-
Xi Gwaj għar-Ribelli!Il-Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-Bnedmin Kollha I
-
-
1. Ġerobogħam liema żball terribbli għamel?
META l-poplu li kien f’patt maʼ Jehovah nqasam f’żewġ saltniet, is-saltna b’għaxar tribujiet fit-tramuntana ġiet taħt il-ħakma taʼ Ġerobogħam. Is-sultan il-ġdid kien ħakkiem taʼ ħila u mimli enerġija, imma ma kellux fidi vera f’Jehovah. Minħabba f’hekk għamel żball terribbli li effettwa ħażin l-istorja kollha tas-saltna tat-tramuntana. Taħt il-Liġi Mosajka, l-Iżraelin kienu kmandati jivvjaġġaw tliet darbiet fis-sena lejn it-tempju f’Ġerusalemm, li issa kien jinsab fis-saltna tan-nofsinhar taʼ Ġuda. (Dewteronomju 16:16) Billi beżaʼ li dawn il-vjaġġi regulari kienu se jġagħlu lis-sudditi tiegħu jibdew jaħsbu biex jerġgħu jingħaqdu maʼ ħuthom tan-nofsinhar, Ġerobogħam “għamel żewġ għoġiela tad-deheb, u lill-poplu qallu: ‘Ilkom tmorru biżżejjed Ġerusalemm! Iżrael, dawn huma l-allat tagħkom li tellgħukom mill-art taʼ l-Eġittu.’ Huwa qiegħed wieħed mill-għoġiela f’Betel, u l-ieħor qiegħdu f’Dan.”—1 Slaten 12:28, 29.
2, 3. L-iżball taʼ Ġerobogħam x’effetti kellu fuq Iżrael?
2 Għal ftit taż-żmien, il-pjan taʼ Ġerobogħam donnu rnexxa. Bil-mod il-mod in-nies ma baqgħux imorru Ġerusalemm u bdew iqimu quddiem iż-żewġ għoġiela. (1 Slaten 12:30) Madankollu, din il-prattika reliġjuża apostata kkorrompiet is-saltna b’għaxar tribujiet. Fis-snin taʼ wara, saħansitra Ġeħu, li kien wera żelu taʼ min ifaħħru meta naddaf lil Iżrael mill-qima taʼ Bagħal, kompla jmil quddiem l-għoġiela tad-deheb. (2 Slaten 10:28, 29) X’irriżulta iktar mid-deċiżjoni żbaljata traġikament taʼ Ġerobogħam? Instabilità politika u sofferenza għan-nies.
3 Talli Ġerobogħam kien sar apostata, Jehovah qal li ż-żerriegħa tiegħu ma kinitx se ssaltan fuq il-pajjiż, u li fl-aħħar mill-aħħar is-saltna tat-tramuntana kellha ssofri diżastru terribbli. (1 Slaten 14:14, 15) Il-kelma taʼ Jehovah seħħet bil-provi. Sebgħa mis-slaten taʼ Iżrael damu jaħkmu sentejn jew inqas—xi wħud ftit jiem biss. Sultan minnhom ikkommetta suwiċidju, u sitta ġew assassinati minn irġiel ambizzjużi li ħadulhom posthom fuq it-tron. Iżrael kien mifni bl-inkwiet, bil-vjolenza, u bil-qtil b’mod speċjali wara r-renju taʼ Ġerobogħam II, li ntemm madwar is-sena 804 Q.E.K. waqt li Għużżija kien qed isaltan f’Ġuda. Huwa f’atmosfera bħal din li, permezz taʼ Isaija, Jehovah jibgħat “kelma,” jew twissija diretta, lis-saltna tat-tramuntana. “Bagħat Sidi kelma kontra Ġakobb, u waqgħet fuq Iżrael.”—Isaija 9:7 [9:8, “NW”].a
-
-
Xi Gwaj għar-Ribelli!Il-Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-Bnedmin Kollha I
-
-
a Isaija 9:7–10:4 [9:8–10:4, NW] huwa fformat minn erbaʼ strofi (sezzjonijiet minn passaġġ ritmiku), u kull waħda tispiċċa bir-ritornell allarmanti: “B’dan kollu ma reġax lura għadbu, u għadha idu mimduda.” (Isaija 9:11, 16, 20; 10:4, Saydon [9:12, 17, 21; 10:4, NW]) Din it-teknika letterarja għandha l-effett li torbot Isaija 9:7–10:4 [9:8–10:4, NW] f’“kelma” waħda komposta. (Isaija 9:7 [9:8, NW]) Innota wkoll li ‘id’ Jehovah “għadha . . . mimduda,” mhux biex toffri rikonċiljazzjoni, imma biex tiġġudika.—Isaija 9:12 [9:13, NW].
-