l-​isem t’Alla tmien darbiet, l-​ewwel disaʼ versi taʼ Proverbji kapitlu 16 juruna kif nistgħu nħallu ħajjitna taħt il-​kontroll t’Alla sabiex ‘iseħħu ħsibijietna.’ (Proverbji 16:3) Versi 10 sa 15 jiffokaw fuq ir-​responsabbiltà li jkollu sultan jew ħakkiem.

Min “Jirranġa l-​Affarijiet li Hemm fil-​Qalb”?

Proverbji 16:1a (NW) jgħid: “Hu f’idejn il-​bniedem li jirranġa l-​affarijiet li hemm fil-​qalb.” B’mod ċar, ‘l-​irranġar taʼ l-​affarijiet li hemm fil-​qalb’ hu r-​responsabbiltà tagħna. Ġeħova la jipprepara lil qalbna b’mod mirakoluż u lanqas ma jagħtina spirtu dispost. Aħna rridu nagħmlu l-​isforz biex niksbu għarfien eżatt tal-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, biex nirriflettu fuq dak li nitgħallmu, u biex inġibu l-​ħsibijiet tagħna fi qbil maʼ tiegħu.​—Proverbji 2:​10, 11.

Madankollu, it-​talba taʼ David għal “qalb safja” u “spirtu [“ġdid,” NW]” turi li hu għaraf it-​tendenza midinba tiegħu u l-​bżonn t’għajnuna divina biex tgħinu jnaddaf qalbu. Minħabba li aħna imperfetti, nistgħu niġu ttantati biex nieħdu sehem fl-​“għemejjel tal-​laħam.” (Galatin 5:​19-​21) Sabiex ‘immewtu l-​membri taʼ ġisimna li qegħdin fuq l-​art fejn tidħol iż-​żína, in-​nuqqas taʼ ndafa, l-​aptit sesswali, ix-​xewqa li twassal għall-​ħsara, u x-​xenqa b’għira,’ għandna bżonn l-​għajnuna taʼ Ġeħova. (Kolossin 3:5) Kemm hu vitali li nitolbu għall-​għajnuna tiegħu sabiex nevitaw li naqgħu fit-​tentazzjonijiet u biex inneħħu tendenzi midinbin minn qalbna!

Nistgħu aħna ngħinu lil oħrajn fl-​‘irranġar’ taʼ qalbhom? Il-​Bibbja tgħid: “Min iqassas b’ilsienu jinfed bħal sejf, imma lsien l-​għorrief idewwi.” (Proverbji 12:18) Ilsienna meta jdewwi? Biss meta “l-​Mulej iqegħedlu l-​kliem fuq ilsienu,” jiġifieri, meta nitkellmu l-​kliem xieraq tal-​verità Biblika.​—Proverbji 16:1b.

Il-Bibbja tgħid: “Fuq kollox qalb il-​bniedem kollha qerq u mħassra.” (Ġeremija 17:9) Il-​qalb figurattiva tagħna għandha t-​tendenza li tiġġustifika u tqarraq biha nfisha. Meta jwissi dwar dan il-​periklu, is-​Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-​qedem jgħid: “Kull ma jagħmel il-​bniedem hu safi f’għajnejh, imma l-​Mulej jaf x’tiswa qalbu.”​—Proverbji 16:2.

L-imħabba lejna nfusna tistaʼ ġġagħalna niġġustifikaw l-​iżbalji tagħna, naħbu xi kwalitajiet ħżiena fil-​personalità tagħna, u ninjoraw il-​ħażen tagħna stess. Però, ħadd ma jistaʼ jqarraq b’Ġeħova. Hu qed jgħarbel l-​ispirtu. L-​ispirtu taʼ individwu hu l-​inklinazzjoni mentali dominanti tiegħu, jew tagħha, u huwa konness mal-​qalb. Fil-​biċċa l-​kbira, l-​iżvilupp tiegħu jiddependi mill-​attività tal-​qalb figurattiva, li tinvolvi affarijiet bħall-​ħsibijiet, l-​emozzjonijiet, u l-​motivi tagħna. Dak li ‘jifli l-​qalb’ jgħarbel l-​ispirtu, u l-​ġudizzji tiegħu huma ħelsin mill-​favoritiżmu jew il-​parzjalità. Nagħmlu tajjeb jekk nipproteġu l-​ispirtu tagħna.

“Ħalli f’Idejn il-​Mulej il-​Ħidma Tiegħek”

Il-​pjanijiet jinvolvu l-​ħsieb​—attività li tiġi mill-​qalb. Ġeneralment il-​pjanijiet ikunu segwiti mill-​għemejjel. Se jkollna suċċess fil-​pjanijiet tagħna? Salamun jgħid: “Ħalli f’idejn il-​Mulej il-​ħidma tiegħek, u jseħħu ħsibijietek.” (Proverbji 16:3) Li nħallu f’idejn Ġeħova jfisser li nafdaw fih, nistrieħu fuqu, u nikkommettu ruħna lejh​—b’mod figurattiv, li nneħħu t-​tagħbija minn fuq spallejna u npoġġuha fuq tiegħu. Is-​salmista kanta: “Erħi fil-​Mulej it-​triq tiegħek, afda fih, u jagħmel hu.”​—Salm 37:5.

Madankollu, sabiex iseħħu ħsibijietna jridu jkunu fi qbil mal-​Kelma t’Alla, u jridu jiġu minn motivi tajbin. Iżjed minn hekk, għandna nitolbu lil Ġeħova għall-​għajnuna u l-​appoġġ u b’mod kuxjenzjuż nagħmlu l-​almu tagħna biex insegwu l-​pariri tal-​Bibbja. Huwa importanti b’mod partikulari li ‘nqiegħdu t-​tagħbija tagħna fuq’ Ġeħova meta niffaċċjaw provi jew diffikultajiet, għax ‘hu jgħinna.’ Tabilħaqq, hu “qatt ma jħalli l-​ġust jitfixkel.”​—Salm 55:​22, Karm Żammit.

“Kull m’Għamel il-​Mulej, Għamlu bi Ħsieb”

X’se jirriżulta iktar jekk inħallu l-​ħidma tagħna f’idejn Ġeħova? Is-​sultan għaref jgħid: “Kull m’għamel il-​Mulej, għamlu bi ħsieb.” (Proverbji 16:4a) Il-​Ħallieq taʼ lunivers huwa Alla taʼ skop. Meta nħallu l-​ħidma tagħna f’idejh, ħajjitna timtela b’attività mimlija skop u tifsir, mingħajr frugħa jew vanità. U l-​iskop taʼ Ġeħova għall-​art u l-​bniedem li jgħix fuqha huwa etern. (Efesin 3:​11) Hu sawwar l-​art u ħalaqha “biex jgħammru fiha.” (Isaija 45:18) Iktar minn hekk, l-​iskop oriġinali tiegħu għall-​umanità żgur li se jsir realtà. (Ġenesi 1:​28) Ħajja devota lill-​Alla l-​veru se tkun dejjiema u se jkollha tifsir għal dejjem.

Ġeħova għamel “saħansitra l-​ħażin għal jum il-​hemm.” (Proverbji 16:4b) Hu ma ħalaqx il-​ħażin, għax “perfett għemilu.” (Dewteronomju 32:4) Madankollu, hu ħalliehom jeżistu u jkomplu jgħixu sakemm jara li hu ż-​żmien xieraq biex jesegwixxi l-​ġudizzju tiegħu kontrihom. Per eżempju, Ġeħova qal lill-​Fargħun taʼ l-​Eġittu: “Għalhekk jien ħallejtek tgħix, biex nurik il-​qawwa tiegħi u ismi jixxandar maʼ l-​art kollha.” (Eżodu 9:​16) L-​Għaxar Kastigi u l-​qerda tal-​Fargħun u l-​armati tiegħu fil-​Baħar l-​Aħmar kienu tabilħaqq turijiet memorabbli tal-​qawwa li ma bħala t’Alla.

Ġeħova jistaʼ wkoll iġiegħel li ċ-​ċirkustanzi jseħħu b’tali mod li l-​ħżiena jwettqu l-​iskop tiegħu mingħajr ma jkunu jafu. Is-​salmista qal: “Għadab il-​bniedem ifaħħrek: il-​fdal tal-​għadab int [Ġeħova] titħażżem bih.” (Salm 76:​10, KŻ ) Ġeħova jistaʼ jħalli lill-​għedewwa tiegħu jesprimu r-​rabja tagħhom lejn il-​qaddejja tiegħu​—imma biss sakemm ikun hemm bżonn biex jiddixxiplina lill-​poplu tiegħu, u b’hekk iħarriġhom. Dak kollu li jaqbeż dan il-​limitu, jieħu ħsiebu Alla nnifsu.

Filwaqt li Ġeħova jappoġġa lill-​qaddejja umli tiegħu, xi ngħidu dwar il-​kburin u l-​arroganti? Is-​sultan taʼ Iżrael jgħid: “Il-​Mulej jistmell lil kull min hu mkabbar; illum jew għada, ma jeħlishiex.” (Proverbji 16:5) Dawk ‘imkabbrin’ jistgħu jingħaqdu flimkien biex jappoġġaw lil xulxin, imma mhux se jeħilsuh il-​kastig. Għalhekk, inkunu għaqlin jekk nikkultivaw l-​ispirtu taʼ l-​umiltà minkejja kemm għandna għarfien, kemm aħna kapaċi, jew kemm għandna privileġġi taʼ servizz.

“Bil-​Biżaʼ tal-​Mulej”

Imweldin fid-​dnub, aħna għandna t-​tendenza li nidinbu. (Rumani 3:​23; 5:​12) X’se jgħinna nevitaw li nagħmlu pjanijiet li jwassluna għal azzjoni midinba? Proverbji 16:6 jgħid: “Bit-​tjieba u l-​fedeltà tpatti għall-​ħtija; u bil-​biżaʼ tal-​Mulej taħrab il-​ħażen.” Filwaqt li bit-​tjieba u l-​fedeltà tiegħu Ġeħova jpatti għad-​dnubiet tagħna, huwa l-​biżaʼ taʼ Ġeħova li jservi biex iwaqqafna milli nikkommettu d-​dnubiet. Kemm hu vitali li flimkien maʼ l-​imħabba għal Alla u apprezzament għat-​tjieba tiegħu, aħna nikkultivaw biżaʼ li ma nogħġbuhx!

Il-biżaʼ t’Alla jidħol f’qalbna meta niżviluppaw rispett u riverenza għall-​qawwa meraviljuża t’Alla. Aħseb ftit dwar il-​qawwa tiegħu li tidher fil-​ħolqien! Il-​patrijarka Ġob ġie mfakkar dwar il-​fatt li l-​qawwa t’Alla tidher fix-​xogħlijiet kreattivi tiegħu, u dan għenu jikkoreġi l-​ħsieb tiegħu. (Ġob 42:​1-6) Ma niġux aħna effettwati bl-​istess mod meta naqraw u nirriflettu fuq ir-​rakkonti taʼ kif Ġeħova ttratta mal-​poplu tiegħu kif inhuma mniżżlin fil-​Bibbja? Is-​salmista kanta: “Ejjew, araw l-​għemejjel taʼ Alla; tal-​biżaʼ f’għemilu fost il-​bnedmin.” (Salm 66:5) Qatt m’għandna nuru nuqqas taʼ gratitudni għall-​qalb tajba bl-​imħabba taʼ Ġeħova. Meta l-​Iżraelin ‘ħaduha kontrieh, u nikktu l-​ispirtu qaddis tiegħu, [Ġeħova] sar għadu għalihom u tqabad kontriehom.’ (Isaija 63:10) Mill-​banda l-​oħra, “meta l-​imġiba tal-​bniedem togħġob lill-​Mulej, hu jagħmel li mqar l-​għedewwa tiegħu jħabbibhom miegħu.” (Proverbji 16:​7, KŻ) Xi protezzjoni hu l-​biżaʼ taʼ Ġeħova!

Is-sultan għaref jgħid: “Aħjar il-​ftit bis-​sewwa, minn ħafna qligħ bl-​inġustizzja.” (Proverbji 16:8) Proverbji 15:16 jgħid: “Aħjar ikollok il-​ftit bil-​biżaʼ tal-​Mulej, milli jkollok teżor kbir bl-​inkwiet tiegħu.” Riverenza profonda għal Alla ċertament hija essenzjali biex nibqgħu fit-​triq it-​tajba.

“Qalb il-​Bniedem taʼ l-​Art Tistaʼ Taħseb għall-​Mogħdija Tiegħu”

Il-​bniedem inħalaq bil-​libertà li jagħżel bejn it-​tajjeb u l-​ħażin. (Dewteronomju 30:​19, 20) Il-​qalb figurattiva tagħna għandha l-​abbiltà li tikkunsidra għażliet differenti u tiffoka fuq waħda jew iktar minnhom. Biex juri li hija r-​responsabbiltà tagħna li nagħmlu l-​għażliet, Salamun jgħid: “Qalb il-​bniedem taʼ l-​art tistaʼ taħseb għall-​mogħdija tiegħu.” Ladarba dan isir, “Ġeħova nnifsu jidderieġi l-​passi tiegħu.” (Proverbji 16:​9, NW) Ladarba Ġeħova jistaʼ jiggwida l-​passi tagħna, aħna naġixxu bil-​għaqal jekk infittxu l-​għajnuna tiegħu biex ‘iseħħu ħsibijietna.’

Bħalma diġà rajna, il-​qalb hija qarrieqa u kapaċi ġġagħalna nirraġunaw b’mod falz. Per eżempju, individwu jistaʼ jikkommetti xi dnub, u qalbu forsi ssib serħan billi tiġġustifika lilha nfisha. Minflok ma jabbanduna t-​triq midinba tiegħu, l-​individwu għandu mnejn jirraġuna li Alla hu mimli mħabba, qalb tajba, ħniena, u maħfra. Bniedem bħal dan ikun qal f’qalbu: “Alla nesa; ħeba wiċċu, ma jħarisx iżjed.” (Salm 10:11) Madankollu, ma jkunx xieraq u jkun perikoluż jekk nissopponu li Alla jkun wera ħniena magħna.

“L-​Istasija u l-​Miżien [Ġusti] huma tal-​Mulej”

Billi jdawwar l-​attenzjoni tiegħu minn fuq il-​qalb u mill-​azzjonijiet tal-​bnedmin għal fuq dawk taʼ sultan, Salamun jgħid: “Il-​kelma taʼ Alla fuq fomm is-​sultan, ma jiżbaljax, hu u jaqtaʼ l-​ħaqq.” (Proverbji 16:10) Dan żgur se jkun minnu fil-​każ tas-​Sultan Ġesù Kristu li jinsab fuq it-​tron. Il-​ħakma tiegħu fuq l-​art se tkun fi qbil mar-​rieda divina.

Billi jidentifika x’inhu s-​sors tal-​ġustizzja u s-​sewwa, is-​sultan għaref jgħid: “L-​istasija u l-​miżien [ġusti] huma tal-​Mulej, xogħlu kull użin li jinżamm fil-​borża.” (Proverbji 16:11) Kejl u miżien ġusti huma provduti minn Ġeħova. Dawn il-​livelli ma jistax jiddeterminahom is-​sultan skond il-​preferenza tiegħu. Meta kien fuq l-​art, Ġesù qal: “Ma nistaʼ nagħmel xejn minn rajja; bħalma nismaʼ, niġġudika; u l-​ġudizzju li nagħti hu ġust, għax ma nfittixx ir-​rieda tiegħi imma r-​rieda taʼ dak li bagħatni.” Aħna nistgħu nistennew ġustizzja perfetta mill-​Iben, li l-​Missier ‘ħalla f’idejh biex jiġġudika lil kulħadd.’​—Ġwanni 5:​22, 30.

X’nistgħu nistennew iktar minn sultan li jirrappreżenta lil Ġeħova? Is-​sultan taʼ Iżrael jgħid: “Hu għajb għas-​slaten li jagħmlu d-​deni, għax it-​tron tagħhom fuq il-​ġustizzja biss iserraħ.” (Proverbji 16:12) Is-​Saltna Messjanika hija gvernata mill-​prinċipji ġusti t’Alla. M’għandha l-​ebda alleanza mat-​“tron tal-​ħażen.”​—Salm 94:​20, KŻ; Ġwanni 18:36; 1 Ġwanni 5:​19.

Niksbu l-​Ħniena taʼ Sultan

Is-​sudditi taʼ sultan maestuż kif għandhom iwieġbu? Salamun jgħid: “Kliem il-​ġust jogħġob lis-​slaten; huma jħobbu lil min jgħid is-​sewwa. L-​għadab taʼ sultan sinjal tal-​mewt, u l-​bniedem għaref jaf iberrdu.” (Proverbji 16:​13, 14) L-​aduraturi taʼ Ġeħova llum jagħtu widen għal dan il-​kliem u huma beżlin fl-​ippridkar tas-​Saltna u fix-​xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli. (Mattew 24:14; 28:​19, 20) Huma jafu li billi jużaw xofftejhom b’dan il-​mod se jġibu tifħir lis-​Sultan Messjaniku, Ġesù Kristu. Meta wieħed kien iberred ir-​rabja taʼ sultan uman setgħan u jfittex il-​favur tiegħu kien ikun tassew għaqli. Kemm hu iktar għaqli li nfittxu l-​approvazzjoni tas-​Sultan Messjaniku!

Salamun ikompli: “Wiċċ hieni taʼ sultan jagħtik il-​ħajja, u ħnientu bħal sħaba xita tar-​rebbiegħa.” (Proverbji 16:15) “Wiċċ hieni taʼ sultan” ifisser il-​favur tiegħu, bħalma d-​‘dija taʼ wiċċ’ Ġeħova tfisser favur divin. (Salm 44:4 [44:​3, NW]; 89:16 [89:​15, NW]) Sewwasew bħalma s-​sħab tax-​xita huwa assiguranza taʼ l-​ilma li se jgħin biex jikber il-​frott taʼ l-​art, il-​ħniena taʼ sultan hija evidenza t’affarijiet tajbin fil-​futur. Il-​ħajja taħt ir-​renju tas-​Sultan Messjaniku se tkun mimlija barkiet u prosperità, bħalma kien ir-​renju tas-​Sultan Salamun fuq skala żgħira.​—Salm 72:​1-​17.

Hekk kif nistennew is-​Saltna t’Alla biex tieħu kontroll taʼ kulma jsir taħt ix-​xemx, jalla nfittxu l-​għajnuna tiegħu biex innaddfu qalbna. Ukoll, jalla npoġġu l-​fiduċja tagħna f’Ġeħova u nikkultivaw il-​biżaʼ t’Alla. Imbagħad nistgħu nkunu fiduċjużi bis-​sħiħ li ‘jseħħu ħsibijietna.’​—Proverbji 16:3.

[Stampa f’paġna 18]

Ġeħova f’liema sens għamel “il-​ħażin għal jum il-​hemm”?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja