Int Kif Tħares Lejn il-Mewt?
MINKEJJA kemm jistaʼ jkollna saħħa jew flus, il-mewt iġġibilna ħsibijiet taʼ swied il-qalb hekk kif ngħixu l-ħajja tagħna taʼ kuljum. Tistaʼ tiġi fuqna d-darba li jmissna naqsmu t-triq jew hekk kif immorru nimteddu fis-sodda. Diżastri bħall-attakki terroristiċi tal-11 taʼ Settembru, 2001, fil-Belt taʼ New York u f’Washington, D.C., iġibuna wiċċ imbwiċċ mal-fatt li l-mewt, “l-aħħar għadu,” tieħu l-vittmi tagħha minn kull qasam tal-ħajja u minn kull età. Xi kultant tieħu eluf taʼ vittmi fi ftit minuti biss.—1 Korintin 15:26.
Minkejja dan, il-mewt qisha tiġbed l-attenzjoni taʼ ħafna nies. Donnu li xejn iktar ma jġiegħel lin-nies jixtru daqshekk gazzetti jew jibqgħu mwaħħlin mat-televixin daqskemm jagħmlu r-rapporti taʼ mwiet, speċjalment meta tkun xi mewt taʼ massa nies f’daqqa f’ċirkustanzi li jwerwru. In-nies donnhom li qatt ma jgħajjew minnhom, kemm jekk ikunu mwiet minħabba xi gwerra, diżastri naturali, kriminalità, jew inkella mard. Din il-fissazzjoni bil-mewt tidher l-iktar stramba meta naraw is-sentimenti qawwijin li juru xi wħud meta tmut persuna magħrufa jew xi ċelebrità.
Dawn ir-reazzjonijiet ma nistgħux niċħduhom. In-nies jibqgħu msaħħrin bil-mewt—bil-mewt taʼ ħaddieħor. Però, lanqas biss ikunu jridu jaħsbu dwar il-mewt tagħhom stess. Il-mewt tagħna hija suġġett li ħafna minna ma rridux noqogħdu naħsbu dwaru.
Imħawwad Minħabba l-Mewt?
Il-ħsieb tal-mewt tagħna stess dejjem jimbottana u hekk se jibqaʼ jagħmel. Għalfejn? Minħabba li Alla poġġa ġewwa fina x-xewqa qawwija biex ngħixu għal dejjem. “Qiegħed ukoll f’[qalbhom] il-ħsieb taʼ l-eternità,” jgħid Ekkleżjażti 3:11, skond il-Bibbja taʼ Karm Żammit. Għalhekk, il-fatt li l-mewt ma tistax tiġi evitata, ħoloq konflitt ġewwieni fil-bniedem, nuqqas taʼ qbil kontinwu. Biex itemmu dan il-konflitt ġewwieni u biex jissodisfaw din ix-xewqa naturali li jkomplu jgħixu, il-bnedmin ivvintaw minn kull xorta taʼ twemmin, mid-duttrina taʼ l-immortalità tar-ruħ sat-twemmin fir-riinkarnazzjoni.
Xorta waħda, il-mewt hija ġrajja taʼ inkwiet u taʼ twerwir, u l-biżaʼ mill-mewt jinsab maʼ kullimkien. Għalhekk, m’għandniex għalfejn niskantaw li s-soċjetà umana b’mod ġenerali tħares lejn il-mewt bħala prospett tal-biżaʼ. Ngħiduha kif inhi, il-mewt tikxef kemm fl-aħħar mill-aħħar ħajja mogħtija għall-ġiri wara l-ġid u s-setgħa hija frugħa.
Iżolat Minħabba l-Mewt?
Fl-imgħoddi, xi ħadd li kien ikun marid b’mard terminali jew inkella ferut gravi ġeneralment kien jitħalla jmut fl-ambjent familjari li tant kien jgħożż tad-dar tiegħu. Ħafna drabi, hekk kien jiġri wkoll fi żminijiet Bibliċi, u saħansitra anki f’xi kulturi taʼ llum għadu jiġri hekk. (Ġenesi 49:1, 2, 33) F’każi bħal dawn, il-familja tinġabar u l-ulied jingħaqdu fil-konversazzjoni. Dan jgħin lil kull membru tal-familja biex ma jħossx li qiegħed jitnikket waħdu, u jgħin ukoll biex tinqasam ir-responsabbiltà u biex jagħmlu vistu flimkien.
Dan huwa f’kuntrast kbir maʼ dak li jiġri f’soċjetà li fiha diskussjoni dwar il-mewt hija xi ħaġa projbita, meqjusa bħala barra minn lokha, u t-tfal jitħallew barra minnha kompletament bil-ħsieb li dan jistaʼ jkun “wisq” għalihom. Il-mod kif wieħed imut illum huwa differenti f’ħafna aspetti, u spiss ikun iktar solitarju. Għalkemm ħafna jippreferu li jmutu d-dar, fil-paċi u taħt il-kura kollha mħabba tal-familja, għal ħafna r-realtà ħarxa hi li jispiċċaw imutu l-isptar, ħafna drabi iżolati u muġugħa, u mqabbdin maʼ qabda apparat taʼ l-aħħar teknoloġija. Min-naħa l-oħra, miljuni jmutu b’mod anonimu—bħall-vittmi mhux identifikati li jmutu b’konsegwenza taʼ ġenoċidji, ġuħ, AIDS, gwerer ċivili, jew sempliċement b’faqar estrem.
Suġġett Tajjeb biex Nixtarruh
Il-Bibbja ma tiskuraġġiniex milli naħsbu fuq il-mewt. Fil-fatt Koħèlet 7:2 jgħidilna: “Aħjar tmur f’dar il-vistu milli f’dar fejn hemm festa; għax . . . dak hu tmiem il-bniedem.” Meta niġu ffaċċjati bir-realtà tal-mewt, nistgħu nieqfu ftit mir-rutina tal-ħsibijiet u l-attivitajiet li jkollna u niffokaw fuq kemm hi qasira l-ħajja. Dan jistaʼ jgħinna ngħixu ħajjitna iktar bi skop minflok ma sempliċement ngħixuha bla ħsieb jew naħluha.
Int kif tħares lejn il-mewt? Eżaminajt sew is-sentimenti, it-twemmin, it-tamiet, u l-beżgħat li għandek dwar tmiem ħajtek?
Bħan-natura tal-ħajja, in-natura tal-mewt ma tistax tiġi spjegata u mifhuma mill-bniedem. L-uniku wieħed li jistaʼ jitkellem fuq dan is-suġġett b’awtorità taʼ min joqgħod fuqha huwa l-Ħallieq tagħna. Għandu hemm “l-għajn tal-ħajja” u minnu “l-ħruġ mill-mewt.” (Salm 36:10 [36:9, NW]; 68:21, Saydon [68:20, NW]) Minkejja li jistaʼ jidher sorprendenti, eżaminar taʼ twemmin popolari dwar il-mewt fid-dawl tal-Kelma t’Alla se jkun kemm taʼ faraġ kif ukoll taʼ rifreskar. Se juri li l-mewt m’hijiex neċessarjament it-tmiem taʼ kollox.
[Kumment f’paġna 4]
Il-possibbiltà tal-mewt tgħinna ngħixu ħajjitna iktar bi skop