“Iseħħu Ħsibijietek”
F’GĦANJA li kkompona, is-salmista David talab: “Oħloq fija qalb safja, o Alla, u spirtu [“ġdid,” NW] ġedded fija. Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek, u bi spirtu qalbieni wettaqni.” (Salm 51:12, 14 [51:10, 12, NW]) F’dawn il-versi naraw li David huwa niedem u qed jitlob lil Alla Ġeħova biex inaddaflu qalbu u jdaħħal fih l-ispirtu, jew l-inklinazzjoni mentali, biex jagħmel is-sewwa.
Joħloq Ġeħova qalb ġdida fina b’mod letterali, billi saħansitra jdaħħal fina spirtu ġdid u dispost? Jew għandna nistinkaw biex niksbu qalb pura u nipproteġuha? Ġeħova ‘jifli l-qalb,’ imma sa liema punt jinvolvi ruħu f’dak li jiġri ġewwa fina? (Proverbji 17:3; Ġeremija 17:10) Kemm jinfluwenza l-ħajja, il-motivi, u l-azzjonijiet tagħna?
Billi jużaw l-isem t’Alla tmien darbiet, l-ewwel disaʼ versi taʼ Proverbji kapitlu 16 juruna kif nistgħu nħallu ħajjitna taħt il-kontroll t’Alla sabiex ‘iseħħu ħsibijietna.’ (Proverbji 16:3) Versi 10 sa 15 jiffokaw fuq ir-responsabbiltà li jkollu sultan jew ħakkiem.
Min “Jirranġa l-Affarijiet li Hemm fil-Qalb”?
Proverbji 16:1a (NW) jgħid: “Hu f’idejn il-bniedem li jirranġa l-affarijiet li hemm fil-qalb.” B’mod ċar, ‘l-irranġar taʼ l-affarijiet li hemm fil-qalb’ hu r-responsabbiltà tagħna. Ġeħova la jipprepara lil qalbna b’mod mirakoluż u lanqas ma jagħtina spirtu dispost. Aħna rridu nagħmlu l-isforz biex niksbu għarfien eżatt tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja, biex nirriflettu fuq dak li nitgħallmu, u biex inġibu l-ħsibijiet tagħna fi qbil maʼ tiegħu.—Proverbji 2:10, 11.
Madankollu, it-talba taʼ David għal “qalb safja” u “spirtu [“ġdid,” NW]” turi li hu għaraf it-tendenza midinba tiegħu u l-bżonn t’għajnuna divina biex tgħinu jnaddaf qalbu. Minħabba li aħna imperfetti, nistgħu niġu ttantati biex nieħdu sehem fl-“għemejjel tal-laħam.” (Galatin 5:19-21) Sabiex ‘immewtu l-membri taʼ ġisimna li qegħdin fuq l-art fejn tidħol iż-żína, in-nuqqas taʼ ndafa, l-aptit sesswali, ix-xewqa li twassal għall-ħsara, u x-xenqa b’għira,’ għandna bżonn l-għajnuna taʼ Ġeħova. (Kolossin 3:5) Kemm hu vitali li nitolbu għall-għajnuna tiegħu sabiex nevitaw li naqgħu fit-tentazzjonijiet u biex inneħħu tendenzi midinbin minn qalbna!
Nistgħu aħna ngħinu lil oħrajn fl-‘irranġar’ taʼ qalbhom? Il-Bibbja tgħid: “Min iqassas b’ilsienu jinfed bħal sejf, imma lsien l-għorrief idewwi.” (Proverbji 12:18) Ilsienna meta jdewwi? Biss meta “l-Mulej iqegħedlu l-kliem fuq ilsienu,” jiġifieri, meta nitkellmu l-kliem xieraq tal-verità Biblika.—Proverbji 16:1b.
Il-Bibbja tgħid: “Fuq kollox qalb il-bniedem kollha qerq u mħassra.” (Ġeremija 17:9) Il-qalb figurattiva tagħna għandha t-tendenza li tiġġustifika u tqarraq biha nfisha. Meta jwissi dwar dan il-periklu, is-Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-qedem jgħid: “Kull ma jagħmel il-bniedem hu safi f’għajnejh, imma l-Mulej jaf x’tiswa qalbu.”—Proverbji 16:2.
L-imħabba lejna nfusna tistaʼ ġġagħalna niġġustifikaw l-iżbalji tagħna, naħbu xi kwalitajiet ħżiena fil-personalità tagħna, u ninjoraw il-ħażen tagħna stess. Però, ħadd ma jistaʼ jqarraq b’Ġeħova. Hu qed jgħarbel l-ispirtu. L-ispirtu taʼ individwu hu l-inklinazzjoni mentali dominanti tiegħu, jew tagħha, u huwa konness mal-qalb. Fil-biċċa l-kbira, l-iżvilupp tiegħu jiddependi mill-attività tal-qalb figurattiva, li tinvolvi affarijiet bħall-ħsibijiet, l-emozzjonijiet, u l-motivi tagħna. Dak li ‘jifli l-qalb’ jgħarbel l-ispirtu, u l-ġudizzji tiegħu huma ħelsin mill-favoritiżmu jew il-parzjalità. Nagħmlu tajjeb jekk nipproteġu l-ispirtu tagħna.
“Ħalli f’Idejn il-Mulej il-Ħidma Tiegħek”
Il-pjanijiet jinvolvu l-ħsieb—attività li tiġi mill-qalb. Ġeneralment il-pjanijiet ikunu segwiti mill-għemejjel. Se jkollna suċċess fil-pjanijiet tagħna? Salamun jgħid: “Ħalli f’idejn il-Mulej il-ħidma tiegħek, u jseħħu ħsibijietek.” (Proverbji 16:3) Li nħallu f’idejn Ġeħova jfisser li nafdaw fih, nistrieħu fuqu, u nikkommettu ruħna lejh—b’mod figurattiv, li nneħħu t-tagħbija minn fuq spallejna u npoġġuha fuq tiegħu. Is-salmista kanta: “Erħi fil-Mulej it-triq tiegħek, afda fih, u jagħmel hu.”—Salm 37:5.
Madankollu, sabiex iseħħu ħsibijietna jridu jkunu fi qbil mal-Kelma t’Alla, u jridu jiġu minn motivi tajbin. Iżjed minn hekk, għandna nitolbu lil Ġeħova għall-għajnuna u l-appoġġ u b’mod kuxjenzjuż nagħmlu l-almu tagħna biex insegwu l-pariri tal-Bibbja. Huwa importanti b’mod partikulari li ‘nqiegħdu t-tagħbija tagħna fuq’ Ġeħova meta niffaċċjaw provi jew diffikultajiet, għax ‘hu jgħinna.’ Tabilħaqq, hu “qatt ma jħalli l-ġust jitfixkel.”—Salm 55:22, Karm Żammit.
“Kull m’Għamel il-Mulej, Għamlu bi Ħsieb”
X’se jirriżulta iktar jekk inħallu l-ħidma tagħna f’idejn Ġeħova? Is-sultan għaref jgħid: “Kull m’għamel il-Mulej, għamlu bi ħsieb.” (Proverbji 16:4a) Il-Ħallieq taʼ lunivers huwa Alla taʼ skop. Meta nħallu l-ħidma tagħna f’idejh, ħajjitna timtela b’attività mimlija skop u tifsir, mingħajr frugħa jew vanità. U l-iskop taʼ Ġeħova għall-art u l-bniedem li jgħix fuqha huwa etern. (Efesin 3:11) Hu sawwar l-art u ħalaqha “biex jgħammru fiha.” (Isaija 45:18) Iktar minn hekk, l-iskop oriġinali tiegħu għall-umanità żgur li se jsir realtà. (Ġenesi 1:28) Ħajja devota lill-Alla l-veru se tkun dejjiema u se jkollha tifsir għal dejjem.
Ġeħova għamel “saħansitra l-ħażin għal jum il-hemm.” (Proverbji 16:4b) Hu ma ħalaqx il-ħażin, għax “perfett għemilu.” (Dewteronomju 32:4) Madankollu, hu ħalliehom jeżistu u jkomplu jgħixu sakemm jara li hu ż-żmien xieraq biex jesegwixxi l-ġudizzju tiegħu kontrihom. Per eżempju, Ġeħova qal lill-Fargħun taʼ l-Eġittu: “Għalhekk jien ħallejtek tgħix, biex nurik il-qawwa tiegħi u ismi jixxandar maʼ l-art kollha.” (Eżodu 9:16) L-Għaxar Kastigi u l-qerda tal-Fargħun u l-armati tiegħu fil-Baħar l-Aħmar kienu tabilħaqq turijiet memorabbli tal-qawwa li ma bħala t’Alla.
Ġeħova jistaʼ wkoll iġiegħel li ċ-ċirkustanzi jseħħu b’tali mod li l-ħżiena jwettqu l-iskop tiegħu mingħajr ma jkunu jafu. Is-salmista qal: “Għadab il-bniedem ifaħħrek: il-fdal tal-għadab int [Ġeħova] titħażżem bih.” (Salm 76:10, KŻ ) Ġeħova jistaʼ jħalli lill-għedewwa tiegħu jesprimu r-rabja tagħhom lejn il-qaddejja tiegħu—imma biss sakemm ikun hemm bżonn biex jiddixxiplina lill-poplu tiegħu, u b’hekk iħarriġhom. Dak kollu li jaqbeż dan il-limitu, jieħu ħsiebu Alla nnifsu.
Filwaqt li Ġeħova jappoġġa lill-qaddejja umli tiegħu, xi ngħidu dwar il-kburin u l-arroganti? Is-sultan taʼ Iżrael jgħid: “Il-Mulej jistmell lil kull min hu mkabbar; illum jew għada, ma jeħlishiex.” (Proverbji 16:5) Dawk ‘imkabbrin’ jistgħu jingħaqdu flimkien biex jappoġġaw lil xulxin, imma mhux se jeħilsuh il-kastig. Għalhekk, inkunu għaqlin jekk nikkultivaw l-ispirtu taʼ l-umiltà minkejja kemm għandna għarfien, kemm aħna kapaċi, jew kemm għandna privileġġi taʼ servizz.
“Bil-Biżaʼ tal-Mulej”
Imweldin fid-dnub, aħna għandna t-tendenza li nidinbu. (Rumani 3:23; 5:12) X’se jgħinna nevitaw li nagħmlu pjanijiet li jwassluna għal azzjoni midinba? Proverbji 16:6 jgħid: “Bit-tjieba u l-fedeltà tpatti għall-ħtija; u bil-biżaʼ tal-Mulej taħrab il-ħażen.” Filwaqt li bit-tjieba u l-fedeltà tiegħu Ġeħova jpatti għad-dnubiet tagħna, huwa l-biżaʼ taʼ Ġeħova li jservi biex iwaqqafna milli nikkommettu d-dnubiet. Kemm hu vitali li flimkien maʼ l-imħabba għal Alla u apprezzament għat-tjieba tiegħu, aħna nikkultivaw biżaʼ li ma nogħġbuhx!
Il-biżaʼ t’Alla jidħol f’qalbna meta niżviluppaw rispett u riverenza għall-qawwa meraviljuża t’Alla. Aħseb ftit dwar il-qawwa tiegħu li tidher fil-ħolqien! Il-patrijarka Ġob ġie mfakkar dwar il-fatt li l-qawwa t’Alla tidher fix-xogħlijiet kreattivi tiegħu, u dan għenu jikkoreġi l-ħsieb tiegħu. (Ġob 42:1-6) Ma niġux aħna effettwati bl-istess mod meta naqraw u nirriflettu fuq ir-rakkonti taʼ kif Ġeħova ttratta mal-poplu tiegħu kif inhuma mniżżlin fil-Bibbja? Is-salmista kanta: “Ejjew, araw l-għemejjel taʼ Alla; tal-biżaʼ f’għemilu fost il-bnedmin.” (Salm 66:5) Qatt m’għandna nuru nuqqas taʼ gratitudni għall-qalb tajba bl-imħabba taʼ Ġeħova. Meta l-Iżraelin ‘ħaduha kontrieh, u nikktu l-ispirtu qaddis tiegħu, [Ġeħova] sar għadu għalihom u tqabad kontriehom.’ (Isaija 63:10) Mill-banda l-oħra, “meta l-imġiba tal-bniedem togħġob lill-Mulej, hu jagħmel li mqar l-għedewwa tiegħu jħabbibhom miegħu.” (Proverbji 16:7, KŻ) Xi protezzjoni hu l-biżaʼ taʼ Ġeħova!
Is-sultan għaref jgħid: “Aħjar il-ftit bis-sewwa, minn ħafna qligħ bl-inġustizzja.” (Proverbji 16:8) Proverbji 15:16 jgħid: “Aħjar ikollok il-ftit bil-biżaʼ tal-Mulej, milli jkollok teżor kbir bl-inkwiet tiegħu.” Riverenza profonda għal Alla ċertament hija essenzjali biex nibqgħu fit-triq it-tajba.
“Qalb il-Bniedem taʼ l-Art Tistaʼ Taħseb għall-Mogħdija Tiegħu”
Il-bniedem inħalaq bil-libertà li jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin. (Dewteronomju 30:19, 20) Il-qalb figurattiva tagħna għandha l-abbiltà li tikkunsidra għażliet differenti u tiffoka fuq waħda jew iktar minnhom. Biex juri li hija r-responsabbiltà tagħna li nagħmlu l-għażliet, Salamun jgħid: “Qalb il-bniedem taʼ l-art tistaʼ taħseb għall-mogħdija tiegħu.” Ladarba dan isir, “Ġeħova nnifsu jidderieġi l-passi tiegħu.” (Proverbji 16:9, NW) Ladarba Ġeħova jistaʼ jiggwida l-passi tagħna, aħna naġixxu bil-għaqal jekk infittxu l-għajnuna tiegħu biex ‘iseħħu ħsibijietna.’
Bħalma diġà rajna, il-qalb hija qarrieqa u kapaċi ġġagħalna nirraġunaw b’mod falz. Per eżempju, individwu jistaʼ jikkommetti xi dnub, u qalbu forsi ssib serħan billi tiġġustifika lilha nfisha. Minflok ma jabbanduna t-triq midinba tiegħu, l-individwu għandu mnejn jirraġuna li Alla hu mimli mħabba, qalb tajba, ħniena, u maħfra. Bniedem bħal dan ikun qal f’qalbu: “Alla nesa; ħeba wiċċu, ma jħarisx iżjed.” (Salm 10:11) Madankollu, ma jkunx xieraq u jkun perikoluż jekk nissopponu li Alla jkun wera ħniena magħna.
“L-Istasija u l-Miżien [Ġusti] huma tal-Mulej”
Billi jdawwar l-attenzjoni tiegħu minn fuq il-qalb u mill-azzjonijiet tal-bnedmin għal fuq dawk taʼ sultan, Salamun jgħid: “Il-kelma taʼ Alla fuq fomm is-sultan, ma jiżbaljax, hu u jaqtaʼ l-ħaqq.” (Proverbji 16:10) Dan żgur se jkun minnu fil-każ tas-Sultan Ġesù Kristu li jinsab fuq it-tron. Il-ħakma tiegħu fuq l-art se tkun fi qbil mar-rieda divina.
Billi jidentifika x’inhu s-sors tal-ġustizzja u s-sewwa, is-sultan għaref jgħid: “L-istasija u l-miżien [ġusti] huma tal-Mulej, xogħlu kull użin li jinżamm fil-borża.” (Proverbji 16:11) Kejl u miżien ġusti huma provduti minn Ġeħova. Dawn il-livelli ma jistax jiddeterminahom is-sultan skond il-preferenza tiegħu. Meta kien fuq l-art, Ġesù qal: “Ma nistaʼ nagħmel xejn minn rajja; bħalma nismaʼ, niġġudika; u l-ġudizzju li nagħti hu ġust, għax ma nfittixx ir-rieda tiegħi imma r-rieda taʼ dak li bagħatni.” Aħna nistgħu nistennew ġustizzja perfetta mill-Iben, li l-Missier ‘ħalla f’idejh biex jiġġudika lil kulħadd.’—Ġwanni 5:22, 30.
X’nistgħu nistennew iktar minn sultan li jirrappreżenta lil Ġeħova? Is-sultan taʼ Iżrael jgħid: “Hu għajb għas-slaten li jagħmlu d-deni, għax it-tron tagħhom fuq il-ġustizzja biss iserraħ.” (Proverbji 16:12) Is-Saltna Messjanika hija gvernata mill-prinċipji ġusti t’Alla. M’għandha l-ebda alleanza mat-“tron tal-ħażen.”—Salm 94:20, KŻ; Ġwanni 18:36; 1 Ġwanni 5:19.
Niksbu l-Ħniena taʼ Sultan
Is-sudditi taʼ sultan maestuż kif għandhom iwieġbu? Salamun jgħid: “Kliem il-ġust jogħġob lis-slaten; huma jħobbu lil min jgħid is-sewwa. L-għadab taʼ sultan sinjal tal-mewt, u l-bniedem għaref jaf iberrdu.” (Proverbji 16:13, 14) L-aduraturi taʼ Ġeħova llum jagħtu widen għal dan il-kliem u huma beżlin fl-ippridkar tas-Saltna u fix-xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli. (Mattew 24:14; 28:19, 20) Huma jafu li billi jużaw xofftejhom b’dan il-mod se jġibu tifħir lis-Sultan Messjaniku, Ġesù Kristu. Meta wieħed kien iberred ir-rabja taʼ sultan uman setgħan u jfittex il-favur tiegħu kien ikun tassew għaqli. Kemm hu iktar għaqli li nfittxu l-approvazzjoni tas-Sultan Messjaniku!
Salamun ikompli: “Wiċċ hieni taʼ sultan jagħtik il-ħajja, u ħnientu bħal sħaba xita tar-rebbiegħa.” (Proverbji 16:15) “Wiċċ hieni taʼ sultan” ifisser il-favur tiegħu, bħalma d-‘dija taʼ wiċċ’ Ġeħova tfisser favur divin. (Salm 44:4 [44:3, NW]; 89:16 [89:15, NW]) Sewwasew bħalma s-sħab tax-xita huwa assiguranza taʼ l-ilma li se jgħin biex jikber il-frott taʼ l-art, il-ħniena taʼ sultan hija evidenza t’affarijiet tajbin fil-futur. Il-ħajja taħt ir-renju tas-Sultan Messjaniku se tkun mimlija barkiet u prosperità, bħalma kien ir-renju tas-Sultan Salamun fuq skala żgħira.—Salm 72:1-17.
Hekk kif nistennew is-Saltna t’Alla biex tieħu kontroll taʼ kulma jsir taħt ix-xemx, jalla nfittxu l-għajnuna tiegħu biex innaddfu qalbna. Ukoll, jalla npoġġu l-fiduċja tagħna f’Ġeħova u nikkultivaw il-biżaʼ t’Alla. Imbagħad nistgħu nkunu fiduċjużi bis-sħiħ li ‘jseħħu ħsibijietna.’—Proverbji 16:3.
[Stampa f’paġna 18]
Ġeħova f’liema sens għamel “il-ħażin għal jum il-hemm”?