LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 7/1 pp. 16-21
  • ‘Inġibu Aħbar Tajba taʼ Xi Ħaġa Aħjar’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Inġibu Aħbar Tajba taʼ Xi Ħaġa Aħjar’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Aħbar li Kulħadd Għandu Bżonn Jismaʼ
  • Għala Nieħdu Sehem fl-​Ippridkar taʼ l-​Aħbar Tajba
  • Il-​Messaġġ Tagħna —L-​Aħbar Tajba tas-​Saltna t’Alla
  • Messaġġ li ‘Jdewwi l-​Qalb Miksura’
  • Kif il-​Messaġġ tas-​Saltna Jagħmel Differenza
  • “It-​Talb Tiegħi bil-​Ħerqa lil Alla Għalihom”
  • Din l-Aħbar Tajba tas-Saltna Nippridkaw
    Għannu Tifħir lil Jehovah
  • “Morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Min Qed Jipprietka l-Aħbar Tajba?
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • Il-Barkiet li Ġġib Magħha l-Aħbar Tajba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 7/1 pp. 16-21

‘Inġibu Aħbar Tajba taʼ Xi Ħaġa Aħjar’

“Kemm huma attraenti fuq il-​muntanji saqajn dak . . . li qed iġib aħbar tajba taʼ xi ħaġa aħjar.”​—ISAIJA 52:​7, NW.

1, 2. (a) Liema affarijiet li jkexkxu qed jiġru kuljum? (b) Ħafna nies kif jirreaġixxu meta jisimgħu b’aħbarijiet koroh il-​ħin kollu?

ILLUM nies minn madwar id-​dinja kollha jħossuhom mifnijin b’aħbarijiet ħżiena. Jixegħlu r-​radju u jisimgħu rapporti li jwaħħxu dwar mard li qed jinfirex mad-​dinja. Jiftħu t-​televixin u fuq l-​aħbarijiet jaraw xeni impressjonanti taʼ tfal imġewħin jgħajtu għall-​għajnuna. Jaqbdu l-​gazzetta u jaqraw dwar splużjonijiet taʼ bombi li jkissru l-​bini u joqtlu qabda nies innoċenti.

2 Iva, ġrajjiet li jkexkxu qed iseħħu kuljum. Ix-​xena taʼ din id-​dinja tassew qed tinbidel​—għall-​agħar. (1 Korintin 7:​31) Rivista taʼ l-​aħbarijiet fl-​Ewropa tal-​Punent innotat li kultant donnu jidher li d-​dinja kollha qisha se ‘tisfaxxa fix-​xejn.’ Mhux taʼ b’xejn li għadd taʼ nies li dejjem jikber huma mnikktin! Wieħed raġel li ġie kwotat fi stħarriġ li sar fl-​Istati Uniti dwar l-​aħbarijiet fuq it-​televixin, bla dubju rrifletta s-​sentimenti taʼ miljuni taʼ nies meta qal: ‘Wara li nara l-​aħbarijiet, vera nħossni mnikket. Ħlief aħbarijiet koroh ma tarax. Verament taʼ dwejjaq.’

Aħbar li Kulħadd Għandu Bżonn Jismaʼ

3. (a) Il-​Bibbja liema aħbar tajba tħabbar? (b) Għala tħoss li l-​aħbar tajba tas-​Saltna hija importanti?

3 F’dinja mudlama bħal din, tistaʼ tinstab xi aħbar aħjar? Dażgur li tistaʼ! Huwa taʼ faraġ li nkunu nafu li l-​Bibbja tħabbar aħbar tajba. Din l-​aħbar hija li l-​mard, il-​ġuħ, il-​kriminalità, il-​gwerer, u kull xorta t’oppressjoni se jintemmu permezz tas-​Saltna t’Alla. (Salm 46:10 [46:​9, NW]; 72:12) M’hijiex din aħbar li kulħadd għandu bżonn jismagħha? Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova huma ċerti minn dan. Għalhekk, huma magħrufin kullimkien għall-​isforz li dejjem jagħmlu biex jaqsmu l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla maʼ nies mill-​ġnus kollha.​—Mattew 24:14.

4. Liema aspetti importanti tal-​ministeru tagħna se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu u f’li jmiss?

4 Mela allura, x’nistgħu nagħmlu sabiex jibqaʼ jkollna sehem sinifikanti u importanti fl-​ippridkar taʼ din l-​aħbar tajba​—anki f’territorji fejn in-​nies ma jwiġbux b’mod favorevoli? (Luqa 8:​15) Jekk neżaminaw fil-​qosor tliet aspetti importanti tax-​xogħol taʼ l-​ippridkar tagħna żgur li se nsibuh t’għajnuna. Nistgħu neżaminaw (1) il-​motivi tagħna, jew għala nippridkaw; (2) il-​messaġġ tagħna, jew x’inhu dak li nippridkaw; u (3) il-​metodi li nużaw, jew kif nippridkaw. Billi nżommu l-​motivi tagħna puri, il-​messaġġ tagħna ċar, u l-​metodi tagħna effettivi, se nagħtu opportunità lil għadd kbir taʼ nies differenti biex jisimgħu l-​aħjar aħbar tajba​—l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla.a

Għala Nieħdu Sehem fl-​Ippridkar taʼ l-​Aħbar Tajba

5. (a) Primarjament, x’jimmotivana biex nieħdu sehem fil-​ministeru? (b) Għala jistaʼ jingħad li l-​fatt li nobdu l-​kmandament Bibliku biex nippridkaw huwa turija taʼ mħabba għal Alla?

5 Ejja neżaminaw l-​ewwel aspett​—il-​motivi tagħna. Għala nippridkaw l-​aħbar tajba? Għall-​istess raġuni li ppriedka Ġesù. Hu qal: “Jien inħobb lill-​Missier.” (Ġwanni 14:31; Salm 40:9 [40:​8, NW]) Primarjament, aħna motivati mill-​imħabba li għandna għal Alla. (Mattew 22:​37, 38) Il-​Bibbja torbot l-​imħabba għal Alla mal-​ministeru għaliex tistqarr: “L-​imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-​kmandamenti tiegħu.” (1 Ġwanni 5:3; Ġwanni 14:21) Jinkludu l-​kmandamenti t’Alla li wieħed ‘imur u jagħmel dixxipli’? (Mattew 28:19) Iva. Veru, dawk il-​kliem tlissnu minn Ġesù, imma fl-​aħħar mill-​aħħar oriġinaw mingħand Ġeħova. Dan kif? Ġesù spjega: “[Jien] ma nagħmel xejn minn rajja; imma dan ngħidu skond kif għallimni l-​Missier.” (Ġwanni 8:28; Mattew 17:5) Għalhekk, meta nobdu l-​kmand biex nippridkaw, aħna nuru lil Ġeħova li nħobbuh.

6. L-​imħabba għal Alla b’liema modi timmotivana biex nippridkaw?

6 Minbarra dan, l-​imħabba għal Ġeħova timmotivana nippridkaw għaliex aħna nixtiequ nġibu fix-​xejn il-​gideb li Satana qiegħed jxerred kontrih. (2 Korintin 4:4) Satana poġġa dubju dwar kemm hi tajba l-​ħakma t’Alla. (Ġenesi 3:​1-5) Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, aħna tassew nixtiequ li jkollna sehem f’li nikxfu l-​qlajjiet taʼ Satana u f’li nqaddsu l-​isem t’Alla quddiem l-​umanità. (Isaija 43:​10-​12) Iktar minn hekk, aħna nieħdu sehem fil-​ministeru għaliex sirna nafu l-​kwalitajiet u l-​mogħdijiet taʼ Ġeħova. Inħossuna qrib tiegħu u nħossu xewqa kbira biex ngħidu lil oħrajn dwar Alla tagħna. Fil-​fatt, it-​tjieba taʼ Ġeħova u l-​mogħdijiet ġusti tiegħu jagħtuna ħafna ferħ tant li ma nistgħux nieqfu nitkellmu dwaru. (Salm 145:​7-​12) Inħossuna mqanqlin biex nitkellmu dwar it-​tifħir tiegħu u dwar “il-​kwalitajiet eċċellenti” li għandu maʼ dawk li lesti jisimgħu.​—1 Pietru 2:9; Isaija 43:21.

7. Minbarra l-​imħabba għal Alla, liema raġuni importanti oħra hemm biex nieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar?

7 Hemm raġuni importanti oħra biex inkomplu nieħdu sehem fil-​ministeru: Aħna sinċerament irridu nserrħu lin-​nies li huma mdejqin bil-​bumbardament kontinwu t’aħbarijiet ħżiena u lil dawk li qed ibagħtu minħabba xi raġuni jew oħra. Meta nagħmlu dan, aħna nistinkaw biex nimitaw lil Ġesù. Ħares, per eżempju, lejn dak li hemm deskritt f’Marku kapitlu 6.

8. Ir-​rakkont taʼ Marku kapitlu 6 x’juri dwar kif kien iħossu Ġesù għan-​nies?

8 L-​appostli jerġgħu lura minn kampanja taʼ ppridkar u jirrakkontaw lil Ġesù dwar dak kollu li għamlu u għallmu. Ġesù jinnota li l-​appostli huma għajjenin, u jgħidilhom biex imorru miegħu u ‘jistrieħu ftit.’ Għalhekk, huma jmorru fuq dgħajsa u jsalpaw lejn post fil-​kwiet. In-​nies isegwuhom, iħaffu bil-​mixi warajhom max-​xatt, u malajr jilħquhom. Ġesù x’jagħmel? Hu “ra folla kbira,” jgħid ir-​rakkont, “u tħassarhom, għax kienu bħal nagħaġ mingħajr ragħaj. U beda jgħallimhom ħafna affarijiet.” (Marku 6:​31-34) Il-​fatt li tħassarhom qanqal lil Ġesù jkompli jaqsam l-​aħbar tajba minkejja l-​għeja li kellu. B’mod ċar, Ġesù jagħti qalbu għal dawn in-​nies. Hu jagħdirhom.

9. X’nitgħallmu mir-​rakkont taʼ Marku kapitlu 6 dwar il-​motiv xieraq li għandna biex nippridkaw?

9 X’nitgħallmu minn dan ir-​rakkont? Bħala Kristjani, aħna nħossu l-​obbligu li nippridkaw l-​aħbar tajba u nagħmlu dixxipli. Nirrikonoxxu r-​responsabbiltà tagħna biex inxandru l-​aħbar tajba, ladarba r-​rieda t’Alla hi li “bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati.” (1 Timotju 2:4) Madankollu, aħna nwettqu l-​ministeru tagħna mhux biss minħabba li nħossu l-​obbligu, imma wkoll minħabba l-​mogħdrija li għandna. Jekk ikollna mogħdrija profonda għan-​nies bħalma kellu Ġesù, qalbna se tqanqalna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex inkomplu naqsmu l-​aħbar tajba magħhom. (Mattew 22:39) Meta jkollna motivi tajbin bħal dawn biex nieħdu sehem fil-​ministeru se nkunu mqanqlin biex nippridkaw l-​aħbar tajba mingħajr ma mmajnaw.

Il-​Messaġġ Tagħna —L-​Aħbar Tajba tas-​Saltna t’Alla

10, 11. (a) Isaija kif jiddeskrivi l-​messaġġ li nippridkaw? (b) Ġesù kif ġab aħbar tajba taʼ xi ħaġa aħjar, u l-​qaddejja t’Alla fi żminijiet moderni kif segwew l-​eżempju taʼ Ġesù?

10 Xi ngħidu dwar it-​tieni aspett tal-​ministeru tagħna—il-​messaġġ tagħna? X’inhu dak li nippridkaw? Il-​profeta Isaija jagħti din id-​deskrizzjoni mill-​isbaħ tal-​messaġġ li nxandru: “Kemm huma attraenti fuq il-​muntanji saqajn dak li qed iġib aħbar tajba, dak li qed jippubblika l-​paċi, dak li qed iġib aħbar tajba taʼ xi ħaġa aħjar, dak li qed jippubblika s-​salvazzjoni, dak li qed jgħid lil Sijon: ‘Alla tiegħek sar sultan!’”—Isaija 52:​7, NW.

11 L-​espressjoni fundamentali f’dik l-​iskrittura, “Alla tiegħek sar sultan,” tfakkarna fil-​messaġġ li nxandru aħna, jiġifieri, l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. (Marku 13:10) Innota wkoll li dan il-​vers jirrivela t-​tema pożittiva tal-​messaġġ tagħna. Isaija juża termini bħal “salvazzjoni,” “aħbar tajba,” “paċi,” u “xi ħaġa aħjar.” Sekli wara Isaija, fl-​ewwel seklu E.K., Ġesù Kristu wettaq din il-​profezija b’mod taʼ l-​għaġeb billi ħalla eżempju taʼ żelu meta xandar dwar xi ħaġa aħjar​—il-​wasla tas-​Saltna t’Alla. (Luqa 4:​43) Fi żminijiet moderni, speċjalment mill-​1919 ’il hawn, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova segwew l-​eżempju taʼ Ġesù billi xandru biż-​żelu l-​aħbar tajba tas-​Saltna stabbilita t’Alla u l-​benefiċċji li se ġġib magħha.

12. X’effett għandha l-​aħbar tajba tas-​Saltna fuq dawk li jaċċettawha?

12 X’effett tħalli l-​aħbar tajba tas-​Saltna fuq dawk li jwieġbu għaliha? Illum, bħal fi żmien Ġesù, l-​aħbar tajba ġġib tama u faraġ. (Rumani 12:12; 15:4) Tagħti tama lil dawk taʼ qalb onesta għaliex huma jitgħallmu li hemm raġunijiet validi biex wieħed jemmen li quddiemna hemm żminijiet aħjar. (Mattew 6:​9, 10; 2 Pietru 3:13) Tama bħal din tgħin ħafna biex dawk li għandhom il-​biżaʼ t’Alla jżommu ħarsa pożittiva. Is-​salmista jistqarr li xi ħadd bħal dan “xejn ma jibżaʼ minn aħbar ħażina.”—Salm 112:​1, 7.

Messaġġ li ‘Jdewwi l-​Qalb Miksura’

13. Il-​profeta Isaija kif jiddeskrivi l-​barkiet immedjati li jiġu fuq dawk li jaċċettaw l-​aħbar tajba?

13 Barra minn hekk, l-​aħbar tajba li nippridkaw iġġib serħan immedjat u barkiet lil dawk li jisimgħuha. Kif? Xi ftit mill-​barkiet jintwerew mill-​profeta Isaija meta bassar: “L-​ispirtu taʼ Sidi l-​Mulej fuqi, għax il-​Mulej ikkonsagrani, biex inwassal il-​bxara t-​tajba lill-​fqajrin, bagħatni ndewwi l-​qalb miksura; biex inħabbar il-​ħelsien lill-​imjassrin, u lill-​ħabsin il-​ftuħ tal-​ħabs; biex inniedi s-​sena tal-​grazzja tal-​Mulej, u jum il-​vendetta taʼ Alla tagħna; biex infarraġ lill-​imnikktin.”​—Isaija 61:​1, 2; Luqa 4:​16-21.

14. (a) L-espressjoni ‘jdewwi l-​qalb maqsuma’ x’tindika dwar il-​messaġġ tas-​Saltna? (b) Aħna kif nirriflettu t-​tħassib taʼ Ġeħova għal dawk li għandhom qalb maqsuma?

14 Skond dik il-​profezija, billi jippriedka l-​aħbar tajba, Ġesù kien se ‘jdewwi l-​qalb miksura.’ X’tixbiha effettiva uża Isaija! Skond dizzjunarju wieħed tal-​Bibbja, il-​kelma Lhudija tradotta ‘ddewwi’ ħafna drabi tintuża f’każ li wieħed jagħmel faxxa, u għalhekk f’sens li wieħed jikkura u jfejjaq lil min ikun imweġġaʼ. Infermiera taʼ qalb tajba tistaʼ torbot faxxa jew ċarruta apposta madwar il-​parti mweġġaʼ tal-​ġisem taʼ persuna biex tagħtiha appoġġ. Bl-​istess mod, meta nippridkaw il-​messaġġ tas-​Saltna, pubblikaturi taʼ qalb tajba jappoġġaw lil dawk kollha li jwieġbu għalih u li qed ibatu b’xi mod. U billi jappoġġaw lil dawk fil-​bżonn, huma jkunu qed jirriflettu l-​interess li juri Ġeħova. (Eżekjel 34:​15, 16) Is-​salmista jgħid hekk dwar Ġeħova: “Hu jfejjaq il-​qlub maqsuma, hu jorbot il-​ġrieħi tagħhom.”—Salm 147:3.

Kif il-​Messaġġ tas-​Saltna Jagħmel Differenza

15, 16. Liema eżempji fil-​ħajja reali juru kif il-​messaġġ tas-​Saltna jappoġġa u jsaħħaħ lil dawk fil-​bżonn?

15 Għadd kbir t’eżempji fil-​ħajja reali juru kif il-​messaġġ tas-​Saltna verament jappoġġa u jsaħħaħ lil dawk taʼ qalb maqsuma. Ikkunsidra lil Oreanna, mara anzjana fl-​Amerika t’Isfel, li kienet qatgħet qalbha mill-​ħajja. Waħda Xhud taʼ Ġeħova bdiet iżżur lil Oreanna u taqralha l-​Bibbja u Il-​Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-​Bibbja.b Għall-​ewwel, il-​mara dipressa kienet tismaʼ l-​qari waqt li tkun mimduda fis-​sodda b’għajnejha magħluqin, u minn ħin għall-​ieħor kienet titniehed. Wara ftit, però, bdiet tagħmel sforz biex waqt il-​qari titlaʼ bil-​qiegħda. Ftit żmien wara, bdiet toqgħod bil-​qiegħda fuq siġġu fis-​salott, tistenna lill-​għalliema tagħha tal-​Bibbja tasal. Imbagħad, il-​mara bdiet tattendi l-​laqgħat Kristjani fis-​Sala tas-​Saltna. Bl-​inkuraġġiment minn dak li tgħallmet f’dawk il-​laqgħat, hi bdiet toffri letteratura Biblika lil kulmin jgħaddi minn ħdejn id-​dar tagħha. Imbagħad, fl-​età taʼ 93 sena, Oreanna tgħammdet bħala waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Il-​messaġġ tas-​Saltna ġedded ix-​xewqa tagħha biex tgħix.​—Proverbji 15:30; 16:24.

16 Il-​messaġġ tas-​Saltna jagħti appoġġ kruċjali anki lil dawk li jafu li ħajjithom se tintemm b’xi marda. Ejja naraw l-​eżempju taʼ Maria mill-​Ewropa tal-​Punent. Hi kienet qed tbati minn marda fatali u tilfet kull tama li kellha. Meta kkuntattjawha x-​Xhieda taʼ Ġeħova, hi kienet dipressa bil-​kbir. Madankollu, meta tgħallmet dwar l-​iskopijiet taʼ Ġeħova, reġgħet kisbet skop għal ħajjitha. Hi tgħammdet u saret attiva ħafna fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Matul l-​aħħar sentejn taʼ ħajjitha, għajnejha kienu jiddu bit-​tama u l-​ferħ. Maria mietet b’tama soda fl-​irxoxt.​—Rumani 8:​38, 39.

17. (a) Il-​messaġġ tas-​Saltna x’differenza qed jagħmel fil-​ħajja taʼ dawk li jaċċettawh? (b) B’liema modi esperjenzajt personalment li Ġeħova “jqajjem ’il kull min hu mitluq”?

17 Rapporti bħal dawn jagħtu xiehda għad-​differenza li l-​messaġġ tas-​Saltna jistaʼ jagħmel fil-​ħajja taʼ dawk li jixxennqu għall-​veritajiet mill-​Bibbja. Nies li jitnikktu għall-​mewt taʼ xi ħadd maħbub jakkwistaw saħħa ġdida meta jitgħallmu dwar it-​tama taʼ l-​irxoxt. (1 Tessalonikin 4:13) Nies li jgħixu fil-​faqar u li jitħabtu biex jitimgħu lill-​familja tagħhom ikollhom iktar dinjità u kuraġġ meta jitgħallmu li Ġeħova qatt m’hu se jitlaqhom jekk jibqgħu leali lejh. (Salm 37:28) Bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, ħafna li huma maħkumin minn dipressjoni, jiżviluppaw bil-​mod il-​mod is-​saħħa li għandhom bżonn biex ikampaw u f’xi każi saħansitra jirnexxilhom jegħlbu dik il-​marda. (Salm 40:​2, 3 [40:​1, 2, NW]) Tabilħaqq, permezz tas-​saħħa mill-​Kelma tiegħu, Ġeħova bħalissa qiegħed “iqajjem ’il kull min hu mitluq.” (Salm 145:14) Billi nosservaw kif l-​aħbar tajba tas-​Saltna ġġib faraġ lil dawk taʼ qalbhom maqsuma fit-​territorju tagħna u fil-​kongregazzjoni Kristjana, darba wara l-​oħra niġu mfakkrin li aħna għandna l-​aħjar aħbar disponibbli llum!​—Salm 51:​19 (51:​17, NW).

“It-​Talb Tiegħi bil-​Ħerqa lil Alla Għalihom”

18. Pawlu kif ġie effettwat minħabba li l-​Lhud irrifjutaw l-​aħbar tajba, u għala?

18 Għalkemm il-​messaġġ tagħna jġorr l-​aħjar aħbar, ħafna jirrifjutawh. Dan kif jistaʼ jeffettwana? Bl-​istess mod li effettwa lill-​appostlu Pawlu. Ħafna drabi hu ppriedka lil-​Lhud, imma ħafna minnhom irrifjutaw il-​messaġġ taʼ salvazzjoni. Pawlu ġie effettwat profondament minn dan. Hu ammetta: “F’qalbi għandi niket kbir u wġigħ bla waqfien.” (Rumani 9:2) Pawlu ħass mogħdrija għal-​Lhud li kien ippridkalhom. Hu ħassu mnikket minħabba li huma rrifjutaw l-​aħbar tajba.

19. (a) Wieħed kif jistaʼ jifhem għala kultant nistgħu nħossuna skuraġġiti? (b) X’għen lil Pawlu jibqaʼ fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tiegħu?

19 Aħna wkoll nippridkaw l-​aħbar tajba għax imqanqlin mill-​mogħdrija. Għalhekk, wieħed jistaʼ jifhem li aħna nistgħu nħossuna skuraġġiti meta ħafna nies jirrifjutaw il-​messaġġ tas-​Saltna. Reazzjoni bħal din turi li aħna nitħassbu ġenwinament dwar il-​qagħda spiritwali taʼ dawk li lilhom nippridkaw. Madankollu, nagħmlu tajjeb li niftakru l-​eżempju taʼ l-​appostlu Pawlu. X’għenu jkompli fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tiegħu? Għalkemm il-​fatt li l-​Lhud irrifjutaw li jaċċettaw l-​aħbar tajba weġġaʼ u nikket lil Pawlu, hu ma qatax qalbu mil-​Lhud kollha billi ħaseb li huma każ bla tama. Hu kien jittama li jkun hemm xi ftit minnhom li jaċċettaw lil Kristu. Għalhekk, Pawlu kiteb hekk dwar kif kien iħossu fuq il-​Lhud individwali: “Ir-​rieda tajba taʼ qalbi u t-​talb tiegħi bil-​ħerqa lil Alla għalihom huma verament għas-​salvazzjoni tagħhom.”—Rumani 10:1.

20, 21. (a) Rigward il-​ministeru tagħna, kif nistgħu nsegwu l-​eżempju taʼ Pawlu? (b) Liema aspett tal-​ministeru tagħna se jiġi kunsidrat fl-​artiklu li jmiss?

20 Innota ż-​żewġ affarijiet li enfasizza Pawlu. Kienet ix-​xewqa taʼ qalbu li xi individwi jsibu s-​salvazzjoni, u hu talab lil Alla għal dan. Illum, aħna nsegwu l-​eżempju taʼ Pawlu. Aħna għandna xewqa mill-​qalb li nsibu lil dawk li għandhom attitudni xierqa lejn l-​aħbar tajba. Aħna nkomplu nitolbu lil Ġeħova ħalli nsibu lil uħud bħal dawn sabiex inkunu nistgħu ngħinuhom isegwu l-​korsa li twassalhom għas-​salvazzjoni tagħhom.​—Proverbji 11:30; Eżekjel 33:11; Ġwanni 6:44.

21 Madankollu, sabiex nilħqu kemm jistaʼ jkun nies possibbli bil-​messaġġ tas-​Saltna, għandna bżonn nagħtu attenzjoni mhux biss għala u x’inhu dak li nippridkaw imma wkoll kif nippridkaw. Dan is-​suġġett se jiġi kunsidrat fl-​artiklu li jmiss.

[Noti taʼ taħt]

a Dan l-​artiku se jikkunsidra l-​ewwel żewġ aspetti. It-​tieni artiklu se jikkunsidra t-​tielet wieħed.

b Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

X’Tgħallimt?

• Aħna għal liema raġunijiet nieħdu sehem fil-​ministeru?

• X’inhu l-​messaġġ ewlieni li nippridkaw?

• Liema barkiet jesperjenzaw dawk li jaċċettaw il-​messaġġ tas-​Saltna?

• X’se jgħinna nkomplu fil-​ministeru tagħna?

[Stampi f’paġna 18]

Il-​messaġġ tas-​Saltna jsaħħaħ lil dawk taʼ qalbhom maqsuma

[Stampi f’paġna 20]

It-​talb jgħinna nipperseveraw fil-​ministeru tagħna

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja