Għandek Int ‘Xewka f’Ġismek’?
1 Aħna nixtiequ bil-ħerqa li nwettqu l-inkarigu tagħna li nippridkaw l-aħbar tajba bl-aħjar abbiltà tagħna. Madankollu, ħafna mill-aħwa rġiel u nisa għeżież tagħna jsibuha diffiċli li jieħdu sehem bis-sħiħ għaliex mard jew diżabilitajiet fiżiċi u serji jfixkluhom, billi jagħmluhielhom iebsa biex jagħmlu daqskemm jixtiequ. Għalihom, tistaʼ tkun taʼ sfida li jkampaw maʼ sentimenti taʼ skuraġġiment, speċjalment meta jaraw oħrajn madwarhom daqshekk attivi fil-ministeru.—1 Kor. 9:16.
2 Eżempju biex Nimitawh: L-appostlu Pawlu kellu jitqabad maʼ ‘xewka f’ġismu.’ Għal tliet darbiet hu talab bil-ħniena lil Jehovah biex ineħħilu dan l-ostaklu taʼ wġigħ, li ddeskrivieh bħala ‘messaġġier tax-Xitan’ li baqaʼ jagħtih fuq wiċċu. Madankollu, minkejja dan, Pawlu ssaporta u mexa ’l quddiem fil-ministeru tiegħu. Ma tħassarx lilu nnifsu jew taha għat-tgergir. Ta l-aħjar tiegħu. Is-sigriet għas-suċċess tiegħu f’li jkampa kien dak li Alla żgurah: “Biżżejjed għalik il-grazzja . . . għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħ[h]a fejn hemm id-dgħajjef.” Id-dgħjufija taʼ Pawlu saret saħħa meta hu tgħallem jaċċetta s-sitwazzjoni tiegħu u jistrieħ fuq Jehovah u l-ispirtu qaddis sabiex jissaporti.—2 Kor. 12:7-10.
3 Kif Int Tistaʼ Tissaporti: Timponi l-fraġilità umana limitazzjonijiet fuq is-servizz tiegħek lejn Alla? Jekk inhu hekk, imita l-prospettiva taʼ Pawlu. Saħansitra jekk il-marda jew id-diżabilità tiegħek m’għandha l-ebda rimedju permanenti f’din is-sistema t’affarijiet, tistaʼ tpoġġi l-fiduċja sħiħa tiegħek f’Jehovah, li jifhem il-bżonnijiet tiegħek u se jipprovdi “qawwa iktar min-normal.” (2 Kor. 4:7, NW) Ħu vantaġġ mill-għajnuna li hi disponibbli għalik fil-kongregazzjoni, u mhux tinqataʼ għalik waħdek. (Prov. 18:1) Jekk issibha diffiċli li tieħu sehem fix-xogħol minn bieb għal bieb, fittex modi prattiċi biex tagħti xiehda b’mod informali jew bit-telefon.
4 Għalkemm xewka f’ġismek tistaʼ tillimitalek dak li tistaʼ tagħmel fil-ministeru, m’għandekx tħossok bħallikieku qed titħalla barra. Bħal Pawlu, int ukoll tistaʼ ‘tagħti xhieda taʼ l-Evanġelju tal-grazzja taʼ Alla,’ billi tagħmel dak li s-saħħa u ċ-ċirkostanzi tiegħek jippermettulek. (Atti 20:24) Waqt li tagħmel l-isforz biex twettaq il-ministeru tiegħek, kun af li Jehovah qed jieħu pjaċir bik ħafna.—Lhud 6:10.