Għala Daqshekk Ftit Żmien?
IŻ-ŻMIEN. Għandna mnejn insibuha diffiċli biex infissru bl-eżatt din il-kelma, imma li nafu żgur huwa li donnu qatt m’għandna żmien jew ħin biżżejjed. Nafu wkoll li ż-żmien jgħaddi malajr u ma jistenna lil ħadd. Fil-fatt, taʼ spiss ngħidu, “Il-ħin itir.”
Minkejja dan, huwa evidenti li l-poeta Ingliż Austin Dobson kien iktar eżatt meta qal dal-kliem fl-1877: “Intom tgħidu li ż-żmien jgħaddi u jmur? Kemm sejrin imqarrqin! Jaħasra, iż-Żmien hawn jibqaʼ, huwa aħna li ngħaddu u mmorru.” Minn mindu miet fl-1921, Dobson ilu li ħalliena għal kważi 80 sena; iż-żmien baqaʼ għaddej.
Żmien bl-Abbundanza
Dwar il-Ħallieq taʼ l-umanità, il-Bibbja tgħidilna: “Qabel ma twieldu l-iġbla u tnisslu l-art u d-dinja, minn dejjem għal dejjem int, ja Alla.” (Salm 90:2, Saydon) Jew kif tpoġġiha n-New World Translation, “minn żmien indefinit għal żmien indefinit int Alla.” Mela ż-żmien se jdum daqskemm se jdum Alla nnifsu—għal dejjem!
B’kuntrast qawwi m’Alla, li għandu eternità taʼ żmien għad-dispożizzjoni tiegħu, naqraw hekk dwar il-bnedmin: “Jiemna kollha jgħibu minħabba qilltek, jintemmu bħal tnehida s-snin taʼ ħajjitna. Żmien ħajjitna hu b’kollox sebgħin sena; l-iżjed tmenin, jekk inkunu f’saħħitna; u l-biċċa l-kbira taħbit u niket; malajr jgħaddu, u aħna mmorru magħhom.”—Salm 90:9, 10.
Għala hi daqshekk qasira l-ħajja llum, ladarba l-Bibbja tgħallem ċar u tond li l-iskop t’Alla għall-bnedmin hu li dawn jgħixu għal dejjem? (Ġenesi 1:27, 28; Salm 37:29) Minflok ma jgawdu tul taʼ ħajja bla limitu kif kien l-iskop t’Alla, il-bnedmin għala għandhom medja, l-iktar l-iktar, taʼ inqas minn 30,000 ġurnata? Il-bnedmin għala għandhom daqshekk ftit żmien? Min hu jew x’inhu responsabbli għal din il-qagħda tal-biki? Il-Bibbja tipprovdi tweġibiet ċari u sodisfaċenti.a
Inqas Ħin minn qatt Qabel
L-anzjani fl-età jistgħu jivverifikaw kif f’dawn l-aħħar għexur taʼ snin, il-ħajja saret mgħaġġla iktar minn qatt qabel. Waħda ġurnalista, Dr. Sybille Fritsch, ħarġet il-punt li matul dawn l-aħħar 200 sena, il-ġimgħa tax-xogħol niżlet minn 80 għal 38 siegħa, “u madankollu xorta waħda ma waqafniex ingergru fuq kemm m’għandniex ħin.” Hi spjegat aħjar: “M’għandna ħin għal xejn; il-ħin ifisser flus; niġġieldu għall-ħin qisna qed niġġieldu għan-nifs; ħajja mħabbta u mimlija ġiri.”
Invenzjonijiet ġodda fetħu opportunitajiet u possibbiltajiet li lanqas biss kienu joħolmu bihom in-nies taʼ dari. Imma iktar ma wieħed ikollu l-possibbiltà li jieħu sehem f’diversi attivitajiet, iktar iħossu mdejjaq meta jinduna kemm għandu ftit żmien biex jagħmilhom. Il-lum il-ġurnata, f’ħafna partijiet tad-dinja, in-nies jagħmlu kollox bil-ħin, għaddejjin b’nifishom maqtugħ minn appuntament għal ieħor. Il-missier irid jitlaq għax-xogħol fis-sebgħa taʼ fil-għodu, l-omm trid twassal it-tfal l-iskola sat-tmienja u nofs taʼ fil-għodu, in-nannu għandu appuntament għand it-tabib fl-għaxra neqsin għoxrin taʼ fil-għodu, u lkoll kemm aħna rridu nlestu għax għandna laqgħa importanti fis-sebgħa u nofs taʼ fil-għaxija. Fil-ġirja biex inlaħħqu minn appuntament għal ieħor, bilkemm jibqaʼ ħin għal ftit mistrieħ. U tismagħna ngergru minħabba r-rutina taʼ kuljum u minħabba l-ġenn tal-ħajja.
Mhux Aħna biss Għandna Ftit Żmien
L-Avversarju t’Alla, Satana x-Xitan, li l-komplotti tiegħu wasslu biex inaqqsu ħesrem it-tul tal-ħajja taʼ l-umanità, issa waqqaʼ l-ġebla fuq siequ bl-istess ħażen tiegħu. (Qabbel Galatin 6:7, 8.) Meta jitkellem fuq it-twelid tas-Saltna Messjanika fis-sema, Apokalissi 12:12 jagħtina għalxiex nittamaw meta jgħidilna: “Għalhekk ifirħu, smewwiet, u intom li tgħammru fihom. Ħażin għalikom, art u baħar, għax fikom niżel id-Demonju, b’korla kbira fuqu, għax jaf li żmien ftit baqagħlu.” Korsiv tagħna.
Skond il-kronoloġija Biblika li hi taʼ min joqgħod fuqha u skond it-twettiq tal-profezija Biblika, aħna issa qed ngħixu fit-tmiem taʼ dak il-‘ftit żmien.’ Kemm hu taʼ ferħ li nafu li ż-żmien li Satana baqagħlu ħieles dalwaqt wasal biex jispiċċalu għalkollox! Ladarba jitwarrab min-nofs, il-bnedmin ubbidjenti se jiġu restawrati għall-perfezzjoni, u jkunu jistgħu jiksbu l-ħajja taʼ dejjem li Jehovah ried li jkollhom fil-bidu. (Apokalissi 21:1-4) In-nuqqas taʼ ħin m’huwiex se jkun iktar problema.
Tistaʼ timmaġina x’se jkun ifisser li jkollok ħajja taʼ dejjem—li tgħix għal dejjem? Qatt iktar m’int se tkun imdejjaq b’affarijiet li ma sibtx il-ħin biex tagħmilhom. Jekk teħtieġ iktar żmien, hemm għada, jew il-ġimgħa d-dieħla, jew is-sena d-dieħla—fil-fatt, hemm eternità vasta mifruxa quddiemek!
Nużaw bil-Għaqal iż-Żmien li Għandna Issa
Billi jaf li ż-żmien li baqagħlu biex jinfluwenza lill-bnedmin huwa limitat, Satana jipprova jżomm lin-nies tant biżlin li ma jibqgħalhom ebda ħin biex jagħtu widen għall-aħbar tajba tas-Saltna stabbilita t’Alla. Għalhekk aħna nagħmlu tajjeb jekk nagħtu kas il-parir divin: “Qisu sewwa kif iġġibu ruħkom, mhux bħal nies bla dehen, iżda bħal nies għorrief, li jgħożżu ż-żmien [‘jixtru ż-żmien opportun,’ NW], għaliex ħżiena huma l-jiem. Għalhekk tkunux bla għaqal, imma fittxu x’inhi r-rieda tal-Mulej.”—Efesin 5:15-17.
Kemm huwa vitali li nużaw il-ħin tagħna bil-għaqal għal dawk l-affarijiet l-iktar importanti minflok ma naħluh niġru wara affarijiet bla siwi li ma jġibu l-ebda benefiċċju dejjiemi! Għandna nikkultivaw l-istess attitudni li kellu Mosè meta talab minn qiegħ qalbu lil Jehovah b’dan il-kliem: “Għallimna ngħoddu jiem ħajjitna, sabiex aħna nimxu bil-għaqal.”—Salm 90:12.
Veru, fid-dinja tal-lum kulħadd jinsab imħabbat. Minkejja dan, ix-Xhieda taʼ Jehovah iħeġġuk mill-fond taʼ qalbhom biex tqattaʼ ftit mill-ħin prezzjuż tiegħek titgħallem dwar il-ħtiġijiet t’Alla sabiex tikseb il-ħajja taʼ dejjem taħt it-tmexxija tas-Saltna tiegħu. Billi tqattaʼ siegħa fil-ġimgħa tistudja l-Bibbja sistematikament, ‘tfittex x’inhi r-rieda t’Alla,’ int tkun tistaʼ tesperjenza personalment it-twettiq taʼ dan il-kliem: “Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb, biex tibqaʼ tgħammar għal dejjem. Il-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.”—Salm 37:27, 29.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem, kapitlu 6, pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.