Kapitlu Tmienja
Ir-Reliġjon Falza —It-Tmiem Drammatiku Tagħha Jidher minn Qabel
1, 2. (a) Għala jidher li ma tantx hu probabbli għal xi wħud li se jkun hemm bidla enormi fl-atmosfera reliġjuża tad-dinja? (b) Kif nafu li l-kliem taʼ Isaija kapitlu 47 japplika għall-futur? (ċ) “Babilonja l-Kbira” għala huwa titlu xieraq għar-reliġjon falza kollha?
“IR-RELIĠJON Terġaʼ Tieħu r-Ruħ.” Dan kien il-messaġġ imħabbar permezz t’artiklu li deher f’The New York Times Magazine. Dan l-artiklu indika li r-reliġjon għadha tidher li tiddomina l-qlub u l-imħuħ taʼ miljuni taʼ nies. Għalhekk, jistaʼ jkun diffiċli li temmen li dalwaqt se sseħħ bidla enormi fl-atmosfera reliġjuża tad-dinja. Imma din il-bidla hi indikata f’Isaija kapitlu 47.
2 Kliem Isaija twettaq 2,500 sena ilu. Madankollu, il-kliem li nsibu f’Isaija 47:8 hu kwotat fil-ktieb taʼ l-Apokalissi u jiġi applikat għall-futur. Hemmhekk il-Bibbja tbassar it-tmiem taʼ l-organizzazzjoni bħal mara żienja msejħa “Babilonja l-Kbira”—l-imperu dinji taʼ reliġjon falza. (Apokalissi 16:19) Huwa xieraq li r-reliġjonijiet foloz tad-dinja jingħataw it-titlu “Babilonja,” ladarba r-reliġjon falza bdiet f’Babilonja tal-qedem. Minn hemmhekk xterdet lejn l-erbaʼ rkejjen taʼ l-art. (Ġenesi 11:1-9) Duttrini reliġjużi li oriġinaw f’Babilonja, bħall-immortalità tar-ruħ, in-nar taʼ l-infern, u l-qima taʼ tliet persuni f’alla wieħed, jinsabu fi kważi r-reliġjonijiet kollha, inkluż il-Kristjaneżmu.a Titfaʼ xi dawl il-profezija taʼ Isaija fuq il-futur tar-reliġjon?
Babilonja Mitfugħa maʼ l-Art
3. Iddeskrivi l-kobor tal-Qawwa Dinjija Babiloniża.
3 Iftaħ widnejk għal din id-dikjarazzjoni divina li tqanqlek: “Inżel minn hemm, oqgħod fit-trab, xbejba, bint Babilonja. Oqgħod bilqiegħda fl-art, bla tron! Bint il-Kaldin! Ħadd ma jsejjaħlek iżjed ‘Il-Ħelwa’ u ‘L-Għaxqana.’” (Isaija 47:1) Babilonja ilha snin sħaħ bil-qiegħda fuq it-tron bħala l-qawwa dinjija li tikkmanda. Hi kienet “il-ġawhra taʼ l-imperi”—ċentru reliġjuż, kummerċjali, u militari prosperuż. (Isaija 13:19) Fl-aqwa tiegħu, l-imperu taʼ Babilonja jestendi lejn in-nofsinhar sal-fruntiera taʼ l-Eġittu. U meta tegħleb lil Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K., donnu jidher li Alla nnifsu m’għandux il-ħila jwaqqafha mill-konkwisti tagħha! B’hekk, hi tqis lilha nfisha “xbejba” verġni, li qatt ma se tiġi invaduta minn xi barrani.b
4. X’se ġġarrab Babilonja?
4 Madankollu, din ix-“xbejba” mkabbra se titwaqqaʼ minn fuq it-tron bħala l-qawwa dinjija li ħadd ma jistaʼ għaliha u se jġagħluha ‘toqgħod bil-qiegħda fit-trab’ biex tiġi umiljata. (Isaija 26:5) Mhix se tibqaʼ tiġi kunsidrata li hi ‘ħelwa u għaxqana,’ bħal xi sultana mfissda. Għalhekk Jehovah jikkmanda: “Aqbad il-mitħna u itħan id-dqiq; neħħi l-istar minn fuqek; erfaʼ l-kurkar; ikxef riġlejk, aqsam ix-xmajjar.” (Isaija 47:2) Wara li tefgħet fil-jasar lill-ġens taʼ Ġuda kollu kemm hu, Babilonja nfisha se tiġi trattata bħala lsira! Il-Medi u l-Persjani, li jneħħuha mill-pożizzjoni taʼ poter li għandha, se jġagħluha tagħmel xogħol umiljanti għan-nom tagħhom.
5. (a) Babilonja kif se titneżżaʼ mill-‘istar u l-kurkar’ tagħha? (b) X’jistaʼ jkun li jindika l-kmand mogħti lilha biex ‘taqsam ix-xmajjar’?
5 B’hekk, Babilonja se titneżżaʼ mill-‘istar u l-kurkar’ (il-mant u l-kuda) tagħha, u b’hekk titlef kull ħjiel tal-kobor u d-dinjità li kellha qabel. “Aqsam ix-xmajjar,” se jikkmandawha dawk li jħaddmuha. Forsi xi Babiloniżi attwalment se jiġu ordnati jwettqu xogħol taʼ lsiera fil-beraħ. Jew jistaʼ jkun li l-profezija tfisser li xi wħud se jiġu mkaxkrin letteralment minn ġox-xmajjar huma u sejrin lejn l-eżilju. Hu x’inhu l-każ, Babilonja mhix se tibqaʼ tivvjaġġa fl-istil grandjuż taʼ sultana li tiġi merfugħa fuq xi siġġu jew fil-karozzella biex taqsam xi xmara. Minflok, se tkun bħal ilsira li trid tinsa l-mistħija, billi tgħolli ħwejjiġha u tikxef riġlejha sabiex taqsam minn naħa għal oħra taʼ xi xmara. X’umiljazzjoni!
6. (a) Babilonja f’liema sens se jikxfulha għeritha? (b) Alla kif ‘ma jeħlisha lil ħadd’? (Ara n-nota taʼ taħt.)
6 Jehovah jkompli jkasbarha: “Jikxfulek għertek u jarawlek għajbek! ‘Jien għad nitħallas u ma neħlisha lil ħadd.’” (Isaija 47:3)c Iva, Babilonja se ġġarrab l-għajb u d-diżunur. Il-ħażen u l-kefrija li hi tkompli twettaq kontra l-poplu t’Alla se jkun jaf bihom kulħadd. Ebda bniedem ma jistaʼ jwaqqafha l-vendetta t’Alla!
7. (a) L-eżiljati Lhud kif se jwieġbu għall-aħbar li Babilonja waqgħet? (b) Jehovah b’liema mod se jifdi lill-poplu tiegħu?
7 Wara li jkunu nżammu lsiera għal 70 sena fis-setgħana Babilonja, in-nies t’Alla se jifirħu ħafna bil-waqgħa tagħha. Huma se jgħajtu: “Jgħid il-feddej tagħna, Jaħweh taʼ l-eżerċti ismu, il-Qaddis taʼ Iżrael.” (Isaija 47:4) Taħt il-Liġi Mosajka, meta xi Iżraeli kien ibigħ lilu nnifsu fil-jasar sabiex iħallas id-djun li kien ikollu, feddej (xi ħadd jiġi minnu) setaʼ jixtrih, jew jifdih, mill-jasar. (Levitiku 25:47-54) Ladarba l-Lhud se jkunu ġew mibjugħin fil-jasar taħt Babilonja, se jkollhom bżonn jiġu mifdijin, jew meħlusin. Għall-ilsiera, il-konkwista normalment tkun tfisser biss li jinbidlu s-sidien tagħhom. Imma Jehovah se jqanqal lis-Sultan Ċiru l-konkwistatur biex jeħles lil-Lhud mill-jasar. L-Eġittu, l-Etjopja, u Saba se jingħataw lil Ċiru bħala “fidwa” minflok il-Lhud. (Isaija 43:3, Saydon) B’mod xieraq, il-Feddej taʼ Iżrael jismu “Jaħweh taʼ l-eżerċti.” Dik li tidher li hi qawwa militari setgħana taʼ Babilonja hija dgħajfa meta tqabbilha mal-qtajjaʼ taʼ anġli inviżibbli taʼ Jehovah.
Il-Prezz tal-Kefrija
8. Babilonja f’liema sens se ‘tidħol fid-dlam’?
8 Jehovah jerġaʼ jibda jikkundanna b’mod profetiku lil Babilonja: “Oqgħod fi kwietek u idħol fid-dlam, bint il-Kaldin. Ma jsejjħulekx aktar: ‘Sidt is-saltniet.’” (Isaija 47:5) Babilonja se jkollha biss dlam u swied il-qalb. Mhix se tibqaʼ tikkmanda iktar lil saltniet oħrajn bħala padruna kiefra.—Isaija 14:4.
9. Jehovah għala jagħdab għal-Lhud?
9 Qabel xejn, Babilonja għala titħalla tagħmel ħsara lill-poplu t’Alla? Jehovah jispjega: “Kont mgħaddab għall-poplu tiegħi; niġġist ’il wirti u rħejthom f’idejk.” (Isaija 47:6a) Jehovah għandu raġun ikun mgħaddab għal-Lhud. Żmien qabel, hu wissiehom li jekk ma jobdux il-Liġi tiegħu kienu se jitkeċċew mill-pajjiż. (Dewteronomju 28:64) Meta waqgħu fl-idolatrija u fl-immoralità sesswali, Jehovah b’imħabba bagħat lil xi profeti biex jgħinhom iduru lura lejn il-qima safja. Imma “huma kienu jiddieħku bil-mibgħutin tiegħu, imaqdru kliemu, u jkasbru l-profeti tiegħu, sa ma saħnet il-korla tal-Mulej għall-poplu tiegħu, hekk li ma setgħux jeħilsuha aktar.” (2 Kronaki 36:16) Għalhekk, Alla jippermetti li l-wirt tiegħu, Ġuda, jiġi profanat meta Babilonja tinvadi l-pajjiż u tniġġes it-tempju qaddis Tiegħu.—Salm 79:1; Eżekjel 24:21.
10, 11. Jehovah għala hu rrabjat għal Babilonja, avolja hija r-rieda tiegħu li hi tirbaħ lill-poplu tiegħu?
10 Mela allura, Babilonja mhix qiegħda twettaq ir-rieda t’Alla meta titfaʼ lil-Lhud fil-jasar? Le, għax Alla jgħid: “Int ma wrejthomx ħniena; taqqalt il-madmad fuq ix-xjuħ kemm flaħt. U int għidt: ‘Jien inkun sultan għal dejjem.’ Ma daħħaltx f’rasek dawn il-ħwejjeġ; ma ftakartx fit-tmiem.” (Isaija 47:6b, 7) Alla ma kkmandax lil Babilonja biex taġixxi b’kefrija żejda, billi ma turi ħniena lanqas saħansitra max-“xjuħ.” (Lamentazzjonijiet 4:16; 5:12) Lanqas ma ħeġġiġhom biex jieħdu pjaċir iwaqqgħu għaċ-ċajt lill-ilsiera Lhud.—Salm 137:3.
11 Babilonja ma tifhimx li l-kontroll tagħha fuq il-Lhud huwa biss għal ftit. Hi injorat it-twissijiet taʼ Isaija li, maż-żmien, Jehovah se jeħles lill-poplu tiegħu. Hi ġġib ruħha bħallikieku kienet intitolata li tibqaʼ tikkmanda lil-Lhud għal dejjem u li tibqaʼ padruna eterna fuq il-ġnus li kienu taħtha. Hi ma tagħtix kas il-messaġġ li se jkun hemm “tmiem” għall-ħakma oppressiva tagħha!
Imbassra l-Waqgħa taʼ Babilonja
12. Babilonja għala tissejjaħ ‘mara mxaħxħa fil-pjaċir’?
12 Jehovah jiddikjara: “Issa ismaʼ dan, ja mxaħxħa fil-pjaċir, int li tgħix b’moħħok mistrieħ; int li tgħid f’qalbek: ‘Jiena, u ħadd ħliefi, ma normol qatt; ma nkunx bla wlied.’” (Isaija 47:8) Babilonja hija magħrufa sew għall-fama li għandha li tħobb il-pjaċiri. Erodotu, kittieb taʼ l-istorja li għex fil-ħames seklu Q.E.K., jitkellem dwar “drawwa taʼ mistħija ferm” fost il-Babiloniżi, jiġifieri, li n-nisa kollha huma mistennija jagħmluha taʼ prostituti biex jonoraw lill-alla mara taʼ l-imħabba. Bl-istess mod, Kurzju, kittieb taʼ l-istorja tal-qedem, qal: “Ebda taħsir ma jistaʼ jisboq l-imġiba tan-nies tal-belt; ebda korruzzjoni kontinwa ma tistaʼ toffri iktar tqanqil u tħajjir għal-libertinaġġ.”
13. Babilonja kif se taqaʼ qabel il-waqt minħabba l-kilba li għandha biex tiġri wara l-pjaċiri?
13 Babilonja se taqaʼ qabel il-waqt minħabba l-kilba li għandha għall-ġiri wara l-pjaċiri. Lejlet il-waqgħa tagħha, is-sultan u l-kbarat tiegħu se jiffesteġġaw, u tant jixorbu li jispiċċaw f’sakra ma jarawx art. B’hekk, m’humiex se jagħtu kas taʼ l-eżerċti Medo-Persjani li qegħdin jinvadu l-belt. (Danjel 5:1-4) Billi ‘tgħix b’moħħha mistrieħ,’ Babilonja se timmaġina li s-swar u l-foss li jidhru qishom ħadd u xejn ma jistaʼ għalihom, se jipproteġuha mill-invażjoni. Hi tgħid lilha nfisha li m’hemm ‘ħadd ħliefha’ li qatt jistaʼ jokkupa l-post t’awtorità assoluta li għandha hi. Hi ma timmaġinax li setgħet issir ‘armla,’ billi titlef il-ħakkiem taʼ l-imperu tagħha kif ukoll lil ‘uliedha,’ jew il-popolin. Xorta waħda, ebda sur ma jistaʼ jipproteġiha mill-vendetta t’Alla Jehovah! Jehovah se jgħid iktar tard: “Mqar jekk Babilonja togħla sas-smewwiet u ssaħħaħ l-għoli taʼ qawwietha mingħandi jaslulha l-qerrieda.”—Ġeremija 51:53.
14. Babilonja b’liema modi se ssofri kemm it-“telfa taʼ wlied” kif ukoll l-“irmulija”?
14 X’se jkun ir-riżultat għal Babilonja? Ikompli Jehovah: “Imma dawn it-tnejn f’jum wieħed f’daqqa għad jilħquk: telfa taʼ wlied u rmulija. Għad jilħquk fil-milja tagħhom, minkejja l-kotra taʼ sħarijietek, minkejja s-saħħa taʼ magħmulek.” (Isaija 47:9) Iva, l-awtorità assoluta taʼ Babilonja bħala qawwa dinjija se tintemm ħabta u sabta. Fil-Lvant tal-qedem, li mara ssir armla u titlef l-ulied kienu l-agħar esperjenzi li qatt setgħet iġġarrab. Ma nafux kemm titlef ‘ulied’ Babilonja fil-lejl tal-waqgħa tagħha.d Iżda jrid jasal iż-żmien li din il-belt tiġi abbandunata għalkollox. (Ġeremija 51:29) Hi wkoll se tispiċċa armla għaliex is-slaten tagħha se jitneħħew minn fuq it-tron.
15. Minbarra l-kefrija li Babilonja wriet mal-Lhud, Jehovah għal liema raġuni oħra hu mgħaddab għaliha?
15 Madankollu, Jehovah ma jagħdabx biss minħabba li Babilonja tittratta ħażin lil-Lhud. ‘Il-kotra taʼ sħarijiet tagħha’ wkoll tqanqlu biex jirrabja. Il-Liġi li Alla ta lil Iżrael tikkundanna l-ispiritiżmu; iżda, Babilonja ssus wara l-okkult b’regħba kbira. (Dewteronomju 18:10-12; Eżekjel 21:26 [21:21, NW]) Il-ktieb Social Life Among the Assyrians and Babylonians jgħid li l-Babiloniżi “għexu f’biżaʼ kontinwu mill-kotra taʼ demonji li kienu jemmnu li huma mdawrin bihom.”
Tittama fil-Ħażen
16, 17. (a) Babilonja kif ‘tittama fi ħżunitha’? (b) It-tmiem taʼ Babilonja għala ma jistax jiġi evitat?
16 Se jsalvawha lil Babilonja l-bassara tagħha? Iwieġeb Jehovah: “Int ittamajt fi ħżunijietek; int għedt: ‘Ħadd ma jarani!’ Qarrquk għerfek u għaqlek, u int għedt f’qalbek: ‘Jiena, u ħadd ħliefi.’” (Isaija 47:10) Babilonja qed taħseb li permezz taʼ l-għerf sekulari u reliġjuż tagħha, is-setgħa militari tagħha, u l-ħruxija makakka tagħha, hi tistaʼ żżomm il-pożizzjoni li għandha bħala qawwa dinjija. Hi tħoss li ħadd ma jistaʼ ‘jaraha,’ jiġifieri, iżommha responsabbli għall-aġir mill-agħar tagħha. Lanqas ma tilmaħ lil xi rival fuq ix-xefaq. “Jiena, u ħadd ħliefi,” tgħid lilha nfisha.
17 Madankollu, permezz taʼ profeta ieħor, Jehovah jwissi: “Jistaʼ bniedem jistaħba fil-moħbiet, u jien ma narahx?” (Ġeremija 23:24; Lhud 4:13) Għalhekk, Jehovah jiddikjara: “Għad tilħqek ħsara kbira, li ma tagħrafx tegħlibha bi sħarijietek, taqaʼ fuqek qerda li ma jkollokx ħila tbiegħed, tilħqek ħesrem ħerba li qatt ma tkun bsart.” (Isaija 47:11) La l-allat taʼ Babilonja u lanqas is-‘sħarijiet’ maġiċi li jsiru fiha minn dawk li jipprattikaw l-ispiritiżmu ma jistgħu jwaqqfu l-ħsara kbira li ġejja—ħsara li hi differenti minn kwalunkwe ħaġa li qatt esperjenzat!
Il-Kunsillieri taʼ Babilonja Jagħmlu Fjask
18, 19. Il-mod kif Babilonja tistrieħ fuq il-kunsillieri tagħha kif se jkun diżastruż?
18 Bi kliem li jniggeż, Jehovah jikkmanda: “Żomm sħiħ, mela, fil-magħmul tiegħek, fil-kotra taʼ sħarijietek, li fihom stinkajt sa minn żgħożitek. Għandhom mnejn jiswewlek; għandek mnejn tbażżaʼ n-nies bihom.” (Isaija 47:12) Babilonja tiġi sfidata biex ‘iżżomm sħiħ,’ jew tippersisti bil-ħażen tagħha billi tibqaʼ tistrieħ fuq il-maġija. Wara kollox, bħala ġens hi stinkat biex tiżviluppa l-arti taʼ l-okkult sa minn ‘żgħożitha.’
19 Imma Jehovah jwaqqagħha għaċ-ċajt, billi jgħid: “Fnietek il-kotra tal-kunsillieri tiegħek! Ħa jqumu issa u jgħinuk, l-għarriexa tas-smewwiet, li jħarsu lejn il-kwiekeb, u taʼ kull xahar jgħidulek x’se jkun li ġej għalik.” (Isaija 47:13)e Babilonja se tiffaċċja l-fjask totali tal-kunsillieri tagħha. Huwa veru li l-iżvilupp taʼ l-astroloġija f’Babilonja setaʼ ħa sekli sħaħ t’osservazzjoni fuq l-istilel. Imma fil-lejl tal-waqgħa tagħha, il-fjask tal-biki li jagħmlu l-astroloġi tagħha se juri kemm it-teħbir ma jiswa għalxejn.—Danjel 5:7, 8.
20. X’se jkun it-tmiem tal-kunsillieri taʼ Babilonja?
20 Jehovah jikkonkludi din is-sezzjoni tal-profezija billi jgħid: “Ara, bħat-tiben jaħraqhom in-nar; ma jeħilsuhiex mis-setgħa tan-nirien. Ma jkunx ġamar għas-sħana, ma jkunx nar li toqgħod ħdejh. Hekk ikunu għalik dawk li fnewk, is-saħħara li kellek sa minn żgħożitek; kulħadd jitlaq għal rasu, ħadd ma jibqaʼ hemm biex jgħinek.” (Isaija 47:14, 15) Iva, żminijiet taʼ nar jaqbad waslu biex jiġu fuq dawn il-kunsillieri foloz. Dan mhux se jkun xi nar isaħħan li n-nies jistgħu joqogħdu qrib tiegħu biex jisħnu, imma nar qerried li jiblaʼ. Dan in-nar se juri li l-kunsillieri foloz huma bħal tiben li ma jiswa għalxejn. Mhux taʼ b’xejn, allura, li l-kunsillieri taʼ Babilonja se jaħarbu bil-paniku li jaqbadhom! Wara li jkun telaq l-aħħar appoġġ taʼ Babilonja, ma se jkun hemm ħadd biex isalvaha. Hi se tirċievi l-istess tmiem li se tkun tefgħet fuq Ġerusalemm.—Ġeremija 11:12.
21. Il-kliem profetiku taʼ Isaija kif u meta jitwettaq?
21 Fis-sena 539 Q.E.K., dan il-kliem ispirat jibda jitwettaq. L-eżerċti tal-Medi u tal-Persjani taħt it-tmexxija taʼ Ċiru jaħtfu l-belt taħt idejhom, u joqtlu lil Beltassar, is-sultan residenti tagħha. (Danjel 5:1-4, 30) F’lejl wieħed Babilonja titlef il-pożizzjoni tagħha taʼ dominanza dinjija. Hekk jintemmu sekli sħaħ taʼ supremazija Semitika (taʼ nisel Afrikan u Asjatiku), u d-dinja issa taqaʼ taħt il-kontroll taʼ l-Arjani (taʼ nisel Indjan u Ewropew). Babilonja nfisha issa tidħol f’perijodu twil fejn għal sekli sħaħ taqbad it-triq għan-niżla. Sar-rabaʼ seklu E.K., ma tkunx ħlief “borġ ħerba.” (Ġeremija 51:37) B’hekk, il-profezija taʼ Isaija titwettaq sa l-iċken dettall.
Babilonja taʼ Żmienna
22. Liema lezzjoni dwar il-kburija nitgħallmu mill-waqgħa taʼ Babilonja?
22 Hemm ħafna x’tixtarr fil-profezija taʼ Isaija. L-ewwelnett, din tenfasizza l-perikli tal-kburija u l-arroganza. Il-waqgħa taʼ l-imkabbra Babilonja tagħti stampa tal-proverbju Bibliku: “Qabel il-qerda tiġi l-kburija, u qabel il-waqgħa t-tkabbir.” (Proverbji 16:18) Il-kburija kultant tiddomina fuq in-natura imperfetta tagħna, imma li nkunu ‘mimlijin bina nfusna’ jistaʼ jwassalna biex ‘naqgħu fl-għajb u fix-xibka tax-xitan.’ (1 Timotju 3:6, 7) Għalhekk, nagħmlu tajjeb li nagħtu kas il-parir taʼ Ġakbu: “Iċċekknu quddiem il-Mulej, u hu jerfagħkom.”—Ġakbu 4:10.
23. Il-profezija taʼ Isaija tgħinna biex ikollna liema fiduċja?
23 Dan il-kliem profetiku jgħinna wkoll biex ikollna fiduċja f’Jehovah, li hu iktar setgħan minn dawk kollha li jopponuh. (Salm 24:8; 34:8 [34:7, NW]; 50:15; 91:14, 15) Din hi tfakkira taʼ faraġ f’dawn il-jiem diffiċli. Il-fiduċja f’Jehovah ssaħħaħ id-determinazzjoni tagħna biex nibqgħu bla ħtija f’għajnejh, billi nafu li ‘min hu bla ħtija se jkollu futur taʼ paċi.’ (Salm 37:37, 38, NW) Ikun dejjem għaqli li nfittxu lil Jehovah u ma nistriħux fuqna nfusna meta nħabbtu wiċċna mat-“tnassis” taʼ Satana.—Efesin 6:10-13.
24, 25. (a) L-astroloġija għala hi bla sens, u madankollu għala ħafna nies ifittxuha? (b) X’inhuma xi raġunijiet għala l-Kristjani jaħarbu s-superstizzjoni?
24 B’mod sinifikanti, niġu mwissijin biex ma nipprattikawx l-ispiritiżmu, speċjalment l-astroloġija. (Galatin 5:20, 21) Meta waqgħet Babilonja, l-astroloġija ma tilfitx il-popolarità tagħha man-nies. Huwa taʼ interess li l-ktieb Great Cities of the Ancient World jinnota li l-kostellazzjonijiet li ġew immarkati mill-Babiloniżi “ċċaqalqu” mill-pożizzjonijiet antiki tagħhom, u b’hekk “l-idea kollha kemm hi [taʼ l-astroloġija] saret bla sens.” Xorta waħda, l-astroloġija tkompli tiffjorixxi, u ħafna gazzetti fihom kolonni li permezz tagħhom l-oroskopju jkun disponibbli faċilment għall-qarrejja tagħhom.
25 X’inhu li jġiegħel lin-nies—ħafna minnhom b’edukazzjoni għolja—jikkonsultaw l-istilel jew jieħdu sehem fi drawwiet oħrajn li huma superstizzjużi u bla sens? The World Book Encyclopedia tgħid: “Is-superstizzjonijiet x’aktarx li se jkomplu jkunu parti mill-ħajja tan-nies sakemm dawn jibqgħu jibżgħu minn xulxin u jkunu inċerti dwar il-futur.” Il-biżaʼ u l-inċertezza jistgħu jwasslu lin-nies biex isiru superstizzjużi. Madankollu, il-Kristjani jaħarbuha s-superstizzjoni. Huma ma jibżgħux mill-bniedem—Jehovah hu l-appoġġ tagħhom. (Salm 6:5-11 [6:4-10, NW]) M’humiex inċerti dwar il-futur; jafuhom l-iskopijiet rivelati taʼ Jehovah u m’għandhom l-ebda dubju li “l-fehma tal-Mulej tibqaʼ għal dejjem.” (Salm 33:11) Jekk inġibu ħajjitna fi qbil mal-pariri taʼ Jehovah nistgħu nkunu żguri li se jkollna futur hieni u dejjiemi.
26. “Il-ħsibijiet taʼ l-għorrief” kif urew li huma “fiergħa”?
26 Dan l-aħħar kien hemm xi wħud li pprovaw ibassru l-futur b’modi iktar “xjentifiċi.” Jeżisti saħansitra qasam taʼ studju msejjaħ futuroloġija. Din il-kelma ġiet definita bħala “tbassir sistematiku tal-futur, l-iktar minn kif tkun sejra d-dinja.” Per eżempju, lura fl-1972 grupp taʼ studjużi u negozjanti magħrufin bħala l-Klabb taʼ Ruma bassru li sa l-1992 ir-riżervi kollha tad-dinja taʼ deheb, merkurju, żingu, u żejt mhux maħdum kellhom jispiċċaw. Sewwa, id-dinja ffaċċjat problemi tal-biżaʼ mill-1972 ’l hawn, imma din it-tbassira kienet żbaljata minn kull angolu. L-art għad għandha riżervi taʼ deheb, merkurju, żingu, u żejt mhux maħdum. Tabilħaqq, il-bniedem għeja u nfena jipprova jbassar il-futur, imma t-tbassir tiegħu qatt u qatt ma tistaʼ toqgħod fuqu. Verament, “fiergħa huma l-ħsibijiet taʼ l-għorrief”!—1 Korintin 3:20.
It-Tmiem li Ġej fuq Babilonja l-Kbira
27. Babilonja l-Kbira meta u b’liema mod sofriet waqgħa bħal dik li sofriet Babilonja fis-sena 539 Q.E.K.?
27 Ir-reliġjonijiet taʼ żmienna adottaw ħafna mid-duttrini taʼ Babilonja tal-qedem. Għaldaqstant, huwa xieraq li l-imperu dinji taʼ reliġjon falza jissejjaħ Babilonja l-Kbira. (Apokalissi 17:5) Din it-taħlita reliġjuża internazzjonali diġà sofriet waqgħa simili għal dik li ġarrbet Babilonja tal-qedem fis-sena 539 Q.E.K. (Apokalissi 14:8; 18:2) Fis-sena 1919 il-fdal minn ħut Kristu ħareġ mill-jasar spiritwali u warrab l-influwenza reliġjuża tal-Kristjaneżmu, parti dominanti minn Babilonja l-Kbira. Minn dak in-nhar ’l hawn il-Kristjaneżmu tilef ħafna mill-influwenza li kellu f’bosta pajjiżi fejn qabel kellu saħħa kbira.
28. Babilonja l-Kbira liema ftaħir tlissen, imma x’hemm jistennieha?
28 Madankollu, din il-waqgħa kienet biss turija bil-quddiem tal-qerda aħħarija tar-reliġjon falza. Huwa interessanti li l-profezija taʼ l-Apokalissi dwar il-qerda taʼ Babilonja l-Kbira tfakkarna fil-kliem profetiku li nsibu f’Isaija 47:8, 9. L-istess bħal Babilonja tal-qedem, Babilonja l-Kbira taʼ żmienna tgħid: “Jiena sultana bilqiegħda fuq it-tron, m’iniex armla, u tassew li n-niket ma nafx bih.” Imma “f’jum wieħed jiġuha l-kastigi tagħha: mewt u niket u ġuħ, u fin-nar għad tinħaraq, għax setgħani hu l-Mulej li jagħmel ħaqq minnha.” Għalhekk, il-kliem profetiku li nsibu f’Isaija kapitlu 47 qiegħed bħala twissija għal dawk li għadhom parti mir-reliġjon falza. Jekk ma jridux jieħdu sehem fil-qerda tagħha, ħalli jagħtu kas il-kmand ispirat: “Oħorġu minnha”!—Apokalissi 18:4, 7, 8.
[Noti taʼ taħt]
a Għal tagħrif dettaljat fuq kif żviluppaw id-duttrini reliġjużi foloz, ara l-ktieb Mankind’s Search for God, pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
b Bl-Ebrajk “xbejba, bint Babilonja” hija espressjoni li tirreferi għal Babilonja jew l-abitanti taʼ Babilonja. Hi “xbejba” verġni għaliex mindu saret qawwa dinjija qatt ma ġiet imneżżgħa minn xi konkwistatur.
c L-espressjoni Ebrajka tradotta “ma neħlisha lil ħadd” ġiet deskritta mill-istudjużi bħala “frażi diffiċli ferm” biex tittraduċiha. In-New World Translation tittraduċi din il-frażi b’tali mod li twassal il-ħsieb li ebda barrani ma se jitħalla jsalva lil Babilonja. Traduzzjoni mill-Jewish Publication Society tittraduċiha hekk: “Jien ma se nħalli lil ebda bniedem jindaħal.”
d Il-ktieb Nabonidus and Belshazzar, minn Raymond Philip Dougherty, jinnota li filwaqt li l-Kronaka taʼ Nabonidu ssostni li dawk li invadew lil Babilonja daħlu “mingħajr ma ġġieldu,” Senofonti, kittieb Grieg taʼ l-istorja, jindika li setaʼ kien hemm ħafna tixrid taʼ demm.
e Xi wħud jittraduċu l-espressjoni Ebrajka tradotta “għarriexa tas-smewwiet” bħala “dawk li jaqsmu s-smewwiet.” Dan jirreferi għad-drawwa li jaqsmu s-smewwiet f’diviżjonijiet sabiex jifformaw l-oroskopji.
[Stampi f’paġna 111]
Babilonja li tiġri wara l-pjaċiri se tintgħamel trab
[Stampa f’paġna 114]
L-astroloġi taʼ Babilonja mhux se jkollhom ħila jbassru l-waqgħa tagħha
[Stampa f’paġna 116]
Kalendarju bl-astroloġija minn Babilonja, l-ewwel millennju Q.E.K.
[Stampi f’paġna 119]
Babilonja taʼ żmienna dalwaqt ma tkunx iktar