Insibu t-Tama f’Dinja Mimlija Inkwiet
“IN-NIES komuni għandhom qawwa iktar minn qatt qabel biex jagħmlu l-ġid lill-pubbliku u jsolvu l-problemi komuni fl-istorja tal-bniedem.” Bill Clinton, li kien il-president taʼ l-Istati Uniti, għamel din l-istqarrija waqt konferenza f’Ottawa, il-Kanada, f’Marzu taʼ l-2006. Hu kkonkluda li xejra internazzjonali taʼ rieda tajba bdiet tiżviluppa mit-tsunami li seħħ fl-2004 u qal, bi traċċa t’ottimiżmu, li d-dinja issa tinsab “fi żmien meta l-pajjiżi tad-dinja qed jiddependu minn xulxin iktar minn qatt qabel.”
Nistgħu nistennew li d-diżastri naturali se jqanqlu lin-nies kullimkien biex jaħdmu għal futur aħjar? Huwa l-fatt li “l-pajjiżi tad-dinja qed jiddependu minn xulxin iktar minn qatt qabel” bażi taʼ min joqgħod fuqha biex ikollna tama għal futur taʼ paċi vera u sigurtà dejjiema?
Sors taʼ Tama Vera
L-istorja twila taʼ l-isforzi tal-bnedmin għal iktar minn sitt millennji turi li l-bnedmin għal darba wara l-oħra jiddiżappuntaw lil xulxin. Mela, mhux taʼ b’xejn li l-Iskrittura ispirata tagħtina l-parir: “La tittamawx fil-kbarat, għax il-bniedem ma jsalvakomx.” (Salm 146:3) Jekk inpoġġu t-tama tagħna fl-organizzazzjonijiet taʼ din id-dinja, fl-affarijiet materjali tagħha, u fil-ħolm tagħha se jkollna biss diżappunt. Għala? Għaliex “id-dinja tgħaddi u x-xewqa tagħha wkoll.”—1 Ġwanni 2:17.
Madankollu, matul is-sekli, Alla kien it-tama kostanti għall-bnedmin ġusti. Il-Bibbja ssejjaħlu t-“tama taʼ Iżrael” tal-qedem u “t-tama taʼ missirijiethom,” jiġifieri missirijiet Iżrael, u ħafna huma l-espressjonijiet taʼ tama u fiduċja fih. (Ġeremija 14:8; 17:13; 50:7) Tabilħaqq, l-Iskrittura tħeġġiġna biex ‘nittamaw fil-Mulej.’—Salm 27:14.
Proverbji 3:5, 6 jħeġġiġna: “Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.” Għandek kull raġuni biex tpoġġi fiduċja sħiħa f’wegħda bħal din għaliex Alla Ġeħova ma jinbidilx, taʼ min joqgħod fuqu, u jżomm kelmtu. (Malakija 3:6; Ġakbu 1:17) Hu jrid dak li hu l-aħjar għalik, u jekk int dejjem tagħti kas taʼ dak li hemm fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja, din se tiggwidak b’suċċess f’dawn iż-żminijiet tal-biżaʼ.—Isaija 48:17, 18.
Individwu li jsegwi l-gwida t’Alla b’qalb sħiħa jistaʼ jistrieħ fuq il-wegħda tiegħu: “La tibżax, għax miegħek jien! La titħassibx, għax Alla tiegħek jien! Jiena nwettqek, jien ngħinek; nwieżnek bil-leminija rebbieħa tiegħi!” (Isaija 41:10) Talb bil-ħrara flimkien maʼ meditazzjoni fuq din l-assiguranza huma tassew taʼ faraġ għal dawk kollha li tassew iħobbu lil Alla Ġeħova, għaliex dawn jgħinuhom ikampaw maʼ ċirkustanzi diffiċli u maʼ l-ansjetajiet.
Ikkunsidra lil Andrea, waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova u omm taʼ żewġt itfal. Hi tgħid: “Huwa biss minħabba t-talb u l-meditazzjoni fuq il-wegħdi taʼ Ġeħova li jkolli s-saħħa biex nirkupra meta ngħaddi minn perijodi taʼ inċertezza f’ħajti. Jekk inżomm lil Ġeħova bħala l-iktar individwu stabbli f’ħajti, ikun ħafna iktar faċli għalija biex inżomm l-istabbilità tiegħi.”
Saħħaħ it-Tama Tiegħek f’Ġeħova
Biex jenfasizza kemm hu importanti li nafdaw f’Ġeħova, wieħed salmista qal: “Sliem bil-kotra għal min iħobb il-liġi tiegħek; ma hemm ebda tfixkil għalihom.” (Salm 119:165) Studju tal-Kelma t’Alla b’mod sinċier jistaʼ jgħinek ħafna biex jimlielek moħħok u qalbek b’affarijiet pożittivi li jibnu spiritwalment u li jagħmlu parti minn “kulma hu veru, kulma hu serju, kulma hu ġust, kulma hu safi, kulma jqanqal l-imħabba, kulma hu taʼ fama tajba, kull virtù, u kull ħaġa li jistħoqqilha tifħir.” Jekk tagħmel sforz bis-serjetà biex tismaʼ, titgħallem, taċċetta, u tipprattika dawn l-affarijiet, ‘l-Alla tal-paċi jkun miegħek.’—Filippin 4:8, 9.
Bħala wieħed li għandu għaxriet taʼ snin t’esperjenza, John jgħid: “Qabel ma stajt nibdel dak li nħoss dwar il-futur, kien importanti li nitgħallem li kelli bżonn nagħmel bidla drastika fil-personalità u l-mod taʼ ħsieb tiegħi qabel ma stajt nittama li nibni relazzjoni m’Alla perfett u inviżibbli. L-uniku mod kif stajt insawwar dik ir-relazzjoni kien billi nsir persuna spiritwali. Dan kien jinvolvi bidla billi niffoka iktar fuq Alla, naħsibha bħalu dwar l-affarijiet billi naqra l-Kelma ispirata tiegħu u nimmedita fuqha.”
Jekk tixrob l-ilma tal-verità li jserraħ u jagħti l-ħajja u li jinsab fl-Iskrittura ispirata, int tkun qed tapplika r-rimedju effettiv u provat li jiġġieled kontra r-ruxxmata t’affarijiet ħżiena li jiġu preżentati kuljum fuq il-mezzi tax-xandir. Jekk tapplika dak li tgħid il-Bibbja se tkun tistaʼ ssaħħaħ ukoll ir-rabtiet tal-familja tiegħek u tgħin biex tnaqqas l-ansjetà. Iktar minn hekk, Alla jwiegħed li hu lest biex “isaħħaħ lil dawk li qalbhom marbuta fis-sħiħ miegħu.” (2 Kronaki 16:9) Hu se jsolvi l-affarijiet b’tali mod li int tassew ma jkollokx minn xiex tibżaʼ.
Phinehas, li għadda mill-gwerra u ra ħafna qtil, jgħid: “Jien tgħallimt inpoġġi ħajti f’idejn Ġeħova li tant jimpurtah. Minħabba li żammejt mal-prinċipji tal-Bibbja evitajt ħafna problemi.” Jekk tassew tafda f’Alla Ġeħova, hu jistaʼ jgħinek tirbaħ kwalunkwe problema li tidher qisha sur quddiemek. (Salm 18:30 [18:29, NW]) Tifel li jkollu relazzjoni intima mal-ġenituri tiegħu jkun jafdahom f’kollox u jħossu fis-sigurtà magħhom anki meta jkun ma jiflaħx jew inkwetat b’xi mod. Int tistaʼ tħossok l-istess jekk tagħmel sforz u taċċetta l-istedina biex tittama f’Ġeħova.—Salm 37:34.
Bażi Ċerta għal Tama
Ġesù Kristu qal lis-segwaċi tiegħu: “Hekk . . . itolbu: ‘Missierna fis-smewwiet, ħa jitqaddes ismek. Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.’” (Mattew 6:9, 10) Din is-Saltna tas-sema—gvern f’idejn Ġesù Kristu—hija l-mezz t’Alla li bih jesprimi s-sovranità Tiegħu bi dritt fuq l-art.—Salm 2:7-12; Danjel 7:13, 14.
Il-ħafna aspetti tal-biżaʼ li jeffettwaw kull parti tal-ħajja llum huma indikazzjoni ċara li neħtieġu intervent divin. B’ferħ, dak l-intervent dalwaqt se jseħħ! Issa li hu maħtur minn Alla fuq it-tron bħala s-Sultan Messjaniku, Ġesù Kristu huwa fdat bl-awtorità biex jivvindika s-sovranità taʼ Ġeħova u jqaddes lil Ismu. (Mattew 28:18) Dalwaqt, il-ħakma tas-Saltna se tiġi diretta lejn l-art biex tneħħi min-nofs kulma jikkaġuna l-biżaʼ u l-ansjetà. Isaija 9:5 (9:6, NW) isemmi l-kredenzjali li juru li Ġesù jistħoqqlu jkun Ħakkiem li jeħlisna minn dak kollu li jbeżżagħna. Per eżempju, hu msejjaħ “Missier għal dejjem,” “Kunsillier taʼ l-għaġeb,” u “Prinċep tas-sliem.”
Ikkunsidra l-espressjoni tenera “Missier għal dejjem.” Bħala tali, Ġesù għandu l-qawwa u l-awtorità—kif ukoll ix-xewqa—biex jagħti lill-bnedmin ubbidjenti l-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-art bil-bażi tas-sagrifiċċju tiegħu bħala fidwa. Dan ifisser li fl-aħħar huma se jinħelsu mid-dnub u l-imperfezzjoni li wirtu mill-ewwel raġel midneb, Adam. (Mattew 20:28; Rumani 5:12; 6:23) Kristu se jeżerċita l-awtorità li tah Alla biex jirxoxta lill-mejtin.—Ġwanni 11:25, 26.
Meta kien fuq l-art, Ġesù wera li kien “Kunsillier taʼ l-għaġeb.” Minħabba l-għarfien tal-Kelma t’Alla u l-fehma taʼ l-għaġeb li kellu dwar in-natura umana, Ġesù kien jaf isolvi l-problemi tal-ħajja taʼ kuljum. Minn meta nħatar fuq it-tron fis-sema, Kristu għadu l-“Kunsillier taʼ l-għaġeb,” waqt li jaqdi bħala l-wieħed prinċipali li bih Ġeħova jikkomunika mal-bnedmin. Il-pariri taʼ Ġesù, imniżżlin fil-Bibbja, huma dejjem għaqlin u bla difett. Il-fatt li int tkun taf dan u temmnu jistaʼ jwasslek biex tgħix ħajja ħielsa mill-inċertezzi u mill-biżaʼ li jipparalizzak.
Ukoll, Isaija 9:5 (9:6, NW) jidentifika lil Ġesù bħala “Prinċep tas-sliem.” Bħala tali, Kristu dalwaqt se juża l-qawwa tiegħu biex iġib lil kulħadd ugwali—f’sens politiku, soċjali, u ekonomiku. Kif? Billi jġib l-umanità taħt ħakma waħda taʼ paċi taħt is-Saltna Messjanika.—Danjel 2:44.
Taħt il-ħakma tas-Saltna, il-paċi dejjiema se tirrenja madwar id-dinja kollha. Għala tistaʼ tkun ċert minn dan? Ir-raġuni hija rivelata f’Isaija 11:9, fejn naqraw: “[Is-sudditi tas-Saltna] ma jagħmlux aktar deni u anqas ħsara fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi, għax mimlija hi l-art bl-għarfien tal-Mulej bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.” Maż-żmien, kull bniedem fuq l-art se jkollu għarfien eżatt dwar Alla u se jkun ubbidjenti lejh. Iqawwilek qalbek dan il-prospett? Jekk iva, agħmel ħiltek biex tieħu l-“għarfien [prezzjuż] tal-Mulej.”
Tistaʼ tieħu vantaġġ mill-għarfien t’Alla li jibni l-fidi u li jagħti l-ħajja billi teżamina x’tgħallem il-Bibbja verament dwar il-ġrajjiet taʼ żmienna u dwar il-futur mill-isbaħ imwiegħed fil-Bibbja. Għalhekk, aħna nħeġġuk biex tieħu vantaġġ mill-programm taʼ studju tal-Bibbja bla ħlas li joffru x-Xhieda taʼ Ġeħova fil-komunità tiegħek. Dan hu l-mod kif tikkalma l-biżaʼ u ssib tama vera f’dinja mimlija inkwiet.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 7]
Għala l-Gvern tas-Saltna Jispira t-Tama
Ġesù Kristu, bħala s-Sultan tas-Saltna t’Alla, ngħata l-abbiltà u d-dritt li jeżerċita qawwa universali. (Mattew 28:18) Hu se jirrestawra l-ekoloġija taʼ l-art billi jibbilanċjaha perfettament. Hu għandu wkoll il-qawwa biex ifejjaq il-mard. L-għemejjel qawwijin li għamel Ġesù fuq l-art kienu dehra bil-quddiem taʼ barkiet saħansitra akbar li se jiġu fil-ħakma tiegħu bħala Sultan perfett u taʼ min jafdah. Liema kwalitajiet taʼ dan is-Sultan Messjaniku li huma mniżżlin hawn taħt jolqtuk l-iktar?
▪ Avviċinabbli.—Marku 10:13-16.
▪ Raġunevoli u imparzjali.—Marku 10:35-45.
▪ Responsabbli u altruist.—Mattew 4:5-7; Luqa 6:19.
▪ Sewwa u ġust.—Isaija 11:3-5; Ġwanni 5:30; 8:16.
▪ Jaħseb f’ħaddieħor, juri konsiderazzjoni, u umli.—Ġwanni 13:3-15.
[Stampa f’paġna 4]
Il-qari tal-Bibbja u l-meditazzjoni jistgħu jnaqqxu fina t-tama f’Ġeħova