Kif Nistgħu Nkampaw maʼ “Xewka f’Ġisimna”
“Biżżejjed għalik il-grazzja [“il-qalb tajba mhix mistħoqqa,” “NW”] tiegħi.”—2 KORINTIN 12:9.
1, 2. (a) Għala m’għandniex għalfejn nitħawdu dwar il-fatt li niffaċċjaw provi u problemi? (b) Għala nistgħu nkunu kunfidenti minkejja l-provi?
“DAWK li jridu jgħixu ħajja tajba fi Kristu Ġesù lkoll jgħaddu mill-persekuzzjoni.” (2 Timotju 3:12) Għala? Għax Satana jsostni li l-bnedmin jaqdu lil Alla għal raġunijiet egoistiċi, u jinsab iddisprat biex juri li dan huwa minnu. Ġesù darba wissa lill-appostli leali tiegħu: “Ix-Xitan riedkom f’idejh biex jgħaddikom mill-għarbiel bħall-qamħ.” (Luqa 22:31) Ġesù kien jaf tajjeb li Alla jħalli lil Satana jittestjana permezz taʼ problemi li jistgħu jweġġgħuna. M’għandniex xi ngħidu, dan ma jfissirx li kull diffikultà li niffaċċjaw fil-ħajja ġejja direttament minn Satana jew id-demonji tiegħu. (Koħèlet 9:11) Imma Satana huwa ħerqan li juża kull mezz possibbli biex ikissrilna l-integrità tagħna.
2 Il-Bibbja tgħidilna li m’għandniex għalfejn inħallu l-provi li niffaċċjaw iħawduna. Kwalunkwe prova li tistaʼ tiġi fuqna la se tkun xi ħaġa li qatt ma ġrat u lanqas waħda li qatt ma stennejnieha. (1 Pietru 4:12) Fil-fatt, ‘ħutna, imxerrdin fid-dinja, qegħdin jaqsmu magħna l-istess tbatijiet tagħna.’ (1 Pietru 5:9) Illum, Satana qed jagħmel pressjoni qawwija fuq kull qaddej t’Alla. Ix-Xitan jieħu gost jarana turmentati b’ħafna problemi li jkunu bħal xewka f’ġisimna. Għal dan l-għan, hu juża s-sistema dinjija b’tali mod li din tkabbrilna kwalunkwe ‘xewka f’ġisimna’ jew tagħmilhielna iktar ħarxa. (2 Korintin 12:7) Minkejja dan, l-attakki taʼ Satana m’għandhomx għalfejn ikissrulna l-integrità tagħna. Sewwa sew bħalma Jehovah ‘jagħtina l-qawwa u l-għajnuna’ biex nifilħu għat-tentazzjoni, l-istess se jagħmel meta niffaċċjaw problemi li jkunu bħal xewk f’ġisimna.—1 Korintin 10:13.
Kif Nistgħu Ngħixu b’Xewka f’Ġisimna
3. Kif wieġeb Jehovah meta Pawlu talbu biex ineħħilu x-xewka minn ġismu?
3 L-appostlu Pawlu talab lil Alla biex ineħħilu x-xewka minn ġismu. “Fuq hekk tliet darbiet tlabt il-Mulej biex hi titbiegħed minni.” X’kienet it-tweġiba taʼ Jehovah għat-talba kollha ħrara taʼ Pawlu? “Biżżejjed għalik il-grazzja [“il-qalb tajba mhix mistħoqqa,” NW] tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef.” (2 Korintin 12:8, 9) Ejja nanalizzaw din it-tweġiba u naraw kif din tistaʼ tgħinna nkampaw maʼ kwalunkwe problema li tkun bħal xewka f’ġisimna.
4. Pawlu b’liema modi bbenefika mill-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Jehovah?
4 Innota li Alla inkuraġġixxa lil Pawlu biex ikun grat għall-qalb tajba mhix mistħoqqa li kienet diġà ntweriet miegħu permezz taʼ Kristu. Tabilħaqq, Pawlu tbierek bil-kbir f’ħafna modi. Jehovah b’imħabba tah il-privileġġ li jsir dixxiplu, minkejja li qabel kien jopponi b’mod fanatiku lis-segwaċi taʼ Ġesù. (Atti 7:58; 8:3; 9:1-4) Minn dakinhar ’il quddiem, Jehovah ta lil Pawlu ħafna inkarigi u opportunitajiet taʼ servizz eċċitanti. It-tagħlima għalina hija ċara daqs il-kristall. Anki fl-agħar żmien, xorta jkollna ħafna barkiet għalxiex inkunu grati. Il-provi tagħna qatt m’għandhom iġagħluna ninsew it-tjubija abbundanti li wera magħna Jehovah.—Salm 31:20 (31:19, NW).
5, 6. (a) Jehovah kif għallem lil Pawlu li l-qawwa divina “tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef”? (b) L-eżempju taʼ Pawlu kif wera biċ-ċar li Satana huwa giddieb?
5 Il-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Jehovah hija biżżejjed f’aspett ieħor. Il-qawwa t’Alla hija iktar milli huwa meħtieġ biex tgħinna matul il-provi tagħna. (Efesin 3:20) Jehovah għallem lil Pawlu li l-qawwa divina “tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef.” Kif? Billi b’imħabba ta lil Pawlu s-saħħa kollha li kellu bżonn biex ikampa mal-provi tiegħu. Min-naħa taʼ Pawlu, is-sabar tiegħu u l-fiduċja sħiħa f’Jehovah urew lil kulħadd li fil-każ taʼ dan ir-raġel dgħajjef u midneb, il-qawwa taʼ Jehovah kienet trijonfat. Issa ikkunsidra l-effett fuq ix-Xitan, li jsostni li l-bnedmin jaqdu lil Alla biss meta l-ħajja tkun kollha ward u żahar. L-integrità taʼ Pawlu kienet bħal daqqa taʼ ħarta għal dak il-kalunnjatur!
6 Dan hu l-istess Pawlu li qabel kien jaħdem id f’id maʼ Satana fil-ġlieda tiegħu kontra Alla, persekutur insolenti tal-Kristjani, u Fariżew żeluż li, bla dubju, darba kien jgħix fil-lussu għax kien ġej minn familja taʼ klassi għolja. Issa Pawlu kien qed jaqdi lil Jehovah u lil Kristu bħala “l-inqas wieħed fost l-appostli.” (1 Korintin 15:9) Bħala tali, hu umilment kien qed joqgħod għall-awtorità tal-ġemgħa li tiggverna Kristjana taʼ l-ewwel seklu. U kien qed jissaporti lealment minkejja x-xewka f’ġismu. Il-provi li għadda minnhom Pawlu f’ħajtu ma taffewlux iż-żelu tiegħu bħalma ried Satana. Pawlu qatt ma warrab minn quddiem għajnejh it-tama tiegħu—li jkun parti mis-Saltna tas-sema taʼ Kristu. (2 Timotju 2:12; 4:18) L-ebda xewka, kienet kemm kienet t’uġigħ, ma setgħet tnaqqaslu ż-żelu tiegħu. Jalla ż-żelu tagħna jkompli jkun b’saħħtu bl-istess mod! Billi jsostnina matul il-provi tagħna, Jehovah jonorana bl-opportunità unika li ngħinuh joħroġ lil Satana taʼ giddieb.—Proverbji 27:11.
Il-Provvedimenti taʼ Jehovah Huma Vitali
7, 8. (a) Jehovah liema mezzi juża biex isaħħaħ lill-qaddejja tiegħu llum? (b) Li naqraw u nistudjaw il-Bibbja kuljum għala huwa vitali biex nissaportu xi xewka f’ġisimna?
7 Illum, Jehovah jagħti l-qawwa lill-Kristjani leali permezz taʼ l-ispirtu qaddis tiegħu, il-Kelma tiegħu, u l-fratellanza Kristjana tagħna. Bħall-appostlu Pawlu, aħna nistgħu nitfgħu t-tagħbija tagħna fuq Jehovah permezz tat-talb. (Salm 55:22, KŻ) Għalkemm Alla jistaʼ ma jeħlisniex mill-provi tagħna, hu jistaʼ jagħtina l-għerf biex inkunu nistgħu nkampaw magħhom, saħansitra maʼ dawk il-provi li nsibuhom iktar diffiċli minn oħrajn biex nifilħu għalihom. Jehovah jistaʼ wkoll isaħħaħna, billi jagħtina qawwa iktar min-normal, sabiex jgħinna nissaportu.—2 Korintin 4:7.
8 Kif nirċivuha għajnuna bħal din? Irridu nistudjaw bir-reqqa l-Kelma t’Alla, għax permezz tagħha, Alla żgur li se jfarraġna. (Salm 94:19) Fil-Bibbja, naqraw il-kliem li jqanqal tal-qaddejja t’Alla meta dawn talbu għall-għajnuna divina. It-tweġibiet taʼ Jehovah, li taʼ spiss jinkludu kliem taʼ faraġ, iġagħluna nimmeditaw. Studju tal-Kelma t’Alla se jsaħħaħna “ħalli b’hekk jidher sewwa li l-kobor taʼ din il-qawwa ġej minn Alla, u mhux minna.” Sewwa sew bħalma għandna bżonn nieklu ikel fiżiku kuljum biex nieħdu s-sustanzi u s-saħħa, hekk ukoll għandna nitimgħu lilna nfusna regolarment mill-Kelma t’Alla. Nagħmlu hekk aħna? Jekk iva, se naraw li l-qawwa iktar min-normal li nirċievu se tgħinna nissaportu kwalunkwe xewk figurattiv li jistaʼ jnikkitna bħalissa.
9. L-anzjani kif jistgħu jappoġġaw lil dawk li jkunu għaddejjin mill-problemi?
9 L-anzjani Kristjani li għandhom il-biżaʼ t’Alla jistgħu juru li huma “lqugħ għar-riħ, u kenn fit-tempesta,” jiġifieri, protezzjoni mill-inkwiet u l-problemi. L-anzjani, li jridu li din id-deskrizzjoni mnebbħa tapplika għalihom, iridu jitolbu umilment u sinċerament lil Jehovah biex jagħtihom “ilsien taʼ wieħed jitgħallem” sabiex b’hekk ikunu jafu kif iwieġbu bi kliem xieraq lil uħud li qed ibatu. Il-kliem taʼ l-anzjani jistaʼ jkun bħal irxiex li jiffriska u jfarraġ l-ispirtu tagħna meta ngħaddu minn żmien diffiċli. Billi ‘jikkonslaw lid-dipressi,’ l-anzjani jkunu qed jappoġġaw verament lil ħuthom spiritwali li forsi jkunu qegħdin jegħjew jew jaqtgħu qalbhom minħabba xi xewka f’ġisimhom.—Isaija 32:2; 50:4; 1 Tessalonikin 5:14, NW.
10, 11. Il-qaddejja t’Alla kif jistgħu jinkuraġġixxu lil oħrajn li jkunu għaddejjin minn provi diffiċli?
10 Il-qaddejja taʼ Jehovah kollha huma parti mill-familja Kristjana magħquda tiegħu. Iva, “kull wieħed minna membru taʼ l-ieħor,” u “[“qegħdin taħt obbligu li,” NW] nħobbu lil xulxin.” (Rumani 12:5; 1 Ġwann 4:11) Kif inwettquh dan l-obbligu? Skond l-1 Pietru 3:8, aħna nagħmlu dan billi ‘nħossu għal xulxin, u nħobbu bħal aħwa u b’qalb ħanina’ lil qrabatna kollha fil-fidi. Ilkoll kemm aħna nistgħu nuru konsiderazzjoni speċjali lejn dawk li għandhom xi xewka f’ġisimhom li qed tgħakkishom b’mod partikulari, sew jekk żgħażagħ u sew jekk kbar fl-età. Kif?
11 Irridu nagħmlu ħilitna biex inħossu għat-tbatija tagħhom. Jekk ma nurux mogħdrija, inkunu insensittivi, jew indifferenti, nistgħu bla ma nintebħu nżidu t-tbatija tagħhom. Il-fatt li nkunu konxji taʼ dak li għaddejjin minnu għandu jqanqalna biex noqogħdu attenti għal dak li ngħidu, il-mod kif ngħiduh, u kif naġixxu. Hi x’inhi x-xewka li qed tkiddhom, jekk inkunu pożittivi u inkuraġġanti nistgħu ngħinuhom itaffu daqsxejn mill-uġigħ qawwi li jkunu qed iħossu. B’dan il-mod nistgħu nkunu t’għajnuna li ssaħħaħhom.—Kolossin 4:11.
Kif Xi Wħud Kampaw b’Suċċess
12-14. (a) X’għamlet waħda Kristjana biex tissaporti d-diffikultajiet li ġew fuqha minħabba l-kanċer? (b) L-aħwa spiritwali taʼ din l-oħt kif għenuha u inkuraġġewha?
12 Hekk kif noqorbu lejn it-tmiem taʼ dawn l-aħħar jiem, “il-weġgħat” ikomplu jiżdiedu kuljum. (Mattew 24:8, KŻ) Għaldaqstant, il-provi x’aktarx li se jiġu fuq kulħadd, speċjalment fuq il-qaddejja leali taʼ Jehovah li qed iħabirku sabiex jagħmlu r-rieda tiegħu. Ħu l-eżempju taʼ waħda Kristjana li kienet qed taqdi fil-ministeru full-time. Din sabulha kanċer u saritilha operazzjoni biex ineħħulha l-glandoli limfatiċi u tar-riq. Meta hi u żewġha saru jafu li kellha din il-marda, minnufih għamlu talba twila u mimlija ħrara lil Jehovah. Iktar tard hi qalet li ħassew sens kbir taʼ paċi. Minkejja dan, kellha tiffaċċja ħafna mumenti koroh, speċjalment minħabba l-effetti tal-kura li tawha.
13 Sabiex tkampa mas-sitwazzjoni tagħha, din l-oħt ipprovat issir taf kemm tistaʼ dwar il-kanċer. Hi tkellmet mat-tobba tagħha. Iżjed minn hekk, fittxet fit-Torri taʼ l-Għassa, Stenbaħ!, u pubblikazzjonijiet Kristjani relatati oħrajn xi rakkonti taʼ wħud li kellhom din il-marda u kampaw magħha emozzjonalment. Hi qrat ukoll xi siltiet mill-Bibbja li juru kif Jehovah kapaċi jsostni lin-nies tiegħu matul żminijiet diffiċli, u informazzjoni siewja oħra.
14 Artiklu wieħed li jittratta dwar id-disperazzjoni jikkwota dan il-kliem mimli għerf: “Min irid jinfired mill-oħrajn jara x’jaqlaʼ.” (Proverbji 18:1) Għalhekk, l-artiklu ta dan il-parir: “Tinqatax għalik waħdek.”a L-oħt tirrakkonta: “Ħafna qaluli li kienu qed jitolbu għalija, u kien hemm oħrajn li ċempluli. Żewġ anzjani kienu jċempluli regolarment biex jaraw kif jien. Qlajt ħafna fjuri u rċivejt muntanja kartolini. Xi wħud saħansitra kienu jippreparawli xi ikliet. Kien hemm ħafna wkoll li offrewli biex jiħduni għall-kura.”
15-17. (a) Waħda Kristjana kif kampat mad-diffikultajiet li ħabbtet wiċċha magħhom wara li kellha żewġ inċidenti? (b) L-aħwa fil-kongregazzjoni liema għajnuna taw?
15 Waħda li ilha żmien twil taqdi lil Jehovah fin-New Mexico, fl-Istati Uniti, kellha żewġ inċidenti bil-karozza. Peress li weġġgħet għonqha u spallejha, l-artrite, li kienet ilha tbati biha għal 25 sena, marret ferm għall-agħar. Hi tirrakkonta: “Kont insibha diffiċli biex inżomm rasi ’l fuq u nġorr xi ħaġa li tkun tiżen iżjed minn 2 kilogrammi. Imma t-talb mimli ħeġġa li tlabt lil Jehovah għenni ħafna. Anki l-artikli li studjajna fit-Torri taʼ l-Għassa kienu t’għajnuna. Artiklu minnhom kien fuq Mikea 6:8, u fih ħareġ il-punt li meta wieħed ikun modest m’Alla jkun qed jagħraf il-limitazzjonijiet tiegħu. Dan għenni nifhem li minkejja s-sitwazzjoni tiegħi, m’għandix inħossni skuraġġita, avolja ma kontx qed inqattaʼ ħin fil-ministeru daqs kemm xtaqt. Dak li jiswa l-iktar huwa li naqdi lil Alla b’motivi sinċieri.”
16 Hi tgħid ukoll: “L-anzjani dejjem faħħruni għall-isforzi tiegħi biex nattendi l-laqgħat u noħroġ fil-ministeru taʼ l-għalqa. Iż-żgħar kienu jiġu jilqgħuni billi jgħannquni magħhom. Il-pijunieri tant kienu jieħdu paċenzja bija. Taʼ spiss, meta kont inkun marida u ma kontx inkun nistaʼ noħroġ fil-ministeru kienu jbiddlu l-pjanijiet tagħhom. Meta kien ikun temp ikrah, kienu jiħduni fuq żjajjar lura jew jistidnuni biex immur magħhom fuq xi studju tal-Bibbja. U peress li ma stajtx inġorr basket bil-kotba, meta kont noħroġ nippriedka, il-pubblikaturi l-oħra kienu jżommuli l-letteratura tiegħi fil-basket tagħhom.”
17 Innota l-għajnuna li dawn iż-żewġ aħwa rċivew mingħand l-anzjani tal-kongregazzjoni u sħabhom fit-twemmin biex ikunu jistgħu jkampaw mal-mard li kien bħal xewk f’ġisimhom. B’qalb tajba, dawn offrew għajnuna prattika u speċifika għall-bżonnijiet spiritwali, fiżiċi, u emozzjonali tagħhom. Ma jinkuraġġikx dan biex tgħin lil aħwa oħrajn li għaddejjin minn xi diffikultà? Intom iż-żgħażagħ ukoll tistgħu tkunu t’għajnuna għal dawk fil-kongregazzjonijiet tagħkom li qed jissieltu maʼ xi xewka f’ġisimhom.—Proverbji 20:29.
18. Liema inkuraġġiment nistgħu nsibu fir-rakkonti pubblikati fir-rivisti Stenbaħ! u It-Torri taʼ l-Għassa?
18 Fir-rivisti Stenbaħ! u It-Torri taʼ l-Għassa ġew pubblikati ħafna rakkonti u esperjenzi taʼ Xhieda li kampaw, u għadhom qegħdin ikampaw, mal-problemi tal-ħajja. Hekk kif taqra regolarment artikli bħal dawn, se tara li ħafna minn ħutek spiritwali madwar id-dinja ssaportew diffikultajiet ekonomiċi, il-mewt tal-maħbubin tagħhom f’diżastri, u sitwazzjonijiet perikolużi fi żmien taʼ gwerra. Oħrajn jgħixu b’mard li ħalliehom bla saħħa. Ħafna minnhom lanqas biss jistgħu jagħmlu xi wħud mill-iktar affarijiet sempliċi fil-ħajja, li għal oħrajn f’saħħithom m’huma xejn. Il-mard huwa verament prova diffiċli għalihom, speċjalment meta ma jkunux jistgħu jieħdu sehem f’attivitajiet Kristjani daqs kemm ikunu jixtiequ. Kemm japprezzaw profondament l-għajnuna u l-appoġġ li jagħtuhom ħuthom, irġiel u nisa, żgħar u kbar!
Is-Sabar Iġibilna l-Ferħ
19. Pawlu għala setaʼ jifraħ minkejja l-provi u d-dgħjufijiet tiegħu li kienu bħal xewk f’ġismu?
19 Pawlu feraħ bil-mod taʼ kif Alla saħħu. Hu qal: “Niftaħar minn qalbi l-aktar bid-debbulizzi tiegħi biex il-qawwa taʼ Kristu tgħammar fija. Mela bil-qalb kollha nitgħaxxaq bid-debbulizzi tiegħi, bit-tagħjir, bl-għaks, bil-persekuzzjonijiet, bid-dwejjaq minħabba Kristu: għax meta nkun dgħajjef, nkun qawwi.” (2 Korintin 12:9, 10) Minħabba l-esperjenzi persunali tiegħu, Pawlu setaʼ b’mod kunfidenti jgħid: “Qiegħed ngħid dan mhux għax neħtieġ xi ħaġa; jien issa tgħallimt ngħaddi b’dak li jkolli; naf ngħix fl-għaks, u naf ngħix fil-ġid; kollox drajt u noqgħod għal kollox; ix-xabaʼ u l-ġuħ; il-ġid u l-għaks. Għal kollox niflaħ bis-saħħa taʼ dak li jqawwini.”—Filippin 4:11-13.
20, 21. (a) Għala jistaʼ jkollna l-ferħ meta nimmeditaw fuq l-affarijiet “li ma jidhrux”? (b) X’inhuma xi ftit mill-affarijiet “li ma jidhrux” u li tittama li tara fil-Ġenna taʼ l-art?
20 Mela, billi nissaportu kwalunkwe xewka li jistaʼ jkollna f’ġisimna, nistgħu niksbu ferħ kbir għax kulħadd ikun jistaʼ jara l-qawwa taʼ Jehovah fl-aqwa tagħha fid-dgħjufijiet tagħna. Pawlu kiteb: “Ma naqtgħux qalbna . . . Il-bniedem taʼ ġewwa jiġġedded minn jum għal jum. Id-daqsxejn taʼ tbatija tagħna taʼ issa tħejjilna kobor taʼ glorja bla qjies għal dejjem; lilna li ma nħarsux lejn il-ħwejjeġ li jidhru, iżda lejn dawk li ma jidhrux. Dawk . . . li ma jidhrux huma għal dejjem.”—2 Korintin 4:16-18.
21 Il-biċċa l-kbira min-nies taʼ Jehovah illum jittamaw li jgħixu fil-Ġenna taʼ l-art tiegħu u jgawdu l-barkiet li wiegħed. Għalina llum, dawn il-barkiet jistgħu jitqiesu bħala affarijiet “li ma jidhrux.” Madankollu, iż-żmien qed joqrob bil-ħeffa meta se naraw dawk il-barkiet b’għajnejna stess, iva, u ngawduhom għal dejjem. Waħda minn dawn il-barkiet se tkun li qatt ma se jkollna nerġgħu ngħixu b’xi problema li tkun bħal xewka f’ġisimna! L-Iben t’Alla se “jħott kull ma għamel ix-Xitan” u se jġib fix-xejn lil ‘dak li għandu l-mewt f’idejh.’—1 Ġwann 3:8; Lhud 2:14.
22. Liema fiduċja u determinazzjoni għandu jkollna?
22 Għalhekk, hi x’inhi x-xewka f’ġisimna li qed tweġġagħna llum, ejja nkomplu nissaportuha. Bħal Pawlu, se jkollna s-saħħa li nagħmlu dan permezz taʼ Jehovah, li b’mod ġeneruż jagħtina l-qawwa. Meta nkunu qed ngħixu fil-Ġenna taʼ l-art, se nbierku lil Alla tagħna, Jehovah, kull jum għall-għemejjel meraviljużi kollha li jagħmel għalina.—Salm 103:2.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-artiklu “The Bible’s Viewpoint: How to Cope With Despair” (Il-Ħarsa tal-Bibbja: Kif Nistaʼ Nkampa mad-Disperazzjoni), fl-Awake! tat-8 taʼ Mejju, 2000.
Int Kif Twieġeb?
• Ix-Xitan kif u għala jipprova jkisser l-integrità tal-Kristjani veri?
• Il-qawwa taʼ Jehovah kif “tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef”?
• L-anzjani u oħrajn kif jistgħu jinkuraġġixxu lil dawk li għandhom xi problemi li qed inikktuhom?
[Stampa f’paġna 18]
Pawlu talab lil Alla tliet darbiet biex ineħħilu x-xewka f’ġismu