LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w93 1/1 pp. 12-16
  • Il-Preżenza tal-Messija u l-Ħakma Tiegħu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Preżenza tal-Messija u l-Ħakma Tiegħu
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Manjiera tar-​Ritorn taʼ Kristu
  • Meta Tibda?
  • Għala Żmien taʼ Nkwiet?
  • Meta l-​Messija Jaħkem l-​Art
  • Kif Se Teffettwak il-​Ħakma Tiegħu
  • Tfigħ taʼ Dawl Fuq il-Preżenza taʼ Kristu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Meta Se Tiġi s-Saltna t’Alla?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Il-Miġja taʼ Ġesù jew il-Preżenza taʼ Ġesù—Liema?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Il-Messija! il-Mezz taʼ Salvazzjoni t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
w93 1/1 pp. 12-16

Il-Preżenza tal-Messija u l-Ħakma Tiegħu

“Dan Ġesù li kien milqugħ ’il fuq mingħandkom fis-​sema se jiġi hekk bl-​istess manjiera bħalma intom ilmaħtuh sejjer fis-​sema.”−ATTI 1:11.

1, 2. (a) Żewġ anġli kif farrġu lill-​appostli taʼ Ġesù meta hu telaʼ lejn is-​sema? (b) Liema mistoqsijiet jitqajmu bil-​prospett tar-​ritorn taʼ Kristu?

ĦDAX-IL raġel kienu jinsabu bil-​wieqfa fuq ix-​xaqliba tal-​Lvant tal-​Għolja taż-​Żebbuġ, iċċassati jħarsu ’l fuq lejn is-​sema. Ftit mumenti biss qabel, Ġesù Kristu kien telaʼ ’l fuq minn fosthom, waqt li l-​forma tiegħu bdiet tiċċajpar sakemm din għebet fi sħaba. Fis-​snin li kienu qattgħu miegħu, dawn l-​irġiel kienu raw lil Ġesù jagħti prova abbundanti li hu kien il-​Messija; kienu saħansitra ġarrbu l-​qsim il-​qalb tal-​mewt tiegħu u l-​estasi tal-​irxoxt tiegħu. Issa kien telaq.

2 Żewġ anġli dehru f’daqqa waħda u lissnu dawn il-​kelmiet taʼ faraġ: “Irġiel tal-​Galilija, għala qegħdin bil-​wieqfa tħarsu lejn is-​sema? Dan Ġesù li kien milqugħ ’il fuq mingħandkom fis-​sema se jiġi hekk bl-​istess manjiera bħalma intom ilmaħtuh sejjer fis-​sema.” (Atti 1:11) Kemm kien taʼ serħan il-​moħħ—it-​tlugħ taʼ Ġesù lejn is-​sema ma kienx ifisser li daqshekk kien kellu x’jaqsam mal-​art u mal-​umanità! Għall-​kuntrarju, Ġesù kellu jerġaʼ jiġi. Żgur li dawn il-​kelmiet imlew lill-​appostli bit-​tama. Miljuni taʼ nies illum ukoll jagħtu importanza kbira lill-​wegħda dwar ir-​ritorn taʼ Kristu. Xi wħud jitkellmu dwarha bħala t-​“Tieni Miġja” jew l-​“Avvent.” Il-​biċċa l-​kbira, iżda, jidhru konfużi dwar x’verament ifisser ir-​ritorn taʼ Kristu. Kristu b’liema mod jirritorna? Meta? U dan kif jeffettwa lill-​ħajjiet tagħna llum?

Il-​Manjiera tar-​Ritorn taʼ Kristu

3. Ħafna nies x’jemmnu dwar ir-​ritorn taʼ Kristu?

3 Skond il-​ktieb An Evangelical Christology, “it-​tieni miġja jew ir-​ritorn taʼ Kristu (parousia) tistabbilixxi s-​saltna t’Alla, finalment, bil-​miftuħ, u għall-​eternità.” Bosta jemmnu li r-​ritorn taʼ Kristu se jkun jidher bil-​miftuħ, viżibbli b’mod litterali għal kulħadd fuq il-​pjaneta. Biex jappoġġaw lil din l-​idea, ħafna jippontaw lejn Rivelazzjoni 1:7, li jaqra: “Ħares! Hu ġej mas-​sħab, u kull għajn se tarah, u dawk li nifduh.” Imma għandu dan il-​vers jittieħed b’mod litterali?

4, 5. (a) Kif nafu li Rivelazzjoni 1:7 ma jfissirx f’sens litterali? (b) Kliem Ġesù stess kif jikkonferma din il-​fehma?

4 Ftakar li l-​ktieb taʼ Rivelazzjoni hu ppreżentat “b’sinjali.” (Rivelazzjoni 1:1) Dan il-​passaġġ, allura, irid ikun simboliku; wara kollox, kif jistgħu “dawk li nifduh” jaraw ir-​ritorn taʼ Kristu? Ilhom mejtin kważi 20 seklu! Iktar minn hekk, l-​anġli qalu li Kristu kellu jirritorna “bl-​istess manjiera” li biha telaq. Sewwa, kif telaq hu? B’miljuni jħarsu? Le, kienu biss ftit uħud leali li raw il-​ġrajja sseħħ. U meta kellmuhom l-​anġli, kienu l-​appostli litteralment qegħdin jaraw il-​vjaġġ taʼ Kristu tul triqtu lejn is-​sema? Le, sħaba għattiet lil Ġesù mill-​vista tagħhom. F’xi ħin wara dan, hu żgur li daħal fis-​smewwiet tal-​ispirtu bħala esseri spirtu, inviżibbli għall-​għajnejn umani. (1 Korintin 15:50) Mela, l-​iktar l-​iktar, l-​appostli raw biss il-​bidu tal-​vjaġġ taʼ Ġesù; ma setgħux joqogħdu jaraw it-​tmiem tiegħu, ir-​ritorn tiegħu lejn il-​preżenza taʼ Missieru, Jehovah, fis-​sema. Dan huma setgħu jagħrfuh biss bil-​għajnejn tal-​fidi tagħhom.—Ġwann 20:17.

5 Il-​Bibbja tgħallem li Ġesù jirritorna b’mod li jixtiebah ferm. Ġesù nnifsu qal ftit qabel mewtu: “Ftit ieħor u d-​dinja ma tilmaħnix iżjed.” (Ġwann 14:19) Hu qal ukoll li “s-​saltna t’Alla mhix ġejja b’osservanza impressjonanti.” (Luqa 17:20) F’liema sens, allura, “kull għajn se tarah”? Biex inwieġbu, l-​ewwel għandna bżonn li nifhmu b’mod ċar il-​kelma li Ġesù u s-​segwaċi tiegħu wżaw f’konnessjoni mar-​ritorn tiegħu.

6. (a) Kliem bħal “ritorn,” “wasla,” avvent,” u “miġja” għala mhux adegwat biex jittraduċi l-​kelma Griega pa·rou·siʹa? (b) X’juri li l-​pa·rou·siʹa, jew il-​“preżenza,” iddum sejra ferm iktar minn xi sempliċi ġrajja momentarja?

6 Il-​fatt hu li Kristu se jagħmel iktar milli sempliċement “jirritorna.” Dik il-​kelma, bħal “miġja,” “wasla,” jew “avvent,” timplika ġrajja singulari f’mument qasir ferm taʼ żmien. Imma l-​kelma Griega wżata minn Ġesù u mis-​segwaċi tiegħu tfisser ferm iktar. Il-​kelma hija pa·rou·siʹa, li litteralment tfisser “li tkun biswit” jew “preżenza.” Il-​biċċa l-​kbira tal-​istudjużi jaqblu li din il-​kelma tinkorpora mhux biss wasla imma wkoll il-​preżenza li tiġi wara—bħal fil-​każ taʼ żjara Statali minn xi persunaġġ irjali. Din il-​preżenza mhix xi ġrajja momentarja; hija era speċjali, perijodu mmarkat taʼ żmien. F’​Mattew 24:37-39, Ġesù qal li “l-​preżenza [pa·rou·siʹa] taʼ Bin il-​bniedem” kellha tkun bħal “jiem Noè” li laħqu l-​quċċata bid-​Dulluvju. Noè kien ilu jibni l-​arka u jwissi lill-​ħżiena għal għexur taʼ snin qabel wasal id-​Dulluvju u kines lil dik is-​sistema dinjija korrotta. Bl-​istess mod, allura, il-​preżenza inviżibbli taʼ Kristu ddum tul perijodu taʼ għexur taʼ snin qabel ma hi wkoll tilħaq il-​quċċata tagħha b’qerda kbira.

7. (a) Xi prova hemm li l-​pa·rou·siʹa, mhix viżibbli għall-​għajnejn umani? (b) Kif u meta se jitwettqu dawk l-​iskritturi li jiddeskrivu r-​ritorn taʼ Kristu bħala viżibbli għal “kull għajn”?

7 Bla dubju, il-​pa·rou·siʹa mhix viżibbli b’mod litterali għall-​għajnejn umani. Kieku kien hekk, Ġesù għala qattaʼ tant ħin, bħalma se naraw, jagħti lis-​segwaċi tiegħu sinjal biex igħinhom jagħrfu din il-​preżenza tiegħu?a Madankollu, meta Kristu jiġi biex jeqred lis-​sistema dinjija taʼ Satana, il-​fatt tal-​preżenza tiegħu se tkun li jinduna bih kulħadd b’mod li jispikka. Ikun imbagħad li “kull għajn se tarah.” Saħansitra l-​opponenti taʼ Ġesù se jkollhom jagħrfu, b’diżappunt għalihom, li r-​renju taʼ Kristu huwa ħaġa reali.—Ara Mattew 24:30; 2 Tessalonkin 2:8; Rivelazzjoni 1:5, 6.

Meta Tibda?

8. Liema ġrajja timmarka l-​bidu tal-​preżenza taʼ Kristu, u din fejn grat?

8 Il-​preżenza tal-​Messija tibda bi ġrajja li twettaq tema tal-​profeziji Messjaniċi li nsibuha ripetuta bosta drabi. Hu jiġi nkurunat bħala Sultan fis-​sema. (2 Samwel 7:12-16; Isaija 9:6, 7; Eżekjel 21:26, 27) Ġesù nnifsu wera li l-​preżenza tiegħu kellha tkun marbuta mal-​istat tiegħu taʼ sultan. F’għadd taʼ tixbihat, hu xebbah lilu nnifsu maʼ sid li jħalli daru u lill-​irsiera tiegħu warajh, billi jivvjaġġa għal żmien twil lejn “art imbiegħda” fejn jirċievi “poter taʼ sultan.” Hu ta waħda minn dawn it-​tixbihat bħala parti mit-​tweġiba tiegħu għall-​mistoqsija mill-​appostli tiegħu dwar meta kellha tibda l-​pa·rou·siʹa tiegħu; tixbieha oħra taha għaliex “kienu qegħdin jimmaġinaw li s-​saltna t’Alla kienet se turi lilha nfisha minnufih.” (Luqa 19:11, 12, 15; Mattew 24:3; 25:14, 19) Mela matul iż-​żmien li qattaʼ fuq l-​art bħala bniedem, l-​inkoronazzjoni tiegħu kienet għadha ’l bogħod ħafna, billi kellha sseħħ fl-​“art imbiegħda” tas-​sema. Dan meta kellu jiġri?

9, 10. X’evidenza hemm li Kristu qiegħed issa jaħkem fis-​sema, u meta beda l-​ħakma tiegħu?

9 Meta d-​dixxipli taʼ Ġesù staqsewh: “X’se jkun is-​sinjal tal-​preżenza tiegħek u tal-​konklużjoni tas-​sistema taʼ affarijiet?” Ġesù rrisponda billi tahom deskrizzjoni dettaljata taʼ dak iż-​żmien futur. (Mattew, kapitlu 24; Mark, kapitlu 13; Luqa, kapitlu 21; ara wkoll 2 Timotew 3:l-5; Rivelazzjoni, kapitlu 6. ) Dan is-​sinjal jammonta għal stampa dettaljata taʼ era kollha nkwiet. Huwa żmien immarkat minn gwerer internazzjonali, żjieda fil-​kriminalità, deterjorament fil-​ħajja tal-​familja, mard epidemiku, ġuħ, u terremoti—mhux bħala problemi lokalizzati imma bħala kriżijiet li jolqtu lill-​globu kollu. Jinstamaʼ familjari dan? Kull jum li jgħaddi jikkonferma li s-​seklu 20 jaqbel perfettament mad-​deskrizzjoni li ta Ġesù.

10 Il-​kittieba tal-​istorja jaqblu li l-​1914 kien punt taʼ dawrien fl-​istorja tal-​bniedem, sena taʼ qofol li minn dak in-​nhar ’il hawn ħafna minn dawn il-​problemi bdew jiżdiedu bla kontroll, billi jikbru fuq skala globali. Iva, ġrajjiet fiżiċi dinjin bi twettieq tal-​profezija Biblika lkoll jippontaw lejn l-​1914 bħala s-​sena meta Ġesù beda jaħkem bħala Sultan fis-​sema. Iktar minn hekk, profezija f’Danjel kapitlu 4 tipprovdi evidenza kronoloġika li twassal preċiż għal dik l-​istess sena—1914—bħala ż-​żmien meta s-​Sultan maħtur taʼ Jehovah kellu jibda l-​ħakma tiegħu.b

Għala Żmien taʼ Nkwiet?

11, 12. (a) Għala hu iebes għal xi wħud biex jemmnu li Kristu qiegħed jaħkem fis-​sema issa stess? (b) X’tixbieha tistaʼ tintuża biex nuru x’ġara wara li Ġesù ġie nkurunat Sultan?

11 Xi wħud jitħassbu, iżda, ‘Id-​dinja għala tinsab f’tant inkwiet jekk il-​Messija qiegħed jaħkem fis-​sema? Hija l-​ħakma tiegħu bla effett?’ Tixbieha tistaʼ tgħinna. Pajjiż jinsab immexxi minn president mill-​agħar. Hu ħoloq sistema korrotta b’indħil li jestendi sa kull rokna tal-​art. Imma ssir elezzjoni; jirbaħ raġel tajjeb. Issa x’jiġri? Bħalma jiġri fil-​każ taʼ xi artijiet demokratiċi, ikun hemm perijodu tranżitorju taʼ ftit xhur qabel ma jiġi inawgurat il-​president il-​ġdid. Kif se jaġixxu dawn iż-​żewġt irġiel matul perijodu bħal dan? Sejjer ir-​raġel tajjeb jattakka immedjatament u jarma l-​affarijiet ħżiena kollha li l-​predeċessur iegħu jkun firex mal-​pajjiż kollu? Mhux sejjer hu, minflok, jikkonċentra fuq il-​belt kapitali l-​ewwel, biex joħloq kabinett ġdid u jagħti avviż minn qabel lill-​bażużli kriminali tal-​president taʼ qabel? B’dak il-​mod, meta jikseb l-​awtorità kollha, ikun jistaʼ jopera minn qagħda taʼ poter effiċjenti u nadif. Inkwantu għall-​president korrott, mhux sejjer hu jieħu vantaġġ miż-​żmien qasir li fadallu biex jisloħ mill-​art dak kollu li jistaʼ jikseb b’qerq qabel jitlef kull poter?

12 Fil-​fatt, huwa simili rigward il-​pa·rou·siʹa taʼ Kristu. Rivelazzjoni 12:7-12 juri li meta Kristu ntgħamel Sultan fis-​sema, hu l-​ewwel xeħet lil Satana u lid-​demonji tiegħu ’l barra mis-​sema, biex b’hekk naddaf il-​lok tal-​gvern Tiegħu. Wara li sofra din it-​telfa tant mistennija, Satana kif iġib ruħu matul il-​“perijodu qasir taʼ żmien” qabel ma Kristu jeżerċita l-​awtorità sħiħa tiegħu hawn fuq l-​art? Bħal dak il-​president korrott, hu jipprova jikseb dak kollu li jistaʼ minn din is-​sistema qadima. Mhux interessat fil-​flus; interessat fil-​ħajjiet tan-​nies. Irid ibiegħed lil kemm jistaʼ jkun nies minn Jehovah u mis-​Sultan renjanti Tiegħu.

13. L-​Iskrittura kif turi li l-​bidu tal-​ħakma taʼ Kristu kellu jkun żmien taʼ nkwiet hawn fuq l-​art?

13 Mhux taʼ b’xejn, allura, li l-​bidu tal-​ħakma Messjanika jfisser żmien taʼ “gwaj għall-​art.” (Rivelazzjoni 12:12) B’mod simili, Salm 110:1, 2, 6 juri li l-​Messija jibda l-​ħakma tiegħu ‘f’nofs il-​għedewwa tiegħu.’ Huwa biss iktar tard li hu jfarrak lill-​“ġnus,” flimkien maʼ kull aspett tas-​sistema korrotta taʼ Satana, f’qerda sħiħa!

Meta l-​Messija Jaħkem l-​Art

14. X’se jkun jistaʼ jagħmel il-​Messija wara li jeqred lis-​sistema taʼ affarijiet mill-​agħar taʼ Satana?

14 Wara li jeqred lis-​sistema taʼ Satana u lil dawk kollha li jappoġġjawha, is-​Sultan Messjaniku, Ġesù Kristu, sa fl-​aħħar se jkun f’pożizzjoni li jwettaq profeziji Bibliċi meraviljużi li jiddeskrivu r-​Renju Millennjali tiegħu. Isaija 11:1-10 jgħinna naraw sewwa sew liema xorta taʼ ħakkiem se jkun il-​Messija. Vers 2 igħidilna li hu se jkollu “l-​ispirtu taʼ Jehovah . . ., l-​ispirtu taʼ għerf u taʼ fehma, l-​ispirtu taʼ parir u taʼ setgħa.”

15. X’se jfisser l-​‘ispirtu taʼ setgħa’ fil-​ħakma Messjanika?

15 Ikkunsidra x’se jfisser ‘l-​ispirtu taʼ setgħa’ fil-​ħakma taʼ Ġesù. Meta kien fuq l-​art, kellu ċertu grad taʼ setgħa mingħand Jehovah, li biha kien kapaċi jwettaq il-​mirakli. U wera xewqa mill-​qalb li jgħin lin-​nies, billi qal, “Irrid.” (Mattew 8:3) Imma l-​mirakli taʼ dak iż-​żmien kienu biss togħma żgħira taʼ dak li kellu jagħmel meta jkun jaħkem mis-​sema. Ġesù se jwettaq mirakli fuq skala globali! Nies morda, għomja, torox, immankati, u zopop se jitfejqu darba għal dejjem. (Isaija 35:5, 6) Abbundanza taʼ ikel, imqassam b’mod ġust, se ttemm il-​ġuħ għal dejjem. (Salm 72:16) Xi ngħidu dwar dawk il-​miljuni bla għadd fl-​oqbra li lilhom Alla għandu l-​pjaċir li jiftakarhom? Is-​“setgħa” taʼ Ġesù se tinkludi l-​qawwa li jirxoxtahom, billi jagħtihom l-​opportunità li jgħixu għal dejjem fil-​Ġenna tal-​Art! (Ġwann 5:28, 29) Madankollu, saħansitra b’din is-​setgħa kollha, is-​Sultan Messjaniku dejjem se jkun umli profondament. Hu jsib “tgawdija . . . fil-​biżaʼ taʼ Jehovah.”—Isaija 11:3.

16. Liema xorta taʼ Mħallef se jkun is-​Sultan Messjaniku, u dak kif se jkun f’kuntrast mar-​rekord taʼ mħallfin umani?

16 Dan is-​Sultan se jkun ukoll Imħallef perfett. “Mhux se jiġġudika biss b’dak li jidher f’għajnejh, lanqas ma jċanfar sempliċement skond dak li jismaʼ b’widnejh.” Liema mħallef uman, tal-​passat jew tal-​preżent, jistaʼ jiġi deskritt b’dan il-​mod? Saħansitra bniedem li hu ġust ferm jistaʼ jiġġudika biss fuq dak li jara u jismaʼ, billi juża kwalunkwe għerf jew dehen li jippossjedi. B’hekk, l-​imħallfin u l-​ġurijiet taʼ din id-​dinja l-​qadima jistgħu jiġu mdawrin jew imħawdin minn sofistikaġni bil-​għaqal, tattiċi fil-​qorti, jew evidenza konfliġġenti. Taʼ spiss huma biss is-​sinjuri u dawk fil-​poter li jistgħu jaffordjaw difiża effettiva, b’mod li attwalment jixtru l-​ġustizzja. Mhux hekk taħt l-​Imħallef Messjaniku! Hu jaqra l-​qlub. Xejn ma jaħrab l-​attenzjoni tiegħu. Il-​ġustizzja, imtaffija bl-​imħabba u l-​ħniena, mhix se tkun għall-​bejgħ. Dejjem se tirbaħ.—Isaija 11:3-5.

Kif Se Teffettwak il-​Ħakma Tiegħu

17, 18. (a) Liema stampa tiddi taʼ futur għall-​bniedem hija mpinġija f’Isaija 11:6-9? (b) Din il-​profezija għal min tapplika primarjament, u għala? (ċ) Din il-​profezija kif se jkollha twettieq litterali?

17 Bħalma wieħed jistaʼ jifhem, il-​ħakma tal-​Messija għandha influwenza profonda fuq is-​sudditi tagħha. Hi tbiddel lin-​nies. Isaija 11:6-9 juri sewwa sew kemm huma estensivi dawn il-​bidliet. Din il-​profezija tpinġi stampa li tolqtok taʼ annimali perikolużi li s-​soltu joqtlu biex jieklu—orsijiet, volpijiet, iljupardi, iljuni, sriep tal-​kobra—fil-​kumpanija taʼ annimali domestiċi li ma jagħmlux ħsara u saħansitra fil-​kumpanija taʼ tfal. Imma l-​annimali li s-​soltu joqtlu biex jieklu m’huma taʼ ebda periklu! Għala? Vers 9 jwieġeb: “Ma se jagħmlu ebda ħsara jew jikkaġunaw xi rovina fuq il-​muntanja qaddisa kollha tiegħi; għaliex l-​art ċertament li se tkun mimlija bil-​għarfien taʼ Jehovah bħalma l-​ilmijiet qegħdin jiksu lill-​istess baħar.”

18 M’għandniex xi ngħidu, “il-​għarfien taʼ Jehovah” ma jistaʼ jkollu ebda effett fuq annimali litterali; b’hekk dawn il-​versi jridu primarjament japplikaw għal nies. Il-​ħakma tal-​Messija tisponsorja programm globali edukattiv, li jgħallem lin-​nies dwar Jehovah u dwar il-​mogħdijiet tiegħu, billi jgħallimhom jaġixxu mal-​bnedmin sħabhom bl-​imħabba, bir-​rispett, u bid-​dinjità. Fil-​Ġenna tal-​Art li ġejja, il-​Messija b’mod mirakoluż se jerfaʼ lill-​bniedem lejn perfezzjoni fiżika u morali. It-​tendenzi annimaleski, taʼ li wieħed jiblaʼ lill-​ieħor, li jħassru n-​natura umana imperfetta se jkunu telqu. F’sens litterali, ukoll, il-​bnedmin se jkunu fil-​paċi mal-​annimali—sa fl-​aħħar!—Qabbel Ġenesi 1:28.

19. Il-​ħakma mill-​Messija kif teffettwahom il-​ħajjiet tan-​nies f’dawn l-​aħħar jiem?

19 Ftakar, iżda, li l-​Messija qiegħed jaħkem issa. Saħansitra issa, is-​sudditi tas-​Saltna tiegħu qegħdin jitgħallmu jgħixu fil-​paċi flimkien, bi twettieq taʼ Isaija 11:6-9 f’ċertu sens. Iktar minn hekk, għal kważi 80 sena, Ġesù kien qed iwettaq Isaija 11:10: “Irid iseħħ f’dak il-​jum li jkun hemm il-​għerq taʼ Ġesse li se jkun bil-​wieqfa bħala sinjal għall-​popli. Lejh saħansitra l-​ġnus se jduru biex jistaqsu, u l-​post taʼ mistrieħ tiegħu jrid isir glorjuż.” Nies minn kull ġens qegħdin iduru lejn il-​Messija. Għala? Għaliex minn mindu beda jaħkem, hu qiegħed “bil-​wieqfa bħala sinjal.” Qiegħed jagħmel il-​preżenza tiegħu magħrufa mad-​dinja kollha permezz tal-​programm edukattiv vast li hu deskritt hawn fuq. Fil-​fatt, Ġesù bassar li xogħol taʼ ppridkar globali kellu jkun sinjal li jispikka tal-​preżenza tiegħu qabel tmiem din is-​sistema qadima.—Mattew 24:14.

20. Liema attitudni għandhom jevitaw is-​sudditi kollha tal-​ħakma mill-​Messija, u għala?

20 Mela l-​preżenza taʼ Kristu fil-​poter taʼ Sultan mhix xi ġrajja teoretika fil-​bogħod, xi sempliċi suġġett għal dibattitu intellettwali fost it-​teoloġi. Il-​ħakma tiegħu tmiss u tbiddel il-​ħajjiet hawn fuq l-​art, sewwa sew bħalma Isaija bassar li kellha tagħmel. Ġesù ġibed lil miljuni taʼ sudditi lejn is-​Saltna tiegħu ’l barra minn din is-​sistema dinjija korrotta. Sirt int sudditu bħal dawn? Allura aqdi bl-​entużjażmu kollu u bil-​ferħ li l-​Ħakkiem tagħna jixraqlu! Veru, huwa faċli ferm li tgħejja, li tingħaqad fil-​għajta ċinika tad-​dinja: “Fejn hi din il-​preżenza mwiegħda tiegħu?” (2 Pietru 3:4) Imma kif qal Ġesù nnifsu, “dak li jkun issaporta sat-​tmiem hu dak li se jkun salvat.”—Mattew 24:13.

21. Kif nistgħu Ilkoll kemm aħna ntejbu l-​apprezzament tagħna lejn it-​tama Messjanika?

21 Kull jum li jgħaddi jressaqna iktar qrib tal-​jum il-​kbir meta Jehovah se jidderieġi lil Ibnu biex jagħmel il-​preżenza tiegħu tidher lid-​dinja kollha. Qatt tħalli t-​tama tiegħek f’dak il-​jum tiċċajpar. Immedita dwar l-​istat taʼ Ġesù bħala l-​Messija u dwar il-​kwalitajiet tiegħu bħala Sultan renjanti. Aħseb fil-​fond, ukoll, dwar Alla Jehovah, l-​awtur u l-​moħħ il-​kbir wara t-​tama Messjanika kbira li nsibu fil-​Bibbja. Hekk kif tagħmel hekk, żgur li int se tħossok iktar u iktar bħalma ħassu l-​appostlu Pawlu meta kiteb: “O l-​profondità tar-​rikkezzi u tal-​għerf u tal-​għarfien t’Alla!”−Rumani 11:33.

[Noti taʼ taħt]

a Lura fl-​1864 it-​teologu R. Govett poġġieha b’dan il-​mod: “Għalija dan jidher deċiżiv ferm. Il-​għoti taʼ sinjal tal-​Preżenza juri li dan hu sigriet. Ma neħtieġu ebda sinjal biex jagħmel magħrufa l-​preżenza taʼ xi ħaġa li naraw.”

b Għal dettalji, ara l-​kiteb “Let Your Kingdom Come,” paġni 133-9.

Kif Twieġeb Int?

◻ Kristu jirritorna b’liema manjiera?

◻ Kif nafu li l-​pa·rou·siʹa taʼ Kristu hija inviżibbli u li ddum ◻ għal perijodu taʼ żmien konsiderevoli?

◻ Il-​preżenza taʼ Ħakkiem tas-​semma hu l-​Messija?

◻ Il-​ħakma taʼ Kristu kif teffettwa l-​ħajjiet tas-​sudditi tagħha?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja