“Żmien il-Paċi” Huwa Qrib!
“Kollox għandu żmienu, . . . żmien it-taqbid, u żmien il-paċi.”—KOĦÈLET 3:1, 8.
1. Liema sitwazzjoni ironika eżistiet matul is-seklu 20 f’konnessjoni mal-gwerra u l-paċi?
IL-MAĠĠURANZA tan-nies jixxennqu għall-paċi, u bir-raġun kollu. Is-seklu 20 ra inqas paċi minn kwalunkwe seklu ieħor fl-istorja. Kemm hi ħaġa ironika, meta tqis li qatt qabel ma saru daqshekk sforzi biex jassiguraw il-paċi! Fl-1920 ġiet ifformata l-Lega tan-Nazzjonijiet. Fl-1928, il-Patt taʼ Kellogg-Briand, li xogħol taʼ referenza wieħed sejjaħlu “l-iktar sforz grandjuż mis-serje taʼ sforzi għaż-żamma tal-paċi li saru wara l-Ewwel gwerra dinjija,” ġie appoġġat minn “kważi n-nazzjonijiet kollha tad-dinja . . . li qablu li jirrinunzjaw għall-gwerra bħala strument taʼ politika nazzjonali.” Imbagħad, fl-1945 ġiet stabbilita l-organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda biex tieħu post il-Lega tan-Nazzjonijiet li ma kinitx għadha tiffunzjona.
2. Il-Ġnus Magħquda liema mira tistqarr li għandha, u din sa liema punt kellha suċċess?
2 Il-mira li tistqarr li għandha l-Ġnus Magħquda kienet bħal dik tal-Lega—li tassigura paċi dinjija. Imma s-suċċess tagħha kien limitat. Irridu nammettu li mkien fid-dinja m’hi għaddejja xi gwerra taʼ l-istess skala taż-żewġ gwerer dinjin. Madankollu, hemm partita konflitti iżgħar li, lil mijiet taʼ eluf taʼ nies għadhom qed jisirqulhom il-paċi tal-moħħ, l-affarijiet li jippossiedu, u taʼ spiss anki l-istess ħajjithom. Nażżardaw aħna nittamaw li l-Ġnus Magħquda tkun kapaċi tibdel is-seklu 21 fi “żmien il-paċi”?
Il-Bażi għall-Paċi Vera
3. Il-paċi ġenwina għala ma tistax teżisti flimkien mal-mibegħda?
3 Il-paċi bejn il-popli u n-nazzjonijiet tirrikjedi iktar minn sempliċi tolleranza. Jistaʼ xi ħadd tassew ikun fil-paċi maʼ xi ħadd li hu jobgħod? Le, skond l-1 Ġwann 3:15: “Kull min jobgħod lil ħuh hu qattiel.” Bħalma turi l-istorja reċenti, mibegħda profonda faċli tikber u twassal għal atti taʼ vjolenza.
4. Min biss jistaʼ jesperjenza l-paċi, u għala?
4 Ladarba Jehovah hu dak “Alla tas-sliem,” il-paċi jistgħu jesperjenzawha biss nies li għandhom imħabba lejn Alla u rispett profond lejn il-prinċipji tiegħu taʼ tjieba. Jidher ċar li Jehovah ma jagħtix il-paċi lil kulħadd. “‘M’hemmx sliem għall-ħżiena,’ jgħid Alla tiegħi.” Dan hu minħabba li l-ħżiena jirrifjutaw li jħallu lilhom infushom jiġu gwidati mill-ispirtu qaddis t’Alla, li waħda mill-frott tiegħu hija l-paċi.—Rumani 15:33; Isaija 57:21; Galatin 5:22.
5. Il-Kristjani veri x’ma jgħaddilhomx minn moħħhom li jagħmlu?
5 Il-Kristjani ġenwini lanqas biss jgħaddilhom minn moħħhom li jidħlu fi gwerra kontra bnedmin sħabhom—bħalma għamlu tant sikwit l-hekk imsejħa Kristjani, partikolarment fis-seklu 20. (Ġakbu 4:1-4) Veru, huma jissieltu kontra t-tagħlim li jirrappreżenta ħażin lil Alla, imma din il-gwerra hija mfassla biex tgħin lil individwi, mhux biex tagħmlilhom il-ħsara. Il-fatt li xi ħadd jippersegwita lil xi ħaddieħor minħabba differenzi reliġjużi, jew li jagħmillu ħsara fiżika għal raġunijiet nazzjonalistiċi, m’għandu x’jaqsam xejn mal-Kristjanità vera. “Jekk jistaʼ jkun, sakemm ikun ġej minnkom,” qal Pawlu lill-Kristjani f’Ruma, “għixu fil-paċi maʼ kulħadd.”—Rumani 12:17-19; 2 Timotju 2:24, 25.
6. Il-paċi ġenwina fejn biss tistaʼ tinstab illum?
6 Illum, il-paċi li tiġi mingħand Alla tinstab biss fost l-adoraturi veri t’Alla Jehovah. (Salm 119:165; Isaija 48:18) Ebda differenzi politiċi ma jfixklu l-unità tagħhom, ladarba kullimkien huma newtrali politikament. (Ġwann 15:19; 17:14) Minħabba li huma “magħqudin kif imiss, ħsieb wieħed u fehma waħda,” ebda differenzi reliġjużi ma jheddu l-paċi tagħhom. (1 Korintin 1:10) Il-paċi li jgawdu x-Xhieda taʼ Jehovah hija miraklu taʼ żmienna, wieħed li Alla jwettaq fi qbil mal-wegħda tiegħu: “Nagħmel is-Sliem it-tmexxija tiegħek, u l-Ġustizzja l-ħakma tiegħek.”—Isaija 60:17; Lhud 8:10.
Għala “Żmien it-Taqbid”?
7, 8. (a) Minkejja l-waqfa paċifika tagħhom, ix-Xhieda taʼ Jehovah kif iqisuh il-preżent? (b) X’inhi l-arma prinċipali li Kristjan juża għall-gwerra?
7 Minkejja l-waqfa paċifika tagħhom, ix-Xhieda taʼ Jehovah xorta waħda jqisu l-preżent prinċipalment bħala “żmien it-taqbid.” M’għandniex xi ngħidu, dan m’huwiex xi taqbid letterali, ladarba ħadd ma jistaʼ jisforza l-messaġġ tal-Bibbja fuq ħadd b’xi arma ppontata lejh, għax dan ikun qed jikkontradixxi l-istedina t’Alla biex “jieħu b’xejn min irid l-ilma tal-Ħajja.” (Korsiv tagħna.) (Apokalissi 22:17) Hawnhekk ħadd ma qed jisforza lil ħadd biex jikkonverti! Il-gwerra li qed jiġġieldu x-Xhieda taʼ Jehovah hija strettament spiritwali. Pawlu kiteb: “L-armi tagħna għall-ġlied m’humiex tad-dinja; iżda għandhom il-qawwa taʼ Alla biex iġarrfu l-fortizzi.”—2 Korintin 10:4; 1 Timotju 1:18.
8 L-arma prinċipali fost “l-armi tagħna għall-ġlied” hija x-“xabla taʼ l-Ispirtu li hi l-kelma taʼ Alla.” (Efesin 6:17) Din ix-xabla hija potenti. “Il-kelma taʼ Alla hi ħajja u qawwija, taqtaʼ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.” (Lhud 4:12) Billi jużaw din ix-xabla, il-Kristjani huma kapaċi jwaqqgħu “kull raġunament u kull kburija li tqum kontra l-għarfien taʼ Alla.” (2 Korintin 10:4, 5 [2 Korintin 10:5, NW]) Tgħinhom jikxfu duttrini foloz, prattiċi li jagħmlu l-ħsara, u filosofiji li jirriflettu għerf uman minflok għerf divin.—1 Korintin 2:6-8; Efesin 6:11-13.
9. Għala ma nistgħu qatt inbattu fil-ġlieda tagħna kontra l-ġisem midneb?
9 Xorta oħra taʼ gwerra spiritwali hi dik li tiġi miġġielda kontra l-ġisem midneb tagħna. Il-Kristjani jsegwu l-eżempju taʼ Pawlu, li ammetta: “Ngħakkes bl-aħrax lil ġismi u njassru, biex ma jiġrilix li, wara li nkun ippridkajt lil ħaddieħor, jiena stess insib ruħi kkundannat.” (1 Korintin 9:27) Il-Kristjani f’Kolossi ġew imwissijin biex imewtu “dak kollu [‘l-membri tagħhom,’ Saydon] li hu taʼ l-art: żína, faħx, ġibdiet, xewqat ħżiena, u r-regħba li hi idolatrija.” (Kolossin 3:5) U Ġuda, wieħed mill-kittieba tal-Bibbja, wissa lill-Kristjani biex “[‘jissieltu,’ Saydon] għal dik il-fidi li ngħatat darba għal dejjem lill-qaddisin.” (Ġuda 3) Dan għala għandna nagħmluh? Pawlu jwieġeb: “Jekk tgħixu skond il-ġisem, tmutu; imma jekk tmewwtu l-għemil tal-ġisem bl-Ispirtu, tgħixu.” (Rumani 8:13) Meta nqisu din l-istqarrija ċara, ma nistgħu qatt inbattu fil-ġlieda tagħna kontra t-tendenzi ħżiena.
10. X’ġara fl-1914, u dan għal xiex se jwassal fil-futur qarib?
10 Jerġaʼ raġuni oħra għala ż-żmien preżenti jistaʼ jitqies bħala żmien għal gwerra hi li “jum il-vendetta taʼ Alla tagħna” huwa imminenti. (Isaija 61:1, 2) Fl-1914, iż-żmien imwaqqat t’Alla kien wasal biex hu jistabbilixxi s-Saltna Messjanika u jawtorizzaha ħalli tiġġieled gwerra attiva kontra s-sistema taʼ Satana. Il-perijodu taʼ żmien assenjat lill-bnedmin biex jesperimentaw bil-ħakma umana mingħajr indħil divin skada f’dak iż-żmien. Minflok ma jaċċettaw lill-Ħakkiem Messjaniku maħtur minn Alla, il-biċċa l-kbira tan-nies jibqgħu jirrifjutawh, l-istess bħalma għamlu l-biċċa l-kbira fl-ewwel seklu. (Atti 28:27) Għalhekk, minħabba l-oppożizzjoni lejn is-Saltna, Kristu ġie sforzat biex imur ‘jaħkem f’nofs l-għedewwa tiegħu.’ (Salm 110:2) B’ferħ, Apokalissi 6:2 iwiegħed li hu se “[j]kompli jirbaħ.” Dan se jagħmlu matul il-“gwerra taʼ nhar il-Jum il-kbir taʼ Alla li jistaʼ kollox . . . , li bil-Lhudi jsejjħulu Ħarmagedon.”—Apokalissi 16:14, 16.
Wasal “Żmien li Titkellem”
11. Jehovah għala għadu juri paċenzja tant kbira, imma x’se jiġri eventwalment?
11 Għaddew 85 sena mill-1914, il-punt kruċjali taʼ bidla fl-affarijiet umani. Jehovah għadu juri paċenzja tant kbira maʼ l-umanità. Hu ġiegħel lix-Xhieda tiegħu jkunu konxji bis-sħiħ taʼ l-urġenza tas-sitwazzjoni. Hemm miljuni taʼ ħajjiet involuti. Dawn il-folol taʼ nies jixirqilhom li jiġu mwissijin għax “il-Mulej . . . ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-indiema.” (2 Pietru 3:9) Minkejja dan, dalwaqt il-“Mulej Ġesù jfeġġ mis-smewwiet imdawwar bl-anġli tal-qawwa tiegħu.” Imbagħad, dawk kollha li minn jeddhom irrifjutaw il-messaġġ tas-Saltna t’Alla se jġarrbu l-‘ħlas [“vendetta,” NW]’ li Ġesù se jġib fuq “dawk li ma jagħrfux lil Alla, u . . . dawk li ma jobdux l-Evanġelju taʼ Sidna Ġesù.”—2 Tessalonikin 1:6-9.
12. (a) Għala jkun kollu għalxejn li wieħed joqgħod jispekula dwar meta għandha mnejn tibda t-tribulazzjoni l-kbira? (b) Dwar liema periklu f’konnessjoni maʼ dan wissa Ġesù?
12 Il-paċenzja taʼ Jehovah meta finalment se tispiċċa? Ikun kollu għalxejn li wieħed joqgħod jispekula dwar meta għandha mnejn tibda d-“diqa [“tribulazzjoni,” NW] kbira.” Ġesù stqarr b’mod ċar: “Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf xejn.” Mill-banda l-oħra, hu wissa: “Ishru, [“ibqgħu għassu,” NW] mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom. . . . kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.” (Mattew 24:21, 36, 42, 44) Fi kliem sempliċi, dan ifisser li kull ġurnata għandna nibqgħu għassa għall-ġrajjiet dinjin u nżommu f’moħħna li se tfaqqaʼ t-tribulazzjoni l-kbira. (1 Tessalonikin 5:1-5) Kemm hu perikoluż li naħsbu li nistgħu niħduha bil-lajma, u ngħixu, l-hekk imsejħa ħajja normali, waqt li nistennew biex naraw kif jistgħu jiżvolġu l-affarijiet! Ġesù qal: “Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewwtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għal għarrieda.” (Luqa 21:34, 35) Nistgħu nkunu ċerti dwar dan: L-“erbat irjieħ” tal-qerda li fil-preżent qed jiġu miżmumin mill-“erbaʼ anġli” taʼ Jehovah, m’humiex se jibqgħu miżmumin għal dejjem.—Apokalissi 7:1-3.
13. X’irrikonoxxew kważi sitt miljun ruħ?
13 Meta wieħed iqis il-jum taʼ rendikont li tant riesaq bil-ħeffa, il-kliem taʼ Salamun dwar li hemm “żmien li titkellem” jieħu tifsira speċjali. (Koħèlet 3:7) Billi rrikonoxxew li issa hu tabilħaqq iż-żmien li jitkellmu, kważi sitt miljun Xhud taʼ Jehovah qegħdin jitkellmu b’mod żeluż dwar il-glorja tas-Saltna t’Alla u jwissu dwar il-jum taʼ vendetta tiegħu. Huma joffru lilhom infushom minn rajhom f’dan il-jum tal-qawwa militari taʼ Kristu.—Salm 110:3, Saydon; Salm 145:10-12.
Dawk li Jitkellmu dwar is-‘Sliem, u Sliem m’Hemmx’
14. Liema profeti foloz kienu jeżistu matul is-sebaʼ seklu Q.E.K.?
14 Matul is-sebaʼ seklu Q.E.K., il-profeti t’Alla Ġeremija u Eżekjel taw messaġġi divini taʼ ġudizzju kontra Ġerusalemm minħabba l-korsa stinata tagħha taʼ diżubbidjenza lejn Alla. Il-qerda li bassru seħħet fis-sena 607 Q.E.K., avolja l-mexxejja reliġjużi prominenti u influwenti kienu qalu l-oppost taʼ dak li qalu l-messaġġiera t’Alla. Dawn il-mexxejja reliġjużi wrew kemm kienu “profeti boloh li . . . qarrqu bil-poplu . . . [t’Alla], meta qalulu: ‘Sliem’, u sliem ma kienx hemm.”—Eżekjel 13:1-16; Ġeremija 6:14, 15; 8:8-12.
15. Jeżistu xi profeti foloz simili llum? Spjega.
15 Il-biċċa l-kbira tal-mexxejja reliġjużi llum, bħal dawk il-“profeti boloh” taʼ dak iż-żmien, jonqsu li jwissu lin-nies dwar il-jum tal-ġudizzju t’Alla li riesaq. Minflok, huma jagħtu stampa ottimista li gruppi politiċi fl-aħħar mill-aħħar se jiksbu l-paċi u s-sigurtà. Billi huma iktar moħħhom f’li jogħġbu lill-bnedmin milli lil Alla, lin-nies tal-parroċċi tagħhom jgħidulhom dak li jieħdu gost jisimgħu minflok ma jispjegawlhom li s-Saltna t’Alla ġiet stabbilita u li s-Sultan Messjaniku dalwaqt se jlesti l-konkwista tiegħu. (Danjel 2:44; 2 Timotju 4:3, 4; Apokalissi 6:2) Bħala profeti foloz, huma wkoll jitkellmu dwar ‘sliem, u sliem m’hemmx.’ Imma dalwaqt il-konvinzjoni li għandhom f’daqqa waħda se tinbidel f’orrur meta huma se jkollhom jiffaċċjaw il-qilla taʼ dak il-Wieħed li rrappreżentaw ħażin u li min jaf kemm ġabu tmaqdir fuq ismu. Il-mexxejja taʼ l-imperu dinji taʼ reliġjon falza, deskritti fil-Bibbja bħala mara immorali, se jieħdu d-daqqa tal-mewt huma u jgħajtu għajat qarrieq taʼ paċi.—Apokalissi 18:7, 8.
16. (a) Ix-Xhieda taʼ Jehovah liema ħaġa ddikjaraw pubblikament li huma? (b) Kif inhuma differenti minn dawk li jgħajtu ‘sliem, u sliem m’hemmx’?
16 Dawk li għandhom fidi fil-wegħda t’Alla taʼ paċi vera m’humiex se jitilfu l-fiduċja tagħhom minħabba li l-maġġuranza tal-mexxejja prominenti u influwenti jippersistu fil-wegħda ipokrita tagħhom taʼ paċi. Għal iktar minn seklu, ix-Xhieda taʼ Jehovah ddikjaraw pubblikament li huma difensuri leali tal-Kelma t’Alla, avversarji kuraġġużi tar-reliġjon falza, u wħud li jappoġġaw b’mod riżolut is-Saltna t’Alla. Mhux talli lin-nies ma joqogħdux ibennuhom b’xi kantaliena dwar il-paċi li ddoqqilhom għal widnejhom, imma talli jistinkaw b’mod ħabriek biex iġagħluhom jistenbħu għar-realtà li llum hu żmien taʼ gwerra.—Isaija 56:10-12; Rumani 13:11, 12; 1 Tessalonikin 5:6.
Jehovah ma Jibqax Sieket
17. X’ifisser li Jehovah dalwaqt m’huwiex se jibqaʼ sieket iktar?
17 Salamun qal ukoll: “Il-ġust u l-ħażin Alla jagħmel ħaqq minnhom, għax kull ħaġa għandha waqtha.” (Koħèlet 3:17) Iva, Jehovah għandu żmien imwaqqat biex jesegwixxi l-ġudizzju fuq ir-reliġjon falza u fuq “is-slaten taʼ l-art [li] iqumu . . . kontra l-Mulej u l-Midluk tiegħu.” (Salm 2:1-6; Apokalissi 16:13-16) Ladarba jkun wasal dak iż-żmien, ikun għadda ż-żmien li Jehovah jibqaʼ ‘sieket.’ (Salm 83:2 [Salm 83:1, NW]; Isaija 62:1; Ġeremija 47:6, 7) Permezz taʼ Ġesù Kristu, is-Sultan Messjaniku tiegħu li jinsab fuq it-tron, hu se ‘jitkellem’ bl-unika lingwa li mid-dehra jifhmu l-avversarji tiegħu: “Joħroġ il-Mulej bħal wieħed qawwi, u jqanqal bħal gwerrier il-ħeġġa tiegħu; jgħajjat l-għajta tal-gwerra, ħa juri kontra l-għedewwa l-qawwa tiegħu. Ili ħafna żmien inżomm is-skiet, qgħadt bi kwieti u trażżant. Bħal mara fl-uġigħ tal-ħlas se ngħajjat, nonfoħ u nilheġ f’nifs wieħed. Il-muntanji u l-għoljiet nagħmilhom ħerba, innixxfilhom ħdurithom kollha. Nbiddel ix-xmajjar f’xagħri, u nnixxef l-ilma qiegħed. Nmexxi lill-għomja fi triq li ma jafuhiex; mogħdijiet li ma jafuhomx inqabbadhom. Id-dlam inbiddlu f’dawl quddiemhom, it-triqat mgħawwġa niddrittahom. Dan kollu nagħmlu għalihom, u qatt iżjed ma nabbandunahom.” (Korsiv tagħna.)—Isaija 42:13-16.
18. In-nies t’Alla f’konnessjoni maʼ liema ħaġa dalwaqt se ‘jibqgħu siekta’?
18 Meta Jehovah ‘jitkellem’ biex jiddefendi d-Divinità tiegħu, in-nies tiegħu m’humiex se jkollhom iktar għalfejn jitkellmu biex jiddefendu lilhom infushom. Se jkun imiss lilhom li ‘jibqgħu siekta.’ Dan il-kliem se japplika għalihom bħalma applika għall-qaddejja t’Alla fl-imgħoddi: “Intom ma tiġġildux f’din il-battalja; oqogħdu f’postkom, tiċċaqilqux, u taraw ir-rebħa tal-Mulej għalikom.”—2 Kronaki 20:17.
19. L-aħwa spiritwali taʼ Kristu liema privileġġ dalwaqt se jkollhom?
19 X’disfatta totali għal Satana u l-organizzazzjoni tiegħu! L-aħwa glorifikati taʼ Kristu se jieħdu sehem f’li jagħmlu rebħa impressjonanti f’isem it-tjieba, fi qbil mal-wegħda: “Alla tas-sliem ma jdumx ma jisħaq taħt riġlejkom lil Satana.” (Rumani 16:20) Żmien il-paċi li tant ilna nistennewh fl-aħħar jinsab qrib.
20. Dalwaqt se jkun żmien għal liema ħaġa?
20 Kemm se jkunu mberkin dawk kollha fuq l-art li se jibqgħu ħajjin wara li Jehovah jkun wera x’qawwa kbira għandu! Ftit wara, maʼ dawn se jissieħbu rġiel u nisa leali tal-passat li jkun waslilhom iż-żmien imwaqqat għalihom ħalli jiġu rxoxtati. Ir-Renju t’Elf Sena taʼ Kristu se jkun verament “żmien li tħawwel . . . , żmien li tfejjaq . . . , żmien li tibni . . . , żmien li tidħak . . . , żmien li tiżfen . . . , żmien li tgħannaq, u . . . żmien li tħobb.” Iva, u se jkun għall-eternità “żmien il-paċi”!—Koħèlet 3:1-8; Salm 29:11; 37:11; 72:7.
X’Inhi t-Tweġiba Tiegħek?
◻ X’inhi l-bażi għall-paċi dejjiema?
◻ Ix-Xhieda taʼ Jehovah għala jqisu ż-żmien preżenti bħala “żmien it-taqbid”?
◻ In-nies t’Alla meta għandhom ‘jitkellmu,’ u meta għandhom ‘jibqgħu siekta’?
◻ Jehovah kif u meta m’huwiex se jibqaʼ sieket?
[Kaxxa/Stampi f’paġna 13]
Jehovah Għandu Żmien Imwaqqat biex
◻ jiġbed lil Gog ħalli jattakka lin-nies t’Alla.—Eżekjel 38:3, 4, 10-12
◻ idaħħalha f’qalb il-ħakkiema umani biex jeqirdu lil Babilonja l-Kbira.—Apokalissi 17:15-17; 19:2
◻ jiċċelebra ż-żwieġ tal-Ħaruf.—Apokalissi 19:6, 7
◻ jagħti bidu għall-gwerra taʼ Ħar–Magedon.—Apokalissi 19:11-16, 19-21
◻ jorbot lil Satana ħalli jibda r-Renju t’Elf Sena taʼ Kristu.—Apokalissi 20:1-3
Dawn il-ġrajjiet huma mniżżlin sempliċement bl-ordni kif issir referenza għalihom fl-Iskrittura. Nistgħu nibqgħu ċerti li l-ħames ġrajjiet kollha kemm huma se jseħħu fl-ordni li Jehovah jiddetermina u eżattament meta jiddetermina hu.
[Stampi f’paġna 15]
Ir-renju t’elf sena taʼ Kristu se jkun verament żmien . . .
li tidħak . . .
li tgħannaq . . .
li tħobb . . .
li tħawwel . . .
li tiżfen . . .
li tibni . . .