X’Inhi s-Saltna t’Alla?
X’KIENET it-tema taʼ l-ippridkar taʼ Ġesù? Skond Ġesù nnifsu kienet is-Saltna t’Alla. (Luqa 4:43) Meta n-nies kienu jisimgħuh jitkellem, żgur li semgħuh jagħmel ħafna referenzi għal din is-Saltna. Kienu huma mħawdin? Staqsewh x’kienet din is-Saltna? Le. Ir-rakkonti taʼ l-Evanġelji ma jsemmux mistoqsijiet bħal dawn. Mela kienet is-Saltna t’Alla twemmin familjari maʼ dawk in-nies?
Il-fatt hu li l-Iskrittura tal-qedem li l-Lhud kienu jqisuha bħala qaddisa ddeskriviet dik is-Saltna, u b’termini ħajjin u reali wriet x’inhi u x’se twettaq. Illum nistgħu nitgħallmu saħansitra iktar dwar is-Saltna bl-istess mod bħalma għamlu l-Lhud—permezz tal-Bibbja. Ejja nikkunsidraw sebaʼ veritajiet li l-Bibbja tgħallimna dwar is-Saltna. L-ewwel tlieta kienu diġà disponibbli għal-Lhud kemm qabel u anki fi żmien Ġesù. It-tlieta taʼ wara ġew rivelati permezz taʼ Kristu jew taʼ l-appostli tiegħu matul l-ewwel seklu. L-aħħar verità saret magħrufa fi żmienna.
1. Is-Saltna t’Alla hija gvern reali, wieħed li se jibqaʼ għal dejjem. L-ewwel profezija tal-Bibbja rrivelat li Alla kellu jibgħat ħellies lill-umanità leali. Dan il-Wieħed imsejjaħ in-‘nisel’ kellu jneħħi l-problemi kollha li bdew iseħħu permezz tar-ribelljoni taʼ Adam, Eva, u Satana. (Ġenesi 3:15) Ħafna żmien wara, is-sultan leali David intqallu xi ħaġa eċċitanti dwar in-“nisel,” jew il-Messija. Hu kellu jsir Sultan taʼ Saltna. Dan il-gvern kellu jkun differenti mill-gvernijiet l-oħrajn. Dan kellu jibqaʼ għal dejjem.—2 Samwel 7:12-14.
2. Is-Saltna t’Alla se ġġib it-tmiem tal-gvernijiet umani kollha. Il-profeta Danjel ngħata viżjoni li fiha ra numru taʼ qawwiet dinjin li kellhom jiġu wara xulxin u li kellhom jibqgħu ġejjin tul l-istorja sa żmienna. Innota l-quċċata eċċitanti taʼ din il-viżjoni: “Fi żmien dawn is-slaten [umani taʼ l-aħħar] Alla tas-sema jqajjem saltna li ma tinqered qatt, u li l-ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor. Hija tfarrak u ttemm is-saltniet l-oħra kollha, waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” Għalhekk, is-saltniet kollha, jew il-gvernijiet, taʼ din id-dinja—bil-gwerer, bl-oppressjoni, u bil-korruzzjoni tagħhom—se jiġu meqrudin għal dejjem. Bħalma turi l-profezija taʼ Danjel, is-Saltna t’Alla dalwaqt se taħkem fuq l-art kollha. (Danjel 2:44, 45) Is-Saltna mhux biss se tkun reali imma se tkun ukoll l-uniku gvern li se jibqaʼ jeżisti.a
3. Is-Saltna t’Alla se ttemm il-gwerer, il-mard, il-ġuħ, u saħansitra l-mewt. Il-profeziji eċċitanti tal-Bibbja jirrivelaw x’se twettaq is-Saltna t’Alla hawn fuq l-art. Dan il-gvern se jwettaq dak li ebda organizzazzjoni magħmula mill-bniedem la qatt wettqet u lanqas qatt ma tistaʼ twettaq. Immaġina—l-armi kollha tal-gwerra se jiġu meqrudin għal dejjem! “Iwaqqaf il-gwerer sa truf l-art.” (Salm 46:10 [46:9, NW]) Daqshekk tobba, sptarijiet, jew mard taʼ kull tip. “Ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’” (Isaija 33:24) Daqshekk ġuħ, nuqqas taʼ ikel, malnutrizzjoni, jew nies imutu bil-ġuħ. “Ikun kotran il-qamħ fuq l-art.” (Salm 72:16) Daqshekk funerali, ċimiterji, kmamar mortwarji, jew is-sofferenza li dawn iġibu magħhom. Il-mewt, l-għadu li ma jgħejja qatt tagħna, se tinqered sa fl-aħħar. Alla se “jeqred il-mewt għal dejjem, jixxotta Sidi l-Mulej id-dmugħ minn fuq kull wiċċ.”—Isaija 25:8.
4. Is-Saltna t’Alla għandha Ħakkiem magħżul minn Alla. Il-Messija ma ħatarx lilu nnifsu bħala ħakkiem, lanqas ma ġie magħżul mill-bnedmin imperfetti. Hu ġie magħżul personalment minn Alla Ġeħova. It-titli Messija u Kristu jindikaw li hu ġie inkarigat minn Alla. Iż-żewġ titli jfissru “l-Midluk.” Għalhekk, dan is-Sultan huwa midluk, jew magħżul għall-inkarigu speċjali tiegħu minn Ġeħova. Alla jgħid dwaru: “Araw il-qaddej tiegħi, li jiena nwieżen, il-maħtur tiegħi li fih qalbi strieħet! Qegħedt l-ispirtu tiegħi fuqu, biex iġib il-ġustizzja lill-ġnus.” (Isaija 42:1; Mattew 12:17, 18) Min jaf aħjar mill-Ħallieq tagħna x’tip taʼ Ħakkiem għandna bżonn?
5. Il-Ħakkiem tas-Saltna t’Alla wera quddiem l-umanità kollha li jistħoqqlu jkun Sultan. Ġesù taʼ Nazaret wera li kien il-Messija mbassar. Hu twieled fil-linja ġenealoġika li Alla kien għażel. (Ġenesi 22:18; 1 Kronaki 17:11; Mattew 1:1) Meta kien fuq l-art, hu wettaq ħafna profeziji dwar il-Messija li kienu miktubin sekli qabel. Ukoll, hu ġie identifikat mis-sema bħala l-Messija. Dan kif? Sewwa, Alla tkellem mis-sema u identifika lil Ġesù bħala Ibnu; l-anġli stqarrew li Ġesù kien il-Messija mbassar; u Ġesù wettaq il-mirakli—spiss quddiem mijiet jew saħansitra eluf taʼ xhieda li raw b’għajnejhom stess—li b’mod ċar seħħew bil-qawwa t’Alla.b Ġesù wera għal darba wara l-oħra x’tip taʼ Ħakkiem kien se jkun. Hu mhux biss kellu l-qawwa biex jgħin lin-nies imma wkoll kellu x-xewqa. (Mattew 8:1-3) Hu kien altruist, jagħder, kuraġġuż, u umli. Ir-rakkont dwar ħajtu hawn fuq l-art qiegħed fil-Bibbja għal kulħadd biex jaqrah.
6. Is-Saltna t’Alla għandha 144,000 individwu li se jaħkmu maʼ Kristu. Ġesù qal li oħrajn, inklużi l-appostli tiegħu, kellhom jaħkmu miegħu fis-sema. Hu sejjaħ lil dan il-grupp il-“merħla żgħira.” (Luqa 12:32) Iktar tard, l-appostlu Ġwanni ntqallu li din il-merħla żgħira kienet se tikkonsisti f’144,000 membru. Huma kien se jkollhom inkarigu eċċitanti fis-sema, li jaħkmu bħala slaten u jaqdu bħala qassisin flimkien maʼ Kristu.—Rivelazzjoni 5:9, 10; 14:1, 3.
7. Is-Saltna t’Alla, li issa qed taħkem fis-sema, hija lesta biex tibda l-ħakma tagħha fuq l-art kollha. Din taʼ l-aħħar hija waħda mill-iktar veritajiet eċċitanti li nistgħu nitgħallmu. Il-Bibbja tagħti evidenza abbundanti li Ġesù ngħata l-awtorità tiegħu bħala Sultan fis-sema. Hu qed jaħkem hemmhekk issa, fi żmienna stess, u dalwaqt se jestendi l-ħakma tiegħu fuq l-art kollha u se jwettaq il-profeziji meraviljużi li diġà semmejna. Imma kif nistgħu nkunu ċerti li s-Saltna t’Alla qed taħkem issa? U Meta se tibda taħkem fuq l-art?
[Noti taʼ taħt]
a Profeziji bħal dawn juru li s-Saltna t’Alla m’hijiex xi ħaġa fi qlubna, bħalma ħafna ġew mgħallmin. Ara l-artiklu “Il-Qarrejja Tagħna Jistaqsu,” f’paġna 13.
b Per eżempju, ara Mattew 3:17; Luqa 2:10-14; Ġwanni 6:5-14.