Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Ladarba Ġesù kien id-dixxendent kemm taʼ Ġesse u kemm taʼ David, għala hu msejjaħ “l-għerq” taʼ l-antenati tiegħu Ġesse u David?
Int normalment taħseb dwar l-għerq taʼ siġra jew taʼ pjanta bħala li jiġi qabel iz-zokk jew il-friegħi. Mela kien ikun jidher li Ġesse (jew ibnu David) kien jintqal dwaru li hu bħall-għerq li minnu eventwalment ħareġ Ġesù. Xorta waħda, Isaija 11:10 bassar li l-Messija li kien għad irid jiġi kellu jkun “l-għerq taʼ Ġesse,” u Rumani 15:12 applika din il-profezija għal Ġesù Kristu. Iktar tard Rivelazzjoni 5:5 sejjaħlu “l-Iljun li hu tat-tribù taʼ Ġuda, l-għerq taʼ David.” Hemm raġunijiet għal dawn it-titli.
Il-Bibbja taʼ spiss tuża pjanta, bħalma hi siġra, bħala tixbieha. Xi drabi dan jiġi mill-fatt li bħalma żerriegħa tinbet u tikber, l-għeruq jiżżviluppaw qabel il-friegħi ħoxnin, friegħi oħrajn, jew frott li kollha huma appoġġjati mill-għeruq. Per eżempju, Isaija 37:31 jgħid: “Dawk li jaħarbu tad-dar taʼ Ġuda, dawk li jitħallew jibqgħu, ċertament li se jrabbu għerq ’l isfel u jipproduċu frott ’il fuq.”—Ġob 14:8, 9; Isaija 14:29.
Jekk il-ħsara tolqot lill-għerq, il-bqija tas-siġra tħoss l-effett. (Qabbel Mattew 3:10; 13:6.) Fi qbil maʼ dan, Malakija kiteb: “‘[I]l-jum li ġej ċertament li se jiblagħhom,’ qal Jehovah taʼ l-armati, ‘sabiex dan ma jħallilhomx jew għerq jew fergħa.’” (Malakija 4:1) It-tifsira hija ċara—qtugħ komplet. Il-ġenituri (l-għeruq) kellhom jiġu maqtugħin, kif ukoll in-nisel tagħhom (il-friegħi ħoxnin).a Dan jenfasizza r-responsabbiltà li għandhom il-ġenituri lejn uliedhom taʼ taħt l-età; il-futur dejjiemi taʼ tfal taħt l-età jistaʼ jkun iddeterminat mill-qagħda tal-ġenituri tagħhom quddiem Alla.—1 Korintin 7:14.
Il-lingwaġġ f’Isaija 37:31 u f’Malakija 4:1 ġej mill-fatt li l-friegħi l-ħoxnin (u l-frott fuq friegħi sekondarji) jisiltu l-ħajja tagħhom mill-għerq. Dan huwa l-qofol għal li wieħed jifhem kif Ġesù hu l-“għerq taʼ Ġesse” u l-“għerq taʼ David.”
B’mod tal-laħam, Ġesse u David kienu l-antenati taʼ Ġesù; huma kienu l-għeruq, hu r-rimja jew fergħa ħoxna. Isaija 11:1 qal dwar il-Messija li kien għad irid jiġi: “Trid toħroġ fergħa miz-zokk taʼ Ġesse; u mill-għeruq tiegħu rimja se tkun tagħti l-frott.” B’mod simili, f’Rivelazzjoni 22:16, Ġesù sejjaħ lilu nnifsu “n-nisel taʼ David.” Imma hu wkoll japplika għalih innifsu t-termini “l-għerq taʼ David.” Għala?
Mod wieħed li bih Ġesù huwa l-“għerq” taʼ Ġesse u David huwa li permezz tiegħu l-linja ġeneoloġika tagħhom tibqaʼ ħajja. L-ebda bniedem illum ma jistaʼ jagħti prova li hu mit-tribù taʼ Levi, Dan, jew saħansitra Ġuda, imma nistgħu nkunu ċerti li l-linja taʼ Ġesse u David għadha ħajja minħabba li Ġesù issa hu ħaj fis-sema.—Mattew 1:1-16; Rumani 6:9.
Ġesù rċieva wkoll il-pożizzjoni taʼ Sultan tas-sema. (Luqa 1:32, 33; 19:12, 15; 1 Korintin 15:25) Dan għandu x’jaqsam mar-relazzjoni tiegħu saħansitra maʼ l-antenati tiegħu. B’mod profetiku, David sejjaħ lil Ġesù l-Mulej tiegħu.—Salm 110:1; Atti 2:34-36.
Fl-aħħarnett, Ġesù Kristu hu mogħti l-poter bħala Mħallef. Matul il-Millenju li ġej, il-benefiċċji tar-rahan taʼ Ġesù se jestendu wkoll għal Ġesse u David. Il-ħajja tagħhom fuq l-art imbagħad se tiddependi minn Ġesù, li se jaqdi bħala “Missier Etern” tagħhom.—Isaija 9:6.
Minħabba f’hekk, għalkemm Ġesù ħareġ mil-linja taʼ Ġesse u David, dak li sar u dak li għad irid jagħmel jikkwalifikawh biex jiġi msejjaħ “l-għerq taʼ Ġesse” u “l-għerq taʼ David.” (w94 8/15)
[Nota taʼ taħt]
a Iskrizzjoni funebri antika tal-Feniċi wżat lingwaġġ simili. Din qalet dwar kwalunkwe wieħed li fetaħ il-post tad-difna: “Jalla ma jkollhomx għerq taħt jew frott fuq!”—Vetus Testamentum, April 1961.
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 32]
Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.