LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w08 4/15 pp. 21-25
  • X’Jagħmel il-Ħajja Siewja?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • X’Jagħmel il-Ħajja Siewja?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Ġiri Wara r-​Riħ”
  • Il-​Ġiri Wara l-​Pjaċiri Jagħmilna Henjin?
  • Il-​Ġid Materjali Jagħtina Sodisfazzjon?
  • Liema Tip taʼ Xogħol Iġib Sodisfazzjon Ġenwin?
  • “Ibgħat Ħobżok”
  • Id-“Dmir Taʼ Kull Bniedem”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Ħajtek—X’Inhu l-Iskop Tagħha?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Iservi t’Eżempju Tajjeb Għalik jew taʼ Twissija?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
w08 4/15 pp. 21-25

X’Jagħmel il-​Ħajja Siewja?

“Ibżaʼ minn Alla, u ħares il-​kmandamenti tiegħu.”​—EKK. 12:13, KŻ.

1, 2. Kif nistgħu nibbenefikaw meta nikkunsidraw il-​ktieb taʼ Koħèlet?

IMMAĠINA raġel li donnu għandu kollox. Hu mexxej magħruf, wieħed mill-​iktar irġiel għonja fuq l-​art, u l-​iktar raġel għaref taʼ żmienu. Madankollu, minkejja dak kollu li wettaq, hu xorta jistaqsi lilu nnifsu, ‘X’jagħmel il-​ħajja siewja?’

2 Dan ir-​raġel kien jeżisti tassew—xi tlett elef sena ilu. Kien jismu Salamun, u fil-​ktieb taʼ Koħèlet, jew Ekkleżjasti, insibu d-​deskrizzjoni li ta dwar it-​tfittxija tiegħu għas-​sodisfazzjon. (Koħ. 1:13) Hemm ħafna x’nistgħu nitgħallmu mill-​esperjenza taʼ Salamun. Tabilħaqq, l-​għerf li nsibu fil-​ktieb taʼ Koħèlet jistaʼ jgħinna nistabbilixxu miri li jagħtu tifsir veru lil ħajjitna.

“Ġiri Wara r-​Riħ”

3. Liema fatt li jġegħelna naħsbu dwar il-​ħajja umana rridu niffaċċjaw ilkoll kemm aħna?

3 Salamun jispjega li Alla ħalaq abbundanza t’affarijiet mill-​isbaħ fuq l-​art—sors li ma jispiċċa qatt u li jgħaġġbek t’affarijiet interessanti u meravilji li qatt ma nixbgħu ngawduhom. Madankollu, minħabba li ħajjitna hija qasira wisq, tistaʼ tgħid li bilkemm nibdew niskopru l-​ħolqien t’Alla. (Koħ. 3:11; 8:17) Bħalma tgħid il-​Bibbja, għomorna hu qasir u ħajjitna malajr tgħaddi. (Ġob 14:1, 2; Koħ. 6:12) Dan il-​fatt, li jagħtina x’naħsbu, għandu jqanqalna nużaw ħajjitna bil-​għaqal. Din m’hijiex xi ħaġa faċli ladarba d-​dinja taʼ Satana għandha mnejn tidderiġina fid-​direzzjoni żbaljata.

4. (a) Xi tfisser il-​kelma “frugħa”? (b) Liema affarijiet li nirsistu biex niksbu f’ħajjitna se nikkunsidraw?

4 Biex jenfasizza l-​periklu li hemm f’li naħlu ħajjitna, Salamun uża l-​Kelma Ebrajka għal “frugħa” kważi 30 darba f’Koħèlet. Din tirreferi għal xi ħaġa li hija vojta, bla siwi, bla skop, bla ebda sustanza, jew li m’għandha ebda valur dejjiemi. (Koħ. 1:2, 3) Kultant, Salamun juża wkoll il-​kelma “frugħa” biex ifisser “ġiri wara r-​riħ.” (Koħ. 1:14; 2:11) M’għandniex xi ngħidu, tipprova kemm tipprova taqbad ir-​riħ ikun kollu għalxejn. Kulmin jipprova jagħmel dan jispiċċa ma jaqbad xejn. Min jirsisti biex jikseb miri li m’humiex għaqlin se jispiċċa frustrat bl-​istess mod. Il-​ħajja f’din is-​sistema hija qasira wisq biex taħliha fil-​ġiri wara affarijiet li jħalluk b’idek f’idek. Għalhekk, biex nevitaw li nagħmlu dan l-​iżball, ejja naraw xi eżempji li jagħtina Salamun t’affarijiet li n-​nies normalment jirsistu għalihom fil-​ħajja. L-​ewwel, se nikkunsidraw il-​ġiri wara l-​pjaċiri u l-​affarijiet materjali. Wara dan se niddiskutu l-​valur tax-​xogħol li jogħġob lil Alla.

Il-​Ġiri Wara l-​Pjaċiri Jagħmilna Henjin?

5. Salamun fejn fittxu s-​sodisfazzjon?

5 Bħal ħafna nies illum, Salamun ipprova jsib is-​sodisfazzjon f’ħajja mimlija pjaċiri. Hu jgħidilna: “Mill-​ebda pjaċir ma ħallejt nieqsa lil qalbi.” (Koħ. 2:10) Fejn fittex il-​pjaċiri? Skond Koħèlet kapitlu 2, hu ‘ferraħ lil ġismu bl-​inbid’ bir-​rażna u fittex li jagħmel attivitajiet bħal li jżejjen il-​ġonna, jiddisinja l-​palazzi, jismaʼ l-​mużika, u jgawdi ikel delizzjuż.

6. (a) Għala m’huwiex ħażin li ngawdu ftit mill-​affarijiet tajbin tal-​ħajja? (b) Rigward ir-​rikreazzjoni, liema bilanċ huwa meħtieġ?

6 Tikkundanna l-​Bibbja l-​fatt li wieħed jieħu gost maʼ sħabu? Lanqas xejn. Per eżempju, Salamun jinnota li jekk wieħed igawdi ikla f’atmosfera rilassata wara jum taʼ ħidma iebsa, dan ikun don mingħand Alla. (Aqra Koħèlet 2:24; 3:12, 13.) Iktar minn hekk, Ġeħova nnifsu jistieden liż-​żgħażagħ biex ‘jithennew u jkollhom qalbhom ferħana’ b’mod responsabbli. (Koħ. 11:9) Aħna għandna bżonn is-​serħan u r-​rikreazzjoni li tibni. (Qabbel Marku 6:31.) Madankollu, ir-​rikreazzjoni m’għandhiex issir l-​iskop prinċipali taʼ ħajjitna. Minflok, ir-​rikreazzjoni biex nistrieħu għandha tkun bħad-​deżerta fl-​aħħar taʼ l-​ikla, u mhux l-​ikla prinċipali. Żgur taqbel li minkejja kemm tkun tħobb tiekol deżerta ħelwa, int malajr se tixba minnha jekk dejjem tiekol lilha biss, u ma tantx se tikseb nutriment mill-​ikel tiegħek. B’mod simili, Salamun skopra li ħajja ffokata biss fuq il-​pjaċiri kienet “ġiri wara r-​riħ.”—Koħ. 2:10, 11.

7. Għala għandna nagħżlu sew ir-​rikreazzjoni tagħna?

7 Iktar minn hekk, mhux kull rikreazzjoni tibnik. Hawn ħafna rikreazzjoni li hija tassew taʼ ħsara—kemm spiritwalment kif ukoll moralment. Kemm miljuni taʼ nies ġabu ħajjithom fi stat taʼ disperazzjoni sempliċement minħabba li riedu ‘jieħdu buzz,’ billi abbużaw mid-​drogi, mix-​xorb żejjed, jew mil-​logħob tal-​flus! Ġeħova b’qalb tajba jwissina li jekk inħallu lil qalbna jew lil għajnejna jiġbduna lejn dak li hu taʼ ħsara rridu nistennew li se nbatu l-​konsegwenzi.—Gal. 6:7.

8. Għala huwa għaqli li nimmeditaw dwar ħajjitna?

8 Iktar minn hekk, jekk infittxu l-​pjaċiri mingħajr bilanċ se niġu mfixklin milli nagħtu kas sew taʼ l-​affarijiet li huma iktar importanti. Ftakar li l-​ħajja tgħaddi malajr u m’hemm ebda garanzija li l-​ħajja qasira tagħna se tkun dejjem mimlija saħħa u ħielsa mill-​problemi. Huwa għalhekk li bħalma kompla jinnota Salamun, aħna niksbu benefiċċju akbar meta nattendu funeral—speċjalment wieħed taʼ ħu jew oħt Kristjana leali—milli kieku mmorru “f’dar il-​ferħ.” (Aqra Koħèlet 7:2, 4.) Għala huwa minnu dan? Aħna u nisimgħu t-​taħdita tal-​funeral u nimmeditaw dwar il-​ħajja tal-​qaddej leali taʼ Ġeħova li miet, aħna għandna mnejn niġu mqanqlin biex neżaminaw ħajjitna stess. Minħabba f’hekk, forsi nikkonkludu li għandna bżonn naġġustaw il-​miri tagħna sabiex nużaw il-​bqija taʼ ħajjitna bil-​għaqal.—Koħ. 12:1.

Il-​Ġid Materjali Jagħtina Sodisfazzjon?

9. Salamun xi skopra dwar l-​għana li kellu?

9 Salamun kien wieħed mill-​iktar irġiel għonja fuq l-​art meta kiteb il-​ktieb taʼ Koħèlet. (2 Kron. 9:22) Hu kellu l-​mezzi biex jikseb kulma ried. “Kulma riedu għajnejja ma ċħadtulhomx,” kiteb hu. (Koħ. 2:10) Minkejja dan, hu skopra li l-​affarijiet materjali li kellu, fihom infushom, ma jġibux sodisfazzjon. Hu kkonkluda: “Min iħobb il-​flus ma jixbax bil-​flus, u min iħobb l-​għana ma jixbax bil-​qligħ.”—Koħ. 5:9 (5:10, NW).

10. Xi jġib is-​sodisfazzjon u l-​għana taʼ veru?

10 Minkejja li l-​affarijiet materjali m’għandhom ebda valur permanenti, xorta waħda jibqaʼ l-​fatt li l-​għana għandu ġibda qawwija. Fi stħarriġ li sar dan l-​aħħar fl-​Istati Uniti, 75 fil-​mija mill-​gradwati kollha taʼ l-​ewwel sena fl-​università ddeskrivew il-​mira prinċipali taʼ ħajjithom bħala li jkunu “tat-​tajjeb ħafna fejn jidħlu l-​finanzi.” Anki jekk jilħqu l-​mira tagħhom, se jkunu huma tassew henjin? Mhux bilfors. Ir-​riċerkaturi nnotaw li l-​enfasi fuq il-​materjaliżmu, fil-​fatt, ifixkel l-​hena u s-​sodisfazzjon. Ħafna żmien ilu, Salamun kien diġà wasal għal din l-​istess konklużjoni. Hu kiteb: “Geddist ukoll deheb u fidda u teżori taʼ slaten . . . U ara x’sibt: kollox frugħa u ġiri wara r-​riħ.”a (Koħ. 2:8, 11) Kuntrarju għal dan, jekk nużaw ħajjitna biex naqdu lil Ġeħova b’qalb sħiħa u b’dan il-​mod nirċievu l-​barka tiegħu, niksbu l-​għana taʼ veru.—Aqra Proverbji 10:22.

Liema Tip taʼ Xogħol Iġib Sodisfazzjon Ġenwin?

11. L-​Iskrittura x’tindika dwar il-​valur tax-​xogħol?

11 Ġesù qal: “Missieri baqaʼ jaħdem s’issa, u jien nibqaʼ naħdem.” (Ġw. 5:17) M’hemm ebda dubju li Ġeħova u Ġesù jħossuhom sodisfatti bix-​xogħol. Il-​Bibbja tindika s-​sodisfazzjon li ħass Ġeħova bix-​xogħol tiegħu tal-​ħolqien meta tgħid: “Ħares Alla lejn kull ma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna.” (Ġen. 1:31) Il-​ġemgħa taʼ l-​anġli bdiet “tgħajjat bil-​ferħ” meta rat dak kollu li Alla kien għamel. (Ġob 38:4-7) Salamun bl-​istess mod apprezza l-​valur taʼ xogħol siewi.—Koħ. 3:13.

12, 13. (a) Żewġ individwi kif jesprimu s-​sodisfazzjon li jħossu mill-​ħidma onesta tagħhom? (b) Għala jistaʼ x-​xogħol sekulari kultant iġib frustrazzjoni?

12 Ħafna huma dawk il-​bnedmin li jifhmu l-​valur taʼ xogħol onest. Per eżempju, José, pittur taʼ suċċess, jgħid, “Meta tkun tistaʼ tpinġi fuq tila l-​istampa li jkollok f’moħħok, tħossok bħallikieku rnexxielek titlaʼ fuq il-​quċċata taʼ muntanja.” Miguel,b li hu negozjant, jinnota: “Ix-​xogħol jagħtik sodisfazzjon għaliex jippermettilek tipprovdi għall-​familja tiegħek. Dan jagħmlek kuntent ukoll għax tkun wettaqt xogħlok.”

13 Mill-​banda l-​oħra, hemm ħafna xogħlijiet li huma monotoni u li ftit joffrulek opportunitajiet biex tkun kreattiv. Kultant, in-​nies iħossuhom frustrati jew saħansitra jiġu trattati b’inġustizzja fuq il-​post tax-​xogħol. Salamun jgħid li l-​għażżien—forsi minħabba li jinfluwenza lil uħud li għandhom l-​awtorità—għandu mnejn jaħsad il-​premju tal-​ħaddiem ħabrieki. (Koħ. 2:21) Hemm fatturi oħrajn li għandhom mnejn iwasslu għal diżappunt. Dik li tibda bħala l-​hekk imsejħa opportunità taʼ negozju li trendi għandha mnejn tispiċċa f’falliment minħabba li l-​ekonomija tal-​pajjiż tmur lura jew minħabba ċirkustanzi li ma jkollniex kontroll fuqhom. (Aqra Koħèlet 9:11.) Spiss, l-​individwu li jaħdem iebes biex jirnexxi jispiċċa rrabjat u frustrat, għaliex jirrealizza li hu qagħad “jitħabat għar-​riħ.”—Koħ. 5:15 (5:16, NW).

14. Liema xogħol dejjem iġibilna sodisfazzjon ġenwin?

14 Hemm xi tip taʼ xogħol li qatt ma jiddiżappuntana? José, il-​pittur li semmejna qabel, jgħid: “Mal-​mogħdija taż-​żmien, dak li tpitter jistaʼ jintilef jew jinqered. Dan m’huwiex il-​każ dwar dak li nagħmlu fis-​servizz t’Alla. Minħabba li nobdi lil Ġeħova u nippriedka l-​aħbar tajba, jien ngħin biex nibni xi ħaġa permanenti—Kristjani mill-​aqwa li jibżgħu minn Alla. Dan hu imprezzabbli.” (1 Kor. 3:9-11) Miguel b’mod simili jgħid li l-​ippridkar tal-​messaġġ tas-​Saltna jġiblu ħafna iktar sodisfazzjon mix-​xogħol sekulari tiegħu. “Xejn ma jistaʼ jieħu post il-​ferħ li tħoss meta taqsam verità Skritturali maʼ xi ħadd u tħoss li messitlu qalbu,” jgħid hu.

“Ibgħat Ħobżok”

15. X’jagħmel il-​ħajja tassew siewja?

15 Bħala konklużjoni, x’jagħmel il-​ħajja tassew siewja? Aħna nħossu sodisfazzjon veru jekk nużaw iż-​żmien qasir li għandna f’din is-​sistema biex nagħmlu l-​ġid u nogħġbu lil Ġeħova. Aħna nistgħu nibnu relazzjoni mill-​qrib m’Alla, ngħallmu lil uliedna l-​valuri spiritwali li nħaddnu, nistgħu ngħinu lil oħrajn isiru jafu lil Ġeħova, u nistgħu nibnu ħbiberiji dejjiema maʼ ħutna. (Gal. 6:10) Dawn l-​affarijiet kollha għandhom valur permanenti u jġibu barkiet lil dawk li jiksbuhom. Salamun uża xebh tassew interessanti biex jiddeskrivi l-​valur taʼ li nagħmlu l-​ġid. Hu qal: “Ibgħat ħobżok fuq wiċċ il-​baħar, għax wara żmien twil jerġagħlek lura.” (Koħ. 11:1) Ġesù ħeġġeġ lid-​dixxipli tiegħu: “Idraw agħtu, u n-​nies jagħtukom.” (Lq. 6:38) Iktar minn hekk, Ġeħova nnifsu jwiegħed li jippremja lil dawk li jagħmlu l-​ġid lil oħrajn.—Prov. 19:17; aqra Ebrej 6:10.

16. Liema hu l-​aħjar żmien biex nippjanaw ħajjitna?

16 Il-​Bibbja tħeġġiġna biex nieħdu deċiżjonijiet għaqlin dwar kif se nużaw ħajjitna minn meta nkunu għadna żgħar. B’dan il-​mod, se nkunu nistgħu nevitaw il-​frustrazzjoni fis-​snin taʼ wara. (Koħ. 12:1) Kemm ikun taʼ dispjaċir li kieku kellna naħlu l-​aħjar snin taʼ ħajjitna fil-​ġiri wara l-​ġibdiet tad-​dinja, sempliċement biex imbagħad insibu li ma jiswew xejn iktar mir-​riħ!

17. X’se jgħinek tagħżel l-​aqwa mod taʼ ħajja?

17 Bħal kwalunkwe missier li jħobb, Ġeħova jridek tgawdi l-​ħajja, tagħmel il-​ġid, u tevita wġigħ taʼ qalb bla bżonn. (Koħ. 11:9, 10) X’se jgħinek tagħmel dan? Agħmel miri spiritwali, u mbagħad aħdem iebes biex tilħaqhom. Kważi 20 sena ilu, Javier kellu jagħżel bejn karriera medika promettenti u l-​ministeru full-time. “Għalkemm ix-​xogħol taʼ tabib jistaʼ jġib sodisfazzjon, xejn ma jistaʼ jitqabbel mal-​ferħ li ħassejt meta għent lil diversi wħud isiru jafu l-​verità,” jgħid hu. “Is-​servizz full-time ippermettieli ngawdi l-​ħajja bis-​sħiħ. L-​uniku dispjaċir li għandi hu li ma bdejtux qabel.”

18. Il-​ħajja taʼ Ġesù fuq l-​art għala kienet tassew siewja?

18 Allura, x’inhi l-​iktar ħaġa taʼ valur li għandna nistinkaw biex ikollna? Il-​ktieb taʼ Koħèlet jgħid: “Aħjar fama tajba miż-​żejt prezzjuż, aħjar jum il-​mewt minn jum it-​twelid.” (Koħ. 7:1) Il-​ħajja taʼ Ġesù hi l-​aqwa eżempju taʼ dan. Hu żgur li bena reputazzjoni li tispikka maʼ Ġeħova. Meta Ġesù miet leali, hu vvindika s-​sovranità taʼ Missieru u pprovda s-​sagrifiċċju tal-​fidwa li fetaħ it-​triq għas-​salvazzjoni tagħna. (Mt. 20:28) Matul iż-​żmien qasir li qattaʼ fuq l-​art, Ġesù pprovda eżempju perfett—wieħed li aħna nistinkaw biex nimitawh—dak taʼ ħajja li hija tassew siewja.—1 Kor. 11:1; 1 Pt. 2:21.

19. Salamun liema parir għaqli tana?

19 Aħna wkoll nistgħu nibnu reputazzjoni tajba m’Alla. Il-​fatt li jkollna reputazzjoni tajba fil-​ħarsa taʼ Ġeħova hu ħafna iktar taʼ valur milli jkollna l-​għana. (Aqra Mattew 6:19-21.) Kuljum aħna nistgħu nsibu modi kif nagħmlu l-​affarijiet li huma tajbin fil-​ħarsa taʼ Ġeħova u dan se jsebbħilna ħajjitna. Per eżempju, nistgħu naqsmu l-​aħbar tajba m’oħrajn, insaħħu ż-​żwieġ u l-​familja tagħna, u nkabbru l-​ispiritwalità tagħna permezz taʼ l-​istudju persunali u l-​attendenza għal-​laqgħat. (Koħ. 11:6; Ebr. 13:16) Mela allura, trid int tgawdi ħajja verament siewja? Jekk iva, ibqaʼ żomm maʼ dan il-​parir taʼ Salamun: “Ibżaʼ minn Alla, u ħares il-​kmandamenti tiegħu: għax dan hu d-​dmir taʼ kull bniedem.”—Ekk. 12:13, KŻ.

[Noti taʼ taħt]

a Salamun kellu dħul bażiku taʼ 666 talent (iktar minn 22,000 kilo) taʼ deheb fis-​sena.—2 Kron. 9:13.

b L-isem ġie mibdul.

Int Kif Twieġeb?

• X’għandu jqanqalna naħsbu bis-​serjetà dwar il-​miri li nagħmlu f’ħajjitna?

• Kif għandna nħarsu lejn il-​ġiri wara l-​pjaċiri u l-​affarijiet materjali?

• Liema tip taʼ xogħol se jġibilna sodisfazzjon dejjiemi?

• Liema ħaġa taʼ valur għandna nistinkaw biex ikollna?

[Stampa f’paġna 23]

Liema post għandu jkollha r-​rikreazzjoni f’ħajjitna?

[Stampa f’paġna 24]

X’jagħmel lix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tassew sodisfaċenti?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja