Id-“Dmir Taʼ Kull Bniedem”
“Ibżaʼ minn Alla, u ħares il-kmandamenti tiegħu: għax dan hu d-dmir taʼ kull bniedem.”—EKKLEŻJAŻTI 12:13, KŻ.
1, 2. Għala huwa xieraq li nikkunsidraw l-obbligu tagħna lejn Alla?
“X’JISTENNA minnek il-Mulej?” Profeta tal-qedem għamel dik il-mistoqsija. Imbagħad speċifika dak li Jehovah irrikjeda—li tagħmel dak li hu ġust, li tħobb u tkun ħanin, u li tkun umli fl-imġiba tiegħek m’Alla.—Mikea 6:8.
2 F’dan iż-żmien taʼ individwalità u indipendenza ħafna ma jħossuhomx komdi bl-idea li Alla jirrikjedi xi ħaġa minnhom. Ma jridux iħossuhom obbligati. Imma xi ngħidu dwar il-konklużjoni li wasal għaliha Salamun f’Koħèlet (Ekkleżjażti)? “Il-konklużjoni, wara li kollox instamaʼ, hi: Ibżaʼ minn Alla, u ħares il-kmandamenti tiegħu: għax dan hu d-dmir taʼ kull bniedem.”—Ekkleżjażti 12:13, KŻ.
3. Għala għandna naħsbu serjament dwar il-ktieb taʼ Koħèlet?
3 Huma x’inhuma ċ-ċirkostanzi u l-ħarsa tagħna dwar il-ħajja, nistgħu nibbenefikaw bil-kbir jekk nikkunsidraw l-isfond taʼ dik il-konklużjoni. Is-sultan Salamun, il-kittieb taʼ dan il-ktieb ispirat, ikkunsidra xi ftit mill-istess affarijiet li huma parti mill-ħajja tagħna taʼ kuljum. Xi wħud jistgħu jikkonkludu malajr malajr li l-analisi tiegħu hija bażikament negattiva. Madankollu din ġiet ispirata b’mod divin u tistaʼ tgħinna niżnu l-attivitajiet u l-prijoritajiet tagħna, bir-riżultat taʼ iżjed ferħ.
Inkampaw Mat-Tħassib Prinċipali Tal-Ħajja
4. Salamun x’eżamina u x’iddiskuta f’Koħèlet?
4 Salamun eżamina profondament ‘il-biċċa xogħol iebsa taʼ wlied il-bniedem.’ “Tajt ruħi biex infittex u nistħarreġ bl-għerf dak kollu li jsir taħt is-sema.” Meta qal “biċċa xogħol iebsa” Salamun ma riedx neċessarjament ifisser mestier, jew impjieg, imma x’aktarx dak kollu li rġiel u nisa jokkupaw ruħhom bih matul ħajjithom kollha. (Koħèlet 1:13) Ejjew nikkunsidraw xi interessi, jew xogħlijiet prinċipali, u mbagħad inqabblu l-attivitajiet u l-prijoritajiet tagħna stess.
5. Liema hija waħda mill-affarijiet ewlenin li biha jokkupaw ruħhom il-bnedmin?
5 Ċertament li l-flus jinsabu fil-qalba taʼ ħafna mill-interessi u l-attivitajiet umani. Ħadd ma jistaʼ jgħid ġustament li Salamun kien jiġi jaqaʼ u jqum mill-flus bħal ħafna nies sinjuri. Irrikonoxxa bla tlaqliq il-bżonn taʼ xi ftit flus; li jkollok finanzi adegwati huwa aħjar milli jkollok tgħix bil-kemm tgħaddi jew fil-faqar. (Koħèlet 7:11, 12) Imma int x’aktarx li rajt li l-flus, b’dak li tistaʼ tixtri bihom, jistgħu jsiru l-għan ewlieni fil-ħajja—kemm għall-fqir kif ukoll għas-sinjur.
6. X’nistgħu nitgħallmu dwar il-flus minn waħda mit-tixbihat taʼ Ġesù u mill-esperjenza taʼ Salamun innifsu?
6 Ftakar fit-tixbieha taʼ Ġesù dwar ir-raġel għani li, billi qatt ma kien sodisfatt, ħadem biex jakkwista iżjed. Alla ġġudikah bħala li ma kienx raġonevoli. Għala? Għax ‘ħajjitna ma tiddependix mill-ġid li jkollna.’ (Luqa 12:15-21) L-esperjenza taʼ Salamun—probabbilment iżjed estensiva minn tagħna—tikkonferma l-kliem taʼ Ġesù. Aqra d-deskrizzjoni f’Koħèlet 2:4-9. Għal xi żmien Salamun applika lilu nnifsu għall-akkwist taʼ l-għana. Bena djar u ġonna jgħaxxquk. Setaʼ jaffordja u jakkwista nisa sbieħ bħala mseħbin. Ġabulu l-għana u dak li dan għenu biex jagħmel sodisfazzjon profond, sens taʼ twettiq veru, u tifsir f’ħajtu? Hu wieġeb apertament: “U mbagħad dort nara l-opri li għamilt u kemm tħabatt biex għamilthom. U ara x’sibt: kollox frugħa u ġiri wara r-riħ, imma ebda qligħ ma hemm taħt ix-xemx.”—Koħèlet 2:11; 4:8.
7. (a) L-esperjenza x’turi dwar il-valur tal-flus? (b) X’rajt int personalment li jivverifika l-konklużjoni taʼ Salamun?
7 Dak huwa realistiku, verità li jixhduha ħafna ħajjiet. Irridu nammettu li l-fatt li jkollok iżjed flus sempliċement ma jsolvix il-problemi kollha. Jistaʼ jsolvi xi ftit minnhom, bħal li jagħmel eħfef l-akkwist taʼ l-ikel u l-ilbies. Imma wieħed jistaʼ jilbes biss tibdila waħda f’darba u jgawdi biss ċertu ammont taʼ ikel u xorb. U int żgur li qrajt dwar nies għonja li l-ħajjiet tagħhom huma impestati b’divorzju, abbuż t’alkoħol jew drogi, u ġlied maʼ qraba. Il-multimiljunarju J. P. Getty qal: “Il-flus m’humiex neċessarjament konnessi maʼ l-hena. Għandu mnejn ikunu konnessi mad-dwejjaq.” Għal raġuni tajba, Salamun ikklassifika l-imħabba tal-fidda maʼ frugħa. Ikkuntrasta dak il-fatt maʼ l-osservazzjoni taʼ Salamun: “Il-ħaddiem, jiekol ftit jew jiekol wisq, jiġih ħelu l-irqad, imma l-għani x-xabaʼ ma jħallihx jieħu nagħsa.”—Koħèlet 5:10-12.
8. X’raġuni hemm biex ma nenfasizzawx iżżejjed l-importanza tal-flus?
8 Il-flus u l-affarijiet li tippossiedi wkoll ma jġibux sens taʼ kuntentizza rigward il-futur. Li kieku kellek iżjed flus u affarijiet, x’aktarx li kien ikollok iżjed anzjetà dwar kif se tipproteġihom, u xorta waħda ma kontx tkun taf għada x’se jġib miegħu. Tgħid se titlef kollox, kif ukoll ħajtek? (Koħèlet 5:13-17; 9:11, 12) Ladarba dan huwa l-każ, m’għandux ikun diffiċli tara għala ħajjitna, jew dak li nokkupaw ruħna bih, għandha jkollha tifsir ogħla, iżjed dejjiemi mill-flus u l-affarijiet.
Familja, Fama, u Poter
9. Il-ħajja tal-familja għala bix-xieraq issemmiet fl-eżaminar taʼ Salamun?
9 L-analisi taʼ Salamun dwar il-ħajja inkludiet il-kwistjoni taʼ preokkupazzjoni minħabba l-familja. Il-Bibbja tenfasizza l-ħajja tal-familja, inkluż il-ferħ taʼ li jkollok u li trabbi t-tfal. (Ġenesi 2:22-24; Salm 127:3-5; Proverbji 5:15, 18-20; 6:20; Mark 10:6-9; Efesin 5:22-33) Iżda, huwa dak l-aspett fundamentali tal-ħajja? Jidher li ħafna hekk jaħsbu, minħabba l-enfasi li tingħata f’ċerti kulturi fuq iż-żwieġ, it-tfal, u r-rabtiet tal-familja. Madankollu Koħèlet 6:3 juri li anki li jkollok mitt tifel u tifla m’huwa ċavetta għal sodisfazzjon fil-ħajja. Immaġina kemm ġenituri għamlu sagrifiċċji minħabba wliedhom sabiex jagħtuhom bidu tajjeb fil-ħajja u jagħmlulhom ħajjithom eħfef. Għalkemm dik hija xi ħaġa nobbli, ċertament li l-Ħallieq tagħna ma kellux f’moħħu li l-objettiv ċentrali taʼ l-eżistenza tagħna jkun sempliċement li ngħaddu l-ħajja lill-ġenerazzjoni li jmiss, bħalma jagħmlu l-annimali istintivament biex ikomplu r-razza.
10. Li tiffoka żżejjed fuq il-familja għala jistaʼ jirriżulta fi frugħa?
10 Salamun b’dehen semma xi realtajiet dwar il-ħajja tal-familja. Per eżempju, għandu mnejn raġel jiffoka fuq li jipprovdi għal uliedu u wlied uliedu. Imma se jkunu huma għaqlin? Jew se jkunu boloh b’dak li jkun stinka hu biex jakkwistalhom? Jekk iseħħ dan taʼ l-aħħar, xi “frugħa u ħaġa mill-agħar” tkun din!—Koħèlet 2:18-21; 1 Slaten 12:8; 2 Kronaki 12:1-4, 9.
11, 12. (a) Xi wħud fuq liema interessi fil-ħajja kkonċentraw? (b) Għala jistaʼ jingħad li t-tfittxija għal prominenza hija “ġiri wara r-riħ”?
11 Fl-estrem l-ieħor, ħafna poġġew fil-ġenb il-ħajja normali tal-familja minħabba d-determinazzjoni tagħhom li jiksbu fama jew poter fuq oħrajn. Dan jistaʼ jkun difett iżjed komuni fost l-irġiel. Rajtu int dan fi sħabek taʼ l-iskola, sħabek fuq ix-xogħol, jew fil-ġirien? Ħafna jissieltu disperatament biex jiġu nnotati, biex jilħqu xi ħaġa, jew biex ikollhom awtorità fuq oħrajn. Imma dan kemm hu verament sinjifikanti?
12 Aħseb dwar kif xi wħud jissieltu biex isiru famużi, kemm jekk fuq skala żgħira jew fuq skala kbira. Dan narawh fl-iskola, fejn noqogħdu, u f’diversi gruppi soċjali. Hija wkoll forza qawwija f’dawk li jridu jsiru magħrufin fil-qasam taʼ l-arti, divertiment, u politika. M’huwiex dan, iżda, essenzjalment sforz fil-vojt? Salamun sejjaħlu b’mod korrett “ġiri wara r-riħ.” (Koħèlet 4:4) Anki jekk żagħżugħ isir prominenti f’xi klabb, f’xi tim taʼ l-isport, jew f’xi grupp mużikali—jew xi raġel jew mara jiksbu reputazzjoni f’xi kumpanija jew komunità—kemm hemm nies li verament jafu b’dan? Jafu l-biċċa l-kbira tan-nies fuq in-naħa l-oħra tal-globu (jew saħansitra taʼ l-istess pajjiż) li dik il-persuna teżisti? Jew dawn ikomplu fil-ħajja totalment mhux konxji taʼ dik il-ftit fama li hi jew hu għandu? U l-istess jistaʼ jingħad dwar kwalunkwe poter jew awtorità li wieħed jistaʼ jikseb fl-impjieg, fil-belt, jew fi grupp.
13. (a) Koħèlet 9:4, 5 kif jgħinna biex ikollna ħarsa xierqa dwar l-istinkar għal prominenza jew poter? (b) Liema fatti għandna niffaċċjaw jekk din il-ħajja hija dak kollu li hemm? (Ara nota taʼ taħt.)
13 Prominenza jew awtorità bħal din tammonta għal liema ħaġa fl-aħħar mill-aħħar? Hekk kif ġenerazzjoni tmur u oħra tiġi, in-nies prominenti jew setgħana jgħibu mix-xena u jintesew. Dan huwa veru dwar bennejja, mużiċisti u artisti oħrajn, riformisti soċjali, u nibqgħu sejrin, sewwa sew bħalma hu veru dwar il-biċċa l-kbira tal-politikanti u mexxejja militari. Minn dawk il-mestieri, kemm individwi speċifiċi taf li kienu jgħixu bejn is-snin 1700 u 1800? Salamun ikkalkula kif jixraq l-affarijiet meta qal: “‘Aħjar kelb ħaj minn iljun mejjet.’ Il-ħajjin, għallinqas, jafu li għad imutu, iżda l-mejtin ma jafu xejn; . . . it-tifkira tagħhom intesiet.” (Koħèlet 9:4, 5) U jekk din il-ħajja hija dak kollu li hemm, allura l-istinkar għal prominenza jew poter verament huwa vanità.a
L-Obbligu Tagħna u Dak Li Fuqu Għandna Niffokaw
14. Il-ktieb taʼ Koħèlet għala għandu jgħinna personalment?
14 Salamun ma kkummentax fuq ħafna attivitajiet, miri, u pjaċiri li fuqhom il-bnedmin jiffokaw il-ħajjiet tagħhom. Madankollu, dak li kiteb huwa suffiċjenti. Il-konsiderazzjoni tagħna tal-ktieb m’għandhiex għalfejn tidher taʼ dwejjaq jew negattiva, għax realistikament irrevedejna ktieb tal-Bibbja li Alla Jehovah deliberatament ispira għall-benefiċċju tagħna. Jistaʼ jgħin lil kull wieħed minna jiddritta l-ħarsa tiegħu dwar il-ħajja u dwar dak li jiffoka fuqu. (Koħèlet 7:2; 2 Timotju 3:16, 17) Dak huwa speċjalment minnu meta tqis il-konklużjonijiet li Jehovah għen lil Salamun biex jasal għalihom.
15, 16. (a) X’kienet il-ħarsa taʼ Salamun dwar li tgawdi l-ħajja? (b) Salamun liema kwalifiki xierqa poġġa mat-tgawdija tal-ħajja?
15 Punt wieħed li Salamun qajjem ripetutament kien li qaddejja taʼ dak Alla veru għandhom isibu ferħ fl-attivitajiet tagħhom Quddiemu. “M’hemmx aħjar għall-bniedem milli jiekol u jixrob u li jgawdi l-frott taʼ xogħlu. Imma f[h]imt li dan ukoll minn id Alla ġej.” (Koħèlet 2:24; 3:12, 13; 5:18; 8:15) Innota li Salamun ma kienx qiegħed jinkuraġġixxi x-xalar; lanqas m’adotta attitudni taʼ ‘Ejjew nieklu, nixorbu, u nifirħu, għax għada mmutu.’ (1 Korintin 15:14, 32-34) Ried ifisser li għandna nsibu tgawdija fi pjaċiri normali, bħalma huma l-ikel u x-xorb, hekk kif ‘nagħmlu t-tajjeb matul ħajjitna.’ Dan bla dubju jiffoka ħajjitna fuq ir-rieda tal-Ħallieq, li jiddetermina x’inhu verament tajjeb.—Salm 25:8; Koħèlet 9:1; Mark 10:17, 18; Rumani 12:2.
16 Salamun kiteb: “Isa, mela, kul bil-ferħ il-ħobża tiegħek, u ixrob għal qalbek l-inbid tiegħek, għax Alla ġa laqagħhom l-għemejjel tiegħek.” (Koħèlet 9:7-9) Iva, il-mara jew ir-raġel li verament għandu ħajja għanja u sodisfaċenti hu attiv f’għemejjel li Jehovah isib għaxqa fihom. Dan jitlob minna li kontinwament neħduh inkonsiderazzjoni. Kemm hija differenti din il-ħarsa minn dik tal-maġġoranza tan-nies, li javviċinaw il-ħajja fuq il-bażi taʼ raġunar uman!
17, 18. (a) Ħafna nies kif jirreaġixxu għar-realtajiet tal-ħajja? (b) Liema riżultat għandna dejjem inżommu f’moħħna?
17 Għalkemm xi reliġjonijiet jgħallmu dwar ħajja wara l-mewt, ħafna nies jemmnu li din il-ħajja hi verament dak kollu li jistgħu jkunu ċerti minnu. Għandek mnejn rajthom jirreaġixxu bħalma ddeskriva Salamun: “Għax l-għemejjel tal-ħżiena ma jeħdux minnufih il-kundanna li jkun jistħoqqilhom; għalhekk qalb il-ħżiena titħajjar ħafna biex tagħmel id-deni.” (Koħèlet 8:11) Anki dawk li ma jsirux mgħaddsa f’għemejjel vili juru li prinċipalment huma kkonċernati mill-preżent biss. Din hi raġuni waħda għala l-flus, l-affarijiet li jippossiedu, il-prestiġju, l-awtorità fuq oħrajn, il-familja, jew interessi bħal dawn oħrajn isiru importanti żżejjed għalihom. Salamun, madankollu, ma waqqafx il-ħsieb hemm. Hu żied: “Għax il-ħażin, mqar jidneb mitt darba, idum jgħix ħafna. Iżda naf fiż-żgur li jkollhom l-hena dawk li jibżgħu minn Alla talli jgħixu fil-biżaʼ tiegħu; u li ma jkollux hena l-ħażin u lanqas itawwal bħal dell jiem ħajtu għax m’għandux il-biżaʼ taʼ Alla.” (Koħèlet 8:12, 13) Biċ-ċar, Salamun kien konvint li jaħbtilna tajjeb jekk ‘nibżgħu mill-veru Alla.’ Kemm ikun tajjeb? Nistgħu nsibu t-tweġiba fil-kuntrast li għamel. Jehovah jistaʼ ‘jtawlilna jiem ħajjitna.’
18 Dawk li għadhom relattivament żgħażagħ għandhom speċjalment jaħsbu sewwa dwar il-fatt assolutament taʼ min joqgħod fuqu li se jaħbtilhom tajjeb jekk jibżgħu minn Alla. Bħalma għandek mnejn rajt personalment, l-iktar ġerrej ħafif jistaʼ jitfixkel u jitlef it-tellieqa. Armata setgħana tistaʼ tiġi megħluba. Negozjant li jilħaqlu jistaʼ jsib ruħu fil-faqar. U ħafna inċertezzi oħrajn jagħmlu l-ħajja instabbli ferm. Imma tistaʼ tkun assolutament ċert dwar dan: Il-korsa l-iktar għaqlija u ċerta hija li tgawdi l-ħajja fil-waqt li tagħmel it-tajjeb fi qbil mal-liġijiet morali t’Alla u skond ir-rieda tiegħu. (Koħèlet 9:11) Dan jinkludi li titgħallem mill-Bibbja x’inhi r-rieda t’Alla, tiddedika ħajtek lilu, u ssir Kristjan mgħammed.—Mattew 28:19, 20.
19. Iż-żgħażagħ kif jistgħu jużaw il-ħajjiet tagħhom, imma liema hija l-korsa għaqlija?
19 Il-Ħallieq mhux se jisforza lil żgħażagħ jew oħrajn biex isegwu l-gwida tiegħu. Jistgħu jintefgħu għall-edukazzjoni, forsi saħansitra billi jsiru studenti għal tul għomorhom taʼ kotba mingħajr għadd taʼ tagħlim uman. Dak eventwalment se juri li jkun taʼ strapazz għal-laħam. Jew jistgħu jimxu fil-mogħdijiet tal-qalb umana imperfetta tagħhom jew isegwu dak li jappella għall-għajnejn. Dak ċertament se jġib għali, u ħajja mqattaʼ b’dak il-mod maż-żmien turi li tkun sempliċement vanità. (Koħèlet 11:9–12:12; 1 Ġwanni 2:15-17) Għalhekk Salamun jagħmel appell liż-żgħażagħ—appell li għandna nikkunsidraw serjament, hi x’inhi l-età tagħna: “Ftakar f’min ħalqek f’jiem żgħożitek qabel ma jaslu jiem in-niket, u joqorbu s-snin li tgħid għalihom: ‘Xejn ma jogħġbuni.’”—Koħèlet 12:1.
20. Liema hija l-ħarsa bbilanċjata tal-messaġġ f’Koħèlet?
20 Allura, x’se nikkonkludu? Sewwa, xi ngħidu dwar il-konklużjoni li wasal għaliha Salamun? Hu ra, jew eżamina “l-għemejjel kollha li jsiru taħt ix-xemx, u ara . . . kollox frugħa u ġiri wara r-riħ.” (Koħèlet 1:14) Ma nsibux fil-ktieb taʼ Koħèlet il-kliem taʼ raġel ċiniku jew imdejjaq. Dan il-kliem huwa parti mill-Kelma ispirata t’Alla u denju li jiġi kkunsidrat minna.
21, 22. (a) Salamun liema aspetti tal-ħajja ħa inkonsiderazzjoni? (b) Liema konklużjoni għaqlija wasal għaliha? (ċ) Li eżaminajt il-kontenut taʼ Koħèlet kif effettwak?
21 Salamun studja t-taħbit, is-sarâr, u l-aspirazzjonijiet umani. Irrifletta dwar kif jirriżultaw l-affarijiet fil-korsa normali tagħhom, ir-riżultat vojt u frustranti li ħafna bnedmin jesperjenzaw. Hu kkunsidra r-realtà taʼ l-imperfezzjoni umana u l-mewt li tirriżulta minnha. U irrikorra għal għarfien mogħti minn Alla dwar l-istat tal-mejtin u l-prospetti għal kwalunkwe ħajja futura. Dan kollu ntiżen minn raġel li kellu għerf mogħni divinament, iva, wieħed mill-iktar bnedmin għorrief li qatt għexu. Imbagħad il-konklużjoni li wasal għaliha ġiet inkorporata fl-Iskrittura Mqaddsa għall-benefiċċju taʼ dawk kollha li jridu ħajja verament sinjifikanti. M’għandniex naqblu?
22 “Il-konklużjoni, wara li kollox instamaʼ, hi: Ibżaʼ minn Alla, u ħares il-kmandamenti tiegħu: għax dan hu d-dmir taʼ kull bniedem. Għax Alla jagħmel ħaqq minn kulma jsir, minn kull ħaġa moħbija, sew tajba, u sew ħażina.”—Ekkleżjażti 12:13, 14, KŻ.
(w97 2/15)
[Nota taʼ taħt]
a The Watchtower darba għamel dan il-kumment taʼ dehen: “M’għandniex naħlu din il-ħajja fuq vanitajiet . . . Jekk din il-ħajja hija dak kollu li hemm, m’hemm xejn importanti. Din il-ħajja hija bħal ballun mitfugħ fl-arja li malajr jerġaʼ jaqaʼ fit-trab. Hija dell li jgħaddi jiġri, fjur li jitbiel, werqa ħaxix li tinqataʼ u malajr tinxef. . . . Fuq il-miżien taʼ l-eternità tul ħajjitna huwa farka li lanqas biss tidher. Fin-nixxiegħa taż-żmien lanqas saħansitra m’hu qatra sinjifikanti. Ċertament [Salamun] għandu raġun meta jirrevedi l-ħafna interessi u attivitajiet umani u jiddikjarahom vanità. Tant immutu malajr li stajna ma ġejna xejn, wieħed minn biljuni li ġejjin u sejrin, bi ftit ferm li jafu li biss konna hawn. Din il-ħarsa m’hijiex ċinika jew taʼ swied il-qalb jew li tbeżżgħek. Hija verità, fatt li rridu niffaċċjawh, ħarsa prattika, jekk din il-ħajja hija dak kollu li hemm.”—1 t’Awissu, 1957, paġna 472.
Tiftakar Int?
◻ X’inhi l-evalwazzjoni għaqlija taʼ post l-affarijiet li tippossiedi f’ħajtek?
◻ Għala m’għandniex inpoġġu enfasi żejda fuq il-familja, fuq il-fama, jew fuq l-awtorità fuq oħrajn?
◻ Salamun liema attitudni divina lejn id-divertiment inkuraġġixxa?
◻ Kif ibbenefikajt int billi kkunsidrajt il-ktieb taʼ Koħèlet?
[Stampi f’paġna 15]
Il-flus u l-affarijiet li wieħed jippossiedi ma jassigurawx il-kuntentizza
[Stampa f’paġna 17]
Iż-żgħażagħ jistgħu jkunu żgurati li se
jaħbtilhom tajjeb jekk jibżgħu minn Alla