Il-Bijoetika u l-Kirurġija Mingħajr Demm
FI SNIN riċenti rajna progress li ma kienx hawn bħalu fil-qasam tal-mediċina. Madankollu, fil-waqt li solvew problemi mediċi, xi avvanzi ħolqu oħrajn etiċi.
It-tobba jridu jaħsbu fuq dilemmi bħal: Għandu trattament mediku aggressiv xi kultant jiġi abbandunat sabiex pazjent ikun jistaʼ jmut b’dinjità? Għandu tabib jinjora d-deċiżjoni taʼ pazjent jekk iħoss li dan ikun fl-aħjar interessi tal-pazjent? Il-kura tas-saħħa kif għandha tiġi mqassma b’mod ġust meta trattament li jiswa l-flus ma jkunx disponibbli għal kulħadd?
Kwistjonijiet komplessi bħal dawn ġabu lenti fuq id-dixxiplina medika msejħa bijoetika. Din l-ispeċjalità hija mmirata biex tgħin lil tobba u xjenzati jittrattaw maʼ implikazzjonijiet etiċi taʼ riċerki bijoloġiċi u avvanzi mediċi. Ladarba ħafna mid-deċiżjonijiet l-iżjed diffiċli jqumu fi sptarijiet, ħafna sptarijiet stabbilew kumitati bijoetiċi. Is-soltu l-membri tal-kumitat—inklużi tobba u avukati—jattendu seminars fuq il-bijoetika, fejn problemi etiċi fil-mediċina jiġu analizzati.
Xi mistoqsijiet imqajmin taʼ spiss f’seminars bħal dawn huma: Sa liema punt għandhom it-tobba jirrispettaw it-twemmin tax-Xhieda taʼ Jehovah li, primarjament għal raġunijiet reliġjużi, jirrifjutaw li jaċċettaw trasfużjonijiet tad-demm? Għandu tabib jagħti trasfużjoni lil pazjent kontra r-rieda tal-pazjent jekk din tidher medikament “taʼ min jirrikmandaha”? Ikun dan etiku li jagħmel hekk mingħajr l-għarfien tal-pazjent, bħal li kieku ‘dak li l-pazjent ma jafx mhux se jagħmillu ħsara’?
Sabiex jittrattaw kwistjonijiet bħal dawn b’mod xieraq, it-tobba għandhom bżonn fehma oġġettiva tal-punt di vista tax-Xhieda. Min-naħa tagħhom, ix-Xhieda taʼ Jehovah huma ħerqanin li jispjegaw il-pożizzjoni tagħhom lit-tobba, billi jirrealizzaw li fehma reċiproka tistaʼ sservi biex tevita konfront.
L-Imħuħ Jiltaqgħu
Il-Professur Diego Gracia, awtorità prominenti fil-bijoetika fi Spanja, ried li l-klassi tiegħu jkollha djalogu bħal dan. “Huwa xieraq li intom [ix-Xhieda taʼ Jehovah] tingħataw opportunità biex tesprimu t-tħassib tagħkom . . . meta wieħed iqis id-diffikultajiet li kellkom f’konnessjoni mat-trasfużjonijiet tad-demm,” qal il-professur.
B’hekk, fil-5 taʼ Ġunju, 1996, tliet rappreżentanti tax-Xhieda taʼ Jehovah kienu mistednin fil-Complutense University f’Madrid, ġewwa Spanja, biex jispjegaw il-ħarsa tagħhom. Xi 40 tabib u professjonisti oħrajn kienu preżenti.
Wara li x-Xhieda għamlu preżentazzjoni qasira, is-sessjoni nfetħet għall-mistoqsijiet. Dawk kollha preżenti qablu li pazjent adult għandu jkollu d-dritt li jirrifjuta xi trattament mediku partikulari. Il-klassi qablet ukoll li trasfużjoni m’għandha qatt tiġi amministrata mingħajr il-kunsens informat tal-pazjent. Madankollu, xi aspetti tal-waqfa tax-Xhieda kkonċernawhom.
Mistoqsija waħda kienet fuq il-flus. Xi kultant kirurġija mingħajr l-użu tad-demm tinvolvi apparat speċjali, bħalma huma l-kirurġija bil-laser, kif ukoll pilloli li jqumu l-flus, bħall-erythropoietin, użata biex tistimula l-produzzjoni taċ-ċelloli ħomor tad-demm. Tabib minnhom staqsa jekk billi jirrifjutaw għażla li ma tqumx daqshekk flus (demm omologu), ix-Xhieda jistgħux jippretendu li s-servizzi pubbliċi tas-saħħa jagħtuhom privileġġi speċjali.
Fil-waqt li rrikonoxxa li l-flus huma neċessarjament fattur li t-tobba jridu jikkunsidraw, rappreżentant tax-Xhieda rrefera għal studji ppubblikati li janalizzaw in-nefqa taʼ wara l-kwinti tat-trasfużjonijiet taʼ demm omologu. Dawn jinkludu n-nefqa għall-kura taʼ komplikazzjonijiet relatati mat-trasfużjonijiet, kif ukoll it-telf taʼ flus li jirriżulta minn komplikazzjonijiet bħal dawn. Hu kkwota studju komprensiv mill-Istati Uniti li indika li pinta medja taʼ demm, għalkemm inizjalment tqum biss $250, attwalment ipproduċiet spejjeż taʼ iktar minn $1,300—iktar minn ħames darbiet is-somma oriġinali. B’hekk, hu wera li, meta jiġu kkunsidrati l-fatturi kollha, kirurġija mingħajr demm hija ekonomika. Barra minn hekk, ħafna mill-hekk imsejjaħ infiq żejjed taʼ kirurġija mingħajr demm huwa apparat li jistaʼ jerġaʼ jintuża.
Mistoqsija oħra li tippreokkupa lil diversi tobba hija relatata mal-pressjoni minn dawk fil-kongregazzjoni. X’jiġri, huma staqsew, jekk Xhud iċedi u jaċċetta trasfużjoni taʼ demm? Jiġi maqtugħ mill-komunità tax-Xhieda?
Ir-rispons ikun jiddependi fuq is-sitwazzjoni attwali, għaliex li wieħed ma jobdix il-liġi t’Alla hija ċertament kwistjoni serja, waħda li l-anzjani tal-kongregazzjoni jkunu jridu jeżaminaw. Ix-Xhieda jkunu jridu jgħinu lil kwalunkwe individwu li jkun għadda minn esperjenza trawmatika taʼ kirurġija li tipperikola l-ħajja u li jkun aċċetta trasfużjoni. Xhud bħal dan żgur li se jħossu mdejjaq ferm u se jkun imħasseb dwar ir-relazzjoni tiegħu m’Alla. Individwu bħal dan għandu mnejn ikollu bżonn l-għajnuna u lil min jifhmu. Ladarba l-pedament tal-Kristjanità hija l-imħabba, l-anzjani jkunu jridu, bħal fil-każi ġudizzjarji kollha, li jtaffu s-sodizza bil-ħniena.—Mattew 9:12, 13; Ġwann 7:24.
“Ma taħsbux li dalwaqt se terġgħu tbiddlu l-waqfa etika tagħkom?” staqsa professur fil-bijoetika, li ġie mill-Istati Uniti. “Reliġjonijiet oħrajn hekk għamlu fi snin riċenti.”
Lil dan qalulu li l-waqfa tax-Xhieda rigward il-qdusija tad-demm hija twemmin dottrinali iktar milli xi opinjoni etika suġġetta għal li tiġi riveduta perjodikament. Il-kmand ċar Bibliku ma jagħti lok għal ebda kompromess. (Atti 15:28, 29) Li jikser liġi divina bħal din ikun inaċċettabbli għal Xhud daqs li jaċċetta l-idolatrija jew il-fornikazzjoni.
Ix-Xhieda taʼ Jehovah japprezzaw ferm il-volontà taʼ tobba—bħal dawk preżenti għas-seminar tal-bijoetika f’Madrid—li jirrispettaw id-deċiżjoni tagħhom li jfittxu trattament alternattiv li jaqbel mal-konvinzjonijiet tagħhom ibbażati fuq il-Bibbja. Bla dubju, il-bijoetika se jkollha rwol importanti f’li ttejjeb ir-relazzjonijiet bejn tobba u pazjenti u f’li tippromwovi rispett akbar għax-xewqat tal-pazjent.
Bħalma ġie rrapportat li qal tabib famuż Spanjol, it-tobba jridu jiftakru dejjem li huma “jaħdmu bi strumenti imperfetti u b’mezzi fallibbli.” Għalhekk għandhom bżonn il-“konvinzjoni li l-imħabba għandha dejjem testendi speċjalment fejn hemm nuqqas t’għarfien.” (w97 2/15)