“Kollox Għandu Żmienu”
“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema.”—KOĦÈLET 3:1.
1. Il-bnedmin imperfetti liema diffikultà għandhom, u din għal xiex wasslithom f’ċertu każi?
IN-NIES taʼ spiss jgħidu, “Imissni għamiltha qabel.” Jew forsi wara li jkunu għamlu xi ħaġa jgħidu, “Imissni stennejt ftit ieħor.” Reazzjonijiet bħal dawn juru d-diffikultà li għandhom il-bnedmin imperfetti f’li jiddeterminaw iż-żmien xieraq biex jagħmlu ċerti affarijiet. Din il-limitazzjoni kienet il-kaġun li ħafna relazzjonijiet spiċċaw fix-xejn. Wasslet għal diżappunt u frustrazzjoni. U ferm agħar minn hekk, din dgħajfet il-fidi taʼ xi nies f’Jehovah u fl-organizzazzjoni tiegħu.
2, 3. (a) Għala huwa għaqli li naċċettaw iż-żminijiet imwaqqtin kif determinati minn Jehovah? (b) Liema ħarsa bilanċjata għandu jkollna rigward it-twettiq tal-profeziji Bibliċi?
2 Billi għandu l-għerf u d-dehen li l-bnedmin huma neqsin minnhom, jekk ikun jixtieq, Jehovah kapaċi jkun jaf minn qabel ir-riżultat taʼ kull azzjoni. Jistaʼ jkun jaf “mill-bidu . . . it-tmiem.” (Isaija 46:10) Għaldaqstant, bla ma jiżbalja jistaʼ jagħżel l-iktar żmien opportun biex jagħmel kwalunkwe ħaġa li jkun irid jagħmel. Għalhekk, minflok ma nafdaw fis-sens difettuż tagħna stess li nagħrfu meta hu l-waqt, inkunu għaqlin jekk naċċettaw iż-żminijiet imwaqqtin kif determinati minn Jehovah!
3 Per eżempju, Kristjani maturi jistennew bil-lealtà ż-żmien li Jehovah waqqat biex iwettaq ċerti profeziji Bibliċi. Huma jibqgħu jħabirku fis-servizz tiegħu, billi l-ħin kollu jżommu ċar f’moħħhom il-prinċipju li nsibu f’Lamentazzjonijiet 3:26: “Tajjeb min jistenna fis-skiet, is-salvazzjoni tal-Mulej.” (Qabbel Ħabakkuk 3:16.) Fl-istess ħin, huma konvinti li l-esekuzzjoni tal-ġudizzju mħabbra minn Jehovah anki ‘jekk iddum . . . tiġi żgur, ma tiddawwarx ma tasal!’—Ħabakkuk 2:3.
4. Għamos 3:7 u Mattew 24:45 kif jgħinuna nistennew bil-paċenzja l-waqt taʼ Jehovah?
4 Mill-banda l-oħra, għandna aħna għalfejn insiru bla paċenzja jekk ma nkunux nistgħu nifhmu għalkollox ċerti siltiet mill-Bibbja jew spjegazzjonijiet provduti fil-pubblikazzjonijiet tal-Watch Tower? Il-korsa għaqlija hi li nistennew iż-żmien li Jehovah waqqat biex jiċċara l-affarijiet. “Għax ebda ħaġa ma jagħmel Sidi l-Mulej, jekk ma jurix il-ħwejjeġ moħbija tiegħu lill-qaddejja tiegħu l-profeti.” (Għamos 3:7) X’wegħda meraviljuża din! Imma rridu nirrealizzaw li Jehovah jirrivela l-affarijiet kunfidenzjali tiegħu fiż-żmien li hu jiġġudikah li hu l-aħjar. Għal dan l-għan Alla awtorizza lil “ilsir leali u diskret” biex lin-nies tiegħu jipprovdilhom “l-ikel [spiritwali] tagħhom fiż-żmien xieraq.” (Mattew 24:45, NW) Għalhekk, m’hemm ebda raġuni għala għandna nsiru konċernati żżejjed, jew saħansitra aġitati, għaliex ċerti affarijiet ma jiġux spjegati għalkollox. Pjuttost, nistgħu nkunu fiduċjużi li jekk nistennew bil-paċenzja l-waqt taʼ Jehovah, hu “fiż-żmien xieraq” se jipprovdi dak li hu meħtieġ permezz taʼ l-ilsir leali.
5. X’benefiċċju niksbu jekk nikkunsidraw Koħèlet 3:1-8?
5 L-għaref Sultan Salamun tkellem dwar 28 ħaġa differenti, li kull waħda minnhom kellha ssir fi ‘żmienha.’ (Koħèlet 3:1-8) Jekk nifhmu t-tifsira u l-implikazzjonijiet taʼ dak li qal Salamun, dan se jgħinna niddeterminaw liema żmien Alla jqisu bħala żmien tajjeb jew żmien ħażin għal ċerti azzjonijiet. (Lhud 5:14) Imbagħad, inkunu nistgħu nfasslu ħajjitna skond dan.
“Żmien li Tibki, u Żmien li Tidħak”
6, 7. (a) Nies li jimpurtahom illum x’iġagħalhom ‘jibku’? (b) Id-dinja kif tipprova ttaffi s-sitwazzjoni serja li tinsab fiha?
6 Għalkemm hemm “żmien li tibki, u żmien li tidħak,” min ma jippreferix taʼ l-aħħar minn dak taʼ l-ewwel? (Koħèlet 3:4) Sfortunatament, aħna qed ngħixu f’dinja li fil-biċċa l-kbira tagħtina raġunijiet għall-biki. Il-mezzi tax-xandir huma dominati minn aħbarijiet taʼ qtigħ il-qalb. Nitkexkxu meta nisimgħu dwar żgħażagħ li jisparaw fuq studenti sħabhom fl-iskola, ġenituri li jabbużaw mit-tfal tagħhom, terroristi li joqtlu jew jimmankaw vittmi innoċenti, u l-hekk imsejħa diżastri naturali li jagħmlu ħerba mill-ħajjiet umani u l-propjetà. Fuq it-televixin donnu hemm kompetizzjoni sħiħa dwar min se jiġbed l-iktar l-attenzjoni tagħna, jekk hux it-tfal imġewħin b’għajnejhom fil-ħofra jew ir-refuġjati li jkollhom jaħarbu minn pajjiżhom. Termini li qabel qatt ma konna nisimgħu bihom, bħal tindif etniku, AIDS, gwerer bijoloġiċi, u El Niño issa qegħdin joħolqu ansjetà fi mħuħna u fi qlubna—kull wieħed bil-mod tiegħu.
7 Bla dubju, id-dinja tal-lum hija mimlija traġedji u qsim il-qalb. Minkejja dan, sabiex bħallikieku ttaffi s-serjetà taʼ din is-sitwazzjoni, l-industrija tad-divertiment qegħda kontinwament tippreżenta affarijiet bla sugu, vulgari, u taʼ spiss immorali u vjolenti, bl-għan li tqarraq bina u ġġagħalna ninjoraw il-miżerja li oħrajn għaddejjin minnha. Imma l-ispirtu fieragħ taʼ ċajt iblah u daħq fil-vojt li qed inissel dan id-divertiment m’għandu x’jaqsam xejn mal-ferħ ġenwin. Il-ferħ li hu wieħed mill-frott taʼ l-ispirtu t’Alla hu xi ħaġa li d-dinja taʼ Satana sempliċement ma tistax tipprovdih.—Galatin 5:22, 23; Efesin 5:3, 4.
8. Il-Kristjani llum lil xiex għandhom jagħtu prijorità, lill-biki jew lid-daħq? Spjega.
8 Billi nirrikonoxxu l-istat tal-biki li tinsab fih id-dinja, inkunu nistgħu nifhmu li llum m’huwiex iż-żmien li nagħtu xi prijorità kbira lid-daħq. M’huwiex iż-żmien li ngħixu biss għar-rikreazzjoni u għad-divertiment, jew li jkun iktar importanti għalina li “nieħdu gost” milli li nfittxu affarijiet spiritwali. (Qabbel Koħèlet 7:2-4.) “Dawk li jgawdu d-dinja” għandhom ikunu “bħallikieku ma jgawduhiex,” qal l-appostlu Pawlu. Għala? Għaliex “is-sura taʼ din id-dinja għad tgħaddi!” (1 Korintin 7:31) Kull ġurnata taʼ ħajjithom, il-Kristjani veri jibqgħu konxji għalkollox dwar is-serjetà taż-żminijiet li qed ngħixu fihom.—Filippin 4:8.
Minkejja li Nibku, Verament Henjin!
9. Liema sitwazzjoni tal-biki eżistiet fil-jiem taʼ qabel id-Dilluvju, u x’tifsir għandha din għalina llum?
9 In-nies li għexu fi żmien l-Għarqa globali ma kellhomx ħarsa serja dwar il-ħajja. Baqgħu għaddejjin bil-ħajja tagħhom taʼ kuljum u naqsu li jibku minħabba l-“ħażen tal-bnedmin [li] kien kiber fuq l-art,” u baqgħu jħarsu b’indifferenza hekk kif “l-art . . . [i]mtliet bil-vjolenza.” (Ġenesi 6:5, 11) Ġesù rrefera għal dak l-istat tal-biki, u bassar attitudni simili fost in-nies taʼ żmienna. Hu wissa: “Għax kif fiż-żmien taʼ qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, jiżżewwġu u jżewwġu sa dakinhar li Noè daħal fl-arka, u b’xejn ma ntebħu [“ma tawx kas,” NW] sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd, hekk tkun il-miġja [“preżenza,” NW] taʼ Bin il-bniedem.”—Mattew 24:38, 39.
10. L-Iżraeliti taʼ żmien Ħaggaj kif urew li kienu neqsin mill-apprezzament għaż-żmien imwaqqat minn Alla?
10 Xi 1,850 sena wara d-Dilluvju, fi żmien Ħaggaj, ħafna mill-Iżraeliti wrew nuqqas simili taʼ tħassib serju għal affarijiet spiritwali. Billi kienu medhijin fl-interessi persunali tagħhom, huma naqsu li jagħrfu li ż-żmien li kienu qed jgħixu fih kien żmien li jagħtu prijorità lill-interessi taʼ Jehovah. Naqraw: “Rigward dan il-poplu, huma qalu: ‘Iż-żmien ma wasalx, iż-żmien tad-dar taʼ Jehovah, biex [din] tiġi mibnija.’ U l-kelma taʼ Jehovah baqgħet tiġi permezz taʼ Ħaggaj il-profeta, tgħid: ‘Huwa ż-żmien għalikom infuskom biex tgħammru fid-djar tagħkom kollha panewijiet, waqt li din id-dar hija ħerba? U issa dan huwa dak li Jehovah taʼ l-eżerċti qal, “Poġġu qalbkom fuq il-mogħdijiet tagħkom.”’”—Ħaggaj 1:1-5, NW.
11. Liema mistoqsijiet nistgħu b’mod xieraq nistaqsu lilna nfusna?
11 Illum, bħala Xhieda taʼ Jehovah b’responsabbiltajiet u privileġġi quddiem Jehovah bħal dawk taʼ l-Iżraeliti taʼ żmien Ħaggaj, aħna wkoll nagħmlu tajjeb li npoġġu qalbna fuq il-mogħdijiet tagħna, u dan għandna nagħmluh bis-serjetà kollha. Qegħdin aħna ‘nibku’ minħabba l-kundizzjonijiet tad-dinja u t-tmaqdir li dawn ġabu fuq l-isem t’Alla? Inħossuna mweġġgħin meta n-nies jiċħdu l-eżistenza t’Alla jew b’mod sfaċċat jinjoraw il-prinċipji taʼ tjieba tiegħu? Nirreaġixxu aħna bħal dawk l-individwi mmarkati li Eżekjel ra fil-viżjoni 2,500 sena ilu? Dwarhom naqraw: “Mbagħad il-Mulej sejjaħ lir-raġel liebes l-għażel, li kellu l-meħtieġ għall-kitba fuq ġenbu, u qallu: ‘Għaddi minn nofs il-belt, minn nofs Ġerusalemm, u agħmel il-marka . . . fuq ġbin dawk li ssibhom jitniehdu u jitbikkew minħabba l-qżiżijiet kollha li jsiru fiha.’”—Eżekjel 9:4.
12. Eżekjel 9:5, 6 liema sinjifikat għandu għan-nies illum?
12 Is-sinjifikat taʼ dan ir-rakkont għalina llum isir iktar ċar meta naqraw l-istruzzjonijiet li ngħataw lis-sitt irġiel bl-armi biex ifarrku: “Għaddu warajh minn nofs il-belt, u sawwtu; tħossu għal ħadd u taħfruha ’l ħadd; xjuħ, żgħażagħ, xebbiet, tfal, nisa, oqtluhom sa l-aħħar wieħed; imma tersqu lejn ħadd minn dawk li għandhom il-marka fuq ġbinhom. Ibdew mis-santwarju tiegħi.” (Eżekjel 9:5, 6) Jekk nibqgħux ħajjin jew le minn dik it-tribulazzjoni kbira li tant riesqa bil-ħeffa jiddependi fuq li aħna nirrikonoxxu li llum huwa primarjament żmien li nibku.
13, 14. (a) Ġesù lil liema tip taʼ nies iddikjarahom henjin? (b) Spjega għala taħseb li din id-deskrizzjoni tixraq ferm lix-Xhieda taʼ Jehovah.
13 M’għandniex xi ngħidu, il-fatt li l-qaddejja taʼ Jehovah ‘jibku’ minħabba l-istat imwiegħer li bih sejrin l-affarijiet fid-dinja ma jżommhomx lura milli jkunu henjin. Għall-kuntrarju! Dawn huma fil-fatt l-iktar grupp taʼ nies henjin fuq l-art. Ġesù pprovda l-kriterju għall-hena meta qal: “Henjin il-foqra fl-ispirtu [“dawk konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom,” NW], . . . l-imnikkta, . . . taʼ qalbhom ħelwa, . . . dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, . . . dawk li jħennu, . . . dawk li huma safja f’qalbhom, . . . dawk li jġibu l-paċi, . . . dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa.” (Mattew 5:3-10) Hemm evidenza abbundanti li turi li din id-deskrizzjoni tixraq lix-Xhieda taʼ Jehovah kollettivament, ħafna iktar milli lil xi organizzazzjoni reliġjuża oħra.
14 In-nies hienja taʼ Jehovah għandhom għalfejn ‘jidħku’ speċjalment mindu ġiet restawrata l-qima pura fl-1919. Spiritwalment, huma kellhom l-istess esperjenza taʼ ferħ kbir li kellhom dawk li rritornaw minn Babilonja fis-sitt seklu Q.E.K.: “Meta l-Mulej reġġaʼ lura l-imjassra taʼ Sijon, konna qisna mitlufa f’ħolma; mbagħad bid-daħk imtela fommna, u bl-għajat taʼ ferħ ilsienna. . . . Kbir f’għemilu l-Mulej magħna! U aħna bil-ferħ imtlejna.” (Salm 126:1-3) Xorta waħda, saħansitra waqt li jidħqu spiritwalment, ix-Xhieda taʼ Jehovah b’mod għaqli jżommu f’moħħhom is-serjetà taż-żminijiet. Appena d-dinja l-ġdida tkun saret realtà u l-abitanti taʼ l-art ikunu ‘kisbu l-ħajja vera,’ imbagħad ikun wasal iż-żmien meta d-daħq se jieħu post il-biki għall-eternità kollha.—1 Timotju 6:19; Apokalissi 21:3, 4.
“Żmien li Tgħannaq, u Żmien li Tiċċaħħad mit-Tgħanniq”
15. Il-Kristjani għala huma selettivi dwar liema ħbieb jagħżlu?
15 Il-Kristjani huma selettivi dwar liema ħbieb jagħżlu li jagħmluha magħhom. Huma jżommu f’moħħhom it-twissija taʼ Pawlu: “La titqarrqux: il-ħbiberija ħażina tħassar id-drawwiet tajba.” (1 Korintin 15:33) U l-għaref Sultan Salamun innota dan: “Min jagħmilha maʼ l-għaref, isir għaref, min imur mal-boloh, jaqaʼ fl-hemm.”—Proverbji 13:20.
16, 17. Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif iqisu l-ħbiberiji, in-namur, u ż-żwieġ, u għala?
16 Il-qaddejja taʼ Jehovah jagħżlu bħala l-ħbieb tagħhom individwi li għandhom l-istess imħabba li għandhom huma għal Jehovah u għat-tjieba tiegħu. Waqt li japprezzaw u jgawdu l-kumpanija taʼ ħbiebhom, huma bil-għaqal kollu jevitaw il-ħarsa permissiva u laxka żżejjed tan-namur li hija popolari f’xi pajjiżi llum. Minflok ma joqogħdu jinnamraw biex jgħaddu ż-żmien għax jaħsbu li m’hemm xejn ħażin, huma jqisu n-namur bħala pass serju lejn iż-żwieġ, li għandu jittieħed biss meta wieħed ikun lest fiżikament, mentalment u spiritwalment—kif ukoll ikun ħieles Skritturalment—biex jidħol għar-relazzjoni permanenti taż-żwieġ.—1 Korintin 7:36, NW.
17 Xi wħud għandhom mnejn iħossu li m’għadux moda li jqisu n-namur u ż-żwieġ b’dan il-mod. Imma x-Xhieda taʼ Jehovah ma jħallux il-pressjoni minn dawk taʼ madwarhom tinfluwenza l-għażla tagħhom tal-ħbieb jew id-deċiżjonijiet tagħhom rigward in-namur u ż-żwieġ. Huma jafu li “l-Għerf taʼ Alla tawh raġun l-opri tiegħu stess.” (Mattew 11:19) Hu Jehovah li dejjem ikun jaf x’inhu l-aħjar għalina, u għalhekk huma jiħduh bis-serjetà l-parir tiegħu li jiżżewġu “basta fil-Mulej.” (1 Korintin 7:39; 2 Korintin 6:14) Ma jgħaġġlux biex jiżżewġu bil-ħsieb żbaljat li d-divorzju jew is-separazzjoni huma alternattivi aċċettabbli f’każ li r-relazzjoni tisfaxxa fix-xejn. Huma jieħdu ż-żmien li hemm bżonn biex jagħżlu lil xi ħadd addattat għalihom, billi jirrealizzaw li ladarba jkunu saru l-wegħdi taż-żwieġ, tibda tapplika din il-liġi taʼ Jehovah: “Għalhekk m’humiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem.”—Mattew 19:6; Mark 10:9.
18. X’jistaʼ jservi bħala bidu għal żwieġ hieni?
18 Iż-żwieġ huwa impenn għal għomrok li jixraqlu ppjanar bir-reqqa. B’mod loġiku, raġel se jistaqsi lilu nnifsu, ‘Hija din il-persuna verament il-waħda addattata għalija?’ Imma daqstant importanti, hu għandu jistaqsi, ‘Jien tassew il-wieħed addattat għaliha? Jien Kristjan matur biżżejjed li kapaċi nieħu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali tagħha?’ L-imseħbin prospettivi t-tnejn li huma għandhom l-obbligu quddiem Jehovah li jkunu b’saħħithom spiritwalment u kapaċi jifformaw rabta soda taż-żwieġ li jixirqilha l-approvazzjoni divina. Eluf taʼ koppji Kristjani jistgħu jixhdu li l-ministeru full-time huwa bidu eċċellenti għal żwieġ hieni minħabba li l-enfasi tiegħu hija fuq li wieħed jagħti minflok fuq li jirċievi.
19. Xi Kristjani għala jibqgħu ma jiżżewġux?
19 Xi Kristjani ‘jiċċaħħdu mit-tgħanniq’ billi jagħżlu li jibqgħu ma jiżżewġux minħabba l-aħbar tajba. (Koħèlet 3:5) Oħrajn iħallu ż-żwieġ għal meta jħossuhom kwalifikati spiritwalment biex jattiraw lil xi ħadd li jkun addattat għalihom. Imma ħa niftakru wkoll f’dawk il-Kristjani mhux miżżewġin li jixxennqu għall-intimitajiet u l-benefiċċji taż-żwieġ u madankollu ma jistgħux isibu lil xi ħadd biex jiżżewġuh. Nistgħu nibqgħu ċerti li Jehovah jifraħ meta dawn jirrifjutaw li jikkompromettu prinċipji divini fit-tfittxija tagħhom għas-sieħeb jew sieħba fiż-żwieġ. Aħna wkoll nagħmlu tajjeb li napprezzaw il-lealtà tagħhom u noffrulhom l-appoġġ xieraq li huma tant jixirqilhom.
20. Għala xi kultant saħansitra l-imseħbin fiż-żwieġ ‘jiċċaħħdu mit-tgħanniq’?
20 Għandhom koppji miżżewġin ukoll kultant ‘jiċċaħħdu mit-tgħanniq’? Milli jidher f’ċertu sens hekk hu, għax Pawlu nnota: “Dan ngħidilkom, ħuti: iż-żmien qsar. Ħa jkunu, mela, dawk li għandhom mara, bħallikieku ma għandhomx.” (1 Korintin 7:29) Fi qbil maʼ dan, il-ferħ u l-barkiet taż-żwieġ xi kultant iridu jiġu wara r-responsabbiltajiet teokratiċi. Ħarsa bilanċjata dwar dan m’hijiex se ddgħajjef iż-żwieġ imma ssaħħu għaliex din tgħin liż-żewġ imseħbin jiftakru li Jehovah għandu dejjem ikun il-figura prinċipali li tagħmel ir-relazzjoni tagħhom iktar stabbli.—Koħèlet 4:12.
21. Għala m’għandniex niġġudikaw lill-koppji miżżewġin fil-kwistjoni taʼ jekk ikollhomx tfal?
21 Iżjed minn hekk, xi koppji miżżewġin baqgħu bla tfal sabiex ikun jistaʼ jkollhom iktar libertà f’li jwettqu s-servizz tagħhom lejn Alla. Dan kien ifisser sagrifiċċji min-naħa tagħhom, u Jehovah se jippremjahom taʼ kulma għamlu. Taʼ min jinnota li filwaqt li l-Bibbja tinkuraġġixxi li wieħed jibqaʼ ma jiżżewwiġx minħabba l-aħbar tajba, din ma tagħmel ebda kumment dirett dwar li l-miżżewġin jibqgħu ma jkollhomx tfal għal din l-istess raġuni. (Mattew 19:10-12; 1 Korintin 7:38, NW; qabbel Mattew 24:19 u Luqa 23:28-30.) B’hekk, koppji miżżewġin iridu jiddeċiedu huma nfushom fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi persunali u s-sentimenti kuxjenzjużi tagħhom stess. Tkun xi tkun dik id-deċiżjoni, il-koppji miżżewġin m’għandhomx jiġu kritikati.
22. X’inhu importanti li niddeterminaw?
22 Iva, “kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema.” Hemm saħansitra “żmien it-taqbid, u żmien il-paċi.” (Koħèlet 3:1, 8) L-artiklu li jmiss se jispjega għala huwa importanti li niddeterminaw għal liema minn dawn it-tnejn huwa ż-żmien issa.
◻ Għala huwa vitali għalina li nkunu nafu li “kollox għandu żmienu”?
◻ Illum għala huwa prinċipalment “żmien li tibki”?
◻ Il-Kristjani, għalkemm qed ‘jibku,’ għala xorta huma verament henjin?
◻ Xi Kristjani kif juru li huma jqisu l-preżent bħala “żmien li tiċċaħħad mit-tgħanniq”?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampi f’paġna 6, 7]
Għalkemm il-Kristjani ‘jibku’ minħabba l-kundizzjonijiet tad-dinja . . .
. . . huma fil-fatt l-iktar grupp taʼ nies henjin fuq l-art
[Stampa f’paġna 8]
Il-ministeru full-time huwa bażi eċċellenti għal żwieġ hieni