LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 3/1 pp. 8-13
  • Ħajtek—X’Inhu l-Iskop Tagħha?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħajtek—X’Inhu l-Iskop Tagħha?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Sors Ewlieni Taʼ Dehen
  • Skop F’Konnessjoni Maċ-​Ċikli Tal-​Ħajja
  • Żmien Biex Tagħmel Isem Tajjeb
  • Id-“Dmir Taʼ Kull Bniedem”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Iservi t’Eżempju Tajjeb Għalik jew taʼ Twissija?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Salamun Jaħkem bl-Għerf
    Il-Bibbja—X’Inhu l-Messaġġ Tagħha?
  • Uża Ħajtek bl-Aħjar Mod li Tistaʼ
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 3/1 pp. 8-13

Ħajtek​—X’Inhu l-​Iskop Tagħha?

“Waqt li nżomm ħsiebi fl-​għerf . . . ħa nara jekk hux hawn l-​hena tal-​bniedem . . . tul il-​jiem magħduda taʼ ħajjithom.”—KOĦÈLET 2:3.

1, 2. Għala m’huwiex ħażin li jkollok interess raġonevoli fik innifsek?

INT interessat fik innifsek, hux tassew? Dik ħaġa normali. B’hekk nieklu kuljum, norqdu meta ngħajjew, u nieħdu pjaċir inkunu mal-​ħbieb u l-​maħbubin tagħna. Kultant nilagħbu xi logħba, ngħumu, jew nagħmlu affarijiet oħrajn li nieħdu pjaċir bihom, u dan jirrifletti interess ibbilanċjat fina nfusna.

2 Interess bħal dan fina nfusna huwa fi qbil maʼ dak li Alla qanqal lil Salamun biex jikteb: “M’hemmx aħjar għall-​bniedem milli jiekol u jixrob u li jgawdi l-​frott taʼ xogħlu.” Mill-​esperjenza, Salamun żied: “Imma f[h]imt li dan ukoll minn id Alla ġej, għax min jistaʼ jiekol u jgawdi ħlief bis-​saħħa tiegħu?”—Koħèlet 2:24, 25.

3. Il-​biċċa l-​kbira tan-​nies liema mistoqsijiet li jikkonfonduk isibu li m’hemmx tweġibiet għalihom?

3 Int taf, madankollu, li l-​ħajja hija iżjed milli sempliċement tiekol, tixrob, torqod, u tagħmel xi ġid. Għandna wġigħ, diżappunti, u inkwiet. U donna mħabbtin wisq biex nirriflettu dwar it-​tifsir taʼ ħajjitna. Ma tħossokx hekk int? Vermont Royster, li kien editur taʼ The Wall Street Journal, wara li nnota l-​għarfien u l-​abbiltajiet miżjudin tagħna, kiteb: “Din ħaġa kurjuża. Meta nikkontemplaw dwar il-​bniedem innifsu, dwar id-​dilemmi tiegħu, dwar postu f’dan l-​univers, ftit ersaqna viċin minn meta beda ż-​żmien. Xorta waħda għad baqgħalna mistoqsijiet dwar min aħna u għala neżistu u fejn sejrin.”

4. Għala lkoll kemm aħna għandna nkunu kapaċi nwieġbu mistoqsijiet li jinvolvu lilna?

4 Kif twieġeb int il-​mistoqsijiet: Min aħna? Għala qegħdin hawn? U fejn sejrin? Is-​Sur Royster miet f’Lulju li għadda. Taħseb int li sa dak in-​nhar kien sab tweġibiet sodisfaċenti? Iktar minn hekk, Hemm mezz kif int tistaʼ tagħmel dan? U dan kif jistaʼ jgħinek biex tgawdi ħajja iżjed hienja u taʼ tifsir? Ejjew naraw.

Sors Ewlieni Taʼ Dehen

5. Għala għandna nħarsu lejn Alla meta nkunu qegħdin infittxu dehen fuq mistoqsijiet dwar it-​tifsir tal-​ħajja?

5 Li kieku konna waħedna qegħdin infittxu x’inhu l-​iskop taʼ ħajjitna, forsi kien ikollna ftit jew xejn suċċess, bħalma kien il-​każ taʼ ħafna rġiel u nisa, saħansitra dawk b’tagħlim u esperjenza vasta. Imma ma ġejniex mitluqin waħedna. Il-​Ħallieq tagħna pprovdielna għajnuna. Meta toqgħod taħseb, m’huwiex hu s-​Sors fundamentali taʼ dehen u għerf, billi hu “minn dejjem taʼ dejjem” u billi għandu għarfien sħiħ taʼ l-​univers u l-​istorja? (Salm 90:1, 2) Hu ħalaq il-​bniedem u osserva l-​esperjenza umana kollha kemm hi, u għalhekk hu l-​Wieħed li lejh għandna nħarsu għal dehen, mhux lejn bnedmin imperfetti, bil-​għarfien u l-​fehmiet limitati tagħhom.—Salm 14:1-3; Rumani 3:10-12.

6. (a) Il-​Ħallieq kif ipprovda dehen meħtieġ? (b) Salamun kif inhu involut?

6 Fil-​waqt li ma nistgħux nistennew li l-​Ħallieq tagħna jfesfsilna f’widnejna xi rivelazzjoni fuq it-​tifsir tal-​ħajja, hu pprovda sors taʼ dehen​—il-​Kelma ispirata tiegħu. (Salm 32:8; 111:10) Il-​ktieb taʼ Koħèlet huwa partikolarment imprezzabbli f’dan ir-​rigward. Alla nebbaħ lill-​kittieb tiegħu, biex b’hekk “l-​għerf taʼ Salamun kien akbar mill-​għerf tan-​nies kollha tal-​Lvant.” (1 Slaten 3:6-12;1 Slaten5:10-14 [1 Slaten 4:30-34, NW]) “L-​għerf kollu taʼ Salamun” tant impressjona lil waħda reġina li żaritu li qalet li ma kienx intqal in-​nofs u li dawk li kienu jisimgħu għerfu kienu tassew henjin.a (1 Slaten 10:4-8) Aħna wkoll nistgħu niksbu dehen u hena mill-​għerf divin li l-​Ħallieq tagħna pprovda permezz taʼ Salamun.

7. (a) Salamun x’ikkonkluda dwar il-​biċċa l-​kbira taʼ l-​attivitajiet taħt is-​sema? (b) Liema ħaġa turi l-​kalkoli realistiċi taʼ Salamun?

7 Koħèlet jirrifletti għerf mogħti minn Alla, li effettwa qalb u moħħ Salamun. Billi kellu l-​ħin, ir-​riżorsi, u d-​dehen biex jagħmel dan, Salamun eżamina “dak kollu li jsir taħt is-​sema.” Ra li l-​biċċa l-​kbira minnu kien “frugħa u ġiri wara r-​riħ,” li huwa kalkolu ispirat li għandna nżommu f’moħħna meta naħsbu dwar l-​iskop tagħna fil-​ħajja. (Koħèlet 1:13, 14, 16) Salamun kien qiegħed ikun apert, realistiku. Per eżempju, irrifletti fuq dak li qal f’Koħèlet 1:15, 18. Int taf li matul is-​sekli n-​nies ipprovaw diversi għamliet taʼ gvern, billi xi drabi pprovaw sinċerament isolvu l-​problemi u jtejbu l-​qagħda tan-​nies. Iżda, kien hemm xi ħadd minnhom li verament iddritta dak kollu li hu ‘mgħawweġ’ f’din is-​sistema imperfetta? U forsi int rajt kif iktar ma persuna jkollha għarfien, iktar din tirrealizza b’mod ċar li, f’ħajja qasira, huwa impossibbli li tirranġa l-​affarijiet għalkollox. Li jkunu konxji taʼ dan iġib frustrazzjoni lil ħafna, imma mhux neċessarjament lilna.

8. Liema ċikli eżistew minn żmien twil?

8 Punt ieħor x’nikkunsidraw huma ċ-​ċikli ripetittivi li jeffettwawna, bħalma huma tlugħ u nżul ix-​xemx jew il-​movimenti tar-​riħ u l-​ilma. Dawn eżistew fi żmien Mosè, fi żmien Salamun, fi żmien Napuljun, u fi żmien il-​bużnanniet tagħna. U jkomplu għaddejjin. Bl-​istess mod, “ġenerazzjoni tmur u oħra tiġi.” (Koħèlet 1:4-7) Mill-​ħarsa umana, ftit inbidel. Nies tal-​qedem u taż-​żmien modern kellhom u għad għandhom attivitajiet, tamiet, ambizzjonijiet, u kisbiet komparabbli. Anki jekk fost il-​bnedmin xi individwu għamel isem notevoli jew kien jispikka fil-​ġmiel jew fl-​abbiltà, fejn hi issa dik il-​persuna? Mejta u probabbilment intesiet. Dan mhux biex inkunu tedjanti. Il-​biċċa l-​kbira tan-​nies lanqas biss jafu x’kien jisimhom il-​bużnanniet tagħhom jew jgħidulek fejn twieldu u ndifnu. Tistaʼ tara għala Salamun ra realistikament frugħa fl-​impriżi u l-​isforzi umani.—Koħèlet 1:9-11.

9. Kif nistgħu niġu mgħejjunin billi niksbu dehen realistiku dwar is-​sitwazzjoni tal-​bnedmin?

9 Minflok ma jagħmilna frustrati, dan id-​dehen divin fis-​sitwazzjoni bażika tal-​bniedem jistaʼ jkollu effett pożittiv, billi jqanqalna biex nevitaw li nagħtu valuri żbaljati lil miri jew impriżi li dalwaqt se jkunu telqu u ntesew. Dan għandu jgħinna nikkalkulaw dak li qegħdin nieħdu mill-​ħajja u dak li qegħdin nipprovaw inwettqu. Biex nagħtu eżempju, minflok ma nkunu axxetiċi, nistgħu nsibu ferħ f’ikel u xorb ibbilanċjat. (Koħèlet 2:24) U, bħalma se naraw, Salamun jasal għal konklużjoni pożittiva u ottimistika ħafna. Fil-​qosor, din hija li għandna napprezzaw profondament ir-​relazzjoni tagħna mal-​Ħallieq tagħna, li jistaʼ jgħinna biex ikollna futur eternament hieni u taʼ skop. Salamun enfasizza: “Hawn hu l-​qofol tad-​diskors wara li nstamaʼ kollox: ‘Ħobb lil Alla u ħares il-​kmandamenti tiegħu, għax f’dan jinġabar il-​bniedem kollu.’”—Koħèlet 12:13.

Skop F’Konnessjoni Maċ-​Ċikli Tal-​Ħajja

10. Salamun b’liema mod qabbel l-​annimali mal-​bnedmin?

10 L-​għerf divin rifless f’Koħèlet jistaʼ jgħinna iżjed f’li nikkunsidraw l-​iskop tagħna fil-​ħajja. Kif? Minħabba l-​fatt li Salamun iffoka realistikament fuq veritajiet oħrajn li aħna rari naħsbu dwarhom. Waħda tinvolvi similaritajiet bejn il-​bnedmin u l-​annimali. Ġesù xebbah lis-​segwaċi tiegħu maʼ ngħaġ, u madankollu n-​nies ġeneralment ma jiħdux pjaċir jiġu mqabblin m’annimali. (Ġwanni 10:11-16) Xorta waħda Salamun semma ċerti fatti li ma tistax tiċħadhom: “Alla jrid iġarrabhom [lil ulied il-​bnedmin] biex juri li huma nfushom bħall-​bhejjem. Dak li jiġri lill-​bniedem jiġri lill-​bhima, għax it-​tnejn tmiem wieħed għandhom; bħalma tmut il-​bhima jmut ukoll il-​bniedem . . . Xejn m’hu aħjar il-​bniedem mill-​bhima; ladarba kollox hu frugħa. . . . [I]lkoll mit-​trab saru, u lkoll lejn it-​trab jerġgħu jmorru.”—Koħèlet 3:18-20.

11. (a) Iċ-​ċiklu tipiku tal-​ħajja t’annimal kif jistaʼ jiġi deskritt? (b) Kif tħossok dwar analisi bħal din?

11 Aħseb dwar annimal li tieħu pjaċir tħares lejh, forsi xi żarmuġ jew xi fenek. (Dewteronomju 14:7; Salm 104:18; Proverbji 30:26) Jew forsi ġġib quddiem għajnejk xi skojjattlu (squirrel, bl-​Ingliż); hemm madwar 300 għamla madwar id-​dinja. X’inhu ċ-​ċiklu taʼ ħajtu? Wara li jitwieled, ommu tieħu ħsiebu għal xi ftit ġimgħat. Ma jdumx ma jtellaʼ l-​pil u jkun jistaʼ joħroġ barra. Għandek mnejn tarah jiġri ’l hemm u ’l hawn biex jitgħallem isib l-​ikel. Imma spiss donnu li jkun biss qiegħed jilgħab, igawdi tfulitu. Wara li jikber għal xi sena, isib sieħba. Imbagħad irid jibni bejta jew ħofra u jieħu ħsieb taż-​żgħar. Jekk isib biżżejjed frott, ġewż, u żrieragħ, il-​familja taʼ l-​iskojjattlu tistaʼ titqawwa u jkollhom ħin biex ikabbru d-​dar tagħhom. Imma wara biss ftit snin, l-​annimal jixjieħ u jsir iżjed suġġett għal aċċidenti u mard. Taʼ madwar għaxar snin imut. B’differenzi żgħar bejn l-​għamliet taʼ skojjattli, dak huwa ċ-​ċiklu taʼ ħajtu.

12. (a) Realistikament, iċ-​ċiklu tal-​ħajja taʼ ħafna bnedmin għala huwa bħal dak taʼ ħafna mill-​annimali? (b) Dwar liema ħaġa għandna mnejn naħsbu l-​ewwel darba li naraw l-​annimal li kellna f’moħħna?

12 Il-​biċċa l-​kbira tan-​nies ma joġġezzjonawx għal dak iċ-​ċiklu fuq annimal, u m’humiex se jippretendu li skojjattlu jkollu skop imfassal tajjeb fil-​ħajja. Madankollu, il-​ħajja taʼ ħafna bnedmin m’hijiex wisq differenti minn dak, hux tassew? Jitwieldu u jkollhom min jieħu ħsiebhom bħala trabi. Jieklu, jikbru, u jilagħbu bħala tfal. F’kemm ili ngħidlek isiru adulti, isibu sieħba, u jfittxu post fejn jgħixu u mezz biex jipprovdu l-​ikel. Jekk ikollhom suċċess, jistgħu jitqawwew u jespandu d-​dar (il-bejta) tagħhom biex fiha jrabbu t-​tfal. Imma l-​annati malajr jgħaddu, u jixjieħu. Jekk ma jmutux qabel, għandhom mnejn imutu wara 70 jew 80 sena mimlijin b’“taħbit u niket.” (Salm 90:9, 10, 12) Għandek mnejn taħseb dwar dawn il-​fatti serji l-​ewwel darba li tara xi skojjattlu (jew xi annimal ieħor li kellek f’moħħok).

13. Liema final huwa minnu kemm għall-​annimali u kemm għall-​bnedmin?

13 Tistaʼ tara għala Salamun qabbel il-​ħajjiet tan-​nies maʼ taʼ l-​annimali. Kiteb: “Kollox għandu żmienu, . . . żmien li titwieled, u żmien li tmut.” Dik l-​eventwalità aħħarija, il-​mewt, hija simili għall-​bniedem u l-​bhima, “bħalma tmut il-​bhima jmut ukoll il-​bniedem.” Żied: “[I]lkoll mit-​trab saru, u lkoll lejn it-​trab jerġgħu jmorru.”—Koħèlet 3:1, 2, 19, 20.

14. Xi bnedmin kif jipprovaw ibiddlu ċ-​ċiklu komuni tal-​ħajja, imma b’liema riżultat?

14 M’għandniex għalfejn inqisu din l-​evalwazzjoni realistika bħala li hija ħsieb negattiv. Veru, xi wħud jipprovaw ibiddlu s-​sitwazzjoni, bħal per eżempju billi jaħdmu iżjed biex itejbu s-​sitwazzjoni materjali tagħhom iktar milli kellhom il-​ġenituri tagħhom. Għandhom mnejn isegwu iżjed snin t’edukazzjoni biex jipprovdu għal livell ogħla t’għixien, fil-​waqt li jipprovaw ikabbru l-​fehma tagħhom tal-​ħajja. Jew għandhom mnejn jikkonċentraw fuq eżerċizzju jew korsijiet taʼ dieta biex jiksbu saħħa aħjar u ħajja kemm xejn itwal. U dawn l-​isforzi jistgħu jġibu ċerti benefiċċji. Imma min jistaʼ jkun żgur li sforzi bħal dawn se jkunu taʼ suċċess? Saħansitra jekk ikunu, kemm se jdumu?

15. Liema kalkolu apert tal-​ħajjiet tal-​biċċa l-​kbira tan-​nies huwa validu?

15 Salamun staqsa: “Aktar ma jkun hemm kliem, akbar tkun il-​frugħa; mbagħad x’se jieħu l-​bniedem minn dan kollu? Min jaf x’inhu tajjeb għall-​bniedem f’ħajtu, tul il-​ġranet magħduda tal-​ħajja fiergħa tiegħu li hu jqattaʼ bħal dell? Min jistaʼ jurih lill-​bniedem x’għad isir warajh taħt ix-​xemx?” (Koħèlet 6:11, 12) Ladarba l-​mewt ittemm x’aktarx malajr l-​isforzi taʼ dak li jkun, hemm verament wisq vantaġġ f’li tissielet biex tikseb iżjed affarijiet materjali jew f’li ssegwi snin twal taʼ tagħlim primarjament biex takkwista iżjed? U ladarba l-​ħajja hija tant qasira, billi tgħaddi bħal dell, ħafna jindunaw li m’hemmx żmien biex idawru l-​isforzi lejn mira umana oħra meta jintebħu li fallew; lanqas ma jistaʼ l-​bniedem ikun ċert dwar x’se jiġri lil uliedu “warajh.”

Żmien Biex Tagħmel Isem Tajjeb

16. (a) X’għandna nagħmlu li l-​annimali ma jistgħux jagħmluh? (b) Liema verità oħra għandha teffettwa l-​ħsieb tagħna?

16 Kuntrarju għall-​annimali, aħna l-​bnedmin għandna l-​kapaċità li naħsbu, ‘X’inhu t-​tifsir taʼ l-​eżistenza tiegħi? Huwa biss ċiklu fiss, bi żmien biex nitwieled u żmien biex immut?’ F’dak ir-​rigward, ftakar fil-​verità taʼ kliem Salamun dwar il-​bniedem u l-​bhima: “[I]lkoll lejn it-​trab jerġgħu jmorru.” Ifisser dan li l-​mewt ittemm għal kollox l-​eżistenza taʼ dak li jkun? Sewwa, il-​Bibbja turi li l-​bnedmin ma jippossedux ruħ immortali li tibqaʼ ħajja wara l-​mewt tal-​ġisem. Il-​bnedmin huma erwieħ, u r-​ruħ li tidneb tmut. (Eżekjel 18:4, 20, KŻ) Salamun elabora: “Il-​ħajjin, għallinqas, jafu li għad imutu, iżda l-​mejtin ma jafu xejn; lanqas ħlas ma baqaʼ għalihom għax imqar it-​tifkira tagħhom intesiet. Kull ma ssib x’tagħmel, agħmlu b’ħiltek kollha għax ma jkunx hemm ħidma jew ħsieb, xjenza jew għerf, f’Art l-​Imwiet fejn inti sejjer.”—Koħèlet 9:5, 10.

17. Koħèlet 7:1, 2 x’għandu jġagħalna nirriflettu dwaru?

17 Minħabba dak il-​fatt inevitabbli, ikkunsidra din l-​istqarrija: “Aħjar fama tajba miż-​żejt prezzjuż, aħjar jum il-​mewt minn jum it-​twelid. Aħjar tmur f’dar il-​vistu milli f’dar fejn hemm festa; għax hemm il-​ħaj iġib f’moħħu kif dak hu tmiem il-​bniedem.” (Koħèlet 7:1, 2) Ikollna naqblu li l-​mewt kienet u għadha “tmiem il-​bniedem.” Ebda bniedem ma rnexxielu jixrob xi eliżir, jieħu xi taħlita taʼ vitamini, isegwi xi dieta, jew jieħu sehem f’xi eżerċizzju li jirriżulta f’ħajja eterna. U normalment “it-​tifkira tagħhom intesiet” ftit wara mewthom. Allura fama (“isem,” NW) tajba għala hija “aħjar . . . miż-​żejt prezzjuż, aħjar jum il-​mewt minn jum it-​twelid”?

18. Għala nistgħu nkunu żguri li Salamun kien jemmen fl-​irxoxt?

18 Bħalma nnotajna, Salamun kien realistiku. Kien jaf dwar l-​antenati tiegħu Abraham, Iżakk, u Ġakobb, li ċertament għamlu isem tajjeb mal-​Ħallieq tagħna. Billi kien jafu tajjeb lil Abraham, Alla Jehovah wiegħed li jbierek lilu u liż-​żerriegħa tiegħu. (Ġenesi 18:18, 19; 22:17) Iva, Abraham kellu isem tajjeb m’Alla, billi sar il-​ħabib tiegħu. (2 Kronaki 20:7; Isaija 41:8; Ġakbu 2:23) Abraham kien jaf li ħajtu u l-​ħajja taʼ ibnu ma kinux sempliċement parti minn ċiklu taʼ twelid u mewt li ma jintemm qatt. Żgur li kien hemm wisq iżjed minn hekk. Kellhom il-​prospett assigurat li jgħixu mill-​ġdid, mhux għax kienu jippossiedu ruħ immortali, imma għaliex kienu se jiġu rxoxtati. Abraham kien konvint li “Alla kellu s-​setgħa saħansitra li jqajjem [lil Iżakk] mill-​mewt.”—Lhud 11:17-19.

19. Liema dehen nistgħu niksbu minn Ġob dwar it-​tifsir taʼ Koħèlet 7:1?

19 Dik hija ċavetta biex nifhmu kif “aħjar fama tajba miż-​żejt prezzjuż, aħjar jum il-​mewt minn jum it-​twelid.” Bħalma kien Ġob qablu, Salamun kien konvint li Dak li ħalaq il-​ħajja umana jistaʼ jirrestawraha. Jistaʼ jġib lura għall-​ħajja bnedmin li mietu. (Ġob 14:7-14) Il-​leali Ġob qal: “Malli ssejjaħli [int Jehovah], jien inwieġbek, għal xogħol idejk Inti tixxennaq.” (Ġob 14:15, Saydon) Aħseb dwar dak! Għall-​qaddejja leali tiegħu li mietu, il-​Ħallieq tagħna ‘jixxennaq.’ (“Int tkun trid tara għal darb’oħra xogħol idejk.”​—The Jerusalem Bible.) Billi japplika s-​sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù Kristu, il-​Ħallieq jistaʼ jirxoxta lill-​bnedmin. (Ġwanni 3:16; Atti 24:15) B’mod ċar, il-​bnedmin jistgħu jkunu differenti minn sempliċi annimali li jmutu.

20. (a) Meta jkun li jum il-​mewt hu aħjar minn jum it-​twelid? (b) L-​irxoxt taʼ Lażżru kif ċertament effettwa lil ħafna?

20 Dan ifisser li jum il-​mewt jistaʼ jkun aħjar minn jum it-​twelid taʼ l-​individwu, jekk wieħed ikun bena isem tajjeb maʼ Jehovah, li jistaʼ jirxoxta lil uħud leali li jmutu. Salamun Akbar, Ġesù Kristu, ta prova taʼ dan. Per eżempju, qajjem lura għall-​ħajja lir-​raġel leali Lażżru. (Luqa 11:31; Ġwanni 11:1-44) Bħalma tistaʼ timmaġina, ħafna minn dawk li kienu xhieda tar-​ritorn taʼ Lażżru għall-​ħajja ġew effettwati bil-​kbir, billi wrew fidi fl-​Iben t’Alla. (Ġwanni 11:45) Taħseb int li ħassewhom mingħajr skop fil-​ħajja, billi ma kellhom l-​ebda idea min kienu u fejn kienu sejrin? Għall-​kuntrarju, setgħu jaraw li ma kienx hemm għalfejn ikunu sempliċi annimali li jitwieldu, jgħixu għal xi żmien, u mbagħad imutu. L-​iskop tagħhom fil-​ħajja kien marbut direttament u intimament maʼ li jkunu jafu lil Missier Ġesù u li jagħmlu r-​rieda Tiegħu. Xi ngħidu għalik? Għenitek din id-​diskussjoni biex tara, jew biex tara iżjed ċar, kif ħajtek tistaʼ u għandha jkollha skop reali?

21. Liema aspett dwar kif insibu tifsir f’ħajjitna għadna rridu neżaminaw?

21 Madankollu, li jkollok skop ġenwin u sinjifikanti fl-​għixien ifisser wisq iżjed milli taħseb dwar il-​mewt u dwar li tgħix mill-​ġdid wara l-​mewt. Jinvolvi x’qegħdin nagħmlu b’ħajjitna minn jum għal jum. Salamun dan ukoll iċċarah f’Koħèlet, kif se naraw fl-​artiklu li jmiss. (w97 2/15)

[Nota taʼ taħt]

a “Ir-​rakkont dwar ir-​Reġina taʼ Xeba jenfasizza l-​għerf taʼ Salamun, u l-​istorja taʼ spiss issejħet leġġenda (1 S. 10:1-13). Imma l-​kuntest jindika li ż-​żjara tagħha lil Salamun kienet verament konnessa mal-​kummerċ u bħala tali tagħmel sens; l-​istoriċità tagħha m’għandhiex għala tiġi ddubitata.”​—The International Standard Bible Encyclopedia (1988), ir-​IV Volum, paġna 567.

Tiftakar Int?

◻ L-​annimali u l-​bnedmin b’liema modi huma komparabbli?

◻ Il-​mewt għala tenfasizza li ħafna mill-​isforzi u l-​attivitajiet umani huma frugħa?

◻ Jum il-​mewt kif jistaʼ jkun aħjar minn jum it-​twelid?

◻ Li jkollna skop sinjifikanti fil-​ħajja jiddependi minn liema relazzjoni?

[Stampi f’paġna 10]

Ħajtek kif inhi differenti b’mod sinjifikanti minn dik taʼ l-​annimali?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja