Meta Se Tiġi s-Saltna t’Alla?
“MULEJ, f’dan iż-żmien se terġaʼ tistabbilixxi s-saltna taʼ Iżrael?” (Atti 1:6) L-appostli kienu ħerqanin li jkunu jafu meta’ Ġesù kellu jistabbilixxi s-Saltna tiegħu. Illum, madwar 2,000 sena wara, il-bnedmin għadhom ħerqanin li jkunu jafu: Meta se tiġi s-Saltna t’Alla?
Ladarba s-Saltna kienet it-tema taʼ l-ippridkar taʼ Ġesù, int x’aktarx qed tassumi li hu ddiskuta din il-mistoqsija. U tabilħaqq hekk għamel! Hu tkellem diversi drabi dwar perijodu taʼ żmien speċifiku li sejjaħlu l-“preżenza” tiegħu. (Mattew 24:37) Din il-preżenza għandha x’taqsam ħafna mal-fatt li s-Saltna Messjanika ġiet stabbilita. X’inhi din il-preżenza? Ejja nikkunsidraw erbaʼ veritajiet li l-Bibbja tirrivela dwar il-preżenza taʼ Kristu.
1. Il-preżenza taʼ Kristu kellha tibda żmien twil wara l-mewt tiegħu. Ġesù ta tixbiha li fiha qabbel lilu nnifsu maʼ raġel li “vvjaġġa lejn art imbiegħda biex jikseb poter bħala sultan.” (Luqa 19:12) Kif twettqet din it-tixbiha profetika? Sewwa, Ġesù miet u ġie rxoxtat; imbagħad hu vvjaġġa lejn “art imbiegħda,” jiġifieri, is-sema. Bħalma pprofetizza Ġesù f’tixbiha simili, ir-ritorn tiegħu fil-poter bħala sultan kellha tiġi “wara żmien twil.”—Mattew 25:19.
Xi snin wara li Ġesù telaʼ s-sema, l-appostlu Pawlu kiteb: “Dan ir-raġel [Ġesù] offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet għal dejjem u qagħad bil-qiegħda fuq il-leminija t’Alla, jistenna, minn dak iż-żmien ’il quddiem, sakemm l-għedewwa tiegħu jitqiegħdu bħala banketta għal saqajh.” (Ebrej 10:12, 13) B’hekk, perijodu twil taʼ stennija kellu jgħaddi wara li Ġesù wasal fis-sema. Dan iż-żmien taʼ stennija finalment wasal fi tmiemu meta Alla Ġeħova għamel lil Ibnu s-Sultan tas-Saltna Messjanika li kienet imwiegħda żmien twil ilu. Kien dakinhar li bdiet il-preżenza taʼ Kristu. Kellhom il-bnedmin fuq l-art jaraw dan l-avveniment eċċitanti?
2. Il-preżenza hija inviżibbli għal għajn il-bniedem. Ftakar, Ġesù ddiskuta s-sinjal tal-preżenza tiegħu. (Mattew 24:3) Kieku l-preżenza tiegħu kienet viżibbli għal għajn il-bniedem, kien ikun hemm bżonn taʼ sinjal? Biex nagħtu eżempju: Immaġina li qiegħed tivvjaġġa biex tara l-oċean. Għandek mnejn tara tabelli fit-triq li juruk id-direzzjoni, iżda ladarba tasal ix-xatt u tieqaf f’xifer il-baħar u tara dak l-ilma kollu mifrux quddiemek sax-xefaq, se tistenna int li tara xi tabella bi vleġġa kbira tipponta ’l quddiem bil-kelma “Oċean” miktuba fuqha? Dażgur li le! Għala hemm bżonn sinjal għal dak li tistaʼ tara b’għajnejk faċilment?
Ġesù ddeskriva s-sinjal tal-preżenza tiegħu, mhux biex jipponta lejn xi ħaġa li l-bnedmin jistgħu jarawha b’għajnejhom, imma biex jgħinhom jindunaw b’dak li kien se jseħħ fis-sema. B’hekk, Ġesù qal: “Is-saltna t’Alla mhix ġejja b’mod li jispikka.” (Luqa 17:20) Allura, is-sinjal kif se juri lil dawk fuq l-art li bdiet il-preżenza taʼ Kristu?
3. Il-preżenza taʼ Ġesù kellha tiġi mmarkata minn żmien taʼ inkwiet kbir hawn fuq l-art. Ġesù qal li l-preżenza tiegħu bħala Sultan fis-sema kellha tiġi mmarkata fuq l-art minn gwerer, ġuħ, terremoti, mard, u ksur tal-liġi. (Mattew 24:7-12; Luqa 21:10, 11) X’kellu jikkaġuna din il-miżerja kollha? Il-Bibbja tispjega li Satana, “il-ħakkiem taʼ din id-dinja,” għandu rabja kbira għax jaf li ż-żmien tiegħu hu qasir ħafna issa li bdiet il-preżenza taʼ Kristu bħala Sultan. (Ġwanni 12:31; Rivelazzjoni 12:9, 12) Din l-evidenza viżibbli tar-rabja taʼ Satana u tal-preżenza taʼ Kristu hija abbundanti fi żmienna. Speċjalment mill-1914, sena li l-istorjografi jirrikonoxxu li fiha kien hemm bidla sinifikanti, dehret din l-evidenza fuq skala globali li qatt ma kien hawn bħalha.
Dan kollu forsi jidher li hu aħbar kerha, iżda m’huwiex. Dan ifisser li s-Saltna Messjanika qed taħkem issa fis-sema. Dalwaqt, dan il-gvern se jeżerċita l-ħakma tiegħu għal fuq din l-art kollha. Allura, in-nies kif se jsiru jafu dwar din is-Saltna sabiex huma jkunu jistgħu jaċċettawha biex taħkem fuqhom u jsiru sudditi tagħha?
4. Il-preżenza taʼ Ġesù hija mmarkata minn xogħol taʼ l-ippridkar madwar id-dinja. Ġesù qal li l-preżenza tiegħu se tkun bħalma kienu “jiem Noè.”a (Mattew 24:37-39) Noè ma kienx biss bennej taʼ l-arka; hu kien ukoll “predikatur tal-ġustizzja.” (2 Pietru 2:5) Noè wissa lin-nies li l-ġudizzju minn Alla kien imminenti. Ġesù qal li s-segwaċi tiegħu fuq l-art se jkunu qed jagħmlu xi ħaġa simili matul il-preżenza tiegħu. Hu pprofetizza: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.”—Mattew 24:14.
Bħalma rajna fl-artiklu taʼ qabel, is-Saltna t’Alla se tfarrak il-gvernijiet kollha taʼ din id-dinja. Ix-xogħol taʼ l-ippridkar iġib lin-nies konxji tal-fatt li dan il-gvern tas-sema wasal biex jieħu azzjoni, u jagħti wkoll l-opportunità lil kulħadd biex jiskansa l-qerda li ġejja u jsir sudditu tas-Saltna. Għalhekk, il-mistoqsija importanti hi, Int kif se twieġeb?
Is-Saltna t’Alla Se Tkun Aħbar Tajba Għalik?
Il-messaġġ li ppriedka Ġesù kien wieħed taʼ tama li ma tistaʼ tqabbilha maʼ xejn. Wara r-ribelljoni fl-Għeden eluf taʼ snin ilu, Alla Ġeħova għamel arranġamenti biex jistabbilixxi gvern li kien se jirranġa l-affarijiet, u jreġġaʼ lura lill-umanità lejn il-kundizzjoni li Alla kellu f’moħħu għalihom sa mill-bidu—ħajja taʼ dejjem f’ġenna hawn fuq l-art. X’jistaʼ jkun iktar eċċitanti mill-għarfien li dan il-gvern imwiegħed żmien twil ilu qed jaħkem issa mis-sema? Din m’hijiex xi idea vaga jew astratta imma realtà ħajja!
Issa, is-Sultan maħtur minn Alla qed jaħkem f’nofs l-għedewwa tiegħu. (Salm 110:2) F’din id-dinja korrotta u mbiegħda minn Alla, il-Messija qed iwettaq ix-xewqa taʼ Missieru biex ifittex lil dawk kollha li jixtiequ jsiru jafu lil Alla kif verament hu biex iqimuh “bl-ispirtu u l-verità.” (Ġwanni 4:24) It-tama li jgħixu għal dejjem taħt il-ħakma tas-Saltna t’Alla hija disponibbli għan-nies taʼ kull razza, età, u ambjent soċjali. (Atti 10:34, 35) Aħna nħeġġuk biex taħtaf din l-opportunità meraviljuża li għandek quddiemek. Tgħallem dwar is-Saltna t’Alla issa, sabiex tkun tistaʼ tgawdi l-ħajja taħt il-ħakma taʼ tjieba tagħha għal dejjem!—1 Ġwanni 2:17.
[Nota taʼ taħt]
a L-istqarrija taʼ Ġesù tgħin biex tikkoreġi l-idea żbaljata li taw xi verżjonijiet tal-Bibbja meta ttraduċew ħażin il-kelma “preżenza.” F’xi traduzzjonijiet insibuha “miġja,” “wasla,” jew “ritorn,” li lkoll kemm huma jimplikaw avveniment taʼ żmien qasir. Biss, innota li Ġesù ma xebbahx il-preżenza tiegħu mad-Dilluvju taʼ żmien Noè, ġrajja li seħħet darba, imma maʼ “jiem Noè,” perijodu taʼ żmien li jwassal għal ġrajja importanti. Bħal dik l-era tal-qedem, il-preżenza taʼ Kristu kellha tkun perijodu taʼ żmien meta n-nies kellhom ikunu tant okkupati bl-affarijiet taʼ kuljum tal-ħajja li kienu se jinjoraw it-twissija li tkun qed tingħata.
[Stampi f’paġni 8, 9]
L-aħbarijiet ħżiena li nisimgħu kuljum jagħtu prova li l-affarijiet tajbin waslu biex jiġu
[Sors]
Antiaircraft gun: U.S. Army photo