Uża Ħajtek bl-Aħjar Mod li Tistaʼ
IL-MISSIER kien id-dar, fis-sodda, qed imut bil-kanċer. Ibnu kien fil-garaxx fejn kien jaħdem missieru, jiżbarazza l-għodda li missieru kien juża biex jaħdem l-injam. Kif kien bil-għodda f’idejh, beda jaħseb fuq l-affarijiet sbieħ li missieru kien għamel bihom. Għalkemm il-garaxx fejn kien jaħdem kien mad-dar, kien jaf li missieru qatt iktar ma kien se jerġaʼ jidħol hemm, qatt ma kien se jerġaʼ jżomm f’idejh l-għodda li tant kien juża bis-sengħa. Dak iż-żmien kien spiċċa.
L-iben ħaseb fl-iskrittura taʼ Koħèlet 9:10: “Kull ma ssib x’tagħmel, agħmlu b’ħiltek kollha għax ma jkunx hemm ħidma jew ħsieb, xjenza jew għerf, f’Art l-Imwiet [il-qabar] fejn inti sejjer.” Dik l-iskrittura kien jafha tajjeb. Kien użaha ħafna drabi meta kien jgħallem lil oħrajn dwar il-verità tal-Bibbja li l-mewt hija stat taʼ inattività. Kien issa li l-argument taʼ Salamun laqtu fil-laħam il-ħaj—aħna għandna nieħdu kemm nistgħu mill-ħajja u ngawduha waqt li dan ikun possibbli għax għad jasal iż-żmien meta ma nkunux nistgħu ngawduha iktar.
Gawdi l-Ħajja
Mill-bidu sat-tmiem tal-ktieb taʼ Koħèlet, is-Sultan għaref Salamun iħeġġeġ lill-qarrejja tiegħu biex igawdu l-ħajja. Per eżempju, kapitlu 3 jistqarr: “Hekk fhimt li għall-bnedmin m’hemmx aħjar milli jkunu ferħana u jgawdu ġidhom f’ħajjithom. Għax li wieħed jiekol u jixrob u jduq mill-frott taʼ xogħlu, dan ukoll hu don taʼ Alla.”—Koħèlet 3:12, 13.
Salamun kien imnebbaħ minn Alla biex jirrepeti dan il-ħsieb: “Ara, mela, x’sibt li hemm tajjeb u jaqbel għall-bniedem: li jiekol u jixrob u jgawdi l-frott taʼ kull taħbit li jġarrab taħt ix-xemx tul l-għomor li Alla jisilfu: għax dan hu li jmissu.”—Koħèlet 5:17 [Koħèlet 5:18, NW].
Bl-istess mod, hu jħeġġeġ liż-żgħażagħ: “Thenna, o żagħżugħ, fir-rebbiegħa taʼ ħajtek, u ħa tkun ferħana qalbek f’jiem żgħożitek. Imxi wara t-taħbit taʼ qalbek, u wara l-għaxqa taʼ għajnejk.” (Koħèlet 11:9a) Kemm hu tajjeb li wieħed igawdi kemm jistaʼ s-saħħa u l-enerġija taż-żgħożija!—Proverbji 20:29.
“Ftakar f’Min Ħalqek”
M’għandniex xi ngħidu, Salamun ma jridx ifisser li huwa għaqli li niġru wara dak kollu li jogħġob lil qalbna jew lil għajnejna. (Qabbel l-1 Ġwann 2:16.) Dan jidher ċar minn dak li kiteb wara: “Iżda kun af li taʼ dan kollu [affarijiet li għandhom mnejn jissodisfaw ix-xewqat tiegħek] jitolbok kont Alla fil-ħaqq tiegħu.” (Koħèlet 11:9b) Hi x’inhi l-età tagħna, irridu niftakru li Alla josserva dak li nagħmlu b’ħajjitna u se jiġġudikana skond dan.
Kemm inkunu boloh jekk nirraġunaw li nistgħu ngħixu ħajja egoċentrika u nħallu d-devozzjoni lejn Alla għal meta nikbru fl-età! Il-ħajja tagħna tistaʼ tintemm kull ħin u kull mument. Anki jekk le, li naqdu lil Alla ma ssirx xi ħaġa eħfef meta nixjieħu. Billi rrikonoxxa dan il-fatt, Salamun kiteb: “Ftakar f’min ħalqek f’jiem żgħożitek qabel ma jaslu jiem in-niket, u joqorbu s-snin li tgħid għalihom: ‘Xejn ma jogħġbuni.’”—Koħèlet 12:1.
Hekk kif wieħed javanza fl-età jibda jbati mill-effetti xejn sbieħ li din iġġib magħha. Salamun issa jiddeskrivi l-effetti taʼ l-età avanzata billi juża termini simboliċi. L-idejn jibdew jitriegħdu, is-saqajn jiddgħajfu, u s-snien jaqgħu. Ix-xagħar jibjad u jibda jaqaʼ. In-ngħas tant ikun ħafif li wieħed jistenbaħ anki għall-ħoss taʼ xi għasfur. Is-sensi—il-vista, is-smigħ, il-mess, ix-xamm u t-togħma—kollha jbattu. Il-fatt li l-ġisem ikun iddgħajjef iwassal għal li wieħed jibda jibżaʼ li jaqaʼ, u għal “tkexkix” ieħor li wieħed iħoss meta jkun f’postijiet pubbliċi. Eventwalment il-bniedem imut.—Koħèlet 12:2-7.
Ix-xjuħija hi żmien taʼ għali b’mod partikulari għal dawk li naqsu li ‘jiftakru f’min ħalaqhom’ matul iż-żgħożija tagħhom. Minħabba li jkunu ħlew ħajjithom, persuni bħal dawn ‘xejn ma jkunu jogħġbuhom’ l-aħħar snin tagħhom. Stil taʼ ħajja li jinjora kompletament l-eżistenza t’Alla wkoll jistaʼ jżid mal-problemi u l-weġgħat tax-xjuħija. (Proverbji 5:3-11) B’sogħba, meta wħud bħal dawn iħarsu ’l quddiem, ma jaraw ebda futur ħlief il-qabar.
Kun Hieni fi Xjuħitek
Dan ma jfissirx li wħud imdaħħlin fiż-żmien ma jistgħux igawdu l-ħajja. Fil-Bibbja, l-“għomor twil u ħafna snin” ukoll huma assoċjati mal-barka t’Alla. (Proverbji 3:1, 2) Jehovah qal lill-ħabib tiegħu Abraham: “Int . . . tindifen meta tkun xjeħt sewwa.” (Ġenesi 15:15) Minkejja l-iskumditajiet li ġġib magħha l-età avanzata, Abraham sab il-paċi u s-serenità fl-aħħar snin taʼ ħajtu, u setaʼ jħares lura b’sodisfazzjon lejn ħajja taʼ devozzjoni lejn Jehovah. Hu bil-fidi ħares ’il quddiem ukoll lejn “belt mibnija fis-sod,” is-Saltna t’Alla. (Lhud 11:10) B’hekk, miet “xiħ mimli bil-għomor [“xiħ u sodisfatt,” NW].”—Ġenesi 25:8.
Għaldaqstant, Salamun ħeġġeġ: “Jekk il-bniedem jgħix bosta snin, ħa jgawdihom kollha.” (Koħèlet 11:8) Sew jekk aħna żgħażagħ u sew jekk aħna xjuħ, il-ferħ veru huwa marbut mar-relazzjoni tagħna m’Alla.
Hekk kif iż-żagħżugħ fil-garaxx kien qed jerfaʼ l-aħħar għodda taʼ missieru, qagħad jaħseb dwar dawn l-affarijiet. Ħaseb dwar in-nies kollha li kien jaf u li pprovaw jużaw ħajjithom bl-aħjar mod li setgħu imma ma sabux l-hena għax ma kellhom ebda relazzjoni mal-Ħallieq tagħhom. Kemm kien jidher xieraq li wara li Salamun ta inkuraġġiment biex wieħed ikun hieni matul ħajtu, hu ġabar kollox f’dan il-kliem: “Hawn hu l-qofol tad-diskors wara li nstamaʼ kollox: ‘Ħobb lil Alla u ħares il-kmandamenti tiegħu, għax f’dan jinġabar il-bniedem kollu.’”—Koħèlet 12:13.