LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w08 4/15 pp. 25-28
  • Iżolati Iżda Mhux Minsijin

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Iżolati Iżda Mhux Minsijin
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Sfidi li Jinqalgħu fid-​Djar taʼ l-​Anzjani
  • Appoġġ mill-​Kongregazzjoni
  • Żomm il-​Komunikazzjoni Miftuħa
  • Il-​Preżenza Tiegħek Hija Importanti
  • Benefiċċji għal Kulħadd
  • Il-Familja Kristjana Tgħin lix-Xjuħ
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Nieħdu Ħsieb Uħud Imdaħħlin fiż-Żmien —Responsabbiltà Kristjana
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Ftakar f’dawk li jgħixu fid-djar tal-anzjani
    Il-Ministeru tas-Saltna—2014
  • Kif Għandna Nittrattaw lil Nies Imdaħħlin fiż-Żmien?
    Stenbaħ!—2004
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
w08 4/15 pp. 25-28

Iżolati Iżda Mhux Minsijin

L-​APPOSTLU Pawlu wissa lill-​Kristjani sħabu: “Ħa nagħmlu t-​tajjeb maʼ kulħadd, imma speċjalment maʼ min jiġi minna fil-​fidi.” (Gal. 6:10) Illum, aħna għadna nsegwu din id-​direzzjoni ispirata u nfittxu modi kif nistgħu nagħmlu l-​ġid lil sħabna fit-​twemmin. Fost dawk fil-​kongregazzjoni Kristjana li għandhom bżonn u jistħoqqilhom l-​attenzjoni tagħna bi mħabba hemm ħutna l-​għeżież li huma mdaħħlin fiż-​żmien u li jgħixu fid-​djar taʼ l-​anzjani.

Huwa minnu li f’xi pajjiżi hija d-​drawwa li l-​familji jieħdu ħsieb lill-​ġenituri mdaħħlin fiż-​żmien fi djarhom stess. Però, f’ħafna pajjiżi, bosta wħud li huma mdaħħlin fiż-​żmien spiss jiddependu mill-​kura li tistaʼ tipprovdi xi dar taʼ l-​anzjani. Xi ngħidu għall-​Kristjani mdaħħlin fiż-​żmien li jgħixu fi djar bħal dawn? Liema sfidi jiffaċċjaw? Kif jistgħu jkampaw jekk ma jkollhomx l-​appoġġ tal-​membri tal-​familja tagħhom? Kif tistaʼ tgħinhom il-​kongregazzjoni Kristjana? U b’liema modi nibbenefikaw meta nżuruhom fuq bażi regulari?

Sfidi li Jinqalgħu fid-​Djar taʼ l-​Anzjani

Meta l-​Kristjani mdaħħlin fiż-​żmien imorru jgħixu f’dar taʼ l-​anzjani, għandhom mnejn isibu ruħhom fit-​territorju taʼ kongregazzjoni li ma jkunux midħla tagħha. Minħabba f’hekk, ix-​Xhieda lokali għandhom mnejn ma jaħsbux dwar li jżuruhom regolarment. Iktar minn hekk, fid-​dar taʼ l-​anzjani x’aktarx li se jkunu mdawrin b’nies taʼ twemmin reliġjuż differenti. Dan jistaʼ jpoġġi lix-​Xhieda sħabna mdaħħlin fiż-​żmien f’sitwazzjoni diffiċli.

Per eżempju, f’xi nħawi, id-​djar taʼ l-​anzjani jagħmlu arranġamenti għal attivitajiet reliġjużi biex isiru hemmhekk stess. Wieħed li jieħu ħsieb l-​anzjani osserva: “Xi wħud mix-​Xhieda mdaħħlin fiż-​żmien li ma jistgħux jikkomunikaw b’mod ċar ittieħdu fis-​siġġijiet tar-​roti biex jattendu attivitajiet reliġjużi mingħajr ma ġew mistoqsijin dwar dak li xtaqu jagħmlu.” Iktar minn hekk, membri taʼ l-​istaff fid-​djar taʼ l-​anzjani spiss jużaw il-​festi t’għeluq is-​snin, il-​Milied, jew l-​Għid biex ivarjaw ir-​rutina tar-​residenti. Xi Xhieda fid-​djar taʼ l-​anzjani ġew offruti wkoll ikel li l-​kuxjenza tagħhom ma kinitx tippermettilhom li jikluh. (Atti 15:29) Jekk inżuru lil ħutna mdaħħlin fiż-​żmien fuq bażi regulari, aħna se nkunu nistgħu ngħinuhom jiffaċċjaw sfidi bħal dawn.

Appoġġ mill-​Kongregazzjoni

Il-​Kristjani tal-​bidu kienu attenti għar-​responsabbiltà tagħhom lejn uħud imdaħħlin fiż-​żmien meta dawn ma kellhomx familja biex tappoġġahom. (1 Tim. 5:9) B’mod simili, l-​indokraturi llum huma attenti biex jaraw li l-​aħwa mdaħħlin fiż-​żmien li jgħixu fid-​djar taʼ l-​anzjani fl-​inħawi tagħhom ma jiġux traskurati.a Robert, li jaqdi bħala anzjan, jiġbed l-​attenzjoni lejn dan: “Ikun tajjeb jekk l-​indokraturi Kristjani nfushom iżuru lill-​aħwa mdaħħlin fiż-​żmien biex jaraw f’liema kundizzjonijiet qed jgħixu u biex jitolbu magħhom. Hemm ħafna x’tistaʼ tagħmel il-​kongregazzjoni biex tieħu ħsieb il-​bżonnijiet tagħhom.” Jekk inwarrbu l-​ħin biex inżuru lil ħutna mdaħħlin fiż-​żmien, inkunu qed nuru li nifhmu kemm hu importanti fil-​ħarsa taʼ Ġeħova li nieħdu ħsieb dawk li huma fil-​bżonn.—Ġak. 1:27.

Meta jkun neċessarju, l-​anzjani minn qalbhom jagħmlu arranġamenti biex jipprovdu għajnuna prattika lil ħuthom li jkunu fid-​djar taʼ l-​anzjani fit-​territorju tagħhom. Robert isemmi x’jistaʼ jkun wieħed mill-​bżonnijiet: “Aħna għandna ninkuraġġixxu lil ħutna mdaħħlin fiż-​żmien biex jattendu l-​laqgħat Kristjani jekk ikunu jistgħu jagħmlu dan.” Madankollu, għal dawk li m’għadhomx jistgħu jiġu s-​Sala tas-​Saltna, l-​anzjani jistgħu jagħmlu arranġamenti oħrajn. Jacqueline, li għandha madwar 85 sena u tbati mill-​artrite fil-​qarquċ u l-​ġogi (osteoarthritis), tismaʼ l-​laqgħat bit-​telefon. Hi tgħid: “Jagħmilli ħafna ġid il-​fatt li nistaʼ nismaʼ l-​laqgħat waqt li jkunu għaddejjin. Żgur li jiġri x’jiġri jien se nkun hemm biex nismagħhom!”

Jekk Kristjan imdaħħal fiż-​żmien ma jistax jismaʼ l-​laqgħat bit-​telefon, l-​anzjani jistgħu jagħmlu arranġamenti biex il-​laqgħat jiġu rekordjati. L-​individwu li jieħu r-​rikordings lill-​ħu, jew l-​oħt, li jkun fid-​dar taʼ l-​anzjani jistaʼ juża l-​opportunità biex ikollu konversazzjoni inkuraġġanti maʼ l-​individwu. “Meta nagħti l-​aħbarijiet dwar il-​membri tal-​kongregazzjoni lokali lill-​aħwa mdaħħlin fiż-​żmien, huma jħossu li għadhom jagħmlu parti mill-​familja spiritwali tagħna,” jgħid wieħed indokratur.

Żomm il-​Komunikazzjoni Miftuħa

Nistgħu nifhmu li ħafna mill-​aħwa mdaħħlin fiż-​żmien iħossuhom stressati u mitlufin meta jmorru jgħixu f’dar taʼ l-​anzjani. Minħabba f’hekk, xi wħud minnhom għandhom it-​tendenza li jingħalqu fihom infushom. Madankollu, jekk inżuru lil ħutna mdaħħlin fiż-​żmien eżatt malli jaslu fil-​post il-​ġdid u nuruhom li rridu nibqgħu ninkuraġġuhom, se ngħinuhom ħafna biex jerġgħu jiksbu l-​paċi ġewwinija u ċertu ammont taʼ ferħ.—Prov. 17:22.

Jekk l-​aħwa mdaħħlin fiż-​żmien ibatu minn nuqqas t’abbiltà mentali jew jitilfu s-​smigħ jew ikollhom problemi oħrajn li ma jippermettulhomx jikkomunikaw sew, xi wħud għandhom mnejn jikkonkludu li jkun għalxejn li jżuruhom. Però, l-​isforzi tagħna li nibqgħu nżuruhom, minkejja kemm ikun diffiċli li nikkomunikaw magħhom, juru li aħna qed inkomplu ‘nkunu minn taʼ quddiem biex nonoraw’ lil sħabna fit-​twemmin. (Rum. 12:10) Jekk ħu mdaħħal fiż-​żmien jibda jitlef xi ftit il-​memorja tal-​preżent, aħna nistgħu ninkuraġġuh jirrakkontalna xi esperjenza taʼ l-​antik—anki dwar tfulitu—jew biex jgħidilna kif sar jaf il-​verità tal-​Bibbja. X’nistgħu nagħmlu jekk ma jkunx jistaʼ jesprimi ruħu sew? Nisimgħuh bil-​paċenzja, u jekk ikun xieraq, nissuġġerixxu xi kelma jew tnejn li forsi ma jkunx jistaʼ jiftakar, jew niġbru fil-​qosor dak li jkun qal u ninkuraġġuh biex ikompli. Jekk jibda jitfixkel jew ma jitkellimx ċar u ma nkunux nistgħu nifhmuh, aħna nistgħu nipprovaw nifhmu xi jrid ifisser billi noqogħdu attenti ħafna għat-​ton taʼ leħnu.

Jekk ma jkunx għadu jistaʼ jikkomunika bil-​kliem, jistgħu jintużaw mezzi oħrajn. Laurence, li taqdi bħala pijuniera, iżżur regolarment lil Madeleine, oħt Kristjana taʼ 80 sena li m’għadhiex tistaʼ titkellem. Laurence tispjega kif tikkomunika magħha: “Jien inżommilha idejha waqt li nitlob magħha. Hi min-​naħa tagħha tgħafasli idejja bil-​mod u tpetpet ftit għajnejha biex turini li tapprezza dawn il-​mumenti prezzjużi.” Aħna nistgħu nagħtuhom rassiguranza kbira lil sħabna li huma mdaħħlin fiż-​żmien jekk sempliċement naqbdulhom idejhom jew ngħannquhom waħda minn qalbna.

Il-​Preżenza Tiegħek Hija Importanti

Iż-​żjajjar regulari tiegħek lil uħud imdaħħlin fiż-​żmien jistgħu jeffettwaw il-​kwalità taʼ servizz li jirċievu. Danièle, li ilha żżur lil Xhieda sħabha fid-​djar taʼ l-​anzjani għal xi 20 sena, innotat: “Meta membri taʼ l-​istaff f’dar taʼ l-​anzjani jinnotaw li l-​individwu jkollu żjajjar regulari, huma jieħdu ħsiebu iktar.” Robert, li ssemma qabel, jgħid: “Membri taʼ l-​istaff taʼ l-​infermiera x’aktarx li iktar se jisimgħu minn xi ħadd li jżur lir-​residenti regolarment. Huma għandhom mnejn ma jurux l-​istess rispett lejn xi ħadd li jiġi darba fill.” Ladarba l-​infermiera spiss ikollhom jiffaċċjaw familji li qatt m’huma sodisfatti, huma japprezzaw meta l-​viżitaturi juruhom l-​apprezzament tagħhom. Iktar minn hekk, jekk niżviluppaw relazzjoni tajba maʼ l-​istaff taʼ l-​infermiera, huma jistgħu jkunu iktar inklinati li jirrispettaw il-​valuri u t-​twemmin taʼ Xhud imdaħħal fiż-​żmien li jkun taħt il-​kura tagħhom.

Nistgħu nikkultivaw ukoll relazzjoni tajba maʼ l-​istaff billi noffrulhom l-​għajnuna f’xi xogħlijiet sempliċi. F’ċerti nħawi, minħabba li dejjem ikun hemm nuqqas taʼ ħaddiema kwalifikati, il-​kura li tingħata lill-​anzjani ma tkunx daqshekk taʼ kwalità tajba. Rébecca, li hija infermiera, tagħti dan il-​parir: “Il-​ħin taʼ l-​ikel huwa ħin li fih inkunu mħabbtin ħafna. Allura dawn jistgħu jkunu mumenti tajbin biex iżżur ħabib u tgħinu jiekol.” M’għandniex noqogħdu lura milli nistaqsu lill-​istaff biex jagħtuna suġġerimenti dwar kif nistgħu nagħtu daqqa t’id.

Meta nagħmlu żjajjar regulari fl-​istess dar taʼ l-​anzjani, inkunu nistgħu naraw x’għandhom bżonn ħutna li huma mdaħħlin fiż-​żmien, u bil-​permess tal-​personell, nistgħu nieħdu l-​inizjattiva biex ngħinuhom. Per eżempju, għandna mnejn inkunu nistgħu nżejnu l-​kamra taʼ resident b’ritratti tal-​maħbubin tiegħu jew bi tpinġijiet li jkunu għamlu xi tfal. Waqt li nżommu l-​benesseri tar-​resident f’moħħna, nistgħu nġibulu xi dressing gown issaħħan għal ġewwa jew xi prodotti għall-​kura persunali tiegħu. Jekk fir-​residenza hemm ġnien, nistgħu aħna noħorġuh daqsxejn lil seħibna ħalli jieħu ftit arja friska? Laurence, li ssemmiet qabel, tgħid: “Madeleine tkun qed tistenna bil-​ħerqa ż-​żjajjar tiegħi taʼ kull ġimgħa. Meta nieħu xi tfal miegħi, hi mill-​ewwel titbissem u għajnejha jibdew jixegħlu!” Inizjattivi bħal dawn jistgħu jkollhom effett kbir fuq dawk li jgħixu f’dar taʼ l-​anzjani.—Prov. 3:27.

Benefiċċji għal Kulħadd

Jistaʼ jkun li l-​‘ġenwinità taʼ mħabbitna’ tiġi mġarrba meta nżuru fuq bażi regulari lil xi ħadd imdaħħal fiż-​żmien. (2 Kor. 8:8) B’liema mod? Jistaʼ jkun taʼ wġigħ għalina li naraw ħabib jiddgħajjef bil-​mod il-​mod. Laurence tammetti: “Għall-​ewwel, tant kont niġi effettwata minħabba li l-​kundizzjoni taʼ Madeleine bdiet sejra lura li kont nibki wara kull żjara li nagħmlilha. Imma tgħallimt li t-​talb ħerqan jistaʼ jgħinna negħlbu kwalunkwe biżaʼ u nsiru iktar inkuraġġanti.” Robert ilu snin sħaħ iżur lil ħu Kristjan li jismu Larry u li jbati mill-​marda taʼ Parkinson. Robert jgħid: “Larry tant huwa effettwat mill-​marda tiegħu li lanqas għadni nistaʼ nifhem kelma waħda milli jgħid. Imma meta nitolbu flimkien, għadni nħoss il-​fidi li għandu.”

Meta nżuru lil sħabna fit-​twemmin li huma mdaħħlin fiż-​żmien, mhux biss ngħinu lilhom imma nibbenefikaw ukoll aħna stess. Id-​determinazzjoni tagħhom li jibqgħu qrib Ġeħova waqt li jgħixu fost nies li għandhom twemmin differenti tgħallimna biex ikollna fidi u nuru kuraġġ. Il-​ħerqa tagħhom li jirċievu l-​ikel spiritwali minkejja li s-​smigħ u l-​vista tagħhom ikunu batuti turina b’mod li jispikka li “l-​bniedem mhux bil-​ħobż biss jgħix, imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Ġeħova.” (Mt. 4:4) Meta jitgħaxxqu b’affarijiet sempliċi, bħal li jaraw it-​tbissima tat-​tfal jew li jieklu ikla maʼ ħaddieħor, dawn l-​uħud imdaħħlin fiż-​żmien ifakkruna li għandna nkunu kuntenti b’dak li għandna. L-​imħabba taʼ wħud bħal dawn lejn il-​valuri spiritwali tistaʼ tgħinna nagħmlu l-​istess prijoritajiet.

Tabilħaqq, il-​kongregazzjoni kollha tibbenefika mill-​appoġġ li nagħtu lil uħud imdaħħlin fiż-​żmien. Għala nistgħu ngħidu hekk? Ladarba min hu iktar dgħajjef jiddependi iktar mill-​affezzjoni taʼ l-​aħwa, dawn l-​uħud jagħtu lill-​membri tal-​kongregazzjoni opportunitajiet biex juru iktar mogħdrija. Għalhekk, ilkoll kemm aħna għandna nħarsu lejn l-​attenzjoni li nagħtu lil min hu mdaħħal fiż-​żmien, anki jekk ikollna nagħmlu dan għal ħafna żmien, bħala parti mis-​servizz tagħna biex naqdu lil xulxin. (1 Pt. 4:10, 11) Jekk l-​anzjani jkunu minn taʼ quddiem f’din l-​attività, huma se jgħinu lil membri oħrajn tal-​kongregazzjoni jaraw li dan l-​aspett taʼ l-​attività Kristjana tagħna qatt m’għandu jiġi traskurat. (Eżek. 34:15, 16) Bl-​appoġġ li nagħtu minn jeddna u bi mħabba, aħna niżguraw lil sħabna Kristjani li huma mdaħħlin fiż-​żmien li m’humiex minsijin!

[Nota taʼ taħt]

a Malli s-​segretarju tal-​kongregazzjoni jkun jaf li xi ħadd mill-​aħwa fil-​kongregazzjoni mar f’dar taʼ l-​anzjani f’post ieħor, ikun t’għajnuna u taʼ mħabba li minnufih jinforma lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni li tieħu ħsieb dak it-​territorju.

[Kumment f’paġna 28]

“Meta membri taʼ l-​istaff f’dar taʼ l-​anzjani jinnotaw li l-​individwu jkollu żjajjar regulari, huma jieħdu ħsiebu iktar”

[Stampa f’paġna 26]

It-​talb tagħna mill-​qalb jistaʼ jgħin lil Xhud seħibna mdaħħal fiż-​żmien biex jerġaʼ jikseb il-​paċi ġewwinija

[Stampa f’paġna 26]

L-​espressjonijiet teneri tagħna t’affezzjoni jsaħħu lil sħabna fit-​twemmin li huma mdaħħlin fiż-​żmien

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja